Language of document : ECLI:EU:C:2017:197

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 6(1)(e) – Data suġġetta għall-pubbliċità tar-reġistru tal-kumpanniji – L-Ewwel Direttiva 68/151/KEE – Artikolu 3 – Stralċ tal-kumpannija kkonċernata – Limitazzjoni tal-aċċess tat-terzi għal din id-data”

Fil-Kawża C-398/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (qorti tal-kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce

vs

Salvatore Manni,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce, minn L. Caprioli, avukat,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis u P. Grasso, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn E. Creedon u J. Quaney kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, barrister,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn C. Vieira Guerra, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira kif ukoll minn D. Nardi u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 3), kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 304) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 68/151”), kif ukoll tal-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi [persuni fiżiċi] fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Camera di Commercio, Industria, Artigianato e Agricoltura di Lecce (kamra tal-kummerċ, tal-industrija, tal-artiġġjanat u tal-agrikoltura ta’ Lecce, l-Italja, iktar ’il quddiem il-“Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce”) u Salvatore Manni fir-rigward tar-rifjut minnha li tħassar ċerta data ta’ natura personali relattiva għal S. Manni mir-reġistru tal-kumpanniji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 68/151

3        Hekk kif tippreċiża l-premessa 3 tad-Direttiva 2003/58, din kienet b’mod partikolari intiża biex timmodernizza d-Direttiva 68/151 b’mod “li jagħmlu l-informazzjoni dwar il-kumpanniji aktar aċċessibbli b’mod faċli u malajr minn partijiet interessati, iżda wkoll għandha tħaffef b’mod sinifikanti l-formalitajiet ta’ żvelar imposti fuq kumpanniji”.

4        Il-premessi tad-Direttiva 68/151 huma redatti kif ġej:

“[b]illi l-kordinazzjoni prevista fl-Artikolu 54(3) (ġ) [tat-Trattat KE] u fil-Programm Ġenerali għat-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment hija kwistjoni ta’ urġenza, speċjalment dwar kumpaniji limitati b’azzjonijiet jew għandhom xort’oħra responsabbiltà limitata, billi l-attiviatjiet ta’ dawk il-kumpaniji ġieli jestendu ‘l hinn mill-fruntieri ta’ territorji nazzjonali;

billi l-kordinazzjoni ta’ disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar, il-validità ta’ obbligi li jkunu daħlu għalihom, u n-nullità ta’ dawk il-kumpaniji hija ta’ importanza speċjali, partikolarment għall-iskop ta’ protezzjoni ta’ l-interessi ta’ terzi persuni;

billi f’dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet tal-Komunità relattivament għal dawk il-kumpaniji simultanjament, billi l-uniċi salvagwardji li huma joffru lil partijiet terzi huma l-assi tagħhom;

billi d-dokumenti bażiċi tal-kumpanija għandhom jiġu żvelati sabiex partijiet terzi jkunu jistgħu jaċċertaw il-kontenut tagħhom u tagħrif ieħor dwar il-kumpanija, speċjalment dettalji tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu l-kumpanija;

billi l-protezzjoni ta’ terzi għandha tiġi assigurata b’disposizzjonijiet li jirrestrinġu sa fejn l-iktar possibbli r-raġunijiet li għalihom obbligi aċċettati f’isem il-kumpanija ma jkunux validi;

billi huwa meħtieġ, sabiex tiġi assigurata ċertezza fil-liġi dwar relazzjonijiet bejn il-kumpanija u terzi, u wkoll bejn membri, biex jillimitaw il-każijiet li fihom tista’ tinqala’ n-nullità u l-effett retroattiv ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità, u biex jiġi ffissat limitu ta’ żmien qasir li fih terzi persuni jistgħu jagħmlu oġġezzjoni għal kull dikjarazzjoni bħal dik”.

5        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151, il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar it-tipi ta’ kumpaniji elenkati minn din id-dispożizzjoni, li fosthom tidher, għar-Repubblika Taljana, is-“società a responsabilità limitata” (kumpannija b’responsabbiltà limitata).

6        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jinsab fit-Taqsima I tagħha, intitolata “Pubbliċità”, jistabbilixxi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jassiguraw żvelar obbligatorju minn kumpaniji ta’ għall-inqas id-dokumenti u dettalji li ġejjin:

[…]

(d)      Il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li sew bħala korp kostitwit skond liġi u sew bħala membri ta’ kull korp bħal dak:

(i)      huma awtorizzati li jirrappreżentaw il-kumpanija fit-trattattivi ma’ terzi u fi proċedimenti legali;

(ii)      jieħdu parti fl-amministrazzjoni, sorveljanza jew kontroll tal-kumpanija.

[…]

(h)      L-istralċ tal-kumpanija;

[…]

(j)      Il-ħatra ta’stralċjarji, dettalji dwarhom, u s-setgħat rispettivi tagħhom, kemm-il darba dawn is-setgħat huma espressament u esklussivament meħuda minn liġi jew mill-istatuti tal-kumpanija;

(k)      It-terminazzjoni ta’ l-istralċ u, fi Stati Membri meta tħassir mir-reġistru jinvolvi konsegwenzi legali, il-fatt ta’ kull tħassir bħal dak.”

7        L-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija, li jinsab fl-istess Taqsima, jipprovdi li:

“1.      F’kull Stat Membru, għandu jinfetaħ file fir-reġistru ċentrali, reġistru kummerċjali jew reġistru tal-kumpanniji, għal kull waħda minn dawk il-kumpanniji rreġistrati fih.

2.      Id-dokumenti u partikolaritajiet kollha li għandhom ikunu żvelati skond l-Artikolu 2 għandhom jinżammu fil-file, jew jiddaħħlu fir-reġistru; is-suġġett tan-notamenti fir-reġistru għandhom f’kull każ jidhru fil-file.

[…]

3.      Kopja tad-dokumenti jew partikolaritajiet kollha jew kull parti minnhom li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 ikollha tkun disponibbli meta japplikaw għaliha. Mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu lir-reġistru permezz ta’ stampat jew mezzi elettroniċi skond kif jagħżel l-applikant.

Minn data li għandha tintgħażel minn kull Stat Membru, li mgħandhiex tkun aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007, kopji kif hemm riferenza għlihom fl-ewwel paragrafu għandhom ikunu disponibbli mir-reġistru permezz ta’ stampat jew b’mezzi elettroniċi kif jagħżel l-applikant. Dan għandu japplika fil-każ tad-dokumenti u partikolaritajiet kollha, irrispettivament jekk kinux ippreżentati qabel jew wara d-data magħżula. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jekk id-dokumenti u partikolaritajiet kollha, jew ċerti tipi tagħhom, jiġux ippreżentati permezz ta’ stampat jew qabel data li tista’ ma tkunx aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2006 għandhom ikuni disponibbli mir-reġistru permezz ta’ mezzi elettroniċi jekk perjodu speċifiku jkun skada bejn id-data ta’ meta jkun ġie ppreżentat u d-data ta’ l-applikazzjoni li tkun ippreżentata lir-reġistru. Perjodu speċifikat bħal dan ma jistax ikun anqas minn 10 snin.

[…]”

8        Id-Direttiva 68/151 tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 48 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU 2009, L 258, p. 11), li sussegwentement ġiet emendata bid-Direttiva 2012/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2012 (ĠU 2012, L 156, p. 1).

9        B’mod partikolari, id-Direttiva 2012/17 introduċiet fid-Direttiva 2009/101 l-Artikolu 7a, li jippreċiża:

“Il-proċessar tad-data personali li jsir fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-Direttiva 95/46/KE […]”

10      Madankollu, fid-dawl tad-data meta seħħew il-fatti, it-tilwima fil-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-Direttiva 68/151.

 Id-Direttiva 95/46

11      Id-Direttiva 95/46 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha l-għan li tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ dik id-data, tipprovdi fil-premessi 10 u 25 tagħha:

“(10) Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

[…]

(25)      Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu riflessi, minn naħa l-waħda, fl-obbligazzjonijiet imposti fuq persuni, awtoritajiet pubbliċi, intrapriżi, aġenziji u korpi oħra responsabbli għal ipproċessar, partikolarment dwar il-kwalità tad-data, sigurtà teknika, avviżi lill-awtorità ta’ superviżjoni, u ċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jsir l-ipproċessar, u, minn naħa l-oħra, id-dritt mogħti lil individwu, li d-data dwaru jkun is-suġġett ta’ l-ipproċessar, li jkun mgħarraf bl-ipproċessar li jkun qed isir dwaru, li jikkonsulta d-data, jitlob korrezzjonijiet u li jagħmel ukoll oġġezzjoni għal ipproċessar f’ċerti ċirkostanzi”.

12      L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 jgħid:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (“ipproċessar”) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]”

13      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Skop”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.”

14      Taħt it-Taqsima I tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)      ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)      miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)      adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)      eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)      miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.      Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

15      Taħt it-Taqsima II tal-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

ċ)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

jew

[…]

e)      l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

jew

f)      l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

16      L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

[…]

b)      skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

[…]”

17      L-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

a)      li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

[…]”

18      L-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi għall-implementazzjoni mill-Istati Membri ta’ awtorità ta’ superviżjoni inkarigata li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati b’applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 Id-dritt Taljan

19      L-Artikolu 2188 tal-codice civile (kodiċi ċivili) jipprovdi:

“1)      Ir-reġistru tal-kumpanniji huwa stabbilit għall-finijiet tar-reġistrazzjonijiet previsti mil-liġi.

2)      Ir-reġistru għandu jinżamm mill-uffiċċju tar-reġistru tal-kumpanniji, taħt is-sorveljanza ta’ Imħallef iddelegat mill-President tal-qorti.

3)      Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku.”

20      L-Artikolu 8(1) u (2) tal-legge n. 580 – Riordinamento delle camere di commercio, industria, artigianato e agricoltura (Liġi Nru 580, li torganizza mill-ġdid il-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġġjanat u tal-Agrikoltura), tad-29 ta’ Diċembru 1993 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 7, tal-11 ta’ Jannar 1994), jipprevedi li ż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji għandha tiġi fdata lill-Kmamar tal-Kummerċ, tal-Industrija, tal-Artiġġjanat u tal-Agrikoltura.

21      Il-decreto del Presidente della Repubblica n. 581 – Regolamento di attuazione dell’articolo 8 della legge 29 dicembre 1993, n. 580, in materia di istituzione del registro delle impresa di cui all’articolo 2188 del codice civile (Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 581, li jirregola l-implementazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 580, tad-29 ta’ Diċembru 1993, dwar l-istabbiliment tar-reġistru tal-kumpanniji stabbilit fl-Artikolu 2188 tal-Kodiċi Ċivili), tas-7 ta’ Diċembru 1995 (GURI Nru 28, tat-3 ta’ Frar 1996), jirregola ċerti aspetti relattivi għar-reġistru tal-kumpanniji.

22      It-traspożizzjoni fil-liġi Taljana tad-Direttiva 95/46 hija żgurata bid-decreto legislativo n. 196 – Codice in materia di protezione dei dati personali (Digriet Legali Nru 196, li jistabbilixxi kodiċi fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali), tat-30 ta’ Ġunju 2003 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 174, tad-29 ta’ Lulju 2003).

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23      S. Manni huwa l-amministratur uniku ta’ Italiana Costruzioni Srl, li ġiet attribwita kuntratt għall-kostruzzjoni ta’ kumpless turistiku.

24      B’rikors tat-12 ta’ Diċembru 2007, S. Manni ppreżenta kawża kontra l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce, billi sostna li l-bini ta’ dan il-kumpless ma kienx qiegħed jinbiegħ minħabba l-fatt li mir-reġistru tal-kumpanniji kien qed jirriżulta li huwa kien l-amministratur uniku u l-likwidatur ta’ Immobiliare e Finanziaria Salentina Srl (iktar ’il quddiem “Immobiliare Salentina”), li l-falliment tagħha kien iddikjarat matul l-1992 u li tħassret mir-reġistru tal-kumpanniji, wara proċedura ta’ stralċ, fis-7 ta’ Lulju 2005.

25      Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, S. Manni osserva li d-data personali li tikkonċernah, li tirriżulta mir-reġistru tal-kumpanniji, ġiet ipproċessata minn kumpannija speċjalizzata fil-ġbir u fl-ipproċessar ta’ informazzjoni tas-suq u fl-evalwazzjoni tar-riskji (“rating”) u li, minkejja talba f’dan is-sens, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce ma ħassritx din id-data personali.

26      B’hekk, S. Manni talab, minn naħa, li jiġi ordnat li l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce tħassar, li tagħmel anonima jew li tibblokka d-data li torbtu mal-falliment ta’ Immobiliare Salentina u, min-naħa l-oħra, li din il-Kamra tal-Kummerċ tiġi kkundannata tikkumpensa d-dannu subit minnu minħabba l-ħsara lir-reputazzjoni tiegħu.

27      B’sentenza tal-1 ta’ Awwissu 2011, it-Tribunale di Lecce (qorti ta’ Lecce, l-Italja) a laqgħet din it-talba, billi ordnat lill-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce li tagħmel anonima d-data li torbot lil S. Manni mal-falliment ta’ Immobiliare Salentina u billi kkundannat lill-konvenuta għall-kumpens ta’ dannu, stmat għal EUR 2 000, flimkien mal-interessi u l-ispejjeż.

28      It-Tribunale di Lecce (qorti ta’ Lecce), effettivament qieset li “ir-reġistrazzjonijiet li jorbtu l-isem ta’ persuna fiżika ma’ fażi kritika tal-ħajja tal-impriża (bħall-falliment) ma jistgħux ikunu perenni, fin-nuqqas ta’ interess ġenerali speċifiku fil-konservazzjoni u fid-divulgazzjoni tagħhom”. Fin-nuqqas ta’ tul massimu ta’ reġistrazzjoni stabbilit mill-kodiċi ċivili, din qieset li, “ladarba jgħaddi perijodu xieraq” mill-konklużjoni tal-falliment tal-kumpannija kkonċernata u l-istralċ tagħha mir-reġistru tal-kumpanniji, il-ħtieġa u l-utilità, fis-sens tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 196, tal-indikazzjoni ta’ isem l-ex amministratur uniku ta’ din il-kumpannija fil-mument tal-falliment tagħha tispiċċa, l-interess pubbliku ta’ “‘memorja storika’ tal-eżistenza tal-kumpannija u tad-diffikultajiet li din għaddiet minnhom [li jistgħu] jitwettqu fil-parti l-kbira permezz ta’ data anonima”.

29      Wara li l-Kamra tal-Kummerċ ta’ Lecce ppreżentat appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza msemmija, il-Corte suprema di cassazione (qorti tal-kassazzjoni, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      Il-prinċipju ta’ żamma tad-data personali b’mod li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati għal perijodu ta’ żmien li ma jaqbiżx dak meħtieġ għat-twettiq tal-għanijiet li għalihom tinġabar din id-data jew tiġi pproċessata sussegwentement, previst fl-Artikolu 6(e) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, trasposta bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 1996, tat-30 ta’ Ġunju 2003, għandu jipprevalixxi u, għaldaqstant, jipprekludi s-sistema ta’ pubblikazzjoni mwettqa bir-reġistru tal-kumpanniji, previst bl-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, kif ukoll bid-dritt nazzjonali fl-Artikolu 2188 tal-Codice Civile u bl-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 580 tad-29 ta’ Diċembru 1994, sa fejn dan ikun jeħtieġ li kulħadd, mingħajr limitazzjonijiet ta’ żmien, ikun jista’ jsir jaf bid-data relatata mal-persuni fiżiċi li jirriżultaw minnu?

2)      Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KE, tad-9 ta’ Marzu 1968, jippermetti li, b’deroga mit-tul ta’ żmien mhux limitat u mid-destinatarji mhux determinati tad-data ppubblikata fir-reġistru tal-kumpanniji, id-data stess ma tibqax suġġetta għal ‘pubblikazzjoni’, f’tali sinjifikat doppju, iżda minflok tkun disponibbili biss għal żmien limitat u fir-rigward ta’ destinatarji determinati, abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ fdata f’idejn l-amministratur tad-data?”

 Fuq id-domandi preliminari

30      Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 u l-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, jew saħansitra għandhom, jippermettu lill-persuni fiżiċi, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151, li jitolbu lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tal-kumpanniji biex tillimita, mal-iskadenza ta’ ċertu perijodu wara l-istralċ tal-kumpannija kkonċernata u abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, l-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, imniżżla f’dan ir-reġistru.

31      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrigwardawx l-ipproċessar ulterjuri tad-data kkontestata f’dan il-każ imwettaq minn kumpannija speċjalizzata fl-attività ta’ rating, li jissemma fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, iżda jirrigwarda l-aċċessibbiltà minn terzi ta’ tali data miżmuma fir-reġistru tal-kumpanniji.

32      F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 68/151, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex il-pubbliċità obbligatorja dwar il-kumpanniji ssemmi mill-inqas il-ħatra, it-tmiem ta’ kariga kif ukoll id-dettalji tal-persuni li, sew bħala korp ikkostitwit skont il-liġi u sew bħala membri ta’ tali korp, huma awtorizzati li jirrappreżentaw lill-kumpannija kkonċernata fit-trattativi ma’ terzi u fi proċedimenti legali, jew jieħdu parti fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll tal-kumpannija. Barra minn hekk, skont dan l-istess Artikolu 2(1)(j), għandhom isiru pubbliċi wkoll il-ħatra ta’ stralċjarji, dettalji dwarhom kif ukoll, fil-prinċipju, is-setgħat rispettivi tagħhom.

33      B’applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) sa (3) tad-Direttiva 68/151, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jitniżżlu f’kull Stat Membru jew f’reġistru ċentrali, jew f’reġistru tal-kummerċ jew f’reġistru tal-kumpanniji (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“reġistru”), u kopja sħiħa jew parzjali ta’ dawn l-indikazzjonijiet għandha tkun tista’ tinkiseb fuq talba.

34      Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet relattivi għall-identità tal-persuni msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151 jikkostitwixxu, bħala informazzjoni li tikkonċerna lil persuni fiżiċi identifikati jew identifikabbli, “data personali”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li xi informazzjoni tidħol fil-kuntest ta’ attività professjonali ma huwiex tali li jneħħilha l-kwalità ta’ data personali (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth u PAN Europe vs EFSA, C-615/13 P, EU:C:2015:489, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Barra minn hekk, meta tniżżel u żżomm l-informazzjoni msemmija fir-reġistru u meta tikkomunika din, jekk ikun il-każ, fuq talba lil terzi, l-awtorità inkarigata biż-żamma ta’ dan ir-reġistru twettaq “ipproċessar ta’ data ta’ natura personali”, li din hija “responsabbli” għaliha, fis-sens tad-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2(b) u (d) tad-Direttiva 95/46.

36      L-ipproċessar ta’ data personali li b’hekk isir fl-implementazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) u (j) u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 huwa suġġett għad-Direttiva 95/46, abbażi tal-Artikolu 1 u 3 ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, issa dan hu espressament previst fl-Artikolu 7a tad-Direttiva 2009/101, kif emendata bid-Direttiva 2012/17, li madankollu f’dan ir-rigward ma għandu ebda valur dikjarattiv. Hekk kif esponiet il-Kummissjoni Ewropea waqt is-seduta, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea effettivament ħass li kien utli li jfakkar din iċ-ċirkustanza fil-kuntest tal-emendi leġiżlattivi introdotti mid-Direttiva 2012/17 u intiżi biex jiżguraw l-interoperabbiltà tar-reġistri tal-Istati Membri, peress li dawn l-emendi jbassru żieda fl-intensità tal-ipproċessar ta’ data personali.

37      Fir-rigward tad-Direttiva 95/46, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 10 tagħha, din hija intiża li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

38      Skont il-premessa 25 tad-Direttiva 95/46, il-prinċipji ta’ protezzjoni previsti f’din id-direttiva għandhom ikunu riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq il-persuni li jipproċessaw id-data, obbligi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-kwalità tad-data, is-sigurtà teknika, in-notifika lill-awtorità ta’ superviżjoni, iċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jsir l-ipproċessar, u, min-naħa l-oħra, fid-drittijiet mogħtija lill-persuni li d-data tagħhom tkun is-suġġett ta’ pproċessar li jkunu informati dwar dan, li jkollhom aċċess għad-data, li jkunu jistgħu jitolbu rettifiki tad-data, u li saħansitra joġġezzjonaw għall-ipproċessar f’ċerti kundizzjonijiet.

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46, sa fejn jirregolaw l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tippreġudika l-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, id-dritt għall-ħajja privata, għandhom neċessarjament jiġu interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali żgurati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems, C-362/14, EU:C:2015:650, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      B’hekk, l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, filwaqt li l-Artikolu 8 tal-Karta jirrikonoxxi espliċitament id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-aħħar artikolu jippreċiżaw li din id-data għandha tiġi pproċessata b’mod ġust, għal finijiet iddeterminati u abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi, u li kull persuna għandha d-dritt ta’ aċċess għad-data miġbura li tirrigwarda lilha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha u li l-osservanza ta’ dawn ir-regoli għandha tkun suġġetta għas-superviżjoni ta’ awtorità indipendenti. Dawn ir-rekwiżiti huma implementati b’mod partikolari fl-Artikoli 6, 7, 12, 14 u 28 tad-Direttiva 95/46.

41      F’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ legalità imposti bid-Direttiva 95/46, għandu jitfakkar li, bla ħsara għad-derogi ammessi taħt l-Artikolu 13 tagħha, kull ipproċessar ta’ data għandu, minn naħa, ikun konformi mal-prinċipji dwar il-kwalità tad-data stabbiliti fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, jissodisfa wieħed mill-prinċipji dwar in-natura leġittima tal-ipproċessar ta’ data elenkati fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-ipproċessar ta’ data personali li jsir mill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru fl-implementazzjoni tal-Artikolu 2(1)(d) u (j), u tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 jissodisfa diversi raġunijiet ta’ leġittimazzjoni previsti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, jiġifieri dawk li jinsabu fil-punt (c) tiegħu, dwar l-osservanza ta’ obbligu legali, fil-punt (e) tiegħu, dwar l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika jew l-eżekuzzjoni ta’ missjoni ta’ interess pubbliku, u fil-punt (f) tiegħu, dwar it-twettiq ta’ interess leġittimu imfittex mill-persuna responsabbli mill-ipproċessar jew mit-terza persuna li lilha tiġi kkomunikata d-data.

43      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motiv ta’ leġittimazzjoni stabbilit fl-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tiddeċiedi li l-attività ta’ awtorità pubblika li tikkonsisti fil-ħarsien, f’bażi ta’ data, tad-data li l-kumpanniji huma marbuta li jikkomunikaw abbażi ta’ obbligi legali, biex tippermetti lill-persuni interessati jikkonsultaw din id-data u biex tipprovdilhom kopji tagħha tidħol fl-eżerċizzju ta’ prerogattivi ta’ setgħa pubblika (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Compass-Datenbank, C-138/11, EU:C:2012:449, punti 40 u 41). Barra minn hekk, tali attività tikkostitwixxi wkoll missjoni ta’ interess pubbliku, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

44      F’dan il-każ, il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-punt jekk l-awtorità inkarigata biż-żamma tar-reġistru għandhiex, mal-iskadenza ta’ ċertu terminu wara t-tmiem tal-attivitajiet ta’ kumpannija u fuq talba tal-persuna kkonċernata, jew tħassar jew tagħmel anonima d-data personali, jew tillimita l-pubbliċità tagħha. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi ruħha b’mod partikolari jekk tali obbligu jirriżultax mill-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46.

45      Skont l-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li d-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun ipproċessata ulterjorment. Meta din id-data tinżamm lil hinn mill-perijodu msemmi iktar ’il fuq għal finijiet storiċi, statistiċi jew xjentifiċi, l-Istati Membri għandhom jipprovdu garanziji xierqa. Skont il-paragrafu 2 tal-istess Artikolu, għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità ma’ dawn il-prinċipji.

46      F’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1)(e) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu lill-persuna kkonċernata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 12(b) tagħha, id-dritt li tikseb mingħand il-kontrollur, skont il-każ, it-tħassir jew imblokk tad-data kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 70).

47      Barra minn hekk, skont il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu lis-suġġett tad-data d-dritt, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 7(e) u (f) tagħha, li joġġezzjona f’kull ħin, għal raġunijiet gravi u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, għall-ipproċessar ta’ data li tikkonċernah, sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja fid-dritt nazzjonali. Għalhekk, l-ibbilanċjar li għandu jitwettaq fil-kuntest tal-imsemmi punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 jippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod iktar speċifiku ċ-ċirkustanzi kollha tas-sitwazzjoni konkreta tal-persuna kkonċernata. Fil-każ ta’ oġġezzjoni ġġustifikata, l-ipproċessar implementat mill-kontrollur ta’ dan l-ipproċessar ma jkunx jista’ jibqa’ jkopri din id-data (ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C-131/12, EU:C:2014:317, punt 76).

48      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istati Membri humiex marbuta, skont l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 12(b), jew il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, li jipprovdu għall-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151, id-dritt li jitolbu lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru li tħassar jew tibblokka wara ċertu żmien id-data personali mniżżla f’dan ir-reġistru, jew li jillimitaw l-aċċess, għandu, qabel kollox, jiġi stabbilit x’inhu l-għan ta’ din ir-reġistrazzjoni.

49      F’dan ir-rigward, mill-premessi u mit-titolu tad-Direttiva 68/151 jirriżulta li l-pubbliċità prevista minnha hija intiża biex tipproteġi b’mod partikolari l-interessi tat-terzi meta mqabbel mal-kumpanniji limitati b’azzjonijiet u mal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, peress li dawn joffru bħala garanzija fir-rigward tat-terzi l-assi tagħhom biss. Għal dan il-għan, il-pubbliċità għandha tippermetti li t-terzi persuni jkunu jistgħu isiru jafu l-atti essenzjali tal-kumpannija kkonċernata u ċerti indikazzjonijiet li jikkonċernawha, bħall-identità tal-persuni li huma awtorizzati li jorbtu lill-kumpannija.

50      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-għan tad-Direttiva 68/151 huwa li tiżgura ċ-ċertezza legali fir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji u t-terzi fil-perspettiva ta’ intensifikazzjoni tal-kurrenti tal-kummerċ bejn Stati Membri wara l-ħolqien tas-suq intern u li, f’din il-perspettiva, kull persuna li tixtieq tistabbilixxi u twettaq rapporti kummerċjali ma kumpanniji li jinsabu fi Stati Membri oħra għandha tkun tista’ taċċedi faċilment għad-data essenzjali relattiva għall-kostituzzjoni tal-kumpanniji kummerċjali u għas-setgħat tal-persuni inkarigati li jirrappreżentawhom, liema ħaġa teħtieġ li d-data kollha rilevanti tkun tidher b’mod espliċitu fir-reġistru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1974, Haaga, 32/74, EU:C:1974:116, punt 6).

51      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-pubbliċità prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 hija intiża biex tippermetti l-informazzjoni lit-terzi interessati kollha, mingħajr ma dawn għandhom jiġġustifikaw dritt jew interess li jeħtieġ protezzjoni. F’dan ir-rigward, din irrilevat li t-test stess tal-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat KEE, li fuqu kienet ibbażata din id-direttiva, issemmi l-għan ta’ protezzjoni tal-interessi tat-terzi b’mod ġenerali mingħajr ma jiġu distinti jew esklużi ċerti kategoriji fosthom, b’tali mod li l-kunċett ta’ terzi msemmi f’din id-dispożizzjoni ma jistax b’mod partikolari jiġi ridott biss għall-kredituri tal-kumpannija kkonċernata (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Daihatsu Deutschland, C-97/96, EU:C:1997:581, punti 19, 20 u 22, kif ukoll id-digriet tat-23 ta’ Settembru 2004, Springer, C-435/02 u C-103/03, EU:C:2004:552, punti 29 u 33).

52      Sussegwentement, fir-rigward tal-kwistjoni jekk, sabiex jitwettaq l-għan imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151, huwiex fil-prinċipju neċessarju li d-data personali tal-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) ta’ din id-direttiva tibqa’ mniżżla fir-reġistru u/jew tibqa’ aċċessibbli għal kull terz fuq talba anki wara t-terminazzjoni tal-attività tal-kumpannija kkonċernata, għandu jiġi kkonstatat li d-direttiva msemmija ma tagħti ebda preċiżazzjoni dwar dan.

53      Madankollu, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa stabbilit li, anki wara x-xoljiment ta’ kumpannija, jistgħu jibqgħu jeżistu drittijiet u relazzjonijiet legali fir-rigward tagħha. B’hekk, f’każ ta’ tilwima, id-data msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151 tista’ tirriżulta li hija neċessarja sabiex, b’mod partikolari, tiġi vverifikata l-legalità ta’ att magħmul f’isem din il-kumpannija matul il-perijodu tal-attività tagħha jew sabiex terzi jkunu jistgħu jippreżentaw kawża kontra l-membri tal-organi jew kontra l-likwidaturi tagħha.

54      Barra minn hekk, b’mod partikolari skont it-termini ta’ preskrizzjoni applikabbli fl-Istati Membri differenti, xi kwistjonijiet li jeħtieġu d-disponibbiltà ta’ din id-data jistgħu iqumu ħafna snin wara li din il-kumpannija tkun waqfet teżisti.

55      Issa, fid-dawl tal-ħafna xenarji possibbli, li jistgħu jinvolvu atturi f’diversi Stati Membri, u tal-eteroġenità sinifikanti fil-perijodi ta’ preskrizzjoni stabbiliti mid-diversi liġijiet nazzjonali fl-oqsma differenti tal-liġi, enfasizzata mill-Kummissjoni, jidher, fl-istat attwali, li huwa impossibbli li jiġi identifikat terminu uniku, li jibda jiddekorri mix-xoljiment ta’ kumpannija, li mal-iskadenza tiegħu ir-reġistrazzjoni tad-data msemmija fir-reġistru u l-pubbliċità tagħha ma tibqax neċessarja.

56      F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont l-Artikolu 6(1)(e) u l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri ma humiex marbuta li jiżguraw lill-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151, id-dritt li jiksbu fil-prinċipju wara ċertu terminu mix-xoljiment tal-kumpannija kkonċernata, it-tħassir tad-data personali li tikkonċernahom, li tniżżlet fir-reġistru b’applikazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, jew l-ibblokkar tagħha għall-pubbliku.

57      Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) u tal-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46 ma twassalx, barra minn hekk, għal indħil sproporzjonat fid-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, u b’mod partikolari fid-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom kif ukoll fid-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali, żgurat mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta.

58      Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 2(1)(d) u (j) u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151 jimponu l-pubbliċità biss għal numru limitat ta’ data personali, jiġifieri dik relatata mal-identità u mal-funzjonijiet rispettivi tal-persuni li għandhom is-setgħa li jorbtu lill-kumpannija kkonċernata fir-rigward tat-terzi u li jirrappreżentawha legalment, jew li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, fis-sorveljanza jew fil-kontroll ta’ din il-kumpannija, jew li ġew innominati bħala likwidaturi fiha.

59      Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 68/151 tipprevedi l-pubbliċità għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j), b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-kumpanniji limitati b’azzjonijiet u l-kumpanniji b’responsabbiltà limitata joffru biss l-assi tagħhom bħala garanzija fir-rigward tat-terzi, liema ħaġa tinvolvi riskju ekonomiku ogħla lil dawn tal-aħħar. Fid-dawl ta’ dan, jidher ġustifikat li l-persuni fiżiċi li jagħżlu li jipparteċipaw fil-kummerċ permezz ta’ tali kumpannija jkunu obbligati li jagħmlu pubblika d-data relatata mal-identità u mal-funzjonijiet tagħhom fi ħdanha, iktar u iktar meta dawn ikunu jafu b’dan l-obbligu fil-mument meta jiddeċiedu li jagħtu bidu għal tali attività.

60      Finalment, fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li fl-evalwazzjoni li għandha ssir fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jipprevalu, fil-prinċipju, il-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-interessi tat-terzi fil-konfront tal-kumpanniji limitati b’azzjonijiet u tal-kumpanniji b’responsabbiltà limitata u li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u b’hekk il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, madankollu ma jistax jiġi eskluż li jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet partikolari li fihom raġunijiet prevalenti u leġittimi fir-rigward tal-każ konkret tal-persuna jiġġustifikaw b’mod eċċezzjonali li l-aċċess għad-data personali li tikkonċernaha mniżżla fir-reġistru jkun limitat, mal-iskadenza ta’ terminu twil biżżejjed wara x-xoljiment tal-kumpannija inkwistjoni, għat-terzi li jiġġustifikaw interess speċifiku li jikkonsultawha.

61      Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li peress li l-applikazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46 hija suġġetta għar-riżerva li l-liġi nazzjonali ma tipprovdix dispożizzjoni kuntrarja, id-deċiżjoni finali fir-rigward tal-punt jekk il-persuni fiżiċi msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) tad-Direttiva 68/151 jistgħux jitolbu, lill-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru, tali limitazzjoni għall-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, tinsab f’idejn il-leġiżlaturi nazzjonali.

62      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-istat tal-liġi nazzjonali tagħha fuq dan il-livell.

63      Anki jekk jitqies li minn tali verifika jirriżulta li l-liġi nazzjonali tippermetti tali talbiet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha rilevanti u billi tieħu inkunsiderazzjoni ż-żmien li għadda mix-xoljiment tal-kumpannija kkonċernata, l-eżistenza eventwali ta’ raġunijiet gravi u leġittimi li jkunu, jekk ikun il-każ, tali li jiġġustifikaw b’mod eċċezzjonali l-limitazzjoni tal-aċċess tat-terzi għad-data li tikkonċerna lil S. Manni fir-reġistru tal-kumpanniji, li minnha jirriżulta li dan kien l-amministratur uniku u l-likwidatur ta’ Immobiliare Salentina. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi fatt li, allegatament, il-bini ta’ kumpless turistiku mibni minn Italiana Costruzioni, li tagħha S. Manni huwa fil-preżent l-amministratur uniku, mhux qed jinbiegħ minħabba l-fatt li xerrejja potenzjali ta’ dan il-bini għandhom aċċess għal din id-data fir-reġistru tal-kumpanniji, ma jistax ikun biżżejjed biex jikkostitwixxi tali raġuni, b’mod partikolari fid-dawl tal-interess leġittimu ta’ dawn li jkollhom din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom.

64      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1)(e), l-Artikolu 12(b), u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tal-liġi tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk il-persuni fiżiċi, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) ta’ din l-aħħar direttiva, jistgħux jitolbu li l-awtorità inkarigata miż-żamma tar-reġistru tivverifika, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, jekk huwiex eċċezzjonalment iġġustifikat, għal raġunijiet gravi u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, li tillimita, mal-iskadenza ta’ terminu twil biżżejjed wara l-istralċ tal-kumpannija kkonċernata, l-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, irreġistrata f’dan ir-reġistru, lill-persuni terzi li jiġġustifikaw interess speċifiku għall-konsultazzjoni ta’ din id-data.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1)(e), l-Artikolu 12(b), u l-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqrija flimkien mal-Artikolu 3 tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE, tad-9 ta’ Marzu 1968, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità, kif emendata bid-Direttiva 2003/58/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tal-liġi tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw jekk il-persuni fiżiċi, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (j) ta’ din l-aħħar direttiva, jistgħux jitolbu li l-awtorità inkarigata miż-żamma, rispettivament, tar-reġistru ċentrali, tar-reġistru kummerċjali, jew tar-reġistru tal-kumpanniji tivverifika, abbażi ta’ evalwazzjoni każ b’każ, jekk huwiex eċċezzjonalment iġġustifikat, għal raġunijiet gravi u leġittimi marbuta mas-sitwazzjoni partikolari tagħhom, li tillimita, mal-iskadenza ta’ terminu twil biżżejjed wara l-istralċ tal-kumpannija kkonċernata, l-aċċess għad-data personali li tikkonċernahom, irreġistrata f’dan ir-reġistru, lill-persuni terzi li jiġġustifikaw interess speċifiku għall-konsultazzjoni ta’ din id-data.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.