Language of document : ECLI:EU:C:2017:136

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-16 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C‑129/16

Túrkevei Tejtermelő Kft.

vs

Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szolnoki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Szolnok, l-Ungerija)]

“Ambjent – Direttiva 2004/35 – Responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u tar-rimedju ta’ dannu ambjentali – Direttiva 2008/98 – Skart – Prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” – Proporzjonalità – Preżunzjoni tal-innoċenza – Tniġġis tal-arja minħabba inċinerazzjoni illegali ta’ skart – Responsabbiltà in solidum tal-proprjetarju tal-art fejn seħħ it-tniġġis ambjentali u ta’ min iniġġes”






I –    Introduzzjoni

1.        Għal darba oħra (2), il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tikkjarifika l-konsegwenzi tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Din id-darba l-kwistjoni hija dwar jekk il-proprjetarju ta’ art mikrija jistax jiġi ppenalizzat għall-fatt li fuq din l-art ġie inċinerat l-iskart illegalment, u l-imsemmi proprjetarju la identifika l-utent effettiv tal-art u lanqas ma pproduċa prova li ma huwiex responsabbli għall-ksur.

2.        Huwa minnu li l-qorti nazzjonali tqajjem din id-domanda fid-dawl tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (3), iżda din ma hijiex applikabbli peress li ma tinkludi ebda dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet. Is-sanzjonijiet għall-inċinerazzjoni illegali tal-iskart jaqgħu pjuttost taħt id-Direttiva dwar l-iskart (4). Din tal-aħħar hija wkoll ibbażata fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u teżiġi espliċitament li jkun hemm sanzjonijiet effettivi fil-każ ta’ ksur. U peress li hemm inkwistjoni s-sanzjonijiet, minbarra l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, għandu jiġi eżaminat ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jimponi limiti fuq l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, kif ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

3.        L-Artikolu 48(1) tal-Karta jikkonċerna l-preżunzjoni tal-innoċenza:

“Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.”

4.        Il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tas-sanzjonijiet jirriżultaw mill-Artikolu 49 tal-Karta:

“1.      L-ebda persuna m’għandha tiġi kkundannata għal xi att jew ommissjoni li, fiż-żmien meta sar jew saret, ma kienx jew ma kenitx reat skond il-liġi nazzjonali jew il-liġi internazzjonali. […]

2.      […]

3.      Is-severità tal-piena m’għandhiex tkun sproporzjonata għar-reat.”

2.      Id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali

5.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jikkonċerna s-suġġett tagħha:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas ta’ responsabbiltà ambjentali ibbażata fuq il-prinċipju ta’ ‘min iniġġes iħallas’, għall-prevenzjoni u r-rimedju tad-danni ambjentali.”

6.        Il-kunċett ta’ dannu ambjentali huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali:

“Għal l-iskop ta’ din id-Direttiva t-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

1.      “danni ambjentali” jfisser

(a)      danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali, li huma kull dannu li għandu effett negattiv sinifikattiv fuq il-kisba u l-manteniment ta’ l-istatus favorevoli ta’ ħarsien ta’ dawn l-ispeċi jew ambjenti. L-importanza ta’ dawn l-effetti għandha tkun ikalkolata fi stima tal-kondizzjonijiet tal-bażi, u wara li jkunu ikkunsidrati il-kriterji stabbiliti fl-Anness I;

Danni lil l-ispeċi protetti u lil l-ambjenti naturali ma jfissirx effetti negattivi li ġew identifikati minn qabel li huma r-riżultat ta’ azzjoni ta’ operator li kien awtorizzat b’mod ċar mill-awtoritajiet relevanti skond id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikolu 6(3) u (4) jew l-Artikolu 16 tad-Direttiva 92/43/KEE: jew l-Artikolu 9 tad-Direttiva 79/409/KEE: jew, fil-każ ta’ ambjenti naturali jew speċi li mhumiex koperti mill-liġ[i] tal-Komunità, skont id-dispożizzjonijiet ekwivalenti fil-liġI nazzjoni dwar il-ħarsien tan-natura.

(b)      Danni lil l-ilma, li huma kull dannu li jolqot b’mod negattivi u sinifikattiv l-istatus ekoloġiku, kimiku u/jew kwantitattiv u/jew il-potenz[j]al ekoloġiku, kif mfisser fid-Direttiva 2000/60/KE, ta’ l-ilma ikkonċernati, bl-eċċezjoni ta’ l-effetti negattivi meta l-Artikolu 4(7) ta’ dik id-Direttiva jgħodd;

(ċ)      Danni lil l-art, li huma kull kontaminazzjoni ta’ l-art li toħloq periklu sinifikattiv li is-saħħa tal-bniedem tkun milquta b’mod negattiv bħala riżultat ta’ l-introduzzjoni diretta jew indiretta, fi, fuq jew taħt l-art, ta’ sustanzi, preparazzjonijiet, organiżmi jew micro-organiżmi;

2.      […]”

7.        Il-kunċett ta’ dannu ambjentali huwa wkoll spjegat permezz tar-raba’ premessa tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali:

“Danni ambjentali jfissru ukoll danni ikkkawżati minn elementi trasportati bl-ajru meta jikkawżaw danni lil l-ilma, l-art jew speċi protetti jew ambjenti naturali.”

3.      Id-Direttiva dwar l-iskart

8.        Il-premessa 26 tad-Direttiva dwar l-iskart tirreferi għall-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”:

“Il-prinċipju li min iniġġes iħallas huwa prinċipju ta’ gwida fil-livell Ewropew u dak internazzjonali. […]”

9.        L-Artikolu 36 tad-Direttiva dwar l-iskart jikkonċerna l-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-iskart:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu l-abbandun, ir-rimi jew l-immaniġġar mhux ikkontrollat ta’ l-iskart.

2.      L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet dwar pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

B –    Id-dritt Ungeriż

10.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tiddeskrivi d-dispożizzjonijiet Ungeriżi rilevanti kif ġej:

11.      Skont l-Artikolu 102(1) ta’ 1995. évi LIII. törvény a környezet védelmének általános szabályairól (Liġi LIII tal-1995 dwar regoli ġenerali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent), ir-responsabbiltà għal dannu ambjentali jew għal perikolu ambjentali għandha tiġi sostnuta konġuntament u in solidum, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, mill-proprjetarju u mill-possessur (utent) tal-art li fuqha jkun sar id-dannu ambjentali jew li fuqha tkun twettqet l-attività ta’ perikolu għall-ambjent, mill-mument li fih ikun immaterjalizza d-dannu jew il-perikolu ambjentali. Skont l-Artikolu 102(2), il-proprjetarju jinħeles mir-responsabbiltà in solidum jekk jidentifika l-utent effettiv tal-art u jipproduċi prova inekwivoka li huwa ma huwiex responsabbli.

12.      Skont l-Artikolu 27(2) ta’ 306/2010. (XII. 23.) kormányrendelet a levegő védelméről (Digriet tal-Gvern Nru 306/2010, tat-23 ta’ Diċembru 2010, dwar il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja), l-inċinerazzjoni tal-iskart fil-beraħ jew f’impjanti li ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet legali li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-inċinerazzjoni tal-iskart, hija pprojbita; għajr l-inċinerazzjoni tal-iskart tal-karti li jirriżulta minn djar privati jew l-inċinerazzjoni ta’ skart tal-injam mhux ittrattat u kklassifikat bħala mhux perikoluż f’impjanti domestiċi. Ikun hemm inċinerazzjoni tal-iskart fil-beraħ ladarba l-iskart jieħu n-nar, irrispettivament mir-raġunijiet għalfejn dan iseħħ, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi naturali.

13.      Skont l-Artikolu 34(1) tad-Digriet tal-Gvern, l-awtorità għall-protezzjoni tal-ambjent għandha timponi multa intiża għall-protezzjoni tal-kwalità tal-arja fuq persuna fiżika jew ġuridika jew fuq l-organizzazzjoni mingħajr personalità ġuridika, li tkun kisret id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja, u fl-istess waqt timponilha l-obbligu li ttemm l-attività illegali jew in-nuqqas ta’ azzjoni.

14.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ungerija, id-dritt tal-iskart huwa rregolat f’atti ġuridiċi Ungeriżi oħra, b’mod partikolari fi 2012. évi CLXXXV. törvény a hulladékról (Liġi CLXXXV tal-2012 dwar il-ġestjoni tal-iskart) u fi 271/2001. (XII. 21.) Korm. rendelet a hulladékgazdálkodási bírság mértékéről, valamint kiszabásának és megállapításának módjáról (Digriet tal-Gvern Nru 271/2001, tal-21 ta’ Diċembru 2001, dwar l-ammont tal-piena fil-kuntest tal-ġestjoni tal-iskart u l-modalitajiet tal-impożizzjoni u l-istabbiliment tagħha).

III – Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari

15.      Fit-2 ta’ Lulju 2014, l-awtorità doganali u finanzjarja nnotifikat lill-awtorità tal-ewwel istanza għall-protezzjoni tal-ambjent li kien ġie inċinerat skart muniċipali f’impjant ta’ Túrkevei Tejtermelő Kft. (iktar ’il quddiem “TTK”) f’Túrkeve.

16.      L-impjegati tal-awtorità għall-protezzjoni tal-ambjent wettqu spezzjoni fuq il-post tal-art u fasslu rapport dwar din l-ispezzjoni. F’dan ir-rapport ġie stabbilit li, f’kull waħda mit-tliet unitajiet ta’ ħażna fuq il-post ġie inċinerat 30 sa 40 m³ ta’ skart muniċipali, li kien jinkludi laned tal-ikel u skart metalliku ieħor. Barra minn hekk, fuq erja ta’ 5x5 metri madwar l-unitajiet ta’ ħażna fuq il-post, instab skart metalliku inċinerat ieħor provenjenti mill-inċinerazzjoni tal-iskart.

17.      Mal-wasla tagħhom fuq il-post, l-ispetturi sabu tliet trakkijiet fis-sit tal-impjant, li kienu ser jittrasportaw l-iskart metalliku li kien għad fadal wara l-inċinerazzjoni. Is-sewwieqa tat-trakkijiet iddikjaraw li l-proprjetarja tal-vetturi kienet kumpannija stabbilita f’Budapest. Skont id-dikjarazzjonijiet tas-sewwieqa tal-vetturi, kien biss wara li ssir it-tagħbija tal-iskart li kellhom jingħataw struzzjonijiet dwar il-post fejn kien ser jiġi ttrasportat l-iskart metalliku.

18.      L-awtorità tal-ewwel istanza għall-protezzjoni tal-ambjent ikkonstatat li, skont dikjarazzjoni mogħtija minn TTK fit-12 ta’ Lulju 2014, din tal-aħħar kienet kriet il-proprjetà b’effett mill-15 ta’ Marzu 2014 lil persuna li mietet fl-1 ta’ April 2014. It-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati l-werrieta tal-persuna jew il-persuni responsabbli għall-inċinerazzjoni tal-iskart.

19.      L-awtorità tal-ewwel istanza imponiet multa fuq TTK, li tammonta għal 500 000 fjorint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 1 650), għall-protezzjoni tal-kwalità tal-arja u ġġustifikat l-impożizzjoni tal-multa bid-drittijiet ta’ proprjetà ta’ TTK.

20.      Fuq appell minn TTK, l-Országos Környezetvédelmi és Természetvédelmi Főfelügyelőség (spettorat ġenerali nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent u n-natura, l-Ungerija) ikkonferma d-deċiżjoni tal-awtorità ta-ewwel istanza.

21.      L-awtoritajiet involuti argumentaw li, waqt l-inċinerazzjoni tal-iskart fil-beraħ jiġu rrilaxxati sustanzi li jagħmlu ħsara lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent; skonthom, dan jikkostitwixxi perikolu ambjentali. Ir-responsabbiltà għall-perikolu ambjentali għandha tiġi attribwita lill-proprjetarju tal-impjant. L-ispettorat ġenerali nazzjonali rrimarka li l-proprjetarju tal-impjant fejn seħħet l-inċinerazzjoni hija r-rikorrenti u, skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-ambjent, il-proprjetarji u d-detenturi tal-beni immobbli jitqiesu li huma responsabbli in solidum, sakemm il-proprjetarju ma jipproduċix prova li ma tħalli l-ebda dubju li ma huwiex responsabbli. Fid-dawl tal-fatt li l-kerrej tal-art kien miet, l-awtorità tal-ewwel istanza ħadet il-passi proċedurali meħtieġa sabiex tiċċara l-fatti u, barra minn hekk, esprimiet il-fehma li kien hemm inversament tal-oneru tal-prova u li kienet ir-rikorrenti li kellha tipproduċi prova li ma hijiex responsabbli.

22.      Min-naħa l-oħra, TTK ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni u l-qorti kompetenti għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1)      L-Artikolu 191 TFUE u d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tmur lil hinn mill-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, tipprevedi li awtorità amministrattiva responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent tista’ tqiegħed fuq il-persuna li għandha d-dritt għall-proprjetà, taħt forma partikolari, ir-responsabbiltà għar-rimbors tad-danni kkawżati lill-ambjent mingħajr ma tkun meħtieġa, qabel ma tagħmel dan, li teżamina jekk teżistix rabta kawżali bejn l-aġir ta’ din il-persuna (impriża kummerċjali) u l-każ ta’ tniġġis?

2)      Jekk għandha tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda u meta, fir-rigward tat-tniġġis tal-arja, ma jidhirx li kien hemm dannu lill-ambjent li għandu jiġi rrimedjat, tista’ tiġi imposta multa fil-qasam tal-protezzjoni tal-kwalità tal-arja billi tiġi invokata leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li hija iktar ħarxa minn dik prevista fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/35/KE u fl-Artikolu 193 TFUE, jew din il-leġiżlazzjoni li hija iktar ħarxa ma tista’ bl-ebda mod tirriżulta f’sitwazzjoni fejn multa li għandha esklużivament in-natura ta’ sanzjoni tiġi imposta fuq proprjetarju li ma huwiex responsabbli għat-tniġġis ikkawżat?

23.      Dwar dawn iż-żewġ domandi kif ukoll dwar domanda oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja, relatata mal-importanza li għandha tingħata lid-Direttiva dwar l-iskart, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub l-ispettorat ġenerali nazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent u n-natura, l-Ungerija kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea.

IV – Analiżi legali

24.      L-għan tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa li jiġi stabbilit jekk il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, stipulat fl-Artikolu 191(2) TFUE, jippermettix li tiġi imposta sanzjoni fuq il-proprjetarju ta’ art mikrija, li fuqha jkun ġie inċinerat l-iskart illegalment, mingħajr ma tkun ġiet ipprovata rabta kawżali bejn l-imġiba tiegħu u l-ksur.

25.      Il-qorti nazzjonali tassumi korrettament li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jista’ japplika biss b’rabta ma’ konkretizzazzjoni fid-dritt sekondarju (5). Madankollu, huwa b’mod żbaljat li din il-qorti tfittex din il-konkretizzazzjoni fid-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A). Huwa pjuttost fid-Direttiva dwar l-iskart li għandha ssir it-tfittxija fil-kawża preżenti (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B). F’dan il-kuntest, għandhom jiġu eżaminati l-konsegwenzi tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” u l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-preżunzjoni tal-innoċenza. Fl-aħħar nett, ser nindirizza t-tieni domanda dwar is-setgħa tal-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C).

A –    Fuq id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali

26.      Fil-kawża preżenti, ġiet imposta sanzjoni minħabba l-inċinerazzjoni illegali tal-iskart, sabiex tiġi protetta l-kwalità tal-arja. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza korrettament li d-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali la tikkonċerna s-sanzjonijiet relatati mal-ksur kontra d-dritt ambjentali u lanqas il-ħsara fuq il-kwalità tal-arja.

27.      Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali għandha l-għan li fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, toħloq qafas ta’ responsabbiltà ambjentali għall-prevenzjoni u għar-rimedju tad-dannu ambjentali.

28.      Filwaqt li, fil-prinċipju, huwa konċepibbli li qafas legali għar-responsabbiltà ambjentali għall-prevenzjoni u għar-rimedju tad-dannu ambjentali jkun jinkludi wkoll is-sanzjonijiet għall-ksur, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali ma tipprevedix dan. Fir-rigward tad-dannu ambjentali, din tillimita ruħha għall-obbligu li jkun hemm miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ rimedju u tirregola wkoll ir-responsabbiltà għall-ispejjeż ta’ tali miżuri.

29.      Barra minn hekk, il-kunċett ta’ dannu ambjentali fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, ma jkoprix id-dannu għall-kwalità tal-arja. Għall-kuntrarju, f’dan l-artikolu l-kunċett huwa ristrett għad-dannu kkawżat lil speċi protetti jew lil habitats naturali, lill-ilma jew lill-art.

30.      Huwa minnu li l-premessa 4 tippreċiża li “danni ambjentali” tfisser ukoll danni kkawżati minn elementi preżententi fl-arja sa fejn jikkawżaw dannu għall-ilma, għall-art jew għal speċi protetti jew habitats naturali. Madankollu, fil-kawża preżenti ma teżisti ebda indikazzjoni ta’ tali effetti.

31.      Barra minn hekk, l-inċinerazzjoni illegali tal-iskart fiha nfisha ma tikkostitwixxix dannu ambjentali fis-sens tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali.

32.      Konsegwentement, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali ma hijiex applikabbli fil-kawża preżenti u, għaldaqstant, lanqas ma tista’ sservi ta’ pont għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE.

B –    Fuq il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart

33.      Madankollu, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li s-sanzjoni kkontestata kienet imposta minħabba l-inċinerazzjoni illegali tal-iskart.

34.      Huwa minnu li l-Ungerija tisħaq li l-imsemmija sanzjoni hija bbażata fuq regola dwar il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja, iżda peress li hija marbuta mar-rimi tal-iskart u li, skont l-Artikolu 13(a), wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva dwar l-iskart huwa wkoll il-protezzjoni tal-kwalità tal-arja, il-leġiżlazzjoni dwar is-sanzjonijiet Ungeriża inkwistjoni għandha titqies li hija l-implementazzjoni tal-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur kontra d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva u li għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom. Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

35.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina t-talba għal deċiżjoni preliminari fid-dawl tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart. Dan peress li fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li għandha quddiemha. Għal dan il-għan, skont il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, jista’ jkun meħtieġ għall-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li ma tkunx għamlet riferiment għalihom il-qorti tar-rinviju fid-domandi tagħha (6).

36.      Għalhekk, iktar ’il quddiem, fl-ewwel lok, ser nidentifika l-prinċipji li għandhom jiġu osservati meta tingħata sanzjoni skont l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart. Sussegwentement, għandha tiġi kkjarifikata l-bażi tas-sanzjonijiet imposti fuq TTK fil-kawża preżenti, jiġifieri l-preżunzjoni konfutabbli tar-responsabbiltà konġunta tagħha għall-ksur. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu stabbiliti l-limiti ta’ din il-preżunzjoni fid-dawl tal-prinċipji msemmija iktar ’il fuq.

1.      Fuq il-bażijiet ta’ sanzjoni imposta konformement mal-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart

37.      Bħad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, id-Direttiva dwar l-iskart ukoll tirreferi espliċitament għall-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Filwaqt li fil-premessa 1 u fl-Artikolu 14 dan il-prinċipju jissemma biss b’rabta mal-ispejjeż għall-ġestjoni tal-iskart, il-premessa 26 tenfasizza b’mod ġenerali l-funzjoni tiegħu bħala prinċipju gwida fuq livell Ewropew u internazzjonali.

38.      Barra minn hekk, waqt l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ambjentali skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa dejjem marbut li jimplementa l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Id-Direttiva dwar l-iskart hija leġiżlazzjoni ta’ dan it-tip peress li kienet ibbażata fuq l-Artikolu 175(1) KE (issa l-Artikolu 192(1) TFUE). Konsegwentement, din id-direttiva għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”.

39.      Għaldaqstant, anki l-obbligu pprovdut fl-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart li l-ksur għandu jiġi ssanzjonat għandu jiġi interpretat b’mod li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jingħata effett.

40.      L-obbligu li tiġi imposta sanzjoni skont l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart huwa marbut mill-qrib mal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 36(1), li jiġi pprojbit id-depożitu, ir-rimi jew l-immaniġġar mhux ikkontrollat tal-iskart. Minn dan jirriżulta d-dmir tal-eliminazzjoni jew tar-riċiklaġġ tal-iskart kif stabbilit fl-Artikolu 15(1), li huwa prinċipalment il-kompitu tal-persuna li tiġġenera l-iskart jew tad-detentur tal-iskart (7). Kif stabbilit fl-Artikolu 14, konformement mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, din il-persuna għandha ssostni l-ispejjeż marbutin mar-rimi ta’ skart, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li b’dan il-mod ikun qiegħed isir riferiment għal min ikun ipproduċa l-iskart (8).

41.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 191(2) TFUE u tal-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar l-iskart, ma jirnexxix jekk il-persuni li kkontribwixxew għall-produzzjoni tal-iskart ikunu jistgħu jevitaw l-obbligi finanzjarji tagħhom kif previsti fid-direttiva (9).

42.      Din il-kunsiderazzjoni dwar ir-responsabbiltà finanzjarja tal-produtturi tal-iskart hija importanti wkoll għall-obbligu li jiġi ssanzjonat il-ksur. Is-sanzjoni għandha tiġi imposta fuq min ikun wettaq il-ksur. Għalhekk, l-Istati Membri huma obbligati jadottaw miżuri xierqa sabiex jidentifikaw lil dawn il-persuni u jimponu sanzjonijiet fil-konfront tagħhom. F’dan ir-rigward, fil-kawża preżenti għandhom prinċipalment jittieħdu inkunsiderazzjoni l-persuni li jkunu wettqu l-ksur jew inkella dawk li jkunu kkummissjonawh, kif ukoll, possibbilment, il-persuna li, meta twettaq il-ksur kienet fil-fatt teżerċita kontroll fiżiku fuq l-art, possibbilment il-werrieta tal-kerrej mejjet.

43.      Għall-kuntrarju, ikun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” li persuni jiġu ssanzjonati għal ksur li ma humiex responsabbli għalih (10). Dan ma huwiex meħtieġ u għaldaqstant jikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità (11) li għandu jiġi osservat fl-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (12). Skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta, dan il-prinċipju japplika għas-severità tal-piena (13) u huwa elenkat espliċitament fit-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart.

44.      Peress li l-kwistjoni tikkonċerna sanzjoni, prinċipji oħra huma wkoll importanti, bħal-legalità tal-pieni, nulla poena sine lege, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, u l-preżunzjoni tal-innoċenza, li hija stabbilita fl-Artikolu 48(1) tal-Karta. Il-preżunzjoni tal-innoċenza tiġbor fiha wkoll il-prinċipju tal-kolpevolezza, nulla poena sine culpa, jiġifieri responsabbiltà għall-ksur (14).

45.      Madankollu, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ “min iniġġes iħallas” b’mod ġenerali (15), u partikolarment fil-qasam tal-issanzjonar tal-ksur (16), hija l-kompitu tal-Istati Membri u li għalhekk dawn normalment igawdu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Huma prinċipalement il-qrati nazzjonali li għandhom jeżerċitaw l-istħarriġ ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni.

2.      Fuq l-ispeċifikazzjoni tal-akkuża

46.      Sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà ta’ proprjetarju ta’ art għall-azzjonijiet ta’ terzi fuq art mikrija, huwa possibbli li jiġu eżaminati diversi kategoriji ta’ kompliċità taħt id-dritt kriminali. F’dan ir-rigward, jistgħu jiġu kkunsidrati, fost l-oħrajn, il-kompliċità, l-instigazzjoni, l-għajnuna kif ukoll, wara li jkun seħħ ir-reat, it-trattament preferenzjali jew it-tfixkil tal-ġustizzja. Madankollu, ma hemmx indikazzjonijiet li fil-kawża prinċipali saru dawn il-konstatazzjonijiet neċessarji.

47.      Għall-kuntrarju, is-sanzjoni hija esklużivament ibbażata fuq il-fatt li TTK hija l-proprjetarju tal-art, iżda l-utent reali tal-art ma ġiex identifikat u lanqas ma ġie pprovat b’mod inkontestabbli li TTK ma għandhiex titqies responsabbli għall-ksur.

48.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok hija l-qorti nazzjonali li għandha taċċerta jekk, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, id-dritt Ungeriż jistabbilixxix b’mod xieraq il-fondatezza tar-responsabbiltà tal-proprjetarju tal-art.

49.      Fil-fatt, kif huwa implikat ukoll fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma kienx neċessarju li d-dispożizzjoni msemmija hemmhekk, l-Artikolu 102(1) tal-Liġi Nru LIII tal-1995 dwar dispożizzjonijiet ġenerali għall-protezzjoni tal-ambjent, tingħata dan l-effett. F’din il-liġi, ir-responsabbiltà għal dannu ambjentali jew għal perikolu ambjentali hija imposta in solidum fuq kull min huwa jew ser ikun il-proprjetarju jew id-detentur (utent) tal-art inkwistjoni.

50.      Din it-terminoloġija tkopri proprjetarji u utenti futuri li b’ebda mod ma huma responsabbli għal kwalunkwe ksur tal-leġiżlazzjoni li seta’ seħħ fil-passat. Taħt ċerti kundizzjonijiet, dan jista’ jkun ammissibbli fir-rigward tar-rimedju tad-dannu jew tal-prevenzjoni ta’ perikolu lil hinn mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali (17). Madankollu, fil-kawża ineżami ma hemmx inkwistjoni r-rimedju ta’ dannu ambjentali jew il-prevenzjoni ta’ perikolu ambjentali, iżda s-sanzjoni ta’ ksur.

51.      Madankollu, sabiex tingħata risposta għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti, għandu jiġi preżunt li d-dritt Ungeriż jimponi responsabbiltà sanzjonabbli fuq il-proprjetarju tal-art għal ksur li jkun twettaq fuq l-art, fil-każ li tali proprjetarju ma jidentifikax l-utent reali tal-art u ma jipproduċix prova li ma tħalli ebda dubju li huwa ma għandux jitqies responsabbli.

52.      Konsegwentement, is-sanzjoni hija bbażata fuq preżunzjoni konfutabbli.

3.      Fuq l-ammissibbiltà tal-preżunzjonijiet konfutabbli

53.      Rigward il-ġustifikazzjoni tal-ammissibbiltà tas-sanzjonijiet ibbażati fuq preżunzjonijiet konfutabbli, hemm indikazzjonijiet fil-ġurisprudenza tal-QEDB dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza fl-Artikolu 6(2) tal-KEDB. Dan il-prinċipju jitlob li jiġu inklużi f’limiti raġonevoli preżunzjonijiet ta’ fatt jew ta’ liġi li jinsabu fil-liġijiet kriminali filwaqt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-kwistjoni u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża (18). Il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi din il-ġurisprudenza (19).

54.      Ir-responsabbiltà konġunta in solidum tal-proprjetarju ta’ art għall-aġir tal-utent tal-art hija bbażata fuq żewġ pilastri, jiġifieri minn naħa, il-preżunzjoni manifesta li l-proprjetarju mill-inqas jittollera dan l-aġir jew saħansitra japprovah u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta (20) li hija marbuta mal-proprjetà tiegħu. Fl-argument tiegħu, l-ispettorat ġenerali nazzjonali jiddeskrivi din tal-aħħar bil-prinċipju “bonus et diligens pater familias”.

55.      Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri, din il-fondazzjoni doppja tidher li hija partikolarment kompatibbli mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u mal-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fatt, fil-kawża preżenti, il-ksur tad-Direttiva dwar l-iskart kien biss possibbli peress li TTK ma eżerċitatx id-drittijiet tagħha ta’ proprjetarja sabiex tevita li jseħħ dan il-ksur.

56.      Madankollu, minbarra l-ġustifikazzjoni ta’ tali preżunzjoni, għandhom jiġu enfasizzati d-drittijiet tad-difiża. L-akkużat għandu jkollu l-possibbiltà li jikkonfuta l-preżunzjoni inkriminanti (21).

57.      L-Ungerija tenfasizza li l-proprjetarju jinħeles mir-responsabbiltà in solidum skont l-Artikolu 102(2) tal-Liġi LIII jekk jidentifika l-utent reali tal-art u jipproduċi prova li ma tħallix dubju li huwa stess ma huwiex responsabbli.

58.      Fil-kawża ineżami, l-ispettorat ġenerali nazzjonali wasal għall-konklużjoni li TTK ma ssodisfat ebda wieħed minn dawn iż-żewġ rekwiżiti u għalhekk ma kkonfutatx il-preżunzjoni tar-responsabbiltà tagħha stess. Il-kerrej li hija identifikat ma setax jagħmel użu effettiv mill-art peress li fil-frattemp kien miet, u TTK lanqas ma pproduċiet prova li ma tħalli ebda dubju dwar l-innoċenza tagħha fir-rigward tal-ksur li seħħ fuq l-art.

59.      L-ispettorat ġenerali nazzjonali jqis li din il-konklużjoni hija ġġustifikata peress li tirriżulta minn ksur tal-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta imposta fuq il-proprjetarju ta’ art. Matul żmien twil, TTK ma tatx każ għal dak li kien qiegħed iseħħ fuq l-art tagħha.

60.      Madankollu, l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta trid tkun proporzjonata u partikolarment adatta (22). Dan peress li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura trid tkun “xierqa, neċessarja u proporzjonata għall-għan li hija ssegwi” (23). Ir-rekwiżit tan-natura adatta jirriżulta mit-tielet stadju ta’ dan l-eżami, jiġifieri jekk il-miżura, f’dan il-każ id-diliġenza dovuta, hijiex proporzjonata jew adattata għall-għan li hija ssegwi.

61.      U bl-istess mod, il-konfutazzjoni ta’ preżunzjoni bbażata fuq id-dmir ta’ diliġenza għandha tkun raġonevoli.

62.      Għalhekk, il-qrati Ungeriżi kompetenti għandhom jeżaminaw kritikament jekk ir-rekwiżiti imposti fir-rigward tal-konfutazzjoni ta’ preżunzjoni tar-responsabbiltà tal-proprjetarju tal-art humiex effettivament raġonevoli fil-kawża ineżami.

63.      Fil-kawża ineżami huwa partikolarment dubjuż jekk TTK setgħetx tagħmel iżjed milli tidentifika l-kerrejja tagħha. Dan għaliex minħabba l-kirja hija tilfet il-kontroll fiżiku dirett fuq l-art. B’effett mill-kirja, kien il-kerrej li kellu jieħu ħsieb jevita kwalunkwe ksur tal-liġi fuq l-art. Ma huwiex ċar kif TTK setgħet tevita l-ksur.

64.      Mingħajr indikazzjonijiet oħra, lanqas ma huwa neċessarju li l-proprjetarju tal-impjant mikri jkollu jivverifika regolarment l-attività fl-impjant. Sakemm la d-dritt Ungeriż u lanqas il-kuntratt tal-kiri ma jkunu jipprevedu regoli oħra, tali kontrolli fil-fatt ta’ spiss jikkunfliġġu mad-drittijiet tal-kerrej.

65.      Lanqas ma jidhirli obbligatorju li jiġu dderivati dmirijiet ta’ diliġenza u ta’ kontroll iktar estiżi mill-mewt tal-kerrej. Dan peress li għandu jiġi preżunt li fl-ewwel lok huma l-werrieta tiegħu li jiġu suġġetti għad-drittijiet u għad-dmirijiet stabbiliti fil-kuntratt tal-kiri. Għandu jingħad ukoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludi ebda ħjiel dwar il-fatt li TTK kellha tkun informata bil-mewt tal-kerrej.

66.      Huwa minnu li fil-kawża ineżami jista’jkun hemm metodi investigattivi li jiġġustifikaw applikazzjoni iktar estiża tad-diliġenza dovuta, u għalhekk rekwiżiti ogħla marbuta mal-konfutazzjoni tal-preżunzjoni ta’ responsabbiltà tal-proprjetarju. Għal dan l-għan, jista’ jiġi investigat jekk il-kera baqgħetx titħallas, u minn min. L-irwol tal-werrieta tal-kerrej jista’ wkoll ikun ta’ interess. Possibbilment jista’ jagħti l-każ li l-kirja konkluża minn TTK hija fittizja u/jew li kkonkludiet il-kirja xjentement ma’ prestanome. Madankollu, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix informazzjoni dwar dawn l-aspetti.

67.      Fil-każ li, minkejja kollox, il-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li TTK ma kkonfutatx il-preżunzjoni tar-responsabbiltà tagħha, għandu jiġi nnotat, addizzjonalment, li anki s-sanzjoni trid tkun proporzjonata, jiġifieri partikolarment adatta. Konsegwentement, din trid tikkorrispondi mal-gravità tal-kontribut individwali jew tal-ksur tad-diliġenza dovuta. Normalment, il-ksur tal-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta minn proprjetarju tal-art fir-rigward tal-aġir tal-utenti effettivi tal-art mikrija ma huwiex attribwit l-istess gravità bħall-ksur immedjat tad-dispożizzjonijiet relatati mad-dritt tal-iskart. Għaldaqstant, anki fil-każ ta’ preżunzjoni tar-responsabbiltà konġunta, ma tistax sempliċement tiġi imposta s-sanzjoni għall-ksur tad-dritt tal-iskart fuq il-proprjetarju tal-art.

68.      Bħala konklużjoni, l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” skont l-Artikolu 191(2) TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-preżunzjoni tal-innoċenza skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, ma jipprekludux l-impożizzjoni ta’ sanzjoni adatta fuq il-proprjetarju ta’ art mikrija, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni stabbilita fil-liġi li l-proprjetarju huwa responsabbli in solidum mal-utent effettiv tal-art għall-ksur tar-regoli tad-dritt tal-iskart fuq tali art, sakemm ikun fil-prinċipju possibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata permezz ta’ informazzjoni adatta.

C –    Fuq il-kunċett ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni iktar stretti

69.      It-tieni domanda, li tirrigwarda d-dritt tal-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni iktar stretti, tressqet fil-każ li l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jipprekludi l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq il-proprjetarju tal-art.

70.      Dan ma jistax jiġi eskluż, fil-każijiet fejn id-dritt Ungeriż jawtorizza s-sanzjoni tal-proprjetarju minkejja li jkun ipprovda l-informazzjoni kollha raġonevoli sabiex jikkonfuta r-responsabbiltà preżunta tiegħu, jew fil-każ li l-piena tkun irraġonevoli. Minkejja li d-Direttiva dwar l-iskart, għall-kuntrarju tad-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali, ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar miżuri iktar stretti li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri, leġiżlazzjoni bħad-Direttiva dwar l-iskart, konformement mal-Artikolu 193 TFUE, ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti.

71.      Il-Qorti tal-Ġustizzja f’okkażjoni waħda ddeċidiet li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma għandux japplika għal miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti adottati mill-Istati Membri (24). Minn dan jista’ jiġi konkluż li pieni li jmorru lil hinn minn dak previst fl-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart huma ġġustifikati mill-Artikolu 193 TFUE.

72.      Madankollu, fi kwalunkwe każ, is-setgħa li jiġu adottati miżuri ta’ protezzjoni iktar stretti hija limitata mill-għanijiet tad-dritt tal-Unjoni, li l-Istati Membri ma jistgħux jimminaw (25). Barra minn hekk, l-Artikolu 36(2) tad-Direttiva dwar l-iskart jipprevedi espliċitament li sanzjonijiet għal ksur tad-dispożizzjonijiet relatati mad-dritt tal-iskart iridu jkunu proporzjonati. Regoli dwar sanzjonijiet “iktar stretti”, li huma bbażati fuq rekwiżiti irraġonevoli jew li jimponu pieni inadatti, ikunu inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

73.      Għalhekk, l-Artikolu 193 TFUE ma jistax jintuża mill-Istati Membri bħala bażi sabiex jiġu imposti sanzjonijiet għal ksur ta’ obbligi relatati mad-dritt dwar l-iskart jekk dawn ikunu bbażati fuq rekwiżiti irraġonevoli jew ikunu inadatti.

V –    Konklużjoni

74.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari kif ġej:

1.      Id-Direttiva 2004/35/KE dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, la tapplika għal sanzjonijiet imposti fir-rigward ta’ ksur tal-obbligi taħt id-dritt ambjentali u lanqas għat-tniġġis tal-arja, peress li dan ma jikkawża ebda dannu lil speċi protetti jew lil habitats naturali, lill-ilma jew lill-art.

2.      L-Artikolu 36(2) tad-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” skont l-Artikolu 191(2) TFUE kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità tal-pieni skont l-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-preżunzjoni tal-innoċenza skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, ma jipprekludux l-impożizzjoni ta’ sanzjoni adatta fuq il-proprjetarju ta’ art mikrija, fuq il-bażi ta’ preżunzjoni stabbilita fil-liġi li l-proprjetarju huwa responsabbli in solidum mal-utent effettiv tal-art għall-ksur tar-regoli tad-dritt tal-iskart fuq tali art, sakemm ikun fil-prinċipju possibbli li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata permezz ta’ informazzjoni adatta.

3.      L-Artikolu 193 TFUE ma jistax jintuża mill-Istati Membri bħala bażi sabiex jiġu imposti sanzjonijiet għal ksur ta’ obbligi relatati mad-dritt dwar l-iskart jekk dawn ikunu bbażati fuq rekwiżiti irraġonevoli jew ikunu inadatti.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Ara s-sentenzi tad-29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215), tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et (C‑1/03, EU:C:2004:490), tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359), tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et (C‑254/08, EU:C:2009:479), tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126 kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127), kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140).


3 – Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 15, Vol. 8, p. 357).


4 – Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008 L 312, p. 3).


5 – Ara s-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 46) u ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 39), kif ukoll tal-4 ta’ Marzu 2015, Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2015:140, punt 42).


6 – Ara s-sentenzi reċenti tal-11 ta’ Frar 2015, Marktgemeinde Straßwalchen et (C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 37), kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2016, M. u S. (C‑303/15, EU:C:2016:771, punt 16). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, Texdata Software (C-418/11, EU:C:2013:588, punti 43 sa 46).


7 – Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et (C‑1/03, EU:C:2004:490, punt 56).


8 – Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et (C‑1/03, EU:C:2004:490, punt 58), u tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 71).


9 – Sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer (C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 72).


10 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punt 51).


11 – Sentenza tad-29 ta’ April 1999, Standley et (C‑293/97, EU:C:1999:215, punti 51 u 52).


12 – Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86).


13 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, JZ (C‑294/16 PPU, EU:C:2016:610, punt 42).


14 – Ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et (137/85, EU:C:1987:493, punt 15), u tal-11 ta’ Lulju 2002, Käserei Champignon Hofmeister (C‑210/00, EU:C:2002:440, punti 35 u 44). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schenker et (C‑681/11, EU:C:2013:126, punti 40 u 41).


15 – Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et (C‑254/08, EU:C:2009:479, punti 48, 52 u 55), u tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑378/08, EU:C:2010:126, punt 55).


16 – Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑440/05, EU:C:2007:625, punt 70), ara wkoll l-Artikolu 83(2) TUE.


17 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Fipa Group et (C‑534/13, EU:C:2014:2393, punti 60 u 61) kif ukoll fil-kawżi ERG et (C‑378/08 kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2009:650, punti 130 sa 138).


18 – Sentenzi tal-QEDB tas-7 ta’ Ottubru 1988, Salabiaku vs Franza (10519/83, CE:ECHR:1988:1007JUD001051983, punt 28), tal-25 ta’ Settembru 1992, Pham Hoang vs Franza (13191/87, CE:ECHR:1992:0925JUD001319187, punt 33), u tat-30 ta’ Marzu 2004, Radio France et vs Franza (53984/00, CE:ECHR:2004:0330JUD005398400, punt 24).


19 – Sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑5/08, EU:C:2009:806, punt 43). Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Hansen (C‑326/88, EU:C:1990:291, punt 19).


20 – Ara s-sentenza tal-QEDB, tat-30 ta’ Marzu 2004, Radio France et vs Franza (53984/00, CE:ECHR:2004:0330JUD005398400, punt 24).


21 – Sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Spector Photo Group u Van Raemdonck (C‑45/08, EU:C:2009:806, punt 44). Ara wkoll is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Rubach (C‑344/08, EU:C:2009:482, punt 33), tat-8 ta’ Mejju 2013, Eni vs Il-Kummissjoni (C‑508/11 P, EU:C:2013:289, punt 50), tal-5 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni et vs Versalis et (C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 46), u tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et (C‑74/14, EU:C:2016:42, punt 41).


22      Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, Vlaamse Oliemaatschappij, C‑499/10, EU:C:2011:871, punti 24 sa 26), u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Kapnoviomichania Karelia (C‑ 81/15, EU:C:2016:398, punti 50, 52 u 53).


23 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2016:382, punt 98), konnessi mal-Conseil constitutionnel Franċiż, Deċiżjonijiet Nru 2015-527 QPC, tat-22 ta’ Diċembru 2015 (FR:CC:2015:2015.527.QPC, punti 4 u 12) u Nru 2016-536 QPC, tad-19 ta’ Frar 2016 (FR:CC:2016:2016.536.QPC, punti 3 u 10); b’mod simili, il-Conseil d’État Franċiż, sentenza Nru 317827, tas-26 ta’ Ottubru 2011 (FR:CEASS:2011:317827.20111026); ara wkoll il-Bundesverfassungsgericht (qorti kostituzzjonali federali Ġermaniża), BVerfGE 120, 274, 318 u 319 (DE:BVerfG:2008:rs20080227.1bvr037007, punt 218).


24 – Sentenza tal-14 ta’ April 2005, Deponiezweckverband Eiterköpfe (C‑6/03, EU:C:2005:222, punt 63). Ara madankollu s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punti 66 u 86).


25 – Sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 66), tal-21 ta’ Lulju 2011, Azienda Agro-Zootecnica Franchini u Eolica di Altamura (C‑2/10, EU:C:2011:502, punt 50), u tas-26 ta’ Frar 2015, ŠKO-Energo (C‑43/14, EU:C:2015:120, punt 25). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawżi ERG et (C‑378/08 kif ukoll C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2009:650, punti 96 sa 115).