Language of document : ECLI:EU:C:2016:842

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Novembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/48/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kreditu għall-konsumatur – Artikoli 1, 3(m), 10(1) u (2), 22(1), u 23 – Interpretazzjoni tal-espressjonijiet ‘fuq karta’ u ‘mezz durabbli ieħor’ – Ftehim li jirreferi għal dokument ieħor – Rekwiżit tal-‘forma miktuba’ fis-sens tad-dritt nazzjonali – Indikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa b’riferiment għal parametri oġġettivi – Elementi li għandhom jiġu indikati fi ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss – Konsegwenzi tal-assenza ta’ informazzjoni obbligatorja – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑42/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda (qorti distrettwali ta’ Dunajská Streda, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2015, fil-proċedura

Home Credit Slovakia, a.s.

vs

Klára Bíróová,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Frar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 3(m), tal-Artikolu 10(1) u (2), tal-Artikolu 22(1), kif ukoll tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14; ĠU 2010, L 199, p. 40; ĠU 2011, L 234, p. 46, u ĠU 2015, L 36, p. 15).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Home Credit Slovakia, a.s. u Klára Bíróová rigward talba għal pagament ta’ somom li baqgħu dovuti fil-kuntest ta’ kreditu li din il-kumpannija kienet tat lil din tal-aħħar u li għalih din tal-aħħar ma kinitx għamlet pagament.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 7, 9, 10, 19, 30, 31 u 47 tad-Direttiva 2008/48 jgħidu:

“(7)      Sabiex ikun faċilitat l-iżvilupp ta’ suq intern ta’ kreditu lill-konsumaturi li jiffunzjona tajjeb, jeħtieġ li jsir provvediment għal qafas Komunitarju armonizzat f’numru ta’ oqsma ċentrali. […]

[…]

(9)      Armonizzazzjoni sħiħa hija meħtieġa biex tiżgura li l-konsumaturi kollha fil-Komunità igawdu livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom u biex jinħoloq suq intern ġenwin. L-Istati Membri għalhekk m’għandhomx jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali għajr dawk stabbiliti f’din id-Direttiva. Madankollu, tali restrizzjoni għandha tapplika biss fejn hemm dispożizzjonijiet armonizzati f’din id-Direttiva. Fejn tali dispożizzjonijiet armonizzati ma jeżistux, l-Istati Membri għandhom jibqgħu ħielsa li jżommu jew jintroduċu leġiżlazzjoni nazzjonali. […]

(10)      Id-definizzjonijiet li jinsabu f’din id-Direttiva jiddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-armonizzazzjoni. L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandu għalhekk ikun limitat għall-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kif iddeterminat b’dawn id-definizzjonijiet. […]

[…]

(19)      Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, huma għandhom jirċievu informazzjoni adegwata, li l-konsumatur jista’ jieħu miegħu biex jikkunsidraha, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, dwar il-kondizzjonijiet u l-ispiża tal-kreditu u l-obbligi tagħhom. […]

[…]

(30)      Din id-Direttiva ma tirregolax kwistjonijiet ta’ liġi tal-kuntratti marbutin mal-validità ta’ ftehim ta’ kreditu. Għalhekk, f’dan il-qasam, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja. L-Istati Membri jistgħu jirregolaw ir-reġim legali li jirreġola l-offerta għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari meta għandu jingħata u l-perijodu li matulu jkun jorbot lill-kreditur. Jekk tali offerta issir fl-istess ħin li tingħata l-informazzjoni prekuntrattwali prevista minn din id-Direttiva, din għandha tkun, bħal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-kreditur ikun jixtieq jagħti lill-konsumatur, provduta f’dokument separat li jista’ jiġi anness għall-Informazzjoni Standard Ewropea dwar il-Kreditu lill-Konsumatur.

(31)      Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.

[…]

(47)      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjoniali adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa’ fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jiġu armonizzati ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi ta’ l-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim li jkopru kreditu għall-konsumaturi.”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi taħt il-parti (m):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

m)      ‘mezz durabbli’ tfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni indirizzata lilu personalment b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-fini ta’ l-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhix mibdula ta’ l-informazzjoni maħżuna”.

6        L-Artikolu 10 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu”:

“1.      Ftehim ta’ kreditu għandhom jitfasslu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

Il-partijiet kontraenti kollha għandhom jirċievu kopja tal-ftehim ta’ kreditu. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, li huma f’konformità mal-liġi Komunitarja.

2.      Il-ftehim ta’ kreditu għandu jispeċifika b’mod ċar u konċiż:

a)      it-tip ta’ kreditu;

b)      l-identitajiet u l-indirizzi ġeografiċi tal-partijiet kontraenti kif ukoll, jekk applikabbli, l-iddentità u l-indirizz ġeografiku ta’ l-intermedjarju ta’ kreditu involut;

ċ)      it-tul ta’ żmien tal-ftehim ta’ kreditu;

d)      l-ammont totali ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-ġbid ta’ kreditu;

e)      f’każ ta’ kreditu fil-forma ta’ ħlas differit għal merkanzija jew servizz speċifika/u jew ftehim ta’ kreditu marbut magħhom, il-merkanzija jew is-servizz u l-prezz ta’ ħlas fil-pront;

f)      ir-rata tas-self, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni tar-rata tas-self u, fejn huma disponibbli, kwalunkwe indiċi jew rata ta’ referenza applikabbli għar-rata inizjali tas-self, kif ukoll il-perijodi, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għal bidliet fir-rata tas-self u, jekk ikunu applikabbli rati tas-self differenti f’ċirkostanzi differenti, l-informazzjoni ta’ hawn fuq rigward ir-rati kollha applikabbli;

g)      ir-rata ta’ imposta perċentwali fis-sena u l-ammont totali pagabbli mill-konsumatur, ikkalkolati fil-ħin tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu; l-assunzjonijiet kollha użati għall-kalkolu ta’ dik ir-rata għandhom jissemmew;

h)      l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura;

i)      fejn ikun involut amortizzament ta’ kapital ta’ ftehim ta’ kreditu b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jirċievi, fuq talba jew mingħajr ħlas, fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ amortizzament.

Tabella ta’ amortizzament għandha tindika l-ħlasijiet dovuti u l-perijodi u l-kondizzjonijiet relatati mal-ħlas ta’ tali ammonti; it-tabella għandu jkun fiha analiżi dettaljata ta’ kull radd lura li turi amortizzament kapitali, l-interessi kkalkolati abbażi tar-rata tas-self u, fejn applikabbli, l-ispejjeż addizzjonali; fejn ir-rata ta’ l-interessi mhix fissa jew l-ispejjeż addizzjonali jistgħu jitbiddlu taħt il-ftehim ta’ kreditu, it-tabella ta’ amortizzament għandha turi b’mod ċar u konċiż li d-data misjuba fit-tabella tibqa’ valida biss sakemm ir-rata tas-self jew l-ispejjeż addizzjonali jiġu mibdula skond il-ftehim ta’ kreditu;

j)      jekk imposti u interessi jkollhom jitħallsu mingħajr amortizzament ta’ kapital, rendikont li juri l-perijodi u l-kondizzjonijiet tal-ħlas ta’ l-interessi u ta’ kwalunkwe imposta rikorrenti u mhux rikorrenti assoċjati magħhom;

k)      fejn applikabbli, l-imposti għaż-żamma ta’ kont wieħed jew ta’ diversi kontijiet biex jiġu reġistrati kemm transazzjoniet ta’ ħlas kif ukoll ġbid ta’ kreditu, sakemm il-ftuħ ta’ kont ma jkunx fakultattiv, flimkien ma’ l-imposti għall-użu ta’ mezzi ta’ ħlas kemm għal transazzjonijiet ta’ ħlas kif ukoll għall-ġbid ta’ kreditu u kwalunkwe imposta oħra li tirriżulta mill-ftehim ta’ kreditu u l-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jinbidlu dawn l-imposti;

l)      ir-rata ta’ interessi applikabbli f’każ ta’ ħlas tard kif applikabbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu u l-arranġamenti għall-aġġustament tagħha u, fejn applikabbli, l-imposti dovuti minħabba nuqqas ta’ ħlas;

m)      twissja dwar il-konsegwenzi li jinqabżu xi ħlasijiet;

n)      fejn xieraq dikjarazzjoni, li jistgħu jkunu dovuti d-drittijiet notarili;

o)      kwalunkwe garanziji u l-assigurazzjoni meħtieġa;

p)      l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ dritt ta’ rtirar, il-perijodu li matulu dak id-dritt jista’ jiġi eżerċitat u kondizzjonijiet oħra li jirregolaw l-eżerċizzju tiegħu, inkluża informazzjoni dwar l-obbligu tal-konsumatur li jħallas il-kapital miġbud u l-interessi skond l-Artikolu 14(3)(b) u l-ammont ta’ l-interessi pagabbli kuljum;

q)      informazzjoni li tirrigwarda d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 15 kif ukoll il-kondizzjonijiet biex dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati;

r)      id-dritt ta’ radd lura antiċipat, u l-proċedura għal radd lura antiċipat kif ukoll, fejn applikabbli, l-informazzjoni dwar id-dritt tal-kreditur għal kumpens u l-mod li permezz tiegħu dan il-kumpens ser jiġi determinat;

s)      il-proċedura li għandha tiġi segwita fl-eżerċizzju tad-dritt ta’ terminazzjoni tal-ftehim ta’ kreditu;

t)      jekk jeżistix jew le mekkaniżmu ta’ ilment barra mill-qorti u ta’ riżarċiment għall-konsumatur u, jekk iva, il-metodi ta’ l-aċċess għalih;

u)      fejn applikabbli, termini u kondizzjonijiet kuntrattwali oħrajn;

v)      fejn applikabbli, l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità ta’ kontroll kompetenti.

3.      Fejn japplika l-paragrafu 2(i), il-kreditur għandu jagħmel disponibbli lill-konsumatur mingħajr ħlas fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament.

4.      Fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu fejn il-ħlasijiet magħmula taħtu mill-konsumatur ma jwasslux għal amortizzament korrispondenti immedjat ta’ l-ammont totali ta’ kreditu, imma jintużaw biex jikkostitwixxu kapital matul perijodi u taħt kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta’ kreditu jew fi ftehim anċillari, l-informazzjoni meħtieġa taħt il-paragrafu 2 għandha tinkludi dikjarazzjoni ċara u konċiża li tali ftehim ta’ kreditu ma jirrikjedi l-ebda garanzija mogħtija minn parti terza bħala garanzija ta’ radd lura ta’ l-ammont totali ta’ ġbid ta’ kreditu, sakemm ma tingħatax garanzija bħal din.

[…]”

7        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/48, intitolat “Dritt ta’ rtirar”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-konsumatur għandu jkollu perijodu ta’ erbatax-il jum ta’ kalendarju li matulhom jista’ jirtira mill-ftehim ta’ kreditu mingħajr ma jagħti l-ebda raġuni.

Dak il-perijodu ta’ rtirar għandu jibda:

a)      jew fil-jum tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, jew

b)      fil-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet u l-informazzjoni kuntrattwali skond l-Artikolu 10, jekk dak il-jum ikun aktar tard mid-data msemmija f’punt (a) ta’ dan is-subparagrafu.”

8        L-Artikolu 22 ta’ din id-direttiva, intitolat “Armonizzazzjoni u n-natura imperattiva tad-Direttiva” huwa fformulat kif ġej:

“1.      Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom, barra minn hekk, jiżguraw li d-dispożizzjonijiet li jadottaw fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva ma jagħtux lok għal evitar li jirriżulta mill-mod li bih jiġu fformulati ftehim, b’mod partikolari billi jiġu integrati ġbid ta’ kreditu jew ftehim ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ftehim ta’ kreditu li n-natura u l-iskop tagħhom jagħmluha possibbli li tiġi evitata l-applikazzjoni tagħha.

[…]”

9        L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi.”

10      L-Anness II tad-Direttiva 2008/48 rigward “Informazzjoni standard Ewropea dwar il-kreditu lill-konsumatur” jinkludi fil-punt 2 tiegħu, intitolat “Deskrizzjoni tal-karatteristiċi prinċipali tal-prodott ta’ kreditu”, sezzjoni msemmija “Pagamenti bin-nifs u, fejn xieraq, l-ordni li bih il-pagamenti bin-nifs ser ikunu allokati”. Ma’ din is-sezzjoni, tikkorrispondi d-deskrizzjoni li ġejja:

“Int ser ikollok tħallas dan li ġej:

[L-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur]

Interessi u/jew imposti ser jitħallsu bil-mod li ġej: […]”

 Id-dritt Slovakk

11      Iż-zákon č. 129/2010 Z. z. o spotrebiteľských úveroch a o iných úveroch a pôžičkách pre spotrebiteľov a o zmene a doplnení niektorých zákonov (liġi Nru 129/2010 dwar krediti għall-konsum u krediti u self ieħor għall-konsumaturi u li temenda u tissupplimenta ċerti liġijiet), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 129/2010”), hija intiża sabiex tittrasponi fid-dritt Slovakk id-Direttiva 2008/48.

12      Skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi:

“1.      Il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum għandu jiġi stabbilit bil-miktub. Il-partijiet kollha fil-ftehim għandu jirċievu mill-inqas kopja tiegħu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, li jkun disponibbli għall-konsumatur.

2.      Minbarra r-referenzi ġenerali li jinsabu fil-kodiċi ċivili […], il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

[…]

k)      l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-ħlasijiet li għandhom isiru mill-konsumatur u fejn ikun il-każ, l-ordni li biha l-ħlasijiet ser ikunu allokati għal bilanċi pendenti differenti b’rati tas-self differenti għall-finijiet ta’ radd lura,

l)      fil-każ ta’ ammortizzament ta’ kapital abbażi ta’ ftehim ta’ kreditu għall-konsum b’tul ta’ żmien fiss, id-dritt tal-konsumatur li jitlob, mingħajr ħlas u fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu, rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament imsemmija fil-paragrafu 5.

[…]”

13      L-Artikolu 11(1) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Il-kreditu għall-konsum mogħti huwa meqjus eżenti minn interessi u spejjeż jekk:

a)      il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum ma jkunx fil-forma miktuba stabbilita fl-Artikolu 9(1), u ma jkunx jinkludi l-elementi meħtieġa fl-Artikolu 9(2)(a) sa (k), (r) u (y), u fl-Artikolu 10(1),

b)      il-ftehim ta’ kreditu għall-konsum ma jindikax korrettament ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta għad-detriment tal-konsumatur.”

14      L-Artikolu 40 tal-Občiansky zákonník (kodiċi ċivili) jipprevedi:

“1.      Att legali huwa null jekk ma jkunx stabbilit fil-forma meħtieġa mill-liġi jew mill-ftehim tal-partijiet.

[…]

3.      Kull att legali stabbilit bil-miktub huwa validu jekk jiġi ffirmat mill-awtur tiegħu. Jekk diversi persuni jipparteċipaw fit-tfassil tiegħu, il-firma tal-parteċipanti kollha ma għandhiex neċessarjament tidher fuq l-istess dokument, sakemm il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix mod ieħor. Il-firma tista’ tiġi ssostitwita b’mezzi elettroniċi fil-każijiet fejn l-użanza tipprevedih.

4.      Ir-rekwiżit tal-forma bil-miktub huwa osservat jekk l-att legali jitwettaq b’telex, b’telegramm jew b’mezzi elettroniċi li jippermettu li jiġi mmaterjalizzat il-kontenut tal-att legali u li tiġi identifikata l-persuna li oriġinatu. Ir-rekwiżit tal-forma bil-miktub huwa dejjem osservat jekk l-att legali li jitwettaq bl-użu ta’ mezzi elettroniċi jkollu firma elettronika avvanzata.

[…]”

15      Skont l-Artikolu 64(2) tal-kodiċi ċivili:

“Il-konklużjoni ta’ kuntratt fil-forma bil-miktub timplika biss l-eżistenza ta’ offerta u ta’ aċċettazzjoni bil-miktub. […]”

16      L-Artikolu 273 tal-Obchodný zákonník (kodiċi kummerċjali) huwa fformulat kif ġej:

“1.      Parti mill-klawżoli tal-kuntratt tista’ tkun stabbilita b’riferiment għall-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt redatti minn organizzazzjonijiet professjonali jew ta’ interessi, jew inkella b’riferiment għal kundizzjonijiet kummerċjali oħra, li jkunu magħrufa mill-partijiet fil-kuntratt li se jiġi konkluż jew li jkunu mehmuża mal-offerta.

[…]

3.      Għall-konklużjoni ta’ kuntratt, jista’ jintuża kuntratt standard użat fil-prattika kummerċjali.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Fid-29 ta’ Ġunju 2011, Home Credit Slovakia, fil-kwalità ta’ persuna li ssellef, ikkonkludiet ma’ K. Bíróová, il-persuna li tissellef, ftehim ta’ kreditu stabbilit abbażi ta’ formola standard li tinkludi kaxxi mimlija fid-data tal-għoti tas-self.

18      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn il-kaxxi kienu jinkludu informazzjoni rigward, fost l-oħrajn, id-data personali tal-persuna li tissellef kif ukoll dwar l-impjieg tagħha, inkluż id-dħul tagħha. Barra minn hekk, id-data rigward il-kreditu nnifsu kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-fondi ġew speċifikati, jiġifieri, fost l-oħrajn, l-ammont totali tal-kreditu u l-ammont totali dovut mill-konsumatur, l-ammont tal-ħlasijiet fix-xahar, in-numru ta’ pagamenti bin-nifs mensili u t-termini ta’ pagament tal-iskadenzi għall-ħlas lura tal-kreditu, ir-rata tal-interessi fuq is-self, kif ukoll it-terminu għall-ħlas lura integrali tal-kreditu, jiġifieri 36 xahar wara d-data tal-għoti tiegħu. Ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta stmata tinsab bejn 35 % u 37.5 %, l-ammont eżatt tagħha għandu jiġi speċifikat wara l-għoti tal-kreditu.

19      Peress li l-ammont totali tal-kreditu inkwistjoni jitla’ għal EUR 700, l-ammont totali dovut mill-persuna li ssellfet ġie ffissat fil-ftehim għal EUR 1 087.56.

20      Barra minn hekk, dan il-ftehim kien jipprevedi li d-dokument intitolat “Kundizzjonijiet tal-ftehim ta’ self tal-kumpannija Home Credit Slovakia, a.s. – Self ta’ flus” (iktar ’il quddiem, il-“kundizzjonijiet ġenerali”) kien parti integrali mill-imsemmi ftehim.

21      Il-ftehim ta’ self redatt b’dan il-mod ġie ffirmat minn Home Credit Slovakia u minn K. Bíróová. Barra minn hekk, skont dan il-ftehim, din tal-aħħar kienet qed tikkonferma, bil-firma tagħha, li hija kienet irċeviet il-kundizzjonijiet ġenerali, li hija kienet ħadet nota tagħhom, li l-klawżoli inklużi f’dawn il-kundizzjonijiet ġenerali kienu ċari u suffiċjentement preċiżi u li hija kienet qed taqbel li tkun marbuta bl-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali.

22      Il-kundizzjonijiet ġenerali, min-naħa tagħhom, ma ġewx iffirmati mill-partijiet fil-ftehim ta’ kreditu.

23      Skont dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, il-persuna li tissellef setgħet titlob lill-persuna li ssellef tqiegħed fid-dispożizzjoni tagħha, mingħajr spejjeż u fi kwalunkwe ħin fit-tul kollu tal-ftehim ta’ kreditu, rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament li jindika l-pagamenti dovuti kif ukoll il-perijodi u l-kundizzjonijiet ta’ pagament ta’ dawn l-ammonti, inkluża l-analiżi dettaljata ta’ kull radd lura bejn l-ammortizzament tal-kapital, l-interessi u, fejn xieraq, l-ispejjeż addizzjonali.

24      Madankollu, l-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali ma kinux jispeċifikaw il-proporzjonijiet li fihom kull ħlas mensili magħmul mill-persuna li tissellef bħala radd lura tas-self huwa intiż, minn naħa, sabiex iħallas l-interessi u l-ispejjeż u, min-naħa l-oħra, sabiex jammortizza l-kapital.

25      Wara li għamlet żewġ pagamenti bin-nifs mensili, K. Bíróová waqfet trodd lura l-kreditu mogħti. Għaldaqstant, Home Credit Slovakia talbet ir-radd lura antiċipat tal-ammont totali tal-kreditu u stiednet lil K. Bíróová tħallas il-kapital, l-interessi moratorji u l-penalitajiet għal ħlas tard previsti mill-ftehim ta’ kreditu.

26      Peress li ma kisbitx il-pagament mitlub, Home Credit Slovakia ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex tirkupra d-dejn dovut lilha. F’dan ir-rigward, peress li din il-qorti tesprimi dubji rigward il-validità tal-ftehim ta’ kreditu sa fejn il-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu ma ġewx iffirmati mill-partijiet, hija tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima tiddependi mill-interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/48.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Okresný súd Dunajská Streda (qorti distrettwali ta’ Dunajská Streda, is-Slovakkja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kliem ‘fuq karta’ u ‘fuq mezz durabbli ieħor’ li jinsabu fl-Artikolu 10(1), [moqri flimkien mal-Artikolu 3(m),] tad-Direttiva 2008/48/KE […] għandhom jinftiehmu bħala li jindirizzaw: mhux biss it-test ta’ dokument (fiżiku, ‘hard copy’) iffirmat mill-partijiet kontraenti, li [jkun jinkludi] l-elementi (informazzjoni) rikjesta mill-Artikolu 10(2)(a) sa (v) tad-Direttiva, iżda wkoll kull dokument ieħor li dan it-test jagħmel riferiment għalih u li, skont id-dritt nazzjonali, jifforma parti integrali mill-kuntratt (pereżempju dokument li jinkludi ‘kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt’, ‘kundizzjonijiet ta’ self’, ‘tariffi’, ‘skeda ta’ żmien’, stabbilit mill-kreditur), anki jekk dan id-dokument ma jkunx jissodisfa huwa stess ir-rekwiżit tal-‘forma bil-miktub’ fis-sens tad-dritt nazzjonali kkonċernat (pereżempju peress li ma jkunx iffirmat mill-partijiet kontraenti)?

2)      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tagħha, li jistabbilixxi li l-għan tad-direttiva jikkonsisti fl-armonizzazzjoni sħiħa fil-qasam ikkonċernat, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li: teżiġi li l-elementi kollha rikjesti mill-Artikolu 10(2)(a) sa (v), għandhom ikunu kontenuti f’dokument li jissodisfa r-rekwiżit tal-‘forma bil-miktub’ fis-sens tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (jiġifieri, bħala prinċipju, f’dokument iffirmat mill-partijiet kontraenti) u ma jirrikonoxxux l-effetti legali kollha ta’ kuntratt ta’ kreditu lill-konsumaturi sempliċiment peress li parti mill-elementi rikjesti ma jkunux inklużi fid-dokument iffirmat, anki meta dawn l-elementi jkunu (totalment jew parzjalment) inklużi f’dokument partikolari (li jinkludi, pereżempju, ‘kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt’, ‘kundizzjonijiet ta’ self’, ‘tariffi’, ‘skeda ta’ żmien’, stabbiliti mill-kreditur), fejn i) il-kuntratt bil-miktub ikun jagħmel huwa stess riferiment għal dan id-dokument, ii) il-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni ta’ dan id-dokument fil-kuntratt, previsti mid-dritt nazzjonali, ikunu ssodisfatti u iii) il-kuntratt ta’ kreditu lill-konsumaturi hekk maqbul ikun jissodisfa fl-intier tiegħu r-rekwiżit ta’ kuntratt stabbilit ‘fuq mezz durabbli ieħor’ fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva?

3)      L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni rikjesta minn din id-dispożizzjoni (b’mod iktar preċiż il-‘frekwenza tal-ħlasijiet’):

–        għandha tkun adattata individwalment għall-klawżoli ta’ kuntratt partikolari [bħala prinċipju billi jiġu indikati b’mod preċiż l-iskadenzi għar-rimbors (jum, xahar, sena) tas-self] jew

–        li huwa suffiċjenti li l-kuntratt jinkludi riferiment ġenerali għal elementi oġġettivament identifikabbli, li minnhom tista’ tiġi dedotta din l-informazzjoni (pereżempju bil-klawżoli li jipprevedu li ‘il-pagamenti mensili huma pagabbli mhux iktar tard mill-15-il jum ta’ kull xahar’, li ‘l-ewwel ħlas għandu jsir sa mhux iktar tard minn xahar mill-iffirmar tal-kuntratt u [li] kull ħlas ieħor għandu jsir dejjem xahar wara l-ħlas tal-pagament mensili preċedenti’ jew bl-użu ta’ xi formulazzjoni oħra ta’ dan it-tip?

4)      Jekk l-interpretazzjoni li tinsab fit-tieni inċiż tat-tielet domanda hija korretta: L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni rikjesta minn din id-dispożizzjoni (jiġifieri il-‘frekwenza tal-ħlasijiet’) tista’ tkun tinsab ukoll f’dokument partikolari, li jagħmel riferiment għalih il-kuntratt li jissodisfa r-rekwiżit tal-forma bil-miktub (fis-sens tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva), iżda li ma huwiex huwa stess suġġett għal dan ir-rekwiżit (li jfisser li, bħala prinċipju, huwa ma għandux neċessarjament ikun iffirmat mill-partijiet kontraenti; din l-informazzjoni tista’ tkun, pereżempju, ‘kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt’, ‘kundizzjonijiet ta’ self’, ‘tariffi’, ‘skeda ta’ żmien’, stabbiliti mill-kreditur)?

5)      L-Artikolu 10(2)(i) moqri flimkien mal-punt (h) [tal-istess dispożizzjoni] tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens:

–        li l-kuntratt ta’ kreditu għal żmien determinat, li jistabbilixxi li l-kapital għandu jiġi rrimborsat/imħallas lura b’pagamenti differenti, ma għandux neċessarjament, fil-mument tal-konklużjoni tiegħu, jindika b’mod preċiż liema parti minn kull ħlas tkun qiegħda tiġi allokata għar-rimbors tal-kapital u liema parti għall-ħlas tal-interessi ordinarji u tal-ispejjeż (jiġifieri ma huwiex neċessarju li skeda ta’ żmien/tabella ta’ pagamenti tkun tifforma parti integrali mill-kuntratt), iżda li din l-informazzjoni tista’ tkun inkluża fi skeda ta’ żmien/tabella ta’ pagamenti li l-kreditur jippreżenta lid-debitur fuq talba ta’ dan tal-aħħar jew

–        li l-Artikolu 10(2)(h), jiggrantixxi lid-debitur dritt addizzjonali li jitlob, fi kwalunkwe mument matul il-validità tal-kuntratt ta’ kreditu, estratt tat-tabella ta’ pagamenti li tirrigwarda jum speċifiku, mingħajr dan id-dritt ma jkun jeżenta lill-partijiet kontraenti mill-obbligu li jindikaw, fil-kuntratt stess, l-allokazzjoni tal-ħlasijiet differenti previsti (li għandom, skont il-kuntratt ta’ kreditu, jitwettqu matul il-perijodu ta’ validità tiegħu) għar-rimbors tal-kapital u għall-ħlas tal-interessi ordinarji u tal-ispejjeż, skont modalitajiet adattati individwalment għall-kuntratt partikolari?

6)      Jekk l-interpretazzjoni li tinsab fl-ewwel inċiż tal-ħames domanda hija korretta: din id-domanda taqa’ fil-qasam tal-armonizzazzjoni sħiħa segwita mid-Direttiva 2008/48, sabiex, skont l-Artikolu 22(1), Stat Membru ma jistax jeżiġi li kuntratt ta’ kreditu jindika preċiżament liema parti minn kull ħlas jiġi allokat għar-rimbors tal-kapital u liema parti għall-ħlas tal-interessi ordinarji u tal-ispejjez (jiġifieri li dan ma jistax jeżiġi li skeda ta’ żmien/tabella ta’ pagamenti preċiżi jkunu jifformaw parti integrali mill-kuntratt)?

7)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/48, li jistabbilixxi li d-Direttiva għandha l-għan li tarmonizza b’mod sħiħ il-qasam ikkonċernat, jew tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, li jeżiġu li s-sanzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jistabbilixxu li l-assenza tal-maġġoranza tal-elementi tal-kuntratt ta’ kreditu rikjesti mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 twassal sabiex il-kreditu mogħti jitqies bħala eżentat mill-interessi u mill-ispejjeż, b’tali mod li d-debitur ikun obbligat jirrimborsa biss lill-kreditur l-ammonti pprovduti lilu skont il-kuntratt?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

28      Bl-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1) u (2), tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(m) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, fl-ewwel lok, l-elementi kollha tal-ftehim ta’ kreditu msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu inklużi f’dokument wieħed, li, fit-tieni lok, il-ftehim ta’ kreditu stabbilit fuq karta għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u li, fit-tielet lok, dan ir-rekwiżit ta’ firma japplika għall-elementi kollha ta’ tali kuntratt.

29      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48, il-ftehimiet ta’ kreditu għandhom jiġu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor.

30      Ma hemm xejn fl-imsemmija direttiva li jindika, madankollu, li l-ftehimiet ta’ kreditu, koperti f’din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu stabbiliti f’dokument wieħed.

31      Kif jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, moqri fid-dawl tal-premessa 31 ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżit li jissemmew, fi ftehim ta’ kreditu fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, b’mod ċar u konċiż l-elementi msemmija minn din id-dispożizzjoni huwa meħtieġ sabiex il-konsumatur ikun jista’ jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu.

32      Dan ir-rekwiżit jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan segwit mid-Direttiva 2008/48, li huwa li tiġi pprovduta, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumaturi, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma ċentrali, li hija meqjusa bħala meħtieġa sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern tal-kreditu għall-konsum li jiffunzjona tajjeb (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 61).

33      Jekk, fid-dawl ta’ dan l-għan, l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma għandhomx neċessarjament jiġu inklużi f’dokument wieħed, għandu, madankollu, jiġi osservat li, fid-dawl tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-elementi kollha li l-paragrafu 2 jelenka għandhom jiġu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor u għandhom jagħmlu parti integrali mill-ftehim ta’ kreditu.

34      Sa fejn l-elementi msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandhom jissemmew b’mod ċar u konċiż, huwa meħtieġ, hekk kif osservat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tagħha, li l-ftehim ta’ kreditu jinkludi riferiment ċar u preċiż għall-karti l-oħra jew għall-mezzi durabbli l-oħra li jinkludu dawn l-elementi, effettivament mogħtija lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, b’tali mod li huwa jkun jista’ jkun jaf realment id-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu.

35      Fil-fatt, filwaqt li rreferiet, b’mod partikolari, għad-definizzjoni ta’ “mezz durabbli” li tinsab fl-Artikolu 3(m) tad-Direttiva 2008/48, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-mezz għandu jiggarantixxi lill-konsumatur, b’mod analogu għall-karta, il-pussess tal-informazzjoni kkonċernata sabiex tippermettilu jinvoka, fejn xieraq, id-drittijiet tiegħu. F’dan ir-rigward hija rilevanti l-possibbiltà, għall-konsumatur, li jaħżen l-informazzjoni indirizzata lilu personalment, il-garanzija tal-assenza ta’ bdil tal-kontenut tagħha kif ukoll l-aċċessibbiltà tagħha matul tul ta’ żmien xieraq, u l-possibbiltà li tiġi riprodotta tale quale [ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Mejju 1997, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319), sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services, C‑49/11, EU:C:2012:419, punti 42 sa 44].

36      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-ftehim ta’ kreditu stabbilit fuq karta għandux jiġi ffirmat mill-partijiet skont il-modalitajiet previsti mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi osservat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48 ma jagħmel l-ebda riferiment għad-dritt nazzjonali u li, għaldaqstant, il-kunċetti ta’ “karta” u ta’ “mezz durabbli”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni għandhom portata awtonoma. L-interpretazzjoni tagħhom ma tistax tiġi ddeterminata mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward il-forma li fiha l-ftehimiet ta’ kreditu għandhom jiġu stabbiliti.

37      Filwaqt li l-kunċett ta’ “karta” ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva, din tipprevedi, fl-Artikolu 3(m) tagħha, li l-“mezz durabbli” jfisser kwalunkwe strument li jippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni indirizzata lilu personalment b’mod li tkun aċċessibbli għal referenza futura għal perijodu ta’ żmien adegwat għall-finijiet tal-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna.

38      Mill-kliem innifsu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48 jirriżulta li l-kunċett ta’ “karta” jirreferi għall-mezz li fuqu jiġi stabbilit il-ftehim ta’ kreditu, mingħajr ma hija meħtieġa l-firma ta’ tali mezz. Fid-dawl ta’ dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, iktar preċiżament, jekk din id-direttiva tipprekludix li Stat Membru jipprevedi tali rekwiżit fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

39      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48, dan l-artikolu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali kollha rigward il-validità tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kreditu li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni.

40      Ir-rekwiżit ta’ firma mill-partijiet fi ftehim ta’ kreditu stabbilit fuq karta, stabbilit, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, mid-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali inkwantu kundizzjoni għall-validità tal-ftehim, jagħmel parti minn regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kreditu, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tad-Direttiva 2008/48.

41      Issa, la d-Direttiva 2008/48, li hija intiża sabiex tipprevedi, fil-qasam ta’ kreditu lill-konsumaturi, armonizzazzjoni kompleta u imperattiva f’ċertu numru ta’ oqsma ċentrali, li hija meqjusa bħala meħtieġa sabiex jiġi żgurat lill-konsumaturi kollha tal-Unjoni livell għoli u ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-interessi tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta’ suq intern tal-kreditu għall-konsum li jiffunzjona tajjeb (ara, f’dan is-sens, sentenzi tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 42; tat-18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 21, kif ukoll tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 61), u lanqas id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali, ma jipprekludu tali rekwiżit.

42      Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kwistjoni dwar jekk dan ir-rekwiżit ta’ firma, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistax japplika għall-elementi kollha ta’ tali ftehimiet, għandu jiġi osservat li l-“ftehim ta’ kreditu”, fis-sens tal-Artikolu 3(ċ) tad-Direttiva 2008/48, stabbilit, b’mod konformi mal-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor għandu jsemmi, b’mod ċar u preċiż, l-elementi msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva.

43      Għaldaqstant, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tagħha, dawn l-elementi kollha għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju f’tali ftehim.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta Stat Membru jipprevedi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li r-rekwiżit ta’ firma japplika fir-rigward tal-elementi kollha ta’ dan il-ftehim, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, la d-Direttiva 2008/48, u lanqas id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali, ma jipprekludu tali rekwiżit.

45      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48, moqri flimkien mal-Artikolu 3(m) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-ftehim ta’ kreditu ma għandux neċessarjament jiġi stabbilit f’dokument wieħed, iżda l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor;

–        huwa ma jipprekludix li l-Istat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, minn naħa, li l-ftehim ta’ kreditu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u li huwa stabbilit fuq karta għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u, min-naħa l-oħra, li dan ir-rekwiżit ta’ firma japplika fir-rigward tal-elementi kollha ta’ dan il-ftehim li huma msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

46      Bit-tielet u r-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa meħtieġ li l-ftehim ta’ kreditu jindika kull pagament li għandu jsir mill-konsumatur b’referenza għal data preċiża, jew inkella li hija biżżejjed f’dan ir-rigward referenza ġenerali, f’dan il-kuntratt, li tippermetti li jiġu identifikati d-dati ta’ dawn il-pagamenti.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-ftehim ta’ kreditu jsemmi, b’mod ċar u konċiż, l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-pagamenti li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn xieraq, l-ordni li fih dawn il-pagamenti ser jiġu allokati għall-bilanċi differenti dovuti ffissati b’rati ta’ self differenti għall-finijiet tar-radd lura.

48      Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni huwa li jiġi ggarantit li l-konsumatur ikun jaf id-data li fiha kull pagament li għandu jsir ikun dovut.

49      Għaldaqstant, peress li l-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jippermettu lill-konsumatur jidentifika mingħajr diffikultà u b’ċertezza d-dati ta’ dawn il-pagamenti, dan l-għan huwa ssodisfatt.

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex meħtieġ li l-ftehim ta’ kreditu jindika d-dati li fihom kull pagament li għandu jsir mill-konsumatur isir dovut b’riferiment għal data preċiża, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jippermettu li l-konsumatur jidentifika mingħajr diffikultà u b’ċertezza d-dati ta’ dawn il-pagamenti.

 Fuq il-ħames u s-sitt domandi

51      Bil-ħames u s-sitt domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(2)(h)(i) tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss, li jipprevedi l-ammortizzament tal-kapital permezz ta’ pagamenti konsekuttivi, għandu jispeċifika, fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, liema parti ta’ kull pagament ser tiġi allokata għar-radd lura ta’ dan il-kapital u, fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludux li Stat Membru jipprevedi tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

52      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 10(2)(h) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-ftehim ta’ kreditu għandu jsemmi biss l-ammont, in-numru u l-frekwenza tal-pagamenti li għandhom isiru mill-konsumatur u, fejn xieraq, l-ordni li fih dawn il-pagamenti ser jiġu allokati għall-bilanċi differenti dovuti ffissati b’rati ta’ self differenti għall-finijiet tar-radd lura.

53      Mill-Artikolu 10(2)(i) u (3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li huwa biss fuq it-talba tal-persuna li tissellef magħmula fi kwalunkwe ħin fit-tul tal-ftehim ta’ kreditu li l-persuna li ssellef għandha l-obbligu li tibgħatilha mingħajr spejjeż rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament.

54      Fid-dawl tal-formulazzjoni ċara ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/48 ma tipprevedix obbligu li fil-ftehim ta’ kreditu jiġi inkluż tali rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament.

55      Fir-rigward tal-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jipprevedu tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, għandu jiġi enfasizzat li, fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw obbligi għall-partijiet fil-kuntratt li ma humiex previsti minn din id-direttiva meta din tkun tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati fil-qasam li għalih jirreferu dawn l-obbligi (ara, b’mod analogu, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, SC Volksbank România, C‑602/10, EU:C:2012:443, punti 63 u 64).

56      Għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 iwettaq tali armonizzazzjoni fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju fil-ftehim ta’ kreditu.

57      Huwa minnu li skont l-Artikolu 10(2)(u) ta’ din id-direttiva, il-ftehim ta’ kreditu għandu jsemmi, b’mod ċar u konċiż, fejn xieraq, il-klawżoli u l-kundizzjonijiet kuntrattwali l-oħra. Madankollu, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi previst l-obbligu ta’ inklużjoni fil-ftehim, stabbilit fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor, ta’ kull klawżola u kundizzjoni li sar qbil dwarha bejn il-partijiet fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom rigward il-kreditu.

58      L-imsemmija dispożizzjoni ma tistax, madankollu, tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tagħhom l-obbligu ta’ inklużjoni fi ftehim ta’ kreditu ta’ elementi oħra għajr dawk elenkati fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva.

59      Għaldaqstant ir-risposta għall-ħames u għas-sitt domandi għandha tkun li l-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss, li jipprevedi l-ammortizzament tal-kapital permezz ta’ pagamenti konsekuttivi, ma għandux jispeċifika, fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, liema parti ta’ kull pagament ser tiġi allokata għar-radd lura ta’ dan il-kapital. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu li Stat Membru jipprevedi tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

 Fuq is-seba’ domanda

60      Bis-seba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li, fil-każ fejn ftehim ta’ kreditu ma jsemmix l-elementi kollha mitluba fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan il-ftehim jitqies eżenti mill-interessi u mill-spejjeż.

61      F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implementati.

62      Madankollu, mill-premessa 47 tal-imsemmija direttiva jirriżulta li, għalkemm l-għażla tal-imsemmija regoli dwar is-sanzjonijiet tħalliet fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, dawn għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 43).

63      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħruxija tas-sanzjonijiet għandha tkun proporzjonata mal-gravità tal-ksur li fir-rigward tiegħu huma imposti, b’mod partikolari billi jiżguraw effett realment dissważiv, filwaqt li josservaw il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (ara s-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      F’dan ir-rigward, fis-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais (C‑565/12, EU:C:2014:190), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà evalwat l-osservanza ta’ tali limiti imposti fuq ir-regoli dwar is-sanzjonijiet iddefiniti minn Stat Membru, f’dan il-każ f’dak li jikkonċerna s-sanzjoni għat-telf, fil-prinċipju sħiħ, tad-dritt għall-interessi tal-persuna li ssellef fil-każ ta’ ksur tal-obbligu prekuntrattwali, previst fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/48, ta’ verifika mill-persuna li ssellef tas-solvenza tal-konsumatur.

65      Fid-dawl tal-importanza tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi inerenti fl-obbligu ta’ verifika, mill-persuna li ssellef, tas-solvenza tal-persuna li tissellef, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk is-sanzjoni għat-telf tal-interessi tisfa imnaqqsa, jew saħansitra purament u sempliċement titlef kull effett, minn dan jirriżulta neċessarjament li din ma tkunx ta’ natura verament dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punti 52 u 53).

66      Fil-każ tal-ommissjoni, fi ftehim ta’ kreditu, tal-indikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tar-radd lura u dwar l-ispejjeż marbuta ma’ dan il-ftehim, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fid-dawl tal-għan ta’ protezzjoni tal-konsumatur, segwit mid-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, tat-22 ta’ Diċembru 1986, għall-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-kreditu lill-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 326), kif emendata bid-Direttiva 98/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 36) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 87/102”), minn kundizzjonijiet ta’ kreditu mhux ekwi u sabiex huwa jkun jista’ jkollu għarfien sħiħ tal-kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni futura tal-ftehim iffirmat, fil-konklużjoni ta’ dan, l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, jeżiġi li l-persuna li tissellef ikollha l-elementi kollha li jista’ jkollhom impatt fuq il-portata tal-impenn tagħha (ara s-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, Bucura, C‑348/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:447, punt 57).

67      B’dan il-mod, l-indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta fil-ftehim ta’ kreditu tqieset li hija ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-Direttiva 87/102, b’mod partikolari sa fejn hija tippermetti lill-konsumatur jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punti 70 u 71).

68      Id-Direttiva 87/102 ġiet interpretata fis-sens li hija tippermetti lill-qorti nazzjonali tapplika ex officio d-dispożizzjonijiet li jittrasponu fid-dritt nazzjonali l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva u li jipprevedu li l-assenza ta’ indikazzjoni tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta fi ftehim ta’ kreditu għall-konsum kellha bħala konsegwenza li l-kreditu mogħti jitqies eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 76).

69      Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 63 sa 68 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li l-ksur mill-persuna li ssellef ta’ obbligu li huwa ta’ importanza essenzjali fil-kuntest tad-Direttiva 2008/48 jista’ jiġi ssanzjonat, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bit-telf minn din il-persuna li ssellef tad-dritt għall-interessi u għall-ispejjeż.

70      Huwa ta’ tali importanza essenzjali l-obbligu li jissemmew, fil-ftehim ta’ kreditu, b’mod partikolari elementi bħar-rata perċentwali annwali ta’ imposta, stabbilit fl-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48, in-numru u l-frekwenza tal-pagamenti, skont l-Artikolu 10(2)(h) ta’ din id-direttiva, kif ukoll, fejn xieraq, l-eżistenza ta’ spejjeż notarili, il-garanziji u l-assigurazzjonijiet meħtieġa, kif jipprevedi l-Artikolu 10(2)(n) u (o) tal-imsemmija direttiva.

71      Sa fejn l-assenza ta’ indikazzjoni, fil-ftehim ta’ kreditu, ta’ dawn l-elementi tista’ tikkomprometti l-possibbiltà għall-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu, is-sanzjoni permezz tat-telf mill-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandha titqies li hija proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 u tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 63 ta’ din is-sentenza.

72      Madankollu, ma tistax titqies bħala proporzjonata l-applikazzjoni, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ta’ tali sanzjoni, li tipproduċi konsegwenzi serji fil-konfront tal-persuna li ssellef, fil-każ ta’ assenza ta’ indikazzjoni ta’ elementi, fosthom dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48, li, min-natura tagħhom, ma humiex tali li jaffettwaw il-kapaċità tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu, bħalma huma, fost l-oħrajn, l-isem u l-indirizz tal-awtorità ta’ kontroll kompetenti msemmija fl-Artikolu 10(2)(v) ta’ din id-direttiva.

73      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li, fil-każ fejn ftehim ta’ kreditu ma jsemmix l-elementi kollha meħtieġa fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan il-ftehim jitqies li huwa eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, sakemm l-element ikun wieħed li l-assenza tiegħu tista’ tikkomprometti l-possibbiltà tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

74      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(m) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-ftehim ta’ kreditu ma għandux neċessarjament jiġi stabbilit f’dokument wieħed, iżda l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor;

–        huwa ma jipprekludix li l-Istat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, minn naħa, li l-ftehim ta’ kreditu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u li huwa stabbilit fuq karta għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u, min-naħa l-oħra, li dan ir-rekwiżit ta’ firma japplika fir-rigward tal-elementi kollha ta’ dan il-ftehim li huma msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

2)      L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex meħtieġ li l-ftehim ta’ kreditu jindika d-dati li fihom kull pagament li għandu jsir mill-konsumatur isir dovut b’riferiment għal data preċiża, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jippermettu li l-konsumatur jidentifika mingħajr diffikultà u b’ċertezza d-dati ta’ dawn il-pagamenti.

3)      L-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss, li jipprevedi l-ammortizzament tal-kapital permezz ta’ pagamenti konsekuttivi, ma għandux jispeċifika, fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, liema parti ta’ kull pagament ser tiġi allokata għar-radd lura ta’ dan il-kapital. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu li Stat Membru jipprevedi tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

4)      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li, fil-każ fejn ftehim ta’ kreditu ma jsemmix l-elementi kollha meħtieġa fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan il-ftehim jitqies li huwa eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, sakemm l-element ikun wieħed li l-assenza tiegħu tista’ tikkomprometti l-possibbiltà tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.