Language of document : ECLI:EU:C:2016:842

Kawża C42/15

Home Credit Slovakia a.s.

vs

Klára Bíróová

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Okresný súd Dunajská Streda)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/48/KE – Protezzjoni tal-konsumaturi – Kreditu għall-konsumatur – Artikoli 1, 3(m), 10(1) u (2), 22(1), u 23 – Interpretazzjoni tal-espressjonijiet ‘fuq karta’ u ‘mezz durabbli ieħor’ – Ftehim li jirreferi għal dokument ieħor – Rekwiżit tal-‘forma miktuba’ fis-sens tad-dritt nazzjonali – Indikazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa b’riferiment għal parametri oġġettivi – Elementi li għandhom jiġu indikati fi ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss – Konsegwenzi tal-assenza ta’ informazzjoni obbligatorja – Proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Novembru 2016

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48 – Rekwiżiti rigward il-forma ta’ ftehim ta’ kreditu – Neċessità li jiddaħħlu l-elementi kollha ta’ ftehim ta’ kreditu f’dokument wieħed – Assenza – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi l-firma tal-partijiet fuq l-elementi kollha ta’ ftehim ta’ kreditu għall-finijiet tal-validità tiegħu – Ammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48, Artikoli 3(m) u 10(1) u (2))

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48 – Rekwiżiti rigward l-informazzjoni li għandha tissemma fil-ftehim – Obbligu li jiġu indikati d-dati ta’ kull pagament li għandu jsir mill-konsumatur b’riferiment għal data preċiża – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48, Artikolu 10(2)(h))

3.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48 – Rekwiżiti rigward l-informazzjoni li għandha tissemma fil-ftehim – Obbligu li jiġi inkluż fi ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament – Assenza – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali obbligu fuq il-persuna li ssellef – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48, Artikolu 10(2)(h)(i) u (3))

4.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48 – Sistema nazzjonali ta’ sanzjonijiet – Rekwiżiti rigward l-informazzjoni li għandha tissemma fil-ftehim – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tqis bħala eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż ftehim ta’ kreditu konkluż bi ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti – Ammissibbiltà – Kundizzjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/48, Artikoli 10(2) u 23)

1.      L-Artikolu 10(1) u (2) tad-Direttiva 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva 87/102, moqri flimkien mal-Artikolu 3(m) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-ftehim ta’ kreditu ma għandux neċessarjament jiġi stabbilit f’dokument wieħed, iżda l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor;

–        huwa ma jipprekludix li l-Istat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, minn naħa, li l-ftehim ta’ kreditu li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48 u li huwa stabbilit fuq karta għandu jiġi ffirmat mill-partijiet u, min-naħa l-oħra, li dan ir-rekwiżit ta’ firma japplika fir-rigward tal-elementi kollha ta’ dan il-ftehim li huma msemmija fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva.

Fil-fatt, jekk l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 ma għandhomx neċessarjament jiġu inklużi f’dokument wieħed, għandu, madankollu, jiġi osservat li, fid-dawl tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, l-elementi kollha li l-paragrafu 2 jelenka għandhom jiġu stabbiliti fuq karta jew fuq mezz durabbli ieħor u għandhom jagħmlu parti integrali mill-ftehim ta’ kreditu. Barra minn hekk, sa fejn l-elementi msemmija fl-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2008/48 għandhom jissemmew b’mod ċar u konċiż, huwa meħtieġ li l-ftehim ta’ kreditu jinkludi riferiment ċar u preċiż għall-karti l-oħra jew għall-mezzi durabbli l-oħra li jinkludu dawn l-elementi, effettivament mogħtija lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, b’tali mod li huwa jkun jista’ jkun jaf realment id-drittijiet u l-obbligi kollha tiegħu

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48, dan l-artikolu japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali kollha rigward il-validità tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kreditu li huma konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan is-sens, ir-rekwiżit ta’ firma mill-partijiet jagħmel parti minn regola nazzjonali rigward il-validità tal-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ kreditu, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2008/48.

F’dan ir-rigward, meta Stat Membru jipprevedi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu li r-rekwiżit ta’ firma japplika fir-rigward tal-elementi kollha ta’ dan il-ftehim, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, la d-Direttiva 2008/48, u lanqas id-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali, ma jipprekludu tali rekwiżit.

(ara l-punti 33, 34, 39-40, 44, 45, dispożittiv 1)

2.      L-Artikolu 10(2)(h) tad-Direttiva 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva 87/102, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma huwiex meħtieġ li l-ftehim ta’ kreditu jindika d-dati li fihom kull pagament li għandu jsir mill-konsumatur isir dovut b’riferiment għal data preċiża, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ dan il-ftehim jippermettu li l-konsumatur jidentifika mingħajr diffikultà u b’ċertezza d-dati ta’ dawn il-pagamenti.

(ara l-punt 50, dispożittiv 2)

3.      L-Artikolu 10(2)(h) u (i) tad-Direttiva 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva 87/102, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ftehim ta’ kreditu għal żmien fiss, li jipprevedi l-ammortizzament tal-kapital permezz ta’ pagamenti konsekuttivi, ma għandux jispeċifika, fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, liema parti ta’ kull pagament ser tiġi allokata għar-radd lura ta’ dan il-kapital. Dawn id-dispożizzjonijiet, moqrija flimkien mal-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva, jipprekludu li Stat Membru jipprevedi tali obbligu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu.

Fil-fatt, fid-dawl tal-formulazzjoni ċara tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(2)(h), li jipprevedi li l-ftehim ta’ kreditu għandu jsemmi biss l-ammont, in-numru, il-frekwenza u, fejn xieraq l-ordni tal-pagamenti, u tal-Artikolu 10(2)(i) u (3), li jipprevedi li huwa biss fuq it-talba tal-konsumatur li l-persuna li tissellef għandha l-obbligu li tibgħatlu rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament, jista’ jiġi konkluż li d-Direttiva 2008/48 ma tipprevedix obbligu li fil-ftehim ta’ kreditu jiġi inkluż rendikont fil-forma ta’ tabella ta’ ammortizzament.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-kuntratti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/48, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw obbligi għall-partijiet fil-kuntratt li ma humiex previsti minn din id-direttiva meta din tkun tinkludi dispożizzjonijiet armonizzati fil-qasam li għalih jirreferu dawn l-obbligi. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva li jwettaq armonizzazzjoni fir-rigward tal-elementi li għandhom jiġu inklużi b’mod obbligatorju fil-ftehim ta’ kreditu.

(ara l-punti 52-56, 59, dispożittiv 3)

4.      L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva 87/102, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix li Stat Membru jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, li, fil-każ fejn ftehim ta’ kreditu ma jsemmix l-elementi kollha meħtieġa fl-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva, dan il-ftehim jitqies li huwa eżenti mill-interessi u mill-ispejjeż, sakemm l-element ikun wieħed li l-assenza tiegħu tista’ tikkomprometti l-possibbiltà tal-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu.

Fil-fatt, huwa ta’ tali importanza essenzjali l-obbligu li jissemmew, fil-ftehim ta’ kreditu, elementi bħar-rata perċentwali annwali ta’ imposta, stabbilit fl-Artikolu 10(2)(g) tad-Direttiva 2008/48, in-numru u l-frekwenza tal-pagamenti, skont l-Artikolu 10(2)(h) ta’ din id-direttiva, kif ukoll, fejn xieraq, l-eżistenza ta’ spejjeż notarili, il-garanziji u l-assigurazzjonijiet meħtieġa, kif jipprevedi l-Artikolu 10(2)(n) u (o) tal-imsemmija direttiva. B’dan il-mod, sa fejn l-assenza ta’ indikazzjoni, f’tali ftehim, ta’ dawn l-elementi tista’ tikkomprometti l-possibbiltà għall-konsumatur li jevalwa l-portata tal-impenn tiegħu, is-sanzjoni permezz tat-telf mill-persuna li ssellef tad-dritt tagħha għall-interessi u għall-ispejjeż, għandha titqies li hija proporzjonata, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48.

(ara l-punti 70, 71, 73, dispożittiv 4)