Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Okresný súd Dunajská Streda - l-Islovakkja) – Home Credit Slovakia a.s. vs Klára Bíróová

(C-42/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/48/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kreditu għall-konsumatur – Artikoli 1, 3(m), 10(1) u (2), 22(1), u 23 – Interpretazzjoni tal-espressjonijiet ‘fuq karta’ u ‘mezz durabbli ieħor’ – Ftehim li jirreferi għal dokument ieħor – Rekwiżit tal-’forma miktuba’ fis-sens tad-dritt nazzjonali – Indikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa b’riferiment għal parametri oġġettivi – Elementi li għandhom jiġu indikati fi ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss – Konsegwenzi tal-assenza ta’ informazzjoni obbligatorja – Proporzjonalità)

Lingwa tal-kawża: l-Islovakk

Qorti tar-rinviju

Okresný súd Dunajská Streda

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Home Credit Slovakia a.s.

Konvenuta: Klára Bíróová

Dispożittiv

L-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2008, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(m) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

-    il-ftehim ta’ kreditu ma għandux neċessarjament jiġi stabbilit f’dokument wieħed, iżda l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor;

-    huwa ma jipprekludix li l-Istat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, minn naħa, li l-ftehim ta’ kreditu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u li huwa stabbilit fuq karta għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u, min-naħa l-oħra, li dan ir-rekwiżit ta’ firma japplika fir-rigward tal-elementi kollha ta’ dan il-ftehim li huma msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex meħtieġ li l-ftehim ta’ kreditu jindika d-dati li fihom kull pagament li għandu jsir mill-konsumatur isir dovut b’riferiment għal data preċiża, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jippermettu li l-konsumatur jidentifika mingħajr diffikultà u b’ċertezza d-dati ta’ dawn il-pagamenti.

L-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss, li jipprevedi l-ammortizzament tal-kapital permezz ta’ pagamenti konsekuttivi, ma għandux jispeċifika, fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, liema parti ta’ kull pagament ser tiġi allokata għar-radd lura ta’ dan il-kapital. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu li Stat Membru jipprevedi tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li, fil-każ fejn ftehim ta’ kreditu ma jsemmix l-elementi kollha meħtieġa fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan il-ftehim jitqies li huwa eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, sakemm l-element ikun wieħed li l-assenza tiegħu tista’ tikkomprometti l-possibbiltà tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu.

____________

1 ĠU C 155, 11.5.2015.