Language of document : ECLI:EU:F:2016:165

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA
(Imħallef uniku)

21 ta’ Lulju 2016

Kawża F‑9/12 RENV

CC

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Kawża mibgħuta lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wara annullament – Rikors għad-danni – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Żbalji mwettqa fil-ġestjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa – Kompetizzjoni ġenerali – Avviż ta’ kompetizzjoni EUR/A/151/98 – Ugwaljanza fit-trattament – Miżuri ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza – Stħarriġ tal-Ombudsman Ewropew”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA permezz tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu CC jitlob il-kumpens għad-dannu li ġie kkawżat lilu minħabba żbalji differenti mwettqa mill-Parlament Ewropew fil-ġestjoni tal-lista ta’ kandidati xierqa stabbilita wara li saret il-kompetizzjoni ġenerali EUR/A/151/98, li fuqha ismu kien ġie inkluż wara d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-persunal tal-Parlament tas-17 ta’ Mejju 2005.

Deċiżjoni:      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil CC is-somma ta’ EUR 12 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn CC fil-Kawżi F‑9/12, T‑457/13 P u F‑9/12 RENV.

Sommarju

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Kunċett – Tul tal-validità ta’ lista ta’ kandidati xierqa differenti skont il-kandidati li għaddew minn kompetizzjoni

2.      Uffiċjali – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kunċett – Telf ta’ opportunità ta’ reklutaġġ – Oneru tal-prova

(Artikolu 340(2) TFUE)

1.      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jirrikjedi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm dan it-trattament differenti ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ inugwaljanza fit-trattament meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet fattwali u legali tagħhom ma jkollhomx differenzi essenzjali, jingħataw trattament differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku.

Fil-mument li l-persuna kkonċernata tkun ibbenefikat minn inklużjoni ta’ isimha fil-lista ta’ kandidati xierqa għall-kompetizzjoni, ta’ tul inferjuri mill-inklużjoni ta’ wieħed mill-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jkunx ġie osservat.

(ara l-punti 89, 90 u 93)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-20 ta’ Frar 2009, Il‑Kummissjoni vs Bertolete et, T‑359/07 P sa T‑361/07 P, EU:T:2009:40, punti 37 u 38 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-Unjoni tista’ titqies li hija responsabbli minn dannu biss jekk dan jirriżulta b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir irregolari ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tagħha, liema fatt ikun ifisser li l-illegalità mwettqa mill-istituzzjoni li lilha huwa attribwibbli dan l-aġir kienet il-kawża determinanti għat-telf ta’ opportunità.

Meta d-dannu allegat ikun jirrigwarda telf ta’ opportunità, hija l-parti li tinvoka dan id-dannu li għandha tipprova li din hija opportunità reali u li t-telf ta’ tali opportunità sar effettivament definittiv.

(ara l-punti 122 u 123)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01, EU:T:2004:289, punt 150; Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punt 165, u tas-6 ta’ Ġunju 2006, Girardot vs Il‑Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2006:148, punt 96

Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Missir Mamachi di Lusignano vs Il‑Kummissjoni, F‑50/09, EU:F:2011:55, punt 179 u l-ġurisprudenza ċċitata