Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fis-17 ta’ Novembru 2016 – C. K., H. F. u (minuri) A. S. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-578/16)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Vrhovno sodišče Republike Slovenije

Partijiet

Rikorrenti: C. K., H. F. u (minuri) A. S.

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Domandi preliminari

1.    L-interpretazzjoni tar-regoli dwar l-applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali stabbilita fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ta’ din id-dispożizzjoni, hija tali li l-qorti tal-Istat Membru għandu l-kompetenza finali, jew hija tali li teżonera lill-qorti, li mid-deċiżjonijiet tagħha ma hemm ebda rimedju ġudizzjarju, mir-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

2.    L-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III (f’każ bħal dak tas-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari) hija suffiċjenti sabiex tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali u l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra?

3.    Mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li l-użu tal-klawżola diskrezzjonali min-naħa ta’ Stat Membru, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva fir-rigward ta’ ksur ta’ dritt stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, f’każijiet bħal dawk tas-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa obbligatorju u jipprekludi t-trasferimenti tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru kompetenti, li jkun iddikjara l-kompetenza tiegħu skont l-imsemmi regolament?

4.    Skont il-klawżola diskrezzjonali fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III, l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew persuna oħra fil-kuntest ta’ proċedura ta’ trasferiment fis-sens tar-regolament imsemmi jistgħu jinvokaw l-applikazzjoni tal-klawżola stess, li fuqha jridu jiddeċiedu l-korpi amministrattivi kompetenti u l-qrati tal-Istat Membru, jew l-imsemmija korpi u l-qrati tal-Istat Membru huma obbligati li jivverifikaw ex officio ċ-ċirkustanzi deskritti?

____________