Language of document :

Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Diċembru 2016 – Fininvest u Berlusconi vs BĊE

(Kawża T-913/16)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Finanziaria d’investimento Fininvest SpA (Fininvest) (Ruma, l-Italja), Silvio Berlusconi (Ruma) (rappreżentanti: R. Vaccarella, A. Di Porto, M. Carpinelli u A. Saccucci, avukati)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2016 li permezz tagħha l-Bank Ċentrali Ewropew “jopponi l-akkwist mill-Akkwirenti ta’ sehem ikkwalifikat fil-kumpannija fil-mira”;

tikkundanna lill-Bank Ċentrali Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni adottata mill-Bank Ċentrali Ewropew fil-25 ta’ Ottubru 2016 (ECB/SSM/2016 – 7LVZJ6XRIE7VNZ4UBX81/4), abbażi tal-Artikoli 22 u 23 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338) (iktar ʼil quddiem “CRD IV”), tal-Artikolu 1(5), tal-Artikolu 4(1)(c) u tal-Artikolu 15(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013, tal-15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (iktar ʼil quddiem ir-“Regolament SSM”), tal-Artikolu 87 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas- 16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1) (iktar ʼil quddiem ir-“Regolament-Qafas SSM”), kif ukoll tal-Artikoli 19, 22 u 25 tat-[Testo unico delle leggi in materia bancaria e creditizia] (test uniku tal-liġijiet fil-qasam bankarju u ta’ kreditu), li permezz tiegħu l-Bank Ċentrali Ewropew jopponi l-akkwist, minn Finanziaria d’Investimento Fininvest S.p.A., ta’ sehem ikkwalifikat fi stabbiliment ta’ kreditu (il-kumpannija fil-mira).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi mqassma fi tliet gruppi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikoli 22 u 23 ta’ CRD IV, il-ksur tal-Artikolu 1(5), tal-Artikolu 4(1)(c) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament SSM kif ukoll tal-Artikoli 86 u 87 tar-Regolament-Qafas SSM, b’mod partikolari b’relazzjoni mal-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 13(2) TUE u mal-Artikolu 127(6) TFUE u b’użu ħażin ta’ poter.

It-tieni motiv, invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni estensiva ta’ CRD IV f’dan il-każ tikser il-prinċipju ġenerali ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti tad-dritt sekondarju.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ res judicata miksuba mis-sentenza definittiva Nru 882 mogħtija fit-3 ta’ Marzu 2016 mill-Coniglio di Stato (Kunsill tal-Istat, l-Italja), li ddeċieda dwar l-effetti tal-awtorizzazzjoni ta’ inkorporazzjoni mogħtija mill-Banca d’Italia (Bank tal-Italja) għall-parteċipazzjoni ta’ Finninvest fil-kumpannija fil-mira.

Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li dan l-ewwel grupp ta’ motivi huwa dwar il-premessa stess tad-deċiżjoni kkontestata u jikkontesta b’mod partikolari l-interpretazzjoni ta’ CRD IV adottata mill-BĊE, li hija żbaljata fid-dritt, testendi illegalment is-setgħat speċifiċi li huma attribwiti lill-BĊE mir-Regolament SSM u mir-Regolament-Qafas SSM u timmina r-res judicata, li hija diġà miksuba fuq il-livell nazzjonali mis-sentenza definittiva mogħtija fit-3 ta’ Marzu 2016 mill-Consiglio di Stato rigward il-kumpannija fil-mira.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament SSM, tal-Artikolu 23(1) u (4) ta’ CRD IV kif ukoll tal-prinċipji ġenerali ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà tal-atti tal-amministrazzjoni, għal dak li jikkonċerna l-applikazzjoni mill-BĊE tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni, u tal-ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ legalità u ta’ ċertezza legali, sa fejn il-BĊE iqis li jista’ jopponi kontra r-rikorrenti il-Guidelines for the prudential assessment of acquisitions and increases in holdings in the financial sector required by Directive 2007/44/EC, adottati fl-2008 mill-kumitati CEBS, CESR u CEIOPS.

Il-ħames motiv, invokat b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur tal-forom materjali, fil-forma ta’ nuqqas fl-istruttorja u nuqqas ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-kriterju ta’ “l-influwenza eventwali eżerċitata mill-akkwirent propost fuq [...] l-istituzzjoni ta’ kreditu”, prevista fl-Artikolu 23(1) ta’ CRD IV.

Is-sitt motiv, invokat, b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi essenzjalment l-effetti ta’ miżura ta’ esproprjazzjoni, billi timponi l-bejgħ obbligatorju ta’ sehem importanti, u ksur tal-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea korrispondenti, kif jirriżultaw mill-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

Ir-rikorrenti jsostnu f’dan ir-rigward li dan it-tieni grupp ta’ motivi jikkonċerna l-evalwazzjoni magħmula mill-BĊE u tirrigwarda, minn naħa, ir-rikostruzzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali magħmula minn din u, min-naħa l-oħra, dwar in-nuqqas ta’ evalwazzjoni konkreta tal-“l-influwenza eventwali eżerċitata mill-akkwirent propost fuq [...] l-istituzzjoni ta’ kreditu”, u dwar in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali.

It-tielet grupp ta’ motivi, min-naħa l-oħra, jikkonċerna sensiela ta’ vizzji gravi li jivvizzjaw il-proċedura ta’ sorveljanza u d-deċiżjoni finali tal-BĊE.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet ta’ difiża li kellhom jiġu protetti “bis-sħiħ” [Artikolu 22(2) tar-Regolament SSM u Artikolu 32(1) tar-Regolament-Qafas SSM] u tad-dritt ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn ir-rikorrenti kellhom aċċess għall-fajl tard u ma setgħux isiru jafu bil-kontenut tal-att tal-BĊE li abbażi tiegħu infetħet il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni. Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll l-applikazzjoni ħażina tal-Artikolu 32(1) u (5) tar-Regolament-Qafas SSM.

It-tmien motiv, ibbażat fuq l-illegalità, fid-dawl tal-Artikolu 277 TFUE, tal-Artikolu 31(3) tar-Regolament-Qafas SSM, sa fejn din id-dispożizzjoni tikser id-drittijiet ta’ difiża ggarantiti fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-prinċipji ġenerali ta’ dritt korrispondenti li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri.

____________