Language of document : ECLI:EU:C:2016:976

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

21 ta’ Diċembru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru°44/2001 – Ġurisdizzjoni – Materji ta’ delitt jew kważi delitt – Netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva – Bejgħ mill-ġdid barra minn netwerk fuq l-internet – Azzjoni għall-waqfien ta’ dannu illegali – Rabta ta’ konnessjoni”

Fil-Kawża C‑618/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (qorti tal-kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Concurrence SARL

vs

Samsung Electronics France SAS,

Amazon Services Europe Sàrl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Concurrence SARL, minn P. Ricard, avukat,

–        għal Amazon Services Europe Sàrl, minn A. Bénabent u M. Jéhannin, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u C. David, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Lussemburgiż, minn D. Holderer, bħala aġent, assistita minn M. Thewes, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, min-naħa, Concurrence SARL, stabbilita fi Franza, u min-naħa l-oħra, Samsung Electronics France SAS (iktar ’il quddiem “Samsung”), ukoll stabbilita fi Franza, u Amazon Services Europe Sàrl (iktar ’il quddiem “Amazon”), stabbilita fil-Lussemburgu, dwar l-allegat ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva u b’rikors għal pjattaforma f’suq, permezz ta’ offerti ta’ bejgħ impoġġija online fuq diversi siti elettroniċi użati f’diversi Stati Membri.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 44/2001 jirriżulta li dan kien intiż, fl-interess tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern, biex jimplementa “[d]isposizzjonijiet biex jiġu unifikati r-regoli ta’ kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali u sabiex jħaffu l-formalitajiet bl-iskop ta’ għarfien malajr u sempliċi u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi minn Stati Membri marbuta b’dan ir-Regolament”.

4        Il-premessi 11, 12 u 15 ta’ dan ir-regolament kienu jistipulaw:

“(11) Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’ hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)      B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

[…]

(15)      Fl-interessi tal-amministrazzjoni armoniżżata tal-ġustizzja huwa meħtieġ li titnaqqas il-possibiltà ta’ proċedimenti simultanji u biex ikun assigurat li ma jiġux mogħtija ġudizzji rrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri. […]”

5        Ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni kienu jinsabu fil-Kapitolu II tal-imsemmi regolament.

6        L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li jaqa’ taħt is-Sezzjoni 1 tal-imsemmija Kapitolu II, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”, kien ifformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, li jaqa’ taħt l-imsemmija Sezzjoni 1, kien jipprovdi:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.

8        Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, li kien jaqa’ taħt is-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, kien jipprevedi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

[…]

3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”.

9        Ir-Regolament Nru 44/2001 tħassar bl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tiegħu, dan ir-regolament tal-aħħar huwa applikabbli biss sa mill‑10 ta’ Jannar 2015.

 Id-dritt Franċiż

10      Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-paragrafi 1 u 6 tal-Artikolu L. 442‑6 tal-code de commerce (kodiċi tal-kummerċ) kienu jipprevedu:

“Huwa r-responsabbiltà tal-awtur tiegħu u jobbligah li jsewwi d-dannu kkawżat il-fatt, minn kull manifattur, negozjant, industrijalist jew persuna rreġistrata fir-reġistru tas-snajja:

[…]

6°      li jipparteċipa direttament jew indirettament fil-ksur tal-projbizzjoni tal-bejgħ mill-ġdid barra min-netwerk li jsir lid-distributur marbut bi ftehim ta’ distribuzzjoni selettiva jew esklużiva eżentat mir-regoli applikabbli għad-dritt tal-kompetizzjoni”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Concurrence teżerċita attività ta’ bejgħ bl-imnut ta’ prodotti elettroniċi intiżi għall-konsumatur permezz ta’ ħanut f’Pariġi (Franza) u fuq is-sit ta’ bejgħ elettroniku “concurrence.fr”. Fis‑16 ta’ Marzu 2012, Concurrence kkonkludiet kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva ma’ Samsung intitolat “Détaillant Spécialiste Elite” (Bejjiegħ bl-imnut speċjalist Elite) dwar il-prodotti high-end tat-trade mark Samsung, jiġifieri l-linja ELITE. Dan il-kuntratt kien jipprevedi, b’mod partikolari, projbizzjoni ta’ bejgħ tal-prodotti inkwistjoni fuq l-internet.

12      Wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt qamet tilwima bejn il-partijiet. Samsung ikkritikat lil Concurrence li kisret il-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva billi kkummerċjalizzat il-prodotti ELITE fuq is-sit elettroniku tagħha. Concurrence, min-naħa tagħha, ikkontestat il-legalità tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt billi allegat, b’mod partikolari, li dawn ma kinux applikati b’mod uniformi mad-distributuri kollha, u wħud minnhom kienu jikkummerċjalizzaw il-prodotti inkwistjoni fuq diversi siti elettroniċi ta’ Amazon, mingħajr reazzjoni min-naħa ta’ Samsung.

13      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Marzu 2012, Samsung avżat lil Concurrence bi tmiem ir-relazzjoni kummerċjali bejn il-partijiet, b’effett mit‑30 ta’ Ġunju 2013.

14      Matul ix-xahar ta’ April 2012, peress li invokat ir-rifjut ta’ Samsung li tikkunsinnalha l-prodotti tal-linja ELITE, kuntrarjament għall-impenji meħuda, Concurrence ħarrket lil Samsung quddiem l-imħallef għal miżuri provviżorji tat-tribunal de commerce de Paris (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi, Franza).

15      Permezz ta’ digriet tat‑18 ta’ April 2012, din il-qorti ċaħdet it-talbiet ta’ Concurrence. Dan id-digriet ġie kkonfermat mill-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi, Franza) li kienet qed tiddeċiedi fil-kapaċità tagħha bħala qorti għal miżuri provviżorji, permezz ta’ sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2012.

16      Fit‑3 ta’ Diċembru 2012, Concurrence ħarrket lil Samsung għat-tieni darba quddiem l-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-tribunal de commerce de Paris (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi), sabiex jiddikjara mhux inforzabbli l-projbizzjoni tal-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti tal-linja ELITE imposta mill-kuntratt tad-distribuzzjoni selettiva, u konsegwentement jordna lil Samsung tkompli tikkunsinnalha l-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kuntratt. Barra minn hekk, fl-istess jum, Concurrence ħarrket għall-ewwel darba lil Amazon sabiex tiġi ordnata tirtira mis-siti elettroniċi tagħha Amazon.fr, Amazon.de, Amazon.co.uk, Amazon.es u Amazon.it, kwalunkwe offerta ta’ ċertu numru ta’ mudelli ta’ prodotti Samsung.

17      Permezz ta’ digriet kontradittorju tat‑8 ta’ Frar 2013, l-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-tribunal de commerce de Paris (qorti tal-kummerċ ta’ Pariġi) iddikjara li ma għandux ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda s-siti elettroniċi ta’ Amazon li joperaw barra mit-territorju Franċiż, qal li ma kienx hemm lok ta’ miżuri provviżorji rigward it-talbiet ta’ Concurrence kontra Samsung u ċaħad it-talbiet ta’ Concurrence kontra Amazon.

18      Fis-27 ta’ Ġunju 2013, Concurrence appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi).

19      Permezz tas-sentenza tas-6 ta’ Frar 2014, il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) irriformat parzjalment id-digriet tal-Imħallef għal miżuri provviżorji tat-tribunal de commerce de Paris (qorti kummerċjali ta’ Pariġi) tat‑8 ta’ Frar 2013, billi ddikjarat inammissibbli t-talbiet ta’ Concurrence kontra Samsung u ċaħdet it-talbiet ta’ Concurrence kontra Amazon. Permezz ta’ din l-istess sentenza, il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) ikkonfermat dan id-digriet billi kkonfermat in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati tar-Repubblika Franċiża sabiex jisimgħu l-azzjoni dwar is-siti ta’ Amazon li joperaw barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

20      Concurrence għaldaqstant għamlet appell ta’ kassazzjoni minn din is-sentenza tal-aħħar quddiem il-qorti tar-rinviju.

21      Fl-appell tagħha, Concurrence targumenta li s-sentenza appellata b’mod żbaljat iddikjarat li l-qrati Franċiżi ma għandhomx ġurisdizzjoni f’dak li jirrigwarda s-siti elettroniċi ta’ Amazon li joperaw barra mit-territorju Franċiż, peress li dawn tal-aħħar ma kinux immirati għall-pubbliku Franċiż. Issa, anki jekk jitqies li l-kriterju tal-aċċessibbiltà tas-sit elettroniku ma huwiex suffiċjenti, il-cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) illegalment astjeniet milli tfittex jekk is-sistema ta’ bejgħ fuq is-siti elettroniċi ta’ Amazon kinitx tippermetti li jintbagħtu l-prodotti disponibbli għall-bejgħ mhux biss fl-Istat Membru ta’ oriġini tas-sit elettroniku kkonċernat, iżda wkoll fl-Istati Membri l-oħrajn, u b’mod partikolari fi Franza, fattur li kien jippermetti li tkun iġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi.

22      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kawża li hija adita biha għandha l-partikolarità li ma taqa’ taħt ebda waħda mis-sitwazzjonijiet diġà indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, l-azzjoni mibdija hija intiża li ġġib fi tmiem l-allegati danni minn distributur awtorizzat, stabbilit fi Franza u li jopera sit elettroniku ta’ bejgħ online, li jirriżultaw mill-ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ prodotti barra min-netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li huwa jappartjeni għalih u għar-rikors għal offerti ta’ bejgħ li jagħmel online fuq pjattaforma f’suq fuq diversi siti tal-internet operati fi Franza u fi Stati Membri oħrajn, ipprojbiti mill-kuntratt ta’ distribuzzjoni selettiva inkwistjoni.

23      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation (qorti ta’ kassazzjoni, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li jmiss:

“Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ ksur allegat ta’ projbizzjonijiet ta’ bejgħ mill-ġdid barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva u b’rikors għal pjattaforma f’suq, permezz ta’ offerti ta’ bejgħ online fuq numru ta’ siti internet operati fi Stati Membri differenti, id-distributur awtorizzat li jqis li ġarrab dannu għandu l-possibbiltà li jressaq azzjoni għall-waqfien tad-dannu illegali li jirriżulta minn dan quddiem il-qorti li fit-territorju tagħha l-kontenuti mqiegħda online huma jew kienu aċċessibbli, jew għandha tiġi stabbilita rabta oħra ta’ konnessjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

24      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandu jiġi interpretat il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li tirriżulta mill-offerta, fuq xi siti elettroniċi operati f’diversi Stati Membri, ta’ prodotti li jagħmlu parti minn dan in-netwerk.

25      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu u strett u li l-kliem “post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq” li jidher f’din id-dispożizzjoni jkopri kemm il-post fejn seħħ id-dannu kif ukoll il-post tal-avveniment kawżali li minnu oriġina dan id-dannu, b’mod li l-konvenut ikun jista’ jiġi mħarrek, fuq għażla tar-rikorrent, quddiem il-qorti ta’ wieħed jew l-ieħor minn dawn iż-żewġ postijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn l-ilment u l-qrati tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż, u li b’hekk tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni xierqa tal-proċedura (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Fil-fatt, f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt, il-qorti tal-post fejn twettaq jew jista’ jitwettaq il-fatt dannuż hija normalment fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ viċinanza tat-tilwima u ta’ faċilità ta’ amministrazzjoni tal-provi (sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Peress li l-identifikazzjoni ta’ wieħed mill-fatturi kawżali rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza kif imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza għandha konsegwentement tippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisprudenza tal-qorti li oġġettivament hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa jekk l-elementi li jikkostitwixxu r-responsabbiltà tal-persuna mħarrka humiex issodisfatti, minn dan jirriżulta li tista’ validament titressaq kawża quddiem il-qorti tal-post fejn jinsab il-fattur kawżali rilevanti biss (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Holterman Ferho Exploitatie et, C‑47/14, EU:C:2015:574, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Fil-kawża prinċipali, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex ġurisdizzjoni biss abbażi tal-post fejn seħħ id-dannu allegat.

30      Fir-rigward ta’ dan il-punt ta’ konnessjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat mhux biss li l-post fejn seħħ id-dannu jista’ jvarja skont in-natura tad-dritt allegatament miksur, iżda wkoll li r-riskju li dannu jseħħ fi Stat Membru partikolari huwa suġġett għall-fatt li d-dritt li huwa allegatament miksur ikun protett f’dan l-Istat Membru (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2015, Hejduk, C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Konsegwentement, meta l-protezzjoni mogħtija mill-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tapplika biss għat-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dik il-qorti għandha ġurisdizzjoni biss sabiex tiddeċiedi dwar id-dannu kkawżat fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Pinckney, C‑170/12, EU:C:2013:635, punt 45, u tat‑22 ta’ Jannar 2015, Hejduk, C‑441/13, EU:C:2015:28, punt 36).

32      F’dan il-każ, minn naħa, il-ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ mill-ġdid barra min-netwerk huwa ssanzjonat bid-dritt tal-Istat Membru tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża, b’mod li teżisti rabta naturali bejn din il-qorti u l-kawża prinċipali, li tiġġustifika l-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni lil din tal-aħħar.

33      Min-naħa l-oħra, huwa fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru li jseħħ id-dannu allegat. Fil-fatt, fil-każ ta’ ksur, permezz ta’ sit elettroniku, tal-kundizzjonijiet ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva, id-dannu li distributur jista’ jqajjem huwa t-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ tiegħu b’konsegwenza ta’ dak imwettaq bi ksur tal-kundizzjonijiet tan-netwerk u t-telf ta’ profitt li jirriżulta minn dan.

34      F’dan ir-rigward, il-fatt li s-siti elettroniċi li fuqhom jidhru l-offerti tal-prodotti suġġett tad-dritt ta’ distribuzzjoni selettiva joperaw fi Stati Membri differenti minn dak tal-qorti adita bil-kawża, ma huwiex rilevanti, peress li l-fatti mwettqa f’ dawn l-Istati Membri kkawżaw jew jistgħu jikkawżaw id-dannu allegat fit-territorju tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany, C‑360/12, EU:C:2014:1318, punti 57 u 58).

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li tirriżulta mill-offerta, fuq xi siti elettroniċi operati f’diversi Stati Membri, ta’ prodotti li huma s-suġġett tal-imsemmi netwerk, fis-sens li l-post fejn seħħ id-dannu għandu jitqies li huwa t-territorju tal-Istat Membru li jipproteġi l-imsemmija projbizzjoni ta’ bejgħ permezz tal-azzjoni inkwistjoni, territorju li fih ir-rikorrent jallega li sofra tnaqqis fil-bejgħ tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

36      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat‑22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat, għall-finijiet tal-attribuzzjoni tal-ġurisdizzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni għad-danni għal ksur tal-projbizzjoni ta’ bejgħ barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni selettiva li tirriżulta mill-offerta, fuq xi siti elettroniċi operati f’diversi Stati Membri, ta’ prodotti li huma s-suġġett tal-imsemmi netwerk, fis-sens li l-post fejn seħħ id-dannu għandu jitqies li huwa t-territorju tal-Istat Membru li jipproteġi l-imsemmija projbizzjoni ta’ bejgħ permezz tal-azzjoni inkwistjoni, territorju li fih ir-rikorrent jallega li sofra tnaqqis fil-bejgħ tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.