Language of document : ECLI:EU:C:2016:149

Kawża C‑247/14 P

HeidelbergCement AG

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Kompetizzjoni – Suq għas-‘siment u prodotti relatati’ – Proċedura amministrattiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 18(1) u (3) – Deċiżjoni ta’ talba għall-informazzjoni – Motivazzjoni – Preċiżjoni fit-talba”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Marzu 2016

1.        Appell – Aggravji – Motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja – Ammissibbiltà

(Artikolu 256 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58)

2.        Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni skont iċ-ċirkustanzi tal-każ – Neċessità li jiġu speċifikati l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti – Assenza

(Artikolu 296 TFUE)

3.        Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Talba għal informazzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 18(3))

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 15)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 16)

3.        Fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għal talba għall-informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi l-elementi essenzjali tagħha. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni speċifika jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali sabiex mhux biss tiġi enfasizzata n-natura ġġustifikata tat-talba għall-informazzjoni, iżda wkoll sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jiġu ppreżervati d-drittijiet tagħhom tad-difiża.

Fir-rigward tal-obbligu li jiġi indikat l-għan tat-talba, dan ifisser li l-Kummissjoni għandha tindika s-suġġett tal-investigazzjoni tagħha fit-talba tagħha, u għalhekk tidentifika l-ksur allegat tar-regoli tal-kompetizzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għall-informazzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur jew li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dak il-ksur, bil-kundizzjoni li hija tindika b’mod ċar il-fatti preżunti li hija tkun biħsiebha tinvestiga. Issa, peress li n-natura neċessarja tal-informazzjoni għandha tiġi evalwata skont l-għan imsemmi fit-talba għall-informazzjoni, dan il-għan għandu jiġi indikat bi preċiżjoni suffiċjenti għaliex inkella jkun impossibbli li jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni hijiex neċessarja u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li talba għall-informazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ investigazzjoni li hija ġeneralment użata fil-kuntest tal-fażi ta’ istruzzjoni li tippreċedi l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għandha biss bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt stabbilit. Barra minn hekk, minkejja l-fatt li kien ġie ikkunsidrat, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjonijiet, li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tindika, b’mod preċiż kemm jista’ jkun, il-prova li tkun qed tfittex u l-kwistjonijiet li tkun relatata magħhom l-investigazzjoni, min-naħa l-oħra ma huwiex essenzjali f’deċiżjoni li tordna spezzjoni sabiex jiġi identifikat b’mod preċiż is-suq rilevanti, in-natura legali tal-allegat ksur jew il-perijodu li matulu jkun seħħ dak il-ksur, din il-kunsiderazzjoni kienet iġġustifikata permezz tal-fatt li l-ispezzjonijiet iseħħu fil-bidu tal-investigazzjoni, f’perijodu li matulu l-Kummissjoni għad ma għandhiex informazzjoni preċiża. Madankollu, motivazzjoni eċċessivament limitata, vaga u ġenerika u, kultant, ambigwa, ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni stabbiliti mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiġġustifika talba għall-informazzjoni li f’każ fejn tali talba seħħet iktar minn sentejn wara l-ewwel spezzjonijiet, filwaqt li l-Kummissjoni kienet diġà indirizzat bosta talbiet għall-informazzjoni lill-impriżi ssuspettati li kienu pparteċipaw fi ksur u ħafna xhur wara d-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura.

(ara l-punti 17, 19-21, 24, 37-39)