Language of document : ECLI:EU:C:2017:162

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fit-2 ta’ Marzu 2017 (1)

Kawża C552/15

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Irlanda

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Vetturi bil-mutur – Kiri jew leasing ta’ vettura bil-mutur minn persuna residenti fi Stat Membru wieħed mingħand fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor – Taxxa ta’ reġistrazzjoni – Ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa meta ssir ir-reġistrazzjoni – Regoli dwar ir-rimbors tat-taxxa – Proporzjonalità”






 Introduzzjoni

1.        Taxxi ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi bil-mutur ma humiex armonizzati fid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Istati Membri essenzjalment għandhom id-dritt ifasslu dan it-tip ta’ taxxa kif jidhrilhom xieraq. Madankollu, huma ma jistgħux jagħmlu hekk b’mod kuntrarju għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi, b’mod partikolari, il-libertajiet tas-suq uniku. Din il-kawża hija dwar kemm għandhom libertà l-Istati Membri f’dan il-qasam.

2.        L-Irlanda, li kienet intalbet mill-Kummissjoni Ewropea taġġusta s-sistema tagħha ta’ taxxi ta’ reġistrazzjoni biex tissodisfa r-rekwiżiti tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward ta’ servizzi ta’ kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur, kienet debitament emendat id-dritt nazzjonali tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur importati fl-Irlanda minn Stati Membri oħra biex jintużaw għal perijodu fiss, l-aġġustamenti magħmula fid-dritt Irlandiż ma humiex suffiċjenti u li dan id-dritt jibqa’ kuntrarju għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Minħabba li l-Irlanda taħsibha mod ieħor, it-tilwima ser ikollha tkun riżolta mill-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-kuntest ġuridiku tad-dritt Irlandiż

3.        L-Artikolu 131(4) tal-Finance Act 1992 (Att Finanzjarju tal-1992) jintroduċi projbizzjoni dwar l-użu fit-territorju tal-Irlanda, ħlief f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali msemmija f’dispożizzjonijiet separati (2), ta’ vetturi bil-mutur mhux irreġistrati fl-Irlanda. L-obbligu ta’ reġistrazzjoni għandu jiġi ssodisfatt fi żmien xahar mid-data li fiha l-vettura bil-mutur titqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju tal-Irlanda.

4.        L-Artikolu 132(1) tal-Att Finanzjarju tal-1992, kif emendat mill-Artikolu 83(1)(d) tal-Finance Act (Att Finanzjarju tal-2012), jistabbilixxi dazju tas-sisa fuq vetturi bil-mutur, bl-isem ta’ “taxxa ta’ reġistrazzjoni”. Ir-responsabbiltà għat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jkollha tiskatta fiż-żmien meta vettura bil-mutur tiġi rreġistrata. L-ammont tat-taxxa jiġi kkalkolat bħala perċentwali tal-valur tas-suq tal-vettura bil-mutur fiż-żmien tar-reġistrazzjoni, billi jitqies il-livell tal-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. Fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur bl-ogħla emissjonijiet, l-ammont tat-taxxa jista’ jitla’ sa 36 % tal-valur tas-suq tagħhom. Qabel ir-reġistrazzjoni jsir eżami tal-vettura bil-mutur fi stazzjon ta’ ttestjar ta’ vetturi. Dan l-eżami huwa intiż, inter alia, biex jgħin jiġi stabbilit il-valur tas-suq tal-vettura bil-mutur.

5.        L-obbligu ta’ reġistrazzjoni u tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jikkonċerna wkoll vetturi bil-mutur mikrija jew leased skont kuntratt konkluż minn persuni residenti fit-territorju tal-Irlanda ma’ fornituri ta’ servizzi minn Stati Membri oħra.

6.        Meta vettura bil-mutur tiġi esportata mit-territorju tal-Irlanda u titneħħielha r-reġistrazzjoni, l-Artikolu 135D tal-Att Finanzjarju tal-1992, inkorporat bl-Artikolu 83(1)(j) tal-Att Finanzjarju tal-2012, li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ April 2013, jipprevedi rimbors ta’ parti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni. L-ammont ta’ rimbors jiġi kkalkolat abbażi tal-valur tas-suq tal-vettura bil-mutur meta tiġi esportata. Biex jiġi stabbilit dan il-valur, ikun jeħtieġ isir eżami tekniku addizzjonali, li għandu jsir fi żmien xahar qabel id-data tal-esportazzjoni. L-ispejjeż amministrattivi jitnaqqsu mill-ammont tar-rimbors b’rata fissa ta’ EUR 500.

7.        Mill-1 ta’ Jannar 2016 l-ammont ta’ rimbors żdied b’perċentwali kkalkolati skont ir-regolament li jimplementa l-Artikolu 135D tal-Finance Act (Att Finanzjarju tal-1992). Ukoll mill-1 ta’ Jannar 2016, it-tnaqqis għal spejjeż amministrattivi tniżżel għal EUR 100 skont l-Artikolu 49 tal-Att Finanzjarju tal-2015.

 Proċedura, motivi u sottomissjonijiet tal-partijiet

 Proċedura

8.        Fl-2003 u fl-2006, il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda tipprovdi kjarifika dwar il-kompatibbiltà tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fis-seħħ f’dak l-Istat mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Cura Anlagen (3) u Il-Kummissjoni vs Id‑Danimarka (4). Wara laqgħa ta’ konsultazzjoni u talba sussegwenti biex tiġi pprovduta kjarifika fl-2010, il-Kummissjoni ħarġet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda fis-27 ta’ Jannar 2011, li fiha qalet li l-Irlanda kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 56 sa 62 TFUE billi persuni residenti fl-Irlanda, li temporanjament idaħħlu vetturi bil-mutur f’dak l-Istat Membru, jeħtiġilhom iħallsu l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq dawk il-vetturi, b’ebda possibbiltà li din titnaqqas jew isir rimbors tagħha. Minħabba li l-Kummissjoni qieset li t-tweġiba mogħtija mill-Irlanda ma kinitx sodisfaċenti, fit‑28 ta’ Ottubru 2011 hija tat lill-Irlanda opinjoni motivata li essenzjalment kellha l-istess kritika.

9.        B’riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet l-Irlanda introduċiet il-possibbiltà li parti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni tiġi rrimborsata meta l-vettura bil-mutur tiġi esportata mit-territorju tal-Irlanda. Is-sistema ta’ rimbors daħlet fis-seħħ fit-8 ta’ April 2013.

10.      Fl-10 ta’ Lulju 2014 il-Kummissjoni ħarġet ittra addizzjonali ta’ intimazzjoni lill-Irlanda u, fis-26 ta’ Frar 2015, tat opinjoni motivata addizzjonali. F’dawn id-dokumenti l-Kummissjoni qalet li, fil-fehma tagħha, is-sistema tal-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fis-seħħ fl-Irlanda kienet għadha kuntrarja għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minħabba li kienet titlob ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa minn persuni li kienu jdaħħlu vetturi bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda għal perijodu predeterminat, u huwa biss wara li jitħallew jieħdu lura parti mill-ammont imħallas. Il-Kummissjoni qieset li dan l-approċċ ma kienx aċċettabbli, meqjus id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja VAV-Autovermietung (5). Barra minn dan, il-Kummissjoni nnotat li d-dispożizzjonijiet tal-liġi Irlandiża ma kinux jipprevedu ħlas ta’ mgħax fuq il-parti tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallsa lura, u kienu wkoll jipprevedu tnaqqis kbir mill-ammont irrimborsat għal spejjeż amministrattivi. Il-Kummissjoni talbet lill-Irlanda tkun konformi mal-opinjoni motivata addizzjonali fi żmien xahrejn minn meta tkun irċevietha.

11.      Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ April 2015 l-Irlanda wieġbet għall-opinjoni motivata. F’din l-ittra hija qalet li, fil-fehma tagħha, is-sistema tal-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kienet issa essenzjalment konsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Ħabbret li kienu ser jitħallsu mgħaxijiet fuq il-parti ta’ dik it-taxxa rrimborsata meta l-vettura bil-mutur tiġi esportata u li t-tnaqqis għal spejjeż ta’ amministrazzjoni kien ser jinżel għal EUR 100.

12.      Minħabba li l-Kummissjoni qieset li l-Irlanda kienet naqset tkun konformi mal-opinjoni motivata fil-perijodu preskritt (6), hija bdiet il-proċeduri f’dan il-każ fis-26 ta’ Ottubru 2015. L-Irlanda ppreżentat id-difiża tagħha fit-8 ta’ Jannar 2016. Il-partijiet ippreżentaw ir-replika u l-kontroreplika tagħhom fit-18 ta’ Frar 2016 u fil-31 ta’ Marzu 2016 rispettivament. Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ April 2016, l-Irlanda talbet li l-kawża tiġi deċiża fl-Awla Manja. Is-seduta saret fit-22 ta’ Novembru 2016.

 Kritika u sottomissjonijiet tal-Kummissjoni

13.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 TFUE meta talbet il-ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mingħand persuni residenti fl-Irlanda li jdaħħlu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru vetturi bil-mutur mikrija jew leased fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma qieset il-perijodu ppjanat ta’ użu tal-vettura fit-territorju tal-Irlanda fejn dawn il-vetturi ma jkunux intiżi jintużaw, u fil-prattika ma jintużawx, b’mod permanenti f’dak it-territorju, u billi stabbilixxiet kundizzjonijiet għal rimbors ta’ dik it-taxxa li jmorru lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat.

14.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-sistema tal-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fis-seħħ fl-Irlanda tfisser li l-kiri jew il-leasing ta’ vettura bil-mutur fi Stat Membru ieħor għal użu temporanju fl-Irlanda huwa sostanzjalment inqas favorevoli minn kiri jew leasing ta’ vettura bil-mutur fl-Irlanda. Konsegwentement, il-leġiżlazzjoni Irlandiża tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kiri u ta’ leasing ta’ vetturi bil-mutur, u għalhekk tikser l-Artikolu 56 TFUE.

15.      Fir-rigward tal-ġbir tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni irrispettivament minn jekk il-vettura bil-mutur tkunx irreġistrata fl-Irlanda fuq bażi permanenti jew għal użu temporanju, il-Kummissjoni ssostni li fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (7) tali leġiżlazzjoni ma hijiex permissibbli. Fil-fehma tagħha, filwaqt li s-sistema għar-rimbors ta’ parti mit-taxxa meta l-vettura bil-mutur tiġi esportata tista’ tkun suffiċjenti fir-rigward ta’ vetturi li l-perijodu ta’ użu tagħhom fit-territorju tal-Irlanda ma jkunx magħruf fiż-żmien meta jkunu importati, meta l-importazzjoni tkun għal perijodu predeterminat, b’mod partikolari skont ftehim ta’ kiri jew leasing, il-ġbir tal-ammont kollu irrispettivament minn dak il-fattur ikun sproporzjonat. Din is-sistema tissuġġetta l-importazzjoni temporanja ta’ vettura bil-mutur għall-istess responsabbiltà fiskali bħall-importazzjoni għal perijodu indefinit.

16.      Barra minn dan, persuni li jdaħħlu vetturi bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda fuq bażi temporanja ma jirċevux kumpens f’għamla ta’ mgħax għall-perijodu li matulu jkunu b’mod żbaljat imċaħħda mill-ammont ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni mħallas indebitament, minħabba li l-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tipprevedix ir-rimbors tiegħu b’imgħax. Barra minn dan, spejjeż amministrattivi ta’ EUR 500 jitnaqqsu minn dan l-ammont ta’ rimbors, u dan l-ammont huwa sostanzjali u sproporzjonat.

 Sottomissjonijiet tal-Irlanda

17.      L-ewwel nett, l-Irlanda tikkontendi li l-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha matul il-proċedura prekontenzjuża. Filwaqt li għall-bidu dehret li kienet aċċettat is-sistema ta’ rimbors ta’ parti mit-taxxa meta l-vettura bil-mutur tkun ġiet esportata mill-Irlanda u tneħħitilha r-reġistrazzjoni, hija wara bidlet fehmitha u issa bl-ebda mod ma tippermetti l-ġbir tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi importati għal perijodu predeterminat. Dwar dan il-Kummissjoni tagħmel riferiment għad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja VAV-Autovermietung, iżda l-Irlanda tissottometti li dan id-digriet kien ingħata qabel ma l-Kummissjoni ħarġet l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni f’Jannar 2011. L-Irlanda tqis li din il-bidla ta’ pożizzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dritt tal-Irlanda li tinstema’.

18.      It-tieni nett, l-Irlanda tissottometti li l-kawża tal-Kummissjoni kienet prematura minħabba li fiż-żmien li kienet ippreżentata l-Kummissjoni kienet ġiet mgħarrfa li l-bidliet fil-liġi li jippermettu l-ħlas ta’ mgħax għal ammonti ta’ taxxa rrimborsati u li jbaxxu l-ammont imnaqqas għal spejjeż amministrattivi għal EUR 100 kienu ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016. L-Irlanda tqis li dawn il-bidliet ma setgħux jinġiebu fis-seħħ qabel minħabba li leġiżlazzjoni fiskali tiġi emendata darba f’sena, dejjem fl-1 ta’ Jannar.

19.      Fl-aħħar nett, l-Irlanda tikkontendi li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex ċara minħabba li ma huwiex magħruf jekk hijiex qiegħda tagħmel kritika globali waħda jew żewġ jew tliet punti ta’ kritika separati, u jekk it-tliet partijiet separati tal-leġiżlazzjoni Irlandiża kkontestati mill-Kummissjoni jikkostitwixxux restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minħabba li jimxu id f’id, jew jekk kull waħda minnhom tikkostitwixxix tali restrizzjoni waħedha.

20.      Essenzjalment, l-Irlanda tikkontendi li l-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-taxxa ta’ reġistrazzjoni issa hija konsistenti għalkollox mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, hija tqis li s-sistema tal-ġbir tal-ammont kollu ta’ dik it-taxxa meta l-vettura bil-mutur tiġi rreġistrata, u possibbilment għar-rimbors ta’ parti minnha jekk il-vettura tiġi esportata u titneħħielha r-reġistrazzjoni, hija permissibbli fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u ma tikkostitwixxix restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur.

21.      Fil-fehma tal-Irlanda d-digriet fil-kawża VAV-Autovermietung kien ingħata fir-rigward tas-sitwazzjoni legali partikolari li kienet teżisti fl-Olanda li fiha l-ammont tat-taxxa kien jiddependi mill-perijodu ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Madankollu, skont is-sistema Irlandiża, l-ammont ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni jiġi kkalkolat abbażi tal-valur tal-vettura bil-mutur meta ssir ir-reġistrazzjoni, u l-ammont tar-rimbors jiġi kkalkolat bl-istess mod meta hija tiġi esportata. Il-valur tal-vettura bil-mutur ma jiddependix biss minn kemm ikollha żmien iżda wkoll minn fatturi oħra, b’mod partikolari mill-għadd ta’ mili, u, għalhekk, ma jistax jiġi ddeterminat minn qabel. Għalhekk, is-sistema Irlandiża tagħmilha possibbli li l-ammont tat-taxxa jiġi ddeterminat abbażi ta’ kemm tkun intużat il-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda, kuntrarjament għal sistema li biha l-ammont tat-taxxa jkun jiddependi biss mill-perijodu ta’ użu fit-territorju tal-pajjiż ikkonċernat.

22.      Kieku s-sistema għall-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni kellha tinbidel bil-mod li l-Kummissjoni tirrakkomanda hija toħloq diffikultajiet amministrattivi sostanzjali u inevitabbilment iġġib il-ħtieġa ta’ bidla fil-metodu ta’ kif jiġi kkalkolat l-ammont tar-rimbors u, għalhekk, essenzjalment bidla tal-bażi taxxabbli. Dan ikun jikkostitwixxi ndħil mhux iġġustifikat fil-libertà tal-Istati Membri li jiddeterminaw is-sistema fiskali tagħhom għal vetturi bil-mutur.

23.      Barra minn dan, il-perijodu ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda qatt ma jkun magħruf b’ċertezza minn qabel minħabba li kuntratt ta’ kiri jista’ jiġi tterminat, estiż jew xort’oħra jinbidel b’mod li l-vettura bil-mutur tkompli tibqa’ rreġistrata u użata fit-territorju tal-Irlanda wara l-perijodu suġġett għat-tassazzjoni. Madankollu, kull sistema ta’ ħlasijiet addizzjonali tkun timplika preċiżament l-istess piżijiet bħas-sistema eżistenti bħalissa ta’ rimbors meta l-vettura bil-mutur tiġi esportata.

24.      Fir-rigward tal-kritika dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax fuq l-ammont ta’ taxxa rrimborsata u t-tnaqqis eċċessivament kbir għall-ispejjeż amministrattivi, l-Irlanda tinnota li dawn il-problemi ġew riżolti bl-inkorporazzjoni tal-bidliet fil-liġi li ddaħħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2016.

 Analiżi

25.      Fir-rikors tagħha l-Kummissjoni essenzjalment tqajjem tliet problemi: il-problema tal-ġbir tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur intiżi biex jintużaw fit-territorju tal-Irlanda għal perijodu predeterminat; il-problema ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax fuq ir-rimbors ta’ parti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni meta l-vettura bil-mutur tiġi esportata u titneħħielha r-reġistrazzjoni, u l-problema tat-tnaqqis ta’ EUR 500 għal spejjeż ta’ amministrazzjoni f’dak il-każ. Dawn il-problemi, li l-ewwel waħda minnhom hija, ċertament, l-iktar sinjifikattiva, għandhom jiġu eżaminati waħda wara l-oħra. Madankollu, qabel ma jsir dan, jeħtieġ jitqiesu r-riżervi tal-Irlanda dwar il-proċedura.

 Oġġezzjonijiet proċedurali mressqa mill-Irlanda

26.      L-Irlanda tikkontendi li l-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha matul il-proċeduri, li l-kritika ma hijiex ċara fin-natura tagħha, u li l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet intempestiva.

27.      L-ewwel nett, anki jekk l-Irlanda ma hijiex qiegħda b’mod dirett tressaq eċċezzjoni li tallega li r-rikors huwa inammissibbli, irrid ninnota li, fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli jinstab li hemm xi ksur min-naħa tal-Kummissjoni li jiġġustifika tali eċċezzjoni. Il-kritika li hemm fir-rikors taqbel ma’ dik li l-Kummissjoni għamlet fl-ittra addizzjonali ta’ intimazzjoni ta’ Lulju 2014 u fl-opinjoni motivata addizzjonali ta’ Frar 2015. Għalhekk, fir-rikors il-Kummissjoni ma elaboratx jew bidlet il-kritika tagħha b’rabta ma’ dik li hija għamlet fil-proċedura prekontenzjuża.

28.      Il-fatt li l-Kummissjoni għamlet dik il-kritika, biex inpoġġiha b’mod formali, fi proċedura ta’ ksur imressqa qabel, li fiha għamlet kritika ta’ natura iktar ġenerali, ma jibdilx dik l-evalwazzjoni. Il-proċedura oriġinali nbdiet meta s-sistema Irlandiża għar-rimbors tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni ma kellha ebda dispożizzjoni li tillimita l-ammont ta’ dik it-taxxa fuq vetturi bil-mutur użati fl-Irlanda fuq bażi temporanja, permezz ta’ rimbors jew b’mod ieħor. Għalhekk, huwa loġiku li l-kritika tal-Kummissjoni f’dak l-istadju kienet ġeneralment dwar in-nuqqas li l-leġiżlazzjoni Irlandiża tkun adattata biex tħares it-rekwiżiti tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29.      Proċedura ta’ ksur ma tintemmx meta l-Istat Membru jieħu azzjoni biex ikun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jkun għad jonqosha tkun issodisfatta li dik l-azzjoni attwalment u effettivament tirriżulta f’dawk id-dispożizzjonijiet ikunu konsistenti mad-dritt tal-Unjoni. Jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-azzjoni tal-Istat Membru ma tkunx tiżgura konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni, hija jkollha d-dritt tagħmel kritika iktar speċifika dwar kwistjonijiet li jkunu għadhom ma ġewx riżolti. Fil-fehma tiegħi, il-fatt li ġurisprudenza speċifika tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ id-digriet fil-kawża VAV‑Autovermietung, kienet diġà magħrufa fiż-żmien meta nħarġet l-ewwel ittra ta’ intimazzjoni, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija ugwalment magħrufa sewwa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, li jeħtiġilhom ikunu konformi magħha irrispettivament minn jekk jintalbux jagħmlu hekk mill-Kummissjoni. F’kull każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija biss interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u, konsegwentement, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma jeħtiġilha tindika sentenzi speċifiċi li l-Istati Membri għandhom ikunu konformi magħhom. Ikun biżżejjed li l-Kummissjoni tindika r-regola rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u l-Istat Membru, jekk jaċċetta l-kritika tal-Kummissjoni, għandu jadatta l-leġiżlazzjoni tiegħu biex ikun konformi ma’ dik ir-regola, billi jqis il-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja li tista’ tkun tapplika f’dak il-każ.

30.      Għalhekk inqis li l-proċedura prekontenzjuża f’dan il-każ twettqet b’mod korrett u li r-rikors ma huwiex ivvizzjat b’xi difett li jista’ jirrendih inammissibbli. Għall-istess raġunijiet ma nqisx li l-Kummissjoni kisret id-dover ta’ kooperazzjoni leali, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jew id-dritt tal-Irlanda li tinstema’.

31.      Fir-rigward tal-ilment li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kif tirriżulta mir-rikors ma hijiex ċara, biżżejjed jingħad li huwa ċar mir-rikors li l-kritika bażika tikkonċerna r-rekwiżit tal-ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni minn qabel, filwaqt li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax u l-ammont kbir ta’ tnaqqis meta l-parti mhux dovuta tat-taxxa tiġi rrimborsata huma, fil-fehma tal-Kummissjoni, elementi li jirrinfurzaw l-effetti negattivi ta’ dan ir-rekwiżit fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur. Madankollu, għal raġunijiet imsemmija iktar ’il quddiem, inqis li anki kieku s-sistema tar-rimbors tat-taxxa kellha titqies bħala essenzjalment konsistenti mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, dawk iż-żewġ elementi l-oħra setgħu jikkostitwixxu, kull wieħed b’mod individwali, nuqqas li jitwettqu l-obbligi li jirriżultaw minn din il-libertà. Għalhekk, huma għandhom jitqiesu b’mod individwali.

32.      Fl-aħħar nett, dwar l-ilment li l-azzjoni kienet intempestiva, qabel xejn għandu jiġi nnotat li, mill-perspettiva formali, il-Kummissjoni għandha d-dritt tressaq azzjoni wara nuqqas li jitwettaq obbligu msemmi fl-opinjoni motivata. Is-sitwazzjoni li kien hemm fi tmiem il-perijodu stabbilit hija wkoll il-punt ta’ riferiment għal evalwazzjoni jekk Stat Membru jkunx naqas iwettaq l-obbligi tiegħu (8). Inkella l-Istati Membri jkunu jistgħu jdewmu indefinittivament milli l-Kummissjoni tressaq azzjoni, u dan billi jħabbru perijodi ġodda għal konformità ma’ opinjoni motivata.

33.      Fir-rigward ta’ dan il-każ, ta’ min iżid ukoll li l-obbligu ta’ rimbors ta’ taxxi miġbura indebitament flimkien ma’ mgħax, u l-projbizzjoni li jkunu stabbiliti regoli għal tali rimbors li jkunu inkonsistenti mal-prinċipju ta’ effettività kienu magħrufa mill-Irlanda ħafna qabel ma tressqet l-azzjoni f’dan il-każ. Għalhekk, ma hemm xejn li jżommha, minħabba li, fl-aħħar mill-aħħar, l-Irlanda irrikonoxxiet li l-kritika msemmija iktar ’il fuq kellha bażi tajba u li kellha tinġieb fis-seħħ leġiżlazzjoni rilevanti flimkien ma’ sistema għar-rimbors ta’ parti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni, li fil-fatt seħħet fl-2013.

34.      Ta’ min ukoll ikompli jinnota li l-għan ewlieni ta’ proċedura ta’ ksur huwa li l-Istat Membru jinġieb konformi mad-dritt tal-Unjoni, u mhux li jiġi ppenalizzat. Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni għandhom jitħallsu lura b’imgħax (9). Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi li kien hemm tali ksur tista’ ssawwar il-bażi għal talba għal tali rimbors. Hemm għalhekk interess pubbliku li l-Kummissjoni tiftaħ kawża u li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti sentenza anki meta jkun hemm il-possibbiltà li n-nuqqas li jitwettqu obbligi jissewwa qabel ma tingħata dik is-sentenza (10).

35.      Għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, il-motivi u s-sottomissjonijiet tal-Irlanda dwar l-imġiba żleali u skorretta tal-Kummissjoni għandhom, fil-fehma tiegħi, jitqiesu infondati.

 Kritika dwar il-ġbir tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni

36.      Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tilmenta li l-Irlanda tirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur minħabba li l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jinġabar (bil-possibbiltà wara ta’ rimbors ta’ parti minnu) fuq tali vetturi bil-mutur meta jiġu rreġistrati, li huwa obbligatorju meta jintużaw għal iktar minn xahar, anki meta l-perijodu ppjanat ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda jkun predeterminat. Dik il-leġiżlazzjoni, li ma tislitx distinzjoni vera u proprja bejn importazzjoni ta’ vettura bil-mutur għal perijodu fiss u importazzjoni permanenti, tfisser li servizzi ta’ kiri jew leasing ta’ vetturi bil-mutur ipprovduti minn operaturi minn Stati Membri oħra jkunu inqas attraenti mill-użu tas-servizzi ta’ operaturi lokali. Iġġib magħha piż finanzjarju sinjifikattiv — jiġifieri li jkun meħtieġ li l-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jiġi kopert minn qabel anki għalkemm l-ammont dovut jista’ attwalment ikun kunsiderevolment iktar baxx — u piż amministrattiv minħabba l-ħtieġa li jsir eżami tekniku tal-vettura qabel ma tiġi esportata biex jiġi stabbilit il-valur tas-suq tagħha u l-ammont ta’ taxxa li jirriżulta li jkollu jiġi rrimborsat.

37.      Taxxi bħat-taxxa ta’ reġistrazzjoni Irlandiża ma humiex armonizzati fid-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, l-Istati Membri huma ħielsa jeżerċitaw is-setgħat fiskali tagħhom f’dan ir-rigward, sakemm ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni (11). Fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni huwa meħtieġ tinsilet distinzjoni bejn sitwazzjoni li fiha għandha tintuża, jew li fil-fatt tintuża, vettura bil-mutur fuq bażi permanenti fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari, u sitwazzjoni li fiha din il-kundizzjoni ma titħarisx u l-vettura tintuża f’dak l-Istat Membru fuq bażi temporanja biss. Fl-ewwel sitwazzjoni l-Istat Membru jista’ essenzjalment jintaxxa l-użu tal-vettura, pereżempju permezz ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, fit-tieni sitwazzjoni, it-taxxa għall-użu tal-vettura, bħala restrizzjoni potenzjali fuq il-libertajiet ta’ suq uniku, jeħtiġilha ġustifikazzjoni addizzjonali. F’dan ir-rigward it-taxxa għandha titfassal b’mod li tkun proporzjonata mal-għan li għalih tkun intiża li ssegwi (12).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet, b’rabta ma’ taxxi, bħat-taxxa ta’ reġistrazzjoni Irlandiża, li l-għan tagħhom jista’ jinkiseb, fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur b’kiri jew b’lease fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ tassazzjoni, permezz ta’ taxxi li l-ammont tagħhom ikun jiddependi mill-perijodu ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tagħhom (13). Għalhekk, il-ġbir tal-ammont kollu tat-taxxa, bħal fil-każ ta’ vetturi bil-mutur użati fuq bażi permanenti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni, ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità u huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi li bħalissa jinsab espress fl-Artikolu 56 TFUE (14).

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, meta vettura bil-mutur b’kuntratt ta’ kiri jew leasing tiddaħħal għal perijodu fiss, il-possibbiltà biss ta’ rimbors ta’ parti mit-taxxa wara li l-vettura bil-mutur tkun ġiet esportata mit-territorju tal-Istat Membru ma tkunx biżżejjed biex tkun żgurata l-konformità mal-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fejn, minn meta l-vettura tkun iddaħħlet fiċ-ċirkolazzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru, jiskatta obbligu li jitħallas ammont ta’ taxxa li ma jqisx il-perijodu intiż għall-użu tal-vettura fit-territorju ta’ dak l-Istat (15).

40.      Huwa abbażi ta’ din il-ġurisprudenza li l-Kummissjoni tistrieħ f’din il-kawża biex turi li, bħal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi inkunsiderazzjoni fil-kawża VAV-Autovermietung, il-leġiżlazzjoni Irlandiża ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità minħabba li teżiġi l-ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni meta l-perijodu tal-użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda jkun predeterminat.

41.      Id-digriet VAV-Autovermietung kien jirrifletti r-regoli stabbiliti qabel f’sitwazzjoni speċifika. Fil-kawża prinċipali f’dak il-każ, il-persuna taxxabbli kienet intalbet tħallas, għal leasing ta’ xahrejn, taxxa li kienet kważi n-nofs tal-prezz tal-katalogu tal-vettura bil-mutur (16). Huwa fid-dawl ta’ dawk il-fatti li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli dwar ġbir ta’ taxxa fuq vetturi bil-mutur fis-seħħ fil-Pajjiżi l-Baxxi kienu sproporzjonati. Madankollu, jiena ma nqisx li l-konstatazzjonijiet li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża VAV‑Autovermietung ma jistgħux jitqiesu bħala li huma applikazzjoni iktar ġenerali.

42.      Minbarra l-fatt li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet simili skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża (17), il-ġbir fih innifsu f’sitwazzjonijiet transkonfinali ta’ taxxa f’ammont li jkun magħruf minn qabel li jkun jaqbeż, potenzjalment b’mod sinjifikattiv, l-ammont dovut, inevitabbilment jiskoraġġixxi lil min jingħata servizz milli juża servizzi transkonfinali u lil-fornituri tas-servizz milli jipprovduh. Barra minn dan, għandu jkun innotat, kif anki l-Kummissjoni nnotat fis-sottomissjonijiet tagħha, li tali approċċ iqiegħed fuq l-istess livell it-tassazzjoni fuq il-kiri jew il-leasing ta’ vettura bil-mutur u t-tassazzjoni fuq ix-xiri tagħha. Għalhekk, dan inaqqas mill-attrattività ta’ servizzi ta’ kiri jew leasing, inklużi dawk ta’ natura transkonfinali. Fl-aħħar nett, dan jinvolvi wkoll l-iffriżar ta’ fondi sostanzjali, li huwa inkonvenjent addizzjonali, b’mod partikolari għal operaturi li jkunu jagħmlu attività ekonomika, li għalihom fondi li ma jkunux jistgħu jiġu investiti f’dawk l-attivitajiet jikkostitwixxu telf.

43.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma hemmx dubju li mhux biss in-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa miġbura indebitament, iżda wkoll l-obbligu tal-ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa meta l-vettura bil-mutur ma tkunx intiża li tintuża u attwalment ma tkunx użata fuq bażi permanenti fl-Istat tat-tassazzjoni, jikkostitwixxu restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur, liema restrizzjoni hija pprojbita, bħala prinċipju, skont l-Artikolu 56 TFUE. Din ir-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata biss minn rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali, sakemm ikunu proporzjonati għall-għan.

44.      Bi tweġiba għall-kritika tal-Kummissjoni b’riferiment għad-digriet fil-kawża VAV-Autovermietung, l-Irlanda tagħmel żewġ sottomissjonijiet. L-ewwel nett, hija tikkontendi li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi msemmija kienet tipprevedi rimbors ta’ parti mit-taxxa mingħajr imgħax. It-tieni nett, dik il-leġiżlazzjoni kienet tipprevedi, fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur użati fuq bażi temporanja, taxxa kkalkolata abbażi ta’ kemm kien idum dak l-użu, filwaqt li t-taxxa Irlandiża hija kkalkolata abbażi tal-valur tal-vettura u tal-għadd ta’ mili, li huwa intiż biex ikun rifless kemm attwalment ikun intens l-użu magħmul mill-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda.

45.      Fir-rigward tal-imgħax, għandu l-ewwel nett jiġi nnotat li, fiż-żmien rilevanti għall-evalwazzjoni tal-allegat nuqqas tal-Irlanda li twettaq l-obbligi tagħha, jiġifieri, id-data li fiha l-perijodu msemmi fl-opinjoni motivata kien intemm, il-leġiżlazzjoni Irlandiża bl-istess mod ma kellha ebda dispożizzjoni għall-ħlas ta’ mgħax. It-tieni nett, u wkoll iktar importanti, ma hemm xejn fid-digriet fil-kawża VAV‑Autovermietung li jindika li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax kien ir-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi kienet kuntrarja għall-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi. Ma huwiex l-imgħax li kien il-problema ewlenija f’dik il-kawża iżda pjuttost il-ħtieġa li titħallas it-taxxa f’ammont li ma kienx iqis il-perijodu ppjanat ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Għalhekk, il-kwistjoni tal-imgħax ma tiddistingwixxix il-kawża VAV-Autovermietung mill-kawża preżenti b’mod li l-konklużjonijiet misluta mill-ewwel waħda ma jistgħux jiġu applikati għat-tieni waħda. Konsegwentement ikun jeħtieġ titqies it-tieni sottomissjoni magħmula mill-Irlanda.

46.      L-Irlanda tikkontendi li l-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna jew sistemi li fihom il-ħlas lura ta’ taxxa ma kien possibbli xejn jew, fil-każ ta’ VAV-Autovermietung, sistema li fiha l-ammont tar-rimbors kien ikkalkolat abbażi tal-perijodu ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Fis-sistema Irlandiża, min-naħa l-oħra, l-ammont tar-rimbors huwa kkalkolat abbażi tal-valur tas-suq attwali tal-vettura bil-mutur meta tiġi esportata, li jiddependi, inter alia mill-għadd ta’ mili, u b’riżultat ta’ dan, wara li dak il-valur ikun tqabbel mal-valur fiż-żmien meta ssir ir-reġistrazzjoni, it-tassazzjoni tkun proporzjonata għall-użu attwali magħmul mill-vettura fit-territorju tal-Irlanda. Minħabba li l-valur tas-suq tal-vettura bil-mutur fiż-żmien meta tkun esportata ma jkunx magħruf, minħabba li jkun jiddependi mhux biss minn kemm ikollha żmien imma wkoll mill-għadd ta’ mili, l-għan tas-sistema Irlandiża, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kemm ikun attwalment intens l-użu tal-vettura, ma jkunx jista’ jinkiseb permezz ta’ taxxa f’ammont ikkalkolat biss abbażi tal-perijodu ppjanat tal-użu tagħha fl-Irlanda.

47.      Madankollu, fil-fehma tiegħi din is-sottomissjoni hija bbażata fuq ekwivoku li jinqala’ min-nuqqas li ssir distinzjoni bejn l-għanijiet tat-taxxa u l-mod kif tinġabar.

48.      Bi tweġiba għall-mistoqsija tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-aġent għall-Irlanda nnota fis-seduta li l-għan tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni huwa ta’ kumpens għall-ispejjeż pubbliċi għall-użu ta’ vetturi bil-mutur, b’mod partikolari l-ispejjeż ambjentali u spejjeż soċjali, u l-ispejjeż għaż-żamma tal-infrastruttura tat-toroq u tas-sistema tal-kontroll tat-traffiku u tal-liċenzjar ta’ vetturi. Żied jgħid li t-taxxa hija strutturata b’mod li dawk li jużaw vetturi bil-mutur li jkunu jiswew iktar iħallsu iktar anki biex jiġi stimulat ix-xiri ta’ vetturi bil-mutur ta’ ħsara ekoloġika inqas.

49.      It-tassazzjoni tal-użu ta’ vetturi bil-mutur normalment taqdi għanijiet simili fl-Istati Membri kollha (18) Dawn l-għanijiet ċertament jikkostitwixxu rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw dik it-tassazzjoni. Skont il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, huwa meħtieġ ukoll jiġi aċċertat jekk dawn l-għanijiet ikunux jistgħu jinkisbu jew le permezz ta’ taxxa li tqis, fiż-żmien meta titħallas, il-perijodu ppjanat tal-użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda.

50.      Fil-każ ta’ taxxi bħat-taxxa ta’ reġistrazzjoni Irlandiża, li jitħallsu darba biss, l-għan ta’ kumpens għall-ispejjeż pubbliċi għall-użu ta’ vetturi bil-mutur jista’ jintlaħaq biss globalment, li jfisser li l-ammont totali tat-taxxi miġbura fuq il-vetturi bil-mutur kollha rreġistrati fil-pajjiż għandu jkopri l-ammont totali tal-ispejjeż li jkun hemm għall-użu tagħhom. Kuntrarjament, pereżempju, għal taxxa inkluża fil-prezz tal-fjuwil, taxxa ta’ darba waħda biss ma tqisx l-għadd ta’ mili jew, b’mod ġenerali, kemm ikun intens l-użu magħmul mill-vettura bil-mutur wara r-reġistrazzjoni u l-ħlas tat-taxxa. Għalhekk, taxxa fuq vettura bil-mutur li tintuża b’mod iktar intens tikkontribwixxi b’mod sinjifikattiv inqas biex tikkumpensa għall-ispejjeż attwalment ikkawżati bl-użu ta’ dik il-vettura minn taxxa mħallsa fuq vettura li tintuża kultant żmien. It-tnaqqis f’daqqa fil-valur ta’ vettura bil-mutur meta tintuża b’mod iktar intens ma jikkumpensax għal dan, minħabba li dan it-tnaqqis ma jkunx jiddependi biss mill-għadd ta’ mili, iżda wkoll minn kemm ikollha żmien u minn għadd ta’ fatturi oħra.

51.      Raġunament simili jista’ jiġi applikat għal vetturi bil-mutur intiżi għal użu fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari għal perijodu fiss. Bħal fil-każ ta’ vetturi bil-mutur intiżi għal użu f’dak l-Istat fuq bażi permanenti, l-ammont ta’ taxxa jista’ jkopri t-tul ta’ żmien kollu “tal-ħajja” tal-vettura bil-mutur (sakemm ma tiġix esportata mill-pajjiż); għalhekk, l-ammont ta’ taxxa fuq vettura bil-mutur irreġistrata għal perijodu fiss huwa intiż biss biex ikopri l-perijodu tal-użu fit-territorju tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni. Dan l-ammont jiddaħħal f’pakkett ta’ riżorsi intiż li jkopru l-ispejjeż għall-użu tal-vetturi bil-mutur kollha rreġistrati fil-pajjiż b’mod ġenerali. Għalhekk dawn ma jirriflettux neċessarjament b’mod preċiż l-intensità tal-użu magħmul minn dik il-vettura bil-mutur speċifika, hekk kif l-ammont tat-taxxa fuq vettura bil-mutur irreġistrata permanentement ma jirriflettix l-intensità tal-użu li jsir minnha wara. Dan ma jżommx milli jinkisbu l-għanijiet tat-tassazzjoni minħabba li minnhom infushom huma jinkisbu globalment u mhux b’rabta ma’ kull vettura bil-mutur speċifika waħedha.

52.      Kif huwa ċar mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, l-għanijiet tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni Irlandiża jistgħu jinkisbu permezz ta’ taxxa kkalkolata billi jitqies il-perijodu ppjanat ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda. Meta dan il-perijodu jkun magħruf minn qabel, il-ġbir ta’ din it-taxxa f’ammont bħal dak fil-każ ta’ reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur fuq bażi permanenti jkun, għalhekk, sproporzjonat għall-għan iddikjarata iktar ’il fuq minħabba li jirrestrinġi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur, bħal fil-kawża VAV-Autovermietung.

53.      Dan lanqas ma jżomm lil dawk li jużaw vetturi bil-mutur li jiswew iktar milli jħallsu relattivament iktar, jew milli jkun stimulat l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi. Il-bażi taxxabbli tibqa’ l-valur tas-suq tal-vettura bil-mutur u l-livell tal-emissjonijiet tagħha, iżda hemm fattur addizzjonali fl-għamla tal-perijodu ppjanat tal-użu tagħha fit-territorju tal-Irlanda.

54.      Madankollu m’iniex tal-fehma li dan l-approċċ jinvadi s-setgħa tal-Istati Membri li jintaxxaw l-użu ta’ vetturi bil-mutur iktar milli jirriżulta mir-rekwiżit li huma jkunu konformi mad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

55.      Dan l-approċċ ma jirrestrinġix il-libertà tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-għanijiet tat-taxxa jew l-elementi fundamentali tagħha, bħall-ammont jew il-bażi taxxabbli. Madankollu, l-obbligu li jkunu ntaxxati vetturi bil-mutur intiżi għal użu fit-territorju ta’ Stat Membru partikolari għal perijodu stabbilit b’mod proporzjonat għal dak il-perijodu jirriżulta mir-rekwiżiti tas-suq uniku interpretati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diskussa iktar ’il fuq. Konsegwentement, l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu l-metodi li jiddeterminaw dan il-proporzjon b’mod li kważi jeliminaw il-benefiċċji li joriġinaw mill-possibbiltà ta’ ħlas ta’ parti biss mit-taxxa proporzjonatament mal-perijodu ta’ użu tal-vettura bil-mutur, pereżempju, billi jitolbu ħlas ta’ ammont sostanzjalment, u xi drabi, għal bosta drabi, ikbar mill-ammont attwalment dovut (19), anki jekk id-differenza tiġi rrimborsata u anki jekk dak ir-rimbors ikun jinkludi mgħax.

56.      Lanqas ma tipperswadini l-Irlanda bis-sottomissjoni tagħha li l-ġbir tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni f’ammont proporzjonat għall-perijodu ppjanat ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda jaqdi l-għan tagħha, minħabba li dan il-perijodu jista’ jinbidel, b’mod partikolari estiż, pereżempju, bħala riżultat ta’ bidla fil-kuntratt ta’ kiri jew leasing. Minħabba li l-obbligu tal-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni jimplika obbligu ta’ reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur, ir-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur intiża għal użu fuq bażi temporanja tista’ ssir fuq bażi temporanja għall-perijodu ppjanat ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-pajjiż. Għalhekk, meta kiri jew lease jiġu estiżi, min juża l-vettura jkollu jirreġistraha mill-ġdid u jħallas taxxa ġdida. Madankollu, jekk il-perijodu ta’ użu jitqassar, ikun fl-interess ta’ min jużaha li jitlob rimbors ta’ taxxa mħallsa żejda. Għalhekk, ma jidhirlix li din hija problema li ma tistax tingħeleb.

57.      Huwa possibbli wieħed jimmaġina sitwazzjonijiet fejn, jew minħabba l-perijodu estiż għall-użu tal-vettura bil-mutur jew minħabba s-sustanza tal-kuntratt li bih isir l-użu, l-użu tal-vettura bil-mutur għal perijodu li, biex inpoġġiha b’mod formali, ikun ippredeterminat, isir tant jixbah lill-użu tagħha fuq bażi permanenti, li jkun jista’ jiġġustifika l-ġbir tal-ammont kollu tat-taxxa. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-liġi Irlandiża inkwistjoni f’dan il-każ ma jagħmlux tali distinzjoni dwar it-tul tal-perijodu jew is-sustanza tal-kuntratt li fuqhom ikun ibbażat l-użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda. Din il-kwistjoni lanqas ma kienet is-suġġett tad-diskussjoni bejn il-partijiet minħabba li matul il-proċeduri, l-Irlanda ddefendiet il-leġiżlazzjoni tagħha in toto. Għalhekk, jiena ma narax il-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel din l-analiżi fis-sentenza f’din il-kawża.

58.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, inqis li l-Irlanda naqset twettaq l-obbligi skont l-Artikolu 56 TFUE meta talbet ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni mingħand persuni residenti fl-Irlanda li jdaħħlu f’dak l-Istat Membru vetturi bil-mutur b’kiri jew b’lease fi Stat Membru ieħor irrispettivament mill-perijodu ta’ użu tal-vettura bil-mutur fit-territorju tal-Irlanda fejn dawk il-vetturi bil-mutur ma jkunux intiżi li jintużaw, u fil-prattika ma jintużawx, fuq bażi permanenti f’dak it-territorju.

 Kritika dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax u l-ammont tat-tnaqqis

59.      Kif imsemmi iktar ’il fuq, l-Irlanda kkonformat mal-opinjoni motivata tal-Kummissjoni b’rabta mal-kritika dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax u l-ammont eċċessivament għoli tat-tnaqqis għal spejjeż amministrattivi għar-rimbors tal-parti mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni miġbura indebitament; iżda dan ma seħħx qabel l-1 ta’ Jannar 2016 u, għalhekk, wara l-iskadenza stabbilita fl-opinjoni motivata, u anki wara li kienet tressqet il-kawża dwar dan il-każ. Minħabba li d-data li fiha l-iskadenza stabbilita fl-opinjoni motivata hija rilevanti għall-evalwazzjoni tan-nuqqas tal-Istat Membru li jwettaq l-obbligi tiegħu, għandha tiġi eżaminata l-kritika dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet.

60.      Dwar dan inqis li din il-kritika hija separata mid-deċiżjoni dwar il-kritika fir-rigward tal-ġbir tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi bil-mutur imdaħħla fit-territorju tal-Irlanda fuq bażi temporanja.

61.      Irrispettivament minn jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċidix jew le li l-obbligu tal-ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi bil-mutur imdaħħla fit-territorju tal-Irlanda fuq bażi temporanja huwa inkonsistenti mad-dritt tal-Unjoni, jew tiddeċiedi li s-sistema għar-rimbors ta’ parti minn din it-taxxa hija suffiċjenti mill-aspett ta’ dan id-dritt, il-parti li tkun taqbeż l-ammont dovut għall-perijodu ta’ użu attwali tal-vettura bil-mutur fl-Irlanda tkun tikkostitwixxi taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dan huwa inekwivokament ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja diskussa iktar ’il fuq(20).

62.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrimborsaw, b’imgħax, taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit huwa l-konsegwenza u l-kumplament tad-drittijiet mogħtija lil individwi minn dan id-dritt (21). Nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax fuq l-ammont ta’ taxxa miġbura bi ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għalhekk, jikkostitwixxi nuqqas mill-Istat Membru milli jwettaq l-obbligi li joriġinaw minn din il-libertà.

63.      Naturalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-kritika tal-Kummissjoni dwar l-obbligu tal-ħlas tal-ammont kollu tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni fuq vetturi bil-mutur irreġistrati fuq bażi temporanja għandha bażi tajba, ma tkun bl-ebda mod possibbli l-applikazzjoni tas-sistema ta’ rimbors b’rabta ma’ vetturi bil-mutur irreġistrati għal perijodu predeterminat u, għalhekk il-problem ta’ mgħax tgħib ukoll. Madankollu, anki f’sitwazzjoni bħal din, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni tkun fundamentali biex persuni li jkunu batew danni minħabba n-nuqqas ta’ ħlas ta’ mgħax ikunu jistgħu jieħdu azzjoni.

64.      Il-Kummissjoni tissottometti wkoll li l-Irlanda naqset twettaq l-obbligi li joriġinaw mil-libertà li jiġu pprovduti servizzi minħabba li jitnaqqas ammont ta’ EUR 500 għal spejjeż amministrattivi mill-parti rrimborsata tat-taxxa miġbura indebitament. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan it-tnaqqis huwa eċċessiv u ma huwiex iġġustifikat u, f’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jaħli parti sostanzjali tal-ammont irrimborsat u, barra minn dan, jiskoraġġixxi lil persuni residenti fl-Irlanda milli jużaw servizzi ta’ kiri u leasing ta’ vetturi bil-mutur offruti minn fornituri minn Stati Membri oħra. Madankollu, l-Irlanda tikkontendi li l-fondi miksuba minn dan it-tnaqqis kienu intiżi jiffinanzjaw it-twaqqif ta’ sistema ta’ rimbors ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni miġbura indebitament.

65.      B’rabta ma’ dan, ikolli naqbel mas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni. L-obbligu li taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni jiġu rrimborsati essenzjalment jikkonċerna l-ammont totali tat-taxxa indebita (u mgħax), u l-proċedura għar-rimbors tagħha hija rregolata, inter alia, mill-prinċipju ta’ effettività, li skontu ma għandux ikun eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika jinkiseb rimbors ta’ taxxa (22). Għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux b’mod arbitrarju jirrestrinġu l-ammont attwali tar-rimbors, pereżempju billi jintroduċu, għal kull skuża, tnaqqis sostanzjali, minħabba li dan jagħmilha impossibbli fil-prattika li persuna taxxabbli tikseb parti sostanzjali tat-taxxa mħallsa indebitament.

66.      M’iniex persważ bis-sottomissjoni tal-Irlanda f’dan ir-rigward. L-obbligu li taxxa miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tiġi rrimborsata huwa tal-Istati Membri skont dan id-dritt. Ma jistgħux jagħmlu l-osservanza tiegħu tiddependi mill-finanzjament, minn persuni taxxabbli intitolati għal rimbors, ta’ nfiq finanzjarju li l-Istat Membru jkollu jagħmel biex iwettaq dan l-obbligu. Dan huwa iktar u iktar minnu fejn l-Istat Membru jorganizza s-sistema għall-ġbir tat-taxxa b’tali mod li r-rimbors ta’ parti minnha jkun inevitabbli f’ċerti sitwazzjonijiet. L-infiq kollu b’rabta mal-organizzazzjoni ta’ din is-sistema għandu jkun iffinanzjat minn taxxi miġbura skont il-liġi u mhux minn tnaqqis minn ammonti dovuti lil persuni intitolati għal rimbors.

67.      L-Istati Membri jistgħu jiġbru taxxi għal attivitajiet amministrattivi b’rabta mat-twettiq tal-obbligi tagħhom li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni, iżda dawn it-taxxi ma għandhomx ikunu iktar mill-ispejjeż attwali meħtieġa biex issir attività partikolari relatata ma’ persuna speċifika, u ma jistgħux jintużaw biex ikopru l-ispejjeż biex tkun organizzata s-sistema amministrattiva kollha. Barra minn dan, għall-ebda raġuni ma għandu jkun hemm taxxi f’ammont li jirrestrinġi sostanzjalment il-benefiċċji li individwi jieħdu mid-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni.

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, inqis li kemm meta rrifjutat tħallas imgħax fuq ammonti rrimborsati ta’ taxxa ta’ reġistrazzjoni, kif ukoll meta għamlet dan naqqset ammont ta’ EUR 500 għal spejjeż amministrattivi, l-Irlanda naqset twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 56 TFUE.

 Konklużjonijiet

69.      Fid-dawl tal-konklużjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li l-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni f’dan il-każ hija fondata u tiddeċiedi skont it-talbiet tagħha. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Irlanda għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.


1 Lingwa oriġinali: il-Pollakk.


2      Dawn l-eċċezzjonijiet jirrigwardaw primarjament vetturi bil-mutur imdaħħla fit-territorju tal-Irlanda fuq bażi temporanja minn persuni mhux residenti fl-Irlanda jew minn persuni li jkunu f’impjieg fi Stat Membru ieħor.


3      Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, EU:C:2002:195).


4      Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka (C‑464/02, EU:C:2005:546).


5      Digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV-Autovermietung (C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558).


6      Ta’ min ifakkar li d-dispożizzjonijiet dwar ir-rimbors tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni flimkien mal-imgħax u t-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi daħlu biss fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2016.


7      Digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV-Autovermietung (C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558, il-parti operattiva).


8      Ara, inter alia, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑562/07, EU:C:2009:614, punti 23 u 24), u tal-5 ta’ Frar 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑317/14, EU:C:2015:63, punt 34).


9      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Câmpean (C‑200/14, EU:C:2016:494, punt 37).


10      Ara dwar dan, fir-rigward tar-responsabbiltà għal ksur tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, EU:C:1973:13, punt 11), u tad-19 ta’ Marzu 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑249/88, EU:C:1991:121, punt 41).


11      Sentenza tas-26 ta’ April 2012, van Putten et (C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punti 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara, dwar dan, is-sentenza tas-26 ta’ April 2012, van Putten et (C‑578/10 sa C‑580/10, EU:C:2012:246, punti 46, 47 u 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, EU:C:2002:195, punt 69); u d-digrieti tas-27 ta’ Ġunju 2006, van de Coevering (C‑242/05, EU:C:2006:430, punt 30); tat-22 ta’ Mejju 2008, Ilhan (C‑42/08, mhux ippubblikat, EU:C:2008:305, punt 22); u tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV-Autovermietung (C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558, punt 26).


14      Ara, inter alia, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, EU:C:2002:195, l-aħħar inċiż tal-parti operattiva), u d-digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV-Autovermietung (C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558, punt 21).


15      Digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV-Autovermietung (C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558, punti 26 sa 28 u l-parti operattiva).


16      Digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV-Autovermietung (C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558, punti 5, 8 u 12).


17      Ir-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur, u, għalhekk, il-ħlas tat-taxxa tar-reġistrazzjoni, huma obbligatorji fejn tintuża l-vettura bil-mutur għal perijodu ta’ iktar minn xahar, u r-rata massima ta’ dik it-taxxa tista’ tlaħħaq 36 % tal-valur tal-vettura (ara l-punti 3 u 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


18      Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, EU:C:2002:195, punt 66) li tagħmel riferiment għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka.


19      Il-Kummissjoni tipprovdi kalkoli bħala eżempji fis-sottomissjonijiet tagħha. Anki jekk, kif tikkontendi l-Irlanda fil-kontroreplika tagħha, il-kalkoli tal-Kummissjoni huma esaġerati, hija stess tasal għal konklużjoni li fiha l-ammont tat-taxxa tar-reġistrazzjoni miġbur inizjalment jaqbeż l-ammont attwalment dovut b’fattur ta’ tnejn u nofs.


20      Ara, inter alia, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002, Cura Anlagen (C‑451/99, EU:C:2002:195, punt 69), u d-digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, VAV‑Autovermietung (C‑91/10, mhux ippubblikat, EU:C:2010:558, punt 26)


21      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Câmpean (C‑200/14, EU:C:2016:494, punt 37).


22      Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Câmpean (C‑200/14, EU:C:2016:494, punt 39).