Language of document : ECLI:EU:C:2017:109

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

tad-9 ta’ Frar 2017(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżola 4 – Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku – Ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni universitarja – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Integrazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel universitarji fil-korp tal-professuri universitarji – Kundizzjoni – Kisba ta’ dottorat – Bidla tal-impjiegi full-time f’impjiegi part-time – Applikazzjoni biss għall-għalliema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża C-443/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 8 de Madrid (tribunal amministrattiv Nru 8 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Francisco Rodrigo Sanz

vs

Universidad Politécnica de Madrid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Berger, President tal-Awla, A. Borg Barthet u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“ftehim qafas”), li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Francisco Rodrigo Sanz u l-Universidad Politécnica de Madrid (università politeknika ta’ Madrid, Spanja, iktar 'il quddiem l-“UPM”), dwar id-deċiżjoni meħuda minn din tal-aħħar li tnaqqas it-tul taż-żmien ta’ xogħol tal-persuna kkonċernata billi tgħaddiha minn xogħol full-time għal xogħol part-time.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70 l-għan tagħha huwa li “[ġ]ġib fis-seħħ il-ftehim qafas […], konkluż […] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta’ l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP) annessi hawn”.

4        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva [u għandhom] jieħdu xi miżuri neċessarji sabiex ikunu jistgħu f’kull ħin ikunu f’posizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva. […]”

5        Skont il-klawżola 1 tal-ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jipprevjeni l-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat suċċessivi.

6        Il-klawżola 2 tal-ftehim qafas, intitolata “L-iskop [Kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi fil-punt 1 tagħha:

“Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru.”

7        Il-klawżola 3 tal-ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

1.      […] il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss [ħaddiem għal żmien determinat]’ [ifisser] persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kundizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku;

2.      […] il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ mpjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet. Meta ma jkun hemm ebda ħaddiem kumparabbli permanenti fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew meta ma jkun hemm ebda ftehim kollettiv applikabbli, skont il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika.”

8        Il-Klawżola 4.1 tal-ftehim qafas (“Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”) tipprovdi:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

 Id-dritt Spanjol

9        It-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley Orgánica 4/2007 por la que se modifica la Ley Orgánica 6/2001, de 21 de diciembre, de universidades (Liġi organika 4/2007 li temenda l-Liġi organika 6/2001 tal-21 ta’ Diċembru 2001 dwar l-universitajiet), tat-12 ta’ April 2007 (BOE Nru 89, tat-13 ta’ April 2007, p. 16241), intitolata “Il-korp tal-għalliema tal-istituti universitarji u l-integrazzjoni tal-membri tagħhom fil-korp tal-professuri universitarji” jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet tal-aċċess għall-korp tal-professuri universitarji, l-għalliema tal-istituti universitarji li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jkollhom dottorat jew ikunu ser jiksbuh iktar 'il quddiem u jingħataw l-awtorizzazzjoni speċifika […] jaċċedu direttament għall-korp tal-professuri universitarji, fil-kariga tagħhom […].

2.      L-universitajiet għandhom jistabbilixxu programmi intiżi sabiex jippermettu lill-għalliema tal-istituti universitarji jikkonċiljaw l-obbligi tagħhom ta’ tagħlim mal-kisba ta’ dottorat.

3.      Il-persuni li ma jiksbux il-kwalifika ta’ professur universitarju jżommu l-istess sitwazzjoni, filwaqt li jżommu d-drittijiet kollha tagħhom u l-awtorizzazzjoni sħiħa tagħhom sabiex jgħallmu u, jekk ikun il-każ, sabiex iwettqu riċerka.

[…].”

10      Abbażi tal-Ley 4/2012 de modificación de la Ley de presupuestos generales de la Comunidad de Madrid para el año 2012 y de medidas urgentes de racionalización del gasto público e impulso y agilización de la actividad económica (Liġi 4/2012 li temenda l-liġi tal-baġit ġenerali tal-Comunidad de Madrid għas-sena 2012 u tal-miżuri urġenti ta’ razzjonalizzazzjoni tal-ispejjeż pubbliċi u ta’ promozzjoni u faċilitar tal-attività ekonomika), tal-4 ta’ Lulju 2012 (BOE Nru 247, tat-13 ta’ Ottubru 2012, p. 73244), ġie previst, b’mod partikolari, li jiġi emendat it-tul ta’ żmien ta’ xogħol tal-għalliema membri tal-persunal mhux permanenti li ma jkollhomx l-awtorizzazzjoni speċifika msemmija fil-punt 1 tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi organika 4/2007, billi jgħaddu minn impjieg full-time għal impjieg part-time.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      F. Rodrigo Sanz ilu jaħdem mill-1983, għall-UPM, iktar preċiżament fi ħdan l-Escuela Técnica Superior de Arquitectura de Madrid (Skola superjuri tal-arkitettura ta’ Madrid).

12      Fis-7 ta’ Novembru 1989, inħatar bħala membru tal-persunal mhux permanenti fuq bażi full-time bħala għalliem fl-iskejjel universitarji (profesor titular de escuela universitaria). Id-deskrizzjoni tal-obbligi tiegħu, it-tul ta’ żmien ta’ xogħol u l-orarju tiegħu ma nbidlu qatt minn dak iż-żmien.

13      Fid-dawl tar-ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni tal-universitajiet fi Spanja, il-Liġi organika 4/2007 pprovdiet għall-integrazzjoni tal-għalliema tal-iskejjel universitarji fil-korp tal-professuri tal-universitajiet bil-kundizzjoni li jkunu kisbu dottorat.

14      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-miżuri li għandhom jittieħdu minħabba t-tnaqqis fil-baġit imposti mil-Liġi 4/2012, il-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-UPM iddeċieda li jnaqqas it-tul ta’ xogħol tal-ħaddiema impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti li ma kinux awtorizzati jokkupaw il-kariga ta’ lecturer għal żmien determinat, lecturer għal żmien indeterminat jew ta’ professur universitarju, karigi li għalihom huwa meħtieġ dottorat.

15      Peress li ma għandux dottorat, F. Rodrigo Sanz ġie informat, fid-19 ta’ Novembru 2012, bil-bidla fl-impjieg tiegħu minn full-time għal part-time, bi tnaqqis korrispondenti fis-salarju.

16      F. Rodrigo Sanz ippreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni minħabba li din tal-aħħar ma kinitx tirrispondi għall-bżonnijiet tat-tagħlim u lanqas għall-bżonnijiet tad-dipartiment fejn kien jgħallem, iżda unikament għal kunsiderazzjonijiet intiżi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-università. Billi kienet tapplika biss għall-membri tal-persunal mhux permanenti, l-imsemmija deċiżjoni għandha l-effett li tittratta lil dawn b’mod inqas favorevoli mill-omologi tagħhom li huma uffiċjali.

17      L-UPM issostni li l-miżura inkwistjoni tikkostitwixxi garanzija ta’ kwalità li tippermetti li jitkejjel ir-rendiment tal-attivitajiet ta’ tagħlim, ta’ riċerka u ta’ ġestjoni tal-korp ta’ tagħlim universitarju. Fid-dawl tas-setgħa ta’ awtoorganizzazzjoni li għandhom l-amministrazzjonijiet statali, din il-miżura tikkostitwixxi reazzjoni adattata fid-dawl tar-reġistrazzjonijiet iktar baxxi li ġew ikkonstatati f’dawn l-aħħar snin.

18      Il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 8 de Madrid (tribunal amministrattiv Nru 8 ta’ Madrid, Spanja) tfakkar li l-ftehim qafas jipprovdi b’mod partikolari l-projbizzjoni li l-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, sempliċement peress li jaħdmu għal żmien determinat.

19      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-leġiżlazzjoni Spanjola li tintegra l-għalliema tal-iskejjel universitarji fil-korp tal-professuri universitarji tindika espressament li l-persuni li ma jiksbux din l-aħħar kwalifika fil-proċedura ta’ aċċess jibqgħu fl-istess sitwazzjoni u jżommu d-drittijiet tagħhom. Issa, l-amministrazzjoni universitarja, fil-verità, tapplika din id-dispożizzjoni biss għall-għalliema uffiċjali, bl-esklużjoni tal-membri tal-persunal mhux permanenti, billi tibbaża ruħha fuq id-differenza fundamentali li teżisti bejn uffiċjali u membri tal-persunal mhux permanenti, fejn tal-ewwel ikunu għaddew minn kompetizzjoni li twassal għall-ħolqien ta’ kariga, filwaqt li l-ħatra tat-tieni hija dettata unikament minn rekwiżiti ta’ bżonn u urġenza li jimtela post vakanti.

20      Skont il-qorti tar-rinviju, il-karatteristiċi tal-karigi okkupati, in-natura tal-impjieg, l-obbligi fdati u t-taħriġ meħtieġ huma identiċi għal kull waħda miż-żewġ kategoriji ta’ għalliema. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-unika raġuni għat-tnaqqis tat-tul ta’ xogħol hija msejsa fuq il-ħsieb li jiġu llimitati l-ispejjeż, meta l-bżonnijiet tad-dipartiment ikkonċernat fil-qasam tat-tagħlim ma nbidlux, fejn is-sejħiet għal kandidaturi reċenti juru fil-fatt il-persistenza tal-bżonn ta’ okkupazzjoni tal-kariga full-time.

21      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lilha nfisha għalhekk jekk l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ din in-natura hijiex konformi mal-ftehim qafas peress li din twassal għal tnaqqis ta’ nofs il-ħin tax-xogħol tal-għalliema li jagħmlu parti mill-persunal mhux permanenti, meta dawn ma jkollhomx dottorat, filwaqt li l-għalliema uffiċjali li ma għandhomx dottorat jibqgħu jżommu t-totalità tad-drittijiet tagħhom u ma jbatu l-ebda żvantaġġ.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo n° 8 de Madrid (tribunal amministrattiv Nru 8 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissosspendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik deskritta li tippermetti li jitnaqqas il-ħin tax-xogħol ta’ persuna minħabba s-sempliċi fatt li hija membru tal-persunal mhux permanenti?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva:

–        Tista’ titqies bħala raġuni oġġettiva li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament is-sitwazzjoni ekonomika li tagħmel neċessarja l-limitazzjoni tal-ispejjeż li tirriżulta mit-tnaqqis tal-krediti tal-baġit?

–        Tista’ titqies bħala raġuni oġġettiva li tiġġustifika din id-differenza fit-trattament s-setgħa ta’ awto-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni?

2)      Il-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE għandha tiġi interpretata fis-sens [li] s-setgħa ta’ awto-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni hija dejjem u fi kwalunkwe każ limitata mill-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema fis-servizz tagħha, indipendentement mill-klassifikazzjoni tagħhom bħala uffiċjal, membru tal-persunal mhux permanenti, persunal awżiljarju jew temporanju?

3)      Jistgħu jitqiesu kuntrarji għall-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-punt 3 tat-tieni dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley orgánica 4/2007, […] sa fejn jippermetti li fil-proċeduri ta’ aċċess ta’ għalliema [uffiċjali] f’istitut universitarju [fil-] korp tal-professuri universitarji, l-imsemmija għalliema jżommu d-drittijiet kollha tagħhom u l-intitolament sħiħ tagħhom għall-prattika tat-tagħlim, minkejja li dawn ma jkollhomx it-titolu ta’ duttur, li ma huwiex il-każ għall-għalliema f’istitut universitarju rreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti?

4)      Sa fejn l-assenza ta’ pussess ta’ dottorat hija l-ġustifikazzjoni oġġettiva allegata għat-tnaqqis b’50 % tal-ħin tax-xogħol tal-għalliema f’istitut universitarju rreklutati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, meta din il-miżura madankollu ma hijiex applikata għall-għalliema uffiċjali f’istitut universitarju li lanqas huma madankollu ma għandhom dan id-dottorat, jista’ jitqies li din il-miżura hija diskriminatorja u tmur kontra l-klawżola 4 tal-Ftehim Qafas anness mad-Direttiva 1999/70/KE?”

 Fuq id-domandi preliminari

23      Permezz tad-domandi, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni tal-universitajiet, lill-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li jnaqqas b’nofs it-tul ta’ żmien ta’ xogħol tal-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba l-fatt li ma għandhomx dottorat, meta l-għalliema tal-iskejjel universitarji li huma uffiċjali, iżda li lanqas ma għandhom dottorat, ma humiex suġġetti għall-istess miżura.

24      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

25      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata f’din il-kawża. Fil-fatt, ir-risposta għad-domandi preliminari tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mis-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, (C-307/05, EU:C:2007:509), tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres (C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819), tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C-177/10, EU:C:2011:557), tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et (C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646), tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù (C-361/12, EU:C:2013:830), u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683) kif ukoll mid-digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso (C-631/15, EU:C:2016:725).

26      L-ewwel nett, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi renumerati fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg b’terminu fiss li jorbothom ma’ min jimpjegahom (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punt 28; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 42, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 40, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 27).

27      Il-preskrizzjonijiet imsemmija fil-ftehim qafas għandhom lok li japplikaw għall-kuntratti u relazzjonijiet tax-xogħol għal żmien determinat konklużi mal-amministrazzjonijiet u entitajiet oħra tas-settur pubbliku (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 28).

28      Peress li F. Rodrigo Sanz eżerċita, matul iktar minn 30 sena, diversi karigi ta’ tagħlim fi ħdan l-UPM bħala membru tal-persunal mhux permanenti, fil-kuntest ta’ diversi ħatriet għal żmien determinat, huwa jaqa’ taħt id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas.

29      Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont it-termini tal-klawżola 1(a) tal-ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-ftehim huwa li titjieb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-ftehim qafas jippreċiża li dan “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. Il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika f’dan ir-rigward li l-għan ta’ dan il-ftehim qafas jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-titjib tal-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jistabbilixxi regoli minimi ta’ natura li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 47, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 25, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 31).

30      Il-ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, għandu l-għan li japplika l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat sabiex jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan it-tip tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema mid-drittijiet li huma rrikonoxxuti lil ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punt 37; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 48, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 26, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 32).

31      Fid-dawl tal-għanijiet intiżi mill-ftehim qafas, il-klawżola 4 ta’ dan għandha għalhekk tinftiehem fis-sens li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punt 38; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 49, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 27, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 33).

32      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt il-“kondizzjonijiet [tal‑]impjieg” fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol part-time, huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni tax-xogħol bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C-361/12, EU:C:2013:830, punt 35, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 28, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 34).

33      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li mill-elementi tal-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tnaqqis ta’ nofs il-ħin ta’ xogħol u t-tnaqqis fis-salarju sussegwenti jissodisfaw b’mod sħiħ ir-rekwiżit deċiżiv imfakkar fil-punt preċedenti ta’ dan id-digriet u għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kondizzjonijiet [tal‑]impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas.

34      Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-impjieg, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tal-ftehim qafas, li huma suġġetti għalihom il-ħaddiema għal żmien determinat, dawn ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk applikabbli għal ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, sakemm trattament differenti bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punti 42 u 47; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 53; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punti 56, 57 u 64, kif ukoll tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 34, u digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 40).

35      F’dan il-każ, huwa paċifiku li teżisti differenza fit-trattament bejn l-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti u dawk li huma impjegati bħala uffiċjali, sa fejn fuq tal-ewwel huwa impost tnaqqis ta’ nofs il-ħin ta’ xogħol tagħhom u, għaldaqstant, tar-remunerazzjoni tagħhom, minħabba biss li ma għandhomx dottorat.

36      Fid-dawl tan-nuqqas ta’ ugwaljanza kkonstatat, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk l-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti u dawk impjegati bħala uffiċjali jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli.

37      Il-kunċett ta’ “ħaddiem kumparabbli permanenti [għal żmien indeterminat]” huwa ddefinit fil-klawżola 3(2) tal-ftehim qafas bħala li jikkorrispondi għal “ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit [indeterminat], fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet” (digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 42).

38      Sabiex jiġi evalwat jekk il-ħaddiema jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-ftehim qafas, hemm lok, b’mod konformi mal-klawżola 3(2) u mal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, li jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħan-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tat-taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-ħaddiema jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 42, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 40, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 43).

39      Għalkemm, effettivament, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti u l-għalliema tal-iskejjel universitarji li jibbenefikaw minn status ta’ uffiċjali jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 67; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 43, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 42, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 44), mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għal kull waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għalliema, il-karatteristiċi tal-karigi ta’ xogħol okkupati, in-natura tax-xogħol eżerċitat, l-obbligi fdati u t-taħriġ meħtieġ huma identiċi.

40      Minn dan jirriżulta li l-uniku element li jista’ jagħmel is-sitwazzjoni ta’ għalliem tal-iskejjel universitarji impjegat bħala membru tal-persunal mhux permanenti differenti minn dik tal-istess għalliem li jibbenefika mill-istatus ta’ uffiċjal, huwa n-natura temporanja tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-ewwel wieħed mal-persuna li tħaddem.

41      Peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għalliema jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, għandu jiġi vverifikat, fit-tieni lok, jekk teżistix raġuni oġġettiva, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, li tiġġustifika d-differenza fit-trattament ikkonstatata fil-punt 35 ta’ dan id-digriet.

42      F’dan ir-rigward, ma jikkostitwixxix “raġuni oġġettiva”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas, ta’ natura li tiġġustifika differenza ta’ trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat, is-sempliċi fatt li din id-differenza hija prevista minn liġi nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punt 57; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 54; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 72, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 46, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 48).

43      L-użu tas-sempliċi natura temporanja tax-xogħol tal-persunal tal-amministrazzjoni pubblika ma jistax, għaldaqstant, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 56; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 74, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 47, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 49).

44      Fil-fatt, differenza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat ma tistax tkun iġġustifikata minn kriterju li, b’mod ġenerali u astratt, jirreferi għat-tul stess tal-impjieg. Li jiġi ammess li s-sempliċi natura temporanja ta’ relazzjoni ta’ impjieg hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika tali differenza jeżawrixxi mis-sustanza tagħhom l-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas. Minflok itejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat u jippromwovi l-ugwaljanza fit-trattament imfittxa kemm mid‑Direttiva 1999/70 kif ukoll mill-ftehim qafas, l-użu ta’ kriterju bħal dan ikompli jipperpetwa l-manteniment ta’ sitwazzjoni sfavorevoli għall-ħaddiema għal żmien determinat (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 57, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 50).

45      L-imsemmi kunċett jeħtieġ għaldaqstant li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata mill-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg ikkonċernat, fil-kuntest partikolari li fih hija taqa’ u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tweġibx għal bżonn veru, hijiex adattata sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-obbligi li għat-twettiq tagħhom il-kuntratti għal żmien determinat ikunu ġew konklużi u minn karatteristiċi inerenti għalihom jew, skont il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu tal-politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C-307/05, EU:C:2007:509, punti 53 u 58; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punt 55; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 73, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C-596/14, EU:C:2016:683, punt 45, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 51).

46      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-UPM tqis li d-differenza fit-trattament hija ġġustifikata mill-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi, jiġifieri l-konfrontazzjoni tal-iskejjel universitarji b’restrizzjonijiet fil-baġit kif ukoll tnaqqis fin-numru ta’ reġistrazzjonijiet ta’ studenti, liema raġunijiet jawtorizzawha tiddeċiedi, abbażi tas-setgħa ta’ awtoorganizzazzjoni li hija tgawdi minnha, li l-għalliema ta’ din l-università impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti jitnaqqsilhom il-ħin ta’ xogħol bin-nofs.

47      Fir-rigward tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, dawn jistgħu, bħala regola ġenerali, mingħajr ma jiksru d-Direttiva 1999/70 jew il-ftehim qafas, jipprovdu għal ċerti kundizzjonijiet ta’ anzjanità sabiex jingħata aċċess għal ċerti impjiegi, jirrestrinġu l-aċċess għal promozzjoni interna biss għall-uffiċjali permanenti u jeżiġu mill-imsemmija uffiċjali li jagħtu prova ta’ esperjenza professjonali li tikkorrispondi għall-grad direttament inferjuri għal dak involut fil-proċedura ta’ għażla (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 76, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C-302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 57, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 53).

48      Madankollu, minkejja dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali restrizzjonijiet, li jwasslu għal trattament differenti, ikunu s-suġġett ta’ applikazzjoni trasparenti u ta’ possibbli stħarriġ, ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, sabiex jipprojbixxu kwalunkwe esklużjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat abbażi tal-unika fatt li t-tul tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol jiġġustifikaw it-tul ta’ snin ta’ servizz tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 77, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C-305/11, EU:C:2012:646, punt 59, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 54).

49      Meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ selezzjoni, tali trattament differenzjat jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi dwar l-impjieg li din il-proċedura għandha l-għan li timla u li huma estranji għat-tul determinat tar-relazzjoni tax-xogħol li torbot lill-ufiċċjal temporanju mal-persuna li timpjegah, dan jista’ jkun iġġustifikat b’mod validu fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-ftehim qafas (sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C-177/10, EU:C:2011:557, punt 79, u tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C-302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 61, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 55).

50      Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ regola ġenerali u astratta, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi tnaqqis ta’ nofs il-ħin ta’ xogħol tal-għalliema tal-iskejjel universitarji sempliċement minħabba li huma impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti u ma għandhomx dottorat, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi u trasparenti oħra dwar b’mod partikolari n-natura jew l-għan tal-impjieg inkwistjoni, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti preċedenti ta’ dan id-digriet.

51      Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali regola hija bbażata fuq il-premessa ġenerali skont liema t-tul determinat tar-relazzjoni ta’ impjieg tal-għalliema tal-iskejjel universitarji jiġġustifika fih innifsu trattament differenti ta’ din il-kategorija ta’ għalliema meta mqabbel ma’ dawk li jibbenefikaw minn status ta’ uffiċjal, meta dawn iż-żewġ kategoriji ta’ għalliema jeżerċitaw impjiegi simili. Tali premessa hija f’kontradizzjoni mal-għanijiet tad-Direttiva 1999/70 tal-ftehim qafas.

52      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argument skont liema trattament differenti tal-membri tal-persunal mhux permanenti huwa ġġustifikat kemm minn miżuri ta’ ġestjoni tal-korp tal-għalliema universitarji kif ukoll mir-restrizzjonijiet tal-baġit imposti mill-Istat Membru kkonċernat, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja, inkluż dawk ibbażati fuq in-neċessità li tiġi ggarantita ġestjoni rigoruża tal-persunal, ma tistax tiġġustifika diskriminazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, EU:C:2003:583, punt 85, kif ukoll tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 46).

53      Fil-fatt, għalkemm kunsiderazzjonijiet ta’ natura baġitarja jistgħu jkunu l-bażi ta’ għażla tal-politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huwa jkun jixtieq jadotta, huma ma jikkostitwixxux madankollu minnhom infushom għan intiż minn din il-politika u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal differenza fit-trattament għad-dannu tal-ħaddiema għal żmien determinat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 2013, Thiele Meneses, C-220/12, EU:C:2013:683, punt 43; tas-26 ta’ Novembru 2014, Mascolo et, C-22/13, C-61/13 sa C-63/13 u C-418/13, EU:C:2014:2401, punt 110, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Popescu, C-614/15, EU:C:2016:726, punt 63).

54      F’dan ir-rigward, l-argumenti invokati mill-UPM dwar il-ġestjoni tal-persunal tal-universitajiet kif ukoll dwar ir-restrizzjonijiet fil-baġit lanqas ma huma bbażati fuq kriterji oġġettivi u trasparenti. Dawn l-argumenti, barra minn hekk, huma kontradetti mill-fatti, kif ġie rrilevat mill-qorti tar-rinviju stess, peress li l-bżonnijiet tad-dipartimenti kkonċernati baqgħu l-istess u l-avviżi reċenti sabiex jimtlew impjiegi full-time jipprovaw dan.

55      Fl-aħħar nett, għandu jingħad li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas hija mingħajr kundizzjoni u suffiċjentement speċifika sabiex tkun tista’ tiġi invokata kontra l-Istat minn individwi quddiem qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C-444/09 u C-456/09, EU:C:2010:819, punti 78 sa 83, u tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 56, kif ukoll digriet tal-21 ta’ Settembru 2016, Álvarez Santirso, C-631/15, EU:C:2016:725, punt 59).

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni tal-universitajiet, lill-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat inaqqsu bin-nofs iż-żmien ta’ xogħol tal-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba l-fatt li ma għandhomx dottorat, meta l-għalliema tal-iskejjel universitarji li huma uffiċjali, iżda li lanqas ma għandhom dottorat, ma humiex suġġetti għall-istess miżura.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat] konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tawtorizza, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni tal-organizzazzjoni tal-universitajiet, lill-amministrazzjonijiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat inaqqsu bin-nofs iż-żmien ta’ xogħol tal-għalliema tal-iskejjel universitarji impjegati bħala membri tal-persunal mhux permanenti, minħabba l-fatt li ma għandhomx dottorat, meta l-għalliema tal-iskejjel universitarji li huma uffiċjali, iżda li lanqas ma għandhom dottorat, ma humiex suġġetti għall-istess miżura.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.