Language of document : ECLI:EU:C:2017:198

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta’ Marzu 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà – Artikoli 5 u 27 – Direttiva 2000/78/KE. – Artikolu 7 – Protezzjoni msaħħa f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà – Assenza ta’ tali protezzjoni għal uffiċjali b’diżabbiltà – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑406/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

Petya Milkova

vs

Izpalnitelen direktor na Agentsiata za privatizatsia i sledprivatizatsionen kontrol,

fil-preżenza ta’:

Varhovna administrativna prokuratura,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Bulgaru, minn D. Drambozova u E. Petranova, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll l-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata għan‑nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal‑Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tan-NU”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Petya Milkova u l-Izpalnitelen direktor na Agentsiata za privatizatsia i sledprivatizatsionen kontrol (direttur eżekuttiv tal-aġenzija ta’ privatizzazzjoni u ta’ kontroll post-privatizzazzjoni, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem l-“aġenzija”), dwar it-tkeċċija li hija kienet suġġetta għaliha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Il-Konvenzjoni tan-NU fl-Artikolu 1 tagħha tipprevedi li

“L-għan ta’ din il-Konvenzjoni huwa li tippromwovi, tipproteġi u tiżgura t-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà, u li tippromwovi ir-rispett għad-dinjità inerenti tagħhom.

Il-persuni b’diżabbiltà jinkludu dawk li għandom ħsarat [inkapaċitajiet] fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi fuq perjodu twil li flimkien ma’ diversi ostakli jistgħu jxekklu l-partċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.”

4        Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Ugwaljanza u non-diskriminazzjoni”:

“(1)      L-Istati Partijiet jagħrfu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi.

(2)      L-Istati Partijiet għandhom jipprojbixxu kull diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà u jiggarantixxu lill-persuni b’diżabbiltà protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi.

(3)      Sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni, l-Istati Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha adegwati biex jiżguraw li tingħata aġevolezza raġonevoli.

(4)      Miżuri speċifiċi li huma neċessarji biex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà m’għandhomx jitqiesu bħala diskriminazzjoni taħt it-termini ta’ din il-Konvenzjoni.”

5        L-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni tal-NU, intitolat “Xogħol u impjieg”, jipprevedi:

“L-Istati Partijiet għandhom jagħrfu d-dritt tal-persuni b’diżabbiltà biex jaħdmu, fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor; dan jinkludi d-dritt għall-opportunità għal qligħ ta’ għixien permezz ta’ xogħol magħżul b’mod liberu u ambjent tax-xogħol li hu miftuħ, inklużiv u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà. L-Istati Partijiet għandhom iħarsu u jippromwovu l-kisba tad-dritt għax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu passi adegwati, inkluż permezz ta’ leġiżlazzjoni, biex inter alia:

[…]

(h)      Jippromwovu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat permezz ta’ linji ta’ politika u miżuri adegwati, li jistgħu jinkludu programmi ta’ azzjoni affermattiva, inċentivi u miżuri oħra;

[…]”

 Id-dritt tal-Unjoni

6        Il-premessa 27 tad-Direttiva 2000/78 tgħid:

“Fir-Rakkomandazzjoni tagħha 86/379/KEE ta’ l-24 ta’ Lulju 1986 dwar l-impjieg ta’ persuni b’dizabilità fil-Komunità, [(ĠU 1986, L 225, p. 43)], il-Kunsill stabbilixxa qafas ta’ gwida li jistabbilixxi eżempji ta’ azzjoni pożittiva biex tippromwovi l-impjieg u t-taħriġ ta’ persuni b’diżabilità, u fir-Reżoluzzjoni tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar opportunitajiet ta’ mpjieg ugwali għall-persuni b’diżabilitajiet [(ĠU 1999, C 186, p. 3)], iddikjarat l-importanza li tingħata attenzjoni speċifika fost affarijiet oħra lir-reklutaġġ, lid-detenzjoni, lit-taħriġ u t-tagħlim kontinwu għar-rigward ta’ persuni b’diżabilità.”

7        Skont l-Artikolu 1 tagħha d-Direttiva 2000/78 għandha bħala għan “huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, [id-]diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

8        L-Artikolu 2 tad-din id-direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprevedi:

“(1)      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

(2)      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

(ii)      fir-rigward ta’ persuni b’dizabilità partikolari, min iħaddem jew kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni li għalihom tapplika din id-Direttiva, huma obbligati, taħt legislazzjoni nazzjonali, li jieħdu miżuri approprijati fil-linja mal-prinċipji li jinsabu fl-Artikolu 5 biex jeliminaw l-iżvantaġġi involuti minn disposizzjoni, kriterju jew prattika simili.

[…]”

9        Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

10      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

11      L-Artikolu 7 tal-istess direttiva, intitolat “Azzjoni pożittiva u miżuri speċifiċi”, huwa redatt kif ġej:

“(1)      Bi skop li tiġi żgurata l-ugwaljanza kompleta fil-prattika, il-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament m’għandux iżomm lil Stat Membru milli jikkonserva jew jadotta miżuri speċifiċi biex jipprevjeni jew jikkompensa għal żvantaggi marbuta ma’ xi waħda mill-bażijiet imsemmija fl-Artikolu 1.

(2)      Fir-rigward ta’ persuni b’disabilità, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament m’għandux jippreġudika d-dritt ta’ l-Istati Membri li jikkonservaw jew li jadottaw disposizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol jew miżuri mmirati biex jikkrejaw jew iżommu disposizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni ta’ l-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol.”

 Id-dritt Bulgaru

12      Il-kodeks na truda (kodiċi tax-xogħol) (DV Nru°26, tal-1 ta’ April 1986, u Nru 27, tal-4 ta’ April 1986), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1987, jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-att leġiżlattiv prinċipali li “jirregola r-relazzjonijiet ta’ xogħol bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjega, bħalma huma r-relazzjonijiet l-oħra kollha li huma direttament marbuta magħha”.

13      L-Artikolu 328 tal-kodiċi tax-xogħol, li jirregola l-ksur tal-kuntratt tax-xogħol mill-persuna li timpjega, wara li jitressaq avviż minn qabel, jipprevedi fil-punt 2 tal-Artikolu 1:

“Persuna li timpjega tista’ ttemm il-kuntratt ta’ xogħol permezz ta’ notifika minn qabel bil-miktub indirizzata lill-ħaddiem jew lill-impjegat fit-termini msemmija fl-Artikolu 326(2) fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2.      f’każ ta’ għeluq ta’ parti mill-impriża jew ta’ tnaqqis fil-postijiet;

[…]”

14      L-Artikolu 333 tal-kodiċi tax-xogħol, intitolat “Protezzjoni f’każ ta’ tkeċċija”, jipprevedi, fil-punt 3 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każijiet imsemmija fil-punti 2, 3, 5 u 11, tal-Artikolu 328(1) u l-punt 6 tal-Artikolu 330(2), il-persuna li timpjega ma tistax tipproċedi għal tkeċċija ħlief wara li tkun kisbet l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-ispettorat tax-xogħol każ b’każ:

[…]

(3)      [fir-rigward ta’] ħaddiem li jsofri minn marda msemmija f’deċiżjoni meħuda mill-Ministeru tas-Saħħa;

[…]”

15      Iz-zakon za administratsiata (liġi dwar l-amministrazzjoni) (DV Nru°130, tal-5 ta’ Novembru 1998), li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Diċembru 1998, jirregola l-organizzazzjoni amministrattiva. L-Artikolu 12 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)      L-azzjoni amministrattiva hija fdata f’idejn uffiċjali u impjegati.

(2)      Il-modalitajiet tad-dħul fis-seħħ u r-regolamenti tal-uffiċjali huma rregolati bil-liġi.

(3)      Il-kuntratti ta’ xogħol ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan l-amministrazzjoni huma konklużi skont il-kodiċi tax-xogħol.”

16      L-Artikolu 1 taz-zakon za darzhavnia sluzhitel (liġi dwar is-servizz pubbliku) (DV Nru°67, tas-27 ta’ Lulju 1999), li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 1999, jirregola “il-kontenut u l-waqfien tar‑relazzjoni ta’ xogħol bejn l-Istat u l-uffiċjal, fl-eżerċizzju u fl‑okkażjoni tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji previsti minn liġi speċjali”.

17      L-Artikolu 106 tal-liġi dwar is-servizz pubbliku jirregola l-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol mill-Awtorità tal-Ħatra wara li jintbagħat preavviż, previst, fil-punt 2 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Awtorità tal-Ħatra tista’ twaqqaf ex officio r-relazzjoni ta’ xogħol, permezz ta’ preavviż ta’ xahar fil-każijiet li ġejjin:

[…]

2.      f’każ ta’ tneħħija ta’ karigi;

[…]”

18      Il-liġi dwar is-servizz pubbliku ma fih ebda dispożizzjoni analoga għall-punt 1 tal-Artikolu 333(1) tal-kodiċi tax-xogħol.

19      L-Artikolu 1 tan-naredba n 5/1987 za bolestite, pri koito rabotnitsite, boleduvashti ot tyah, imat osobena zakrila saglasno chl. 333, al. 1, ot kodeksa na trud, (Deċiżjoni Nru 5/1987 dwar il-mard li jippermetti lill-persuni li qed ibatu minnu jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali skont l‑Artikolu 333(1) tal-kodiċi tax-xogħol) (DV Nru°33, tat-28 ta’ April 1987), adottata mill-ministeru tas‑saħħa pubblika u mill-kumitat ċentrali tas-sindakati Bulgari, jipprevedi:

“F’każ ta’ likwidazzjoni parzjali, ta’ tneħħija ta’ karigi jew ta’ waqfien mix-xogħol għal perijodu ta’ iktar minn 30 jum, l-impriża ma tistax tkeċċi lill-ħaddiema li jbatu minn waħda mill-mardiet segwenti ħlief jekk ma tiġix awtorizzata li tagħmel dan minn qabel mid-Diviżjoni territorjali applikabbli tal-ispezzjonar tax-xogħol:

[…]

5.      mard mentali;

[…]”

20      Iz-zakon za zashtita ot diskriminatsia (liġi dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjonijiet) (DV Nru° 86, tat-30 ta’ Settembru 2003), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2004, l-att leġiżlattiv li jirregola l-protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tagħhom billi jittrasponi d-direttivi komunitarji fil-qasam ta’ ugwaljanza fit‑trattament.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, P. Milkova kienet tokkupa l-kariga ta’ “espert junior” fl-unità “kontroll ta’ kuntratti ta’ privatizzazzjoni” tad-direttorat “kontroll post-privatizzazzjoni” tal-aġenzija, mill-10 ta’ Ottubru 2012. L-istruttura ta’ din l-aġenzija tipprevedi li xi karigi jiġu okkupati kemm minn uffiċjali, bħal P. Milkova, kif ukoll minn impjegati.

22      Matul is-sena 2014, in-numru ta’ karigi tnaqqas, fi ħdan l-aġenzija, minn 105 sa 65.

23      Intbagħat preavviż ta’ tkeċċija lil P. Milkova, skont liema mal-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar, ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħha tieqaf, minħabba t-tneħħija tal-kariga li hija tokkupa.

24      Permezz ta’ deċiżjoni tad-direttur eżekuttiv tal-aġenzija, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn P. Milkova u l-persuna li timpjega tagħha twaqqfet mill-1 ta’ Marzu 2014, abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 106(1) tal-liġi dwar is-servizz pubbliku.

25      P. Milkova ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l‑Administrativen sad Sofia‑grad (tribunal amministrattiv ta’ Sofia, il-Bulgarija), li fil-kuntest tiegħu hija sostniet li t-tkeċċija tagħha mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-ispettorat tax-xogħol prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 333(1) tal-kodiċi tax-xogħol, kienet illegali. Din il-qorti ċaħdet ir-rikors minħabba in-nuqqas ta’ ksur tal-liġi applikabbli. Skont din il-qorti, dan il-punt 3 tal-Artikolu 333(1) ma hijiex applikabbli għall-waqfien ta’ relazzjoni ta’ xogħol tal-uffiċjali. Minn dan isegwi li, anki jekk il-persuna kkonċernata ssofri minn mard mentali li wassalha għal rata ta’ invalidità ta’ 50 %, il-waqfien tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija legali.

26      Fil-kuntest tal-appell fil-kassazzjoni ppreżentat, mid-deċiżjoni mogħtija mill-imsemmija qorti, quddiem il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema, il-Bulgarija), P. Milkova sostniet l-argument tagħha invokat quddiem il-qorti tal-ewwel istanza u tenniet ir-raġuni bbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-persuna li timpjega waqfet ir-relazzjoni ta’ xogħol kienet illegali.

27      Id-direttur eżekuttiv tal-aġenzija jikkunsidra li tali awtorizzazzjoni ma kinitx meħtieġa u li d-deċiżjoni kkontestata kienet għalhekk legali.

28      Minkejja li l-qorti tar-rinviju tqis li d-differenza fit-trattament allegata hija bbażata mhux fuq il-karatteristika personali relatata mad-“diżabbiltà”, iżda fuq id-differenza li tippreżenta r-rabta legali skont liema l-persuni kkonċernati jeżerċitaw attività professjonali, din il-qorti ma teskludix li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra r-rekwiżiti intiżi li jiżguraw l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjiegi u tax-xogħol tal-persuni kollha b’diżabbiltà, previsti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-Konvenzjoni tan-NU.

29      Skont il-qorti tar-rinviju, il-l-protezzjoni addizzjonali mogħtija lill-persuni kollha li għandhom ċerti tipi ta’ diżabbiltajiet mogħtija matul is-sena 1987, ġiet, fil-prattika, irtirata fil-konfront tal-uffiċjali bl-adozzjoni tal-liġi dwar is-Servizz Pubbliku, matul is-sena 1999, mingħajr ma l-awtur tal‑proposta tal-liġi kkonċernata ma wera motivi espressi. Madankollu, din il-protezzjoni nżammet favur l-impjegati kollha, inkluż dawk li huma impjegati fis-settur pubbliku.

30      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-kwistjoni ta’ sa fejn id-dispożizzjonijiet adottati mir‑Repubblika tal-Bulgarija, li jikkostitwixxu miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi għal persuni b’diżabbiltà, iżda biss ta’ dawk li huma impjegati, anki jekk f’servizz pubbliku, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “azzjoni pożittiva” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/78.

31      Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment espress għas-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, Z. (C-363/12, EU:C:2014:159), skont liema l-interpretazzjoni tad‑Direttiva 2000/78 ssir skont il-Konvenzjoni tan-NU, li skont din il-qorti teżiġi protezzjoni legali li hija ugwali u effettiva kontra d-diskriminazzjoni fuq kull bażi fil-konfront ta’ persuni b’diżabbiltà, u mhux biss abbażi ta’ ċerti karatteristiċi personali, li jistgħu jiġu protetti, kif previsti mid-dritt sekondarju tal-Unjoni.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Varhoven administrativen sad (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(2) tal-Konvenzjoni [tan-NU dwar id-diżabbiltà] […], [jippermetti] leġiżlazzjoni li permezz tagħha l-Istati Membri jistabbilixxu protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, mingħajr madankollu tkopri lill-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?

2)      L-Artikolu 4 u d-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva [2000/78] jippermettu li tiġi adottata regola nazzjonali li tagħti protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, mingħajr madankollu tkopri lill-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?

3)      L-Artikolu 7 tal-imsemmija Direttiva 2000/78 jippermetti li tiġi stabbilita protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, mingħajr madankollu tkopri lill-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?

4)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u għat-tielet domandi: fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, huwa neċessarju sabiex jiġu osservati d-dispożizzjonijiet internazzjonali u Komunitarji, li l-protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, stabbilita mil-leġiżlatur nazzjonali, tkun applikata wkoll għall-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tielet domanda

33      Permezz tal-ewwel u t-tielet domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 200/78, b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-impjegati li jsofru minn ċerti tipi ta’ diżabbiltajiet, protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija, mingħajr madankollu ma tkopri lill-uffiċjali li jista’ jkollhom l-istess tipi ta’ diżabbiltajiet.

34      B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2000/78 huwa li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq waħda mir-raġunijiet previsti f’dan l-artikolu, li fosthom tinsab id-diżabbiltà. F’dan ir-rigward, kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(1), tal-istess direttiva, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li hija tistabilixxi japplika skont l-imsemmija raġunijiet imsemmija b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tagħha (is-sentenzi tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punt 34, kif ukoll tal-21 ta’ Mejju 2015, SCMD, C-262/14, mhux ippubblikata, EU:C:2015:336, punt 29).

35      Minn dan isegwi li l-ewwel nett għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

36      L-ewwel nett, il-kunċett ta’ “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78, għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi għal perijodu twil ta’ natura fiżika, mentali jew psikika, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq bażi ugwali bħall-ħaddiema l-oħra (is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi, C-395/15, EU:C:2016:917, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-mard mentali li ssofri minnu P. Milkova jikkostitwixxi wkoll “diżabbiltà”, fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

38      It-tieni nett, konformement mal-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, din id-direttiva tapplika, fil-limiti tal-kompetenzi mogħtija lill-Unjoni, għall-persuni kollha, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija.

39      għaldaqstant, kif jirrileva l-Avukat ġenerali fil-punt 46 tal-Konklużjonijiet tiegħu, is-sistema li għaliha ġiet suġġetta P. Milkova mill-entità pubblika li kienet timpjegaha, meta twaqqaf l-impjieg statali tagħha, tista’ tkun koperta bil‑kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-imsemmija direttiva.

40      Madankollu, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, id-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tiġi bbażata fuq waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, iżda titwettaq, min-naħa l-oħra, skont il-funzjoni tan-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol, fis-sens tal-liġi nazzjonali.

41      Fil-fatt mill-kuntest legali nazzjonali jirriżulta li, kif ġie espost mill-qorti tar-rinviju, li l-punt 3 tal-Artikolu 333(1) tal-kodiċi tax-xogħol, moqri flimkien mal-punt 2 tal-Artikolu 328(1) ta’ dan il-kodiċi, jipprevedi li awtorizzazzjoni ex ante għandha tingħata mill-awtorità pubblika kompetenti, jiġifieri l-ispettorat tax-xogħol, qabel ikun jista’ jitwaqqaf, minħabba tneħħija ta’ impjieg, il-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem li jsofri minn marda msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 5 dwar il-mard li jippermetti lill-persuni li qed ibatu minnu jibbenefikaw minn protezzjoni speċjali skont l‑Artikolu 333(1) tal-kodiċi tax-xogħol, li fih il-punt 5, rilevanti f’dan il-każ, jirrigwarda l-“mard mentali”. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din l-awtorizzazzjoni ex ante ma tapplikax fil-każ ta’ twaqqif tar-rabta ta’ xogħol statali deċiż minħabba t-tneħħija ta’ karigi b’applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 106(1) tal-liġi dwar is-servizz pubbliku.

42      Għalhekk, ma jidhirx li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabilixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq id-diżabbiltà, fis-sens tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 peress li huwa bbażat fuq kriterju li ma jkunx marbut b’mod inseparabbli mad-diżabbiltà (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, HK Danmark, C-335/11 u C-337/11, EU:C:2013:222, punti 72 sa 74).

43      Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-qorti tal-ġustizzja ma tirriżulta ebda prova li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minkejja li tkun ifformulata b’mod newtrali, jiġifieri b’riferiment għal kriterji oħra, f’dan il-każ in-natura tar-relazzjoni ta’ xogħol, mhux marbuta mal-karatteristika protetta, f’dan il-każ id-diżabbiltà, tirriżulta fi żvantaġġ, partikolarment għall-persuni li għandhom din il-karatteristika, billi timplika diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-kunċett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2014, Z., C-363/12, EU:C:2014:159, punt 53).

44      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-relazzjoni ta’ xogħol bħala tali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali diskriminazzjoni ma taqax fil-kuntest ġenerali stabbilit mid-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2011, Agafiţei et, C-310/10, EU:C:2011:467, punti 31 sa 35).

45      Madankollu, f’dan il-każ, il-Gvern Bulgaru jsostni li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jistabbilixxi distinzjoni bejn il-ħaddiema b’diżabbiltà u l-ħaddiem li ma għandhomx diżabbiltà, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati b’diżabbiltà, prevista biss għall-ewwel minn dawn il-ħaddiema, timplika, essenzjalment, “azzjoni pożittiva”, fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78.

46      Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li tiġi stabbilita distinzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tkun parti minn dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jew ta’ dispożizzjonijiet jew faċilitajiet għas-salvagwardja jew promozzjoni tal-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk, tali distinzjoni, favur persuni b’diżabbiltà, tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan tad-Direttiva 2000/78, kif stabbilita fl-Artikolu 1 ta’ din tal-aħħar, jiġifieri, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata, f’dan il-każ, fuq id-diżabbiltà, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, bil-għan li jiġi implementat, fl-Istat Membru kkonċernat, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Coleman, C-303/06, EU:C:2008:415, punt 42).

47      Fil-fatt, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu bħala għan li jawtorizza miżuri speċifiċi li jirrigwardaw effettivament l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis tal-l-inugwaljanzi fattwali kontra l-persuni b’diżabbiltà, li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali tagħhom u, b’mod partikolari, fil-ħajja professjonali tagħhom, kif ukoll sabiex tintlaħaq ugwaljanza sostanzjali u mhux formali, billi jitnaqqsu dawn l-inugwaljanzi.

48      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Konvenzjoni tan-NU, li, skont ġurisprudenza stabbilita, tista’ tiġi invokata sabiex tiġi interpretata d-Direttiva 2000/78, li għandha tkun suġġetta, sa fejn possibbli, għal interpretazzjoni konformi ma’ din il-konvenzjoni (is-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2016, Daouidi, C-395/15, EU:C:2016:917, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont l-Artikolu 27(1)(h) tal-Konvenzjoni tan-NU, il-partijiet kontraenti jiggarantixxu u jiffavorixxu l-eżerċizzju tad-dritt tax-xogħol, inkluż għal dawk li jġarrbu diżabbiltà matul l-impjieg tagħhom, billi jieħdu miżuri adegwati, fosthom miżuri leġiżlattivi, sabiex, b’mod partikolari, jiffavorixxu l-impjieg ta’ persuni b’diżabbiltà fis-settur privat li jimplementaw il-politiki u miżuri adegwati, inklużi jekk ikun il-każ programmi ta’ azzjoni pożittiva, inċentivi u miżuri oħra. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 5(1) ta’ din il-konvenzjoni dawn il-partijiet jirrikonoxxu li l-persuni kollha huma ugwali quddiem u taħt il-liġi u huma intitolati mingħajr kwalunkwe diskriminazzjoni għall-protezzjoni ugwali u għal benefiċċju ugwali tal-liġi, il-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 tal-imsemmija konvenzjoni jawtorizza, barra minn hekk, b’mod espress il-miżuri speċifiċi li huma neċessarji sabiex titħaffef jew tinkiseb de facto l-ugwaljanza tal-persuni b’diżabbiltà.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78 u, bħala tali, issegwi għan kopert mid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja adottata bil-għan li jiġi ddeterminat jekk miżura nazzjonali taqax taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C-206/13, EU:C:2014:126, punti 22 u 25, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata u tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C-198/13, EU:C:2014:2055, punt 37).

51      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Istati Membri jaġixxu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali ddefiniti fil-kuntest tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C-198/13, EU:C:2014:2055, punt 33).

52      Madankollu, il-fatt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri ma humiex obbligati li jżommu jew jadottaw miżuri bħal dawk previsti f’din id-dispożizzjoni, iżda li għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dan ir-rigward, ma jippermettix li jiġi kkunsidrat li regoli adottati mill-Istati Membri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C-411/10 u C-493/10, EU:C:2011:865, punti 64 sa 69, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2013, Sabou, C-276/12, EU:C:2013:678, punt 26).

53      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li, meta leġiżlazzjoni tal-Unjoni tħalli f’idejn l-Istati Membri l-għażla bejn diversi modalitajiet ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw s-setgħa diskrezzjonali tagħhom fl-osservanza tal-prinċipji ġenerali tal-Unjoni, li fosthom jissemma l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ġunju 2002, Mulligan et, C-313/99, EU:C:2002:386, punt 46, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Horvath, C-428/07, EU:C:2009:458, punt 56, kif ukoll id-digriet tas-16 ta’ Jannar 2014, Dél-Zempléni Nektár Leader Nonprofit, C-24/13, EU:C:2014:40, punt 17).

54      Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali taqa’ taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, dan jimplika li, f’dan il-każ, huma applikabbli il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et, C-198/13, EU:C:2014:2055, punt 33).

55      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit permezz tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (is-sentenzi tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C-356/12, EU:C:2014:350, punt 43, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Vervloet et, C-76/15, EU:C:2016:975, punt 4 u l-ġurisprudenza ċċitata). Differenza fit-trattament tkun iġġustifikata meta tkun ibbażata fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri meta din tkun relatata ma’ għan legalment ammissibbli mfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, u meta din id-differenza tkun proporzjonata mal-għan imfittex mit-trattament ikkonċernat (is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel, C-356/12, EU:C:2014:350, punti 43, kif ukoll l-ġurisprudenza ċċitata).

56      F’dak li jirrigwarda r-rekwiżit li jirrigwarda n-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C-127/07, EU:C:2008:728, punt 25, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2015, O, C-432/14, EU:C:2015:643, punt 31).

57      Għandu jiġi spjegat ukoll li, minn naħa, ma huwiex meħtieġ li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu paragunabbli u, min-naħa l-oħra, l-eżami ta’ din in-natura paragunabbli ma għandux isir b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret fir-rigward tal-għan u l-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li joħolqu d-distinzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2011, Römer, C-147/08, EU:C:2011:286, punt 42; tat-12 ta’ Diċembru 2013, Hay, C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 33, tal-15 ta’ Mejju 2014, Szatmári Malom, C-135/13, EU:C:2014:327, punt 67, u tal-1 ta’ Ottubru 2015, O, C-432/14, EU:C:2015:643, punt 32).

58      Għalhekk, it-tqabbil tas-sitwazzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq analiżi ffokata fuq l-assjem ta’ regoli tad-dritt nazzjonali li jirregola l-pożizzjonijiet, minn naħa, tal-ħaddiema impjegati milquta minn diżabbiltà partikolari u, min-naħa l-oħra, tal-uffiċjali milquta bl-istess diżabbiltà, kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet interni rilevanti applikabbli f’dan il-każ, inkunsiderazzjoni tal-għan tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, mill-bidu nett, li, filwaqt li rrilevat l-ispeċifiċità tal-protezzjoni prevista mid-dritt Bulgaru, il-qorti tar-rinviju speċifikat li l-interess ta’ din il-protezzjoni qiegħed fil-fatt li organu speċjalizzat jevalwa r-riperkussjonijiet tat-tkeċċija fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata u jiddeċiedi li jawtorizza jew ma jawtorizzax.

60      Għalhekk, l-għan ta’ leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa li jipproteġi lil ħaddiem, mhux skont it-tip ta’ relazzjoni legali li tikkostitwixxi r-relazzjoni tiegħu ta’ xogħol, iżda minħabba l-istat ta’ saħħa tiegħu.

61      Għalhekk, id-distinzjoni mwettqa minn din il-leġiżlazzjoni bejn ħaddiema impjegati li jsofru minn diżabbiltà partikolari u l-uffiċjali li jsofru mill-istess diżabbiltà tidher li ma hijiex adegwata fid-dawl tal-iskop mixtieq minn din il-leġiżlazzjoni, speċjalment minħabba li dawn il-kategoriji ta’ persuni b’diżabbiltà jistgħu t-tnejn li huma jiġu impjegati mill-istess amministrazzjoni.

62      Hija l-qorti nazzjonali, f’dak li jirrigwarda d-differenza fit-trattament allegata fil-kawża prinċipali, li għandha tivverifika jekk l-assjem ta’ regoli tad-dritt nazzjonali applikabbli joffrix lill-uffiċjali b’diżabbiltà livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li huwa previst mill-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-ispettorat tax-xogħol f’dak li jirrigwarda l-impjegati b’diżabbiltà impjegati fis-settur tas-servizz pubbliku.

63      Fl-aħħar nett, jekk il-qorti tar-rinviju kellha tiddeċiedi li differenza ta’ trattament bejn dawn il-gruppi ta’ persuni, li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, tiġi stabbilita, tkun din il-qorti tal-aħħar, finalment li jkollha l-ġurisdizzjoni li tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża li titressaq quddiemha u sabiex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, li tiddetermina jekk, u sa fejn, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija oġġettivament iġġustifikata fid-dawl tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tielet domandi għandha tkun li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU u flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-impjegati li jsofru minn ċerti tipi ta’ diżabbiltajiet protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija, mingħajr, għaldaqstant, ma tagħti din il-protezzjoni lill-uffiċjali li jsofru mill-istess tipi ta’ diżabbiltajiet, sakemm ma jiġix stabbilit li jkun inkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. It-tqabbil tas-sitwazzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq analiżi ffokata fuq l-assjem ta’ regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti li jirregola l-pożizzjonijiet, minn naħa, tal-ħaddiema impjegati li jsofru minn ċerti tipi ta’ diżabbiltajiet partikolari, minn naħa, u dawk tal-uffiċjali li jsofru mill-istess diżabbiltà, min-naħa l-oħra, inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-għan tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq ir-raba’ domanda

65      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment jekk, f’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u t-tielet domandi, l-obbligu ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jipproteġu lill-impjegati li jsofru minn ċertu tip ta’ diżabbiltà partikolari jiġi estiż, bil-għan li dawn ir-regoli protettivi jibbenefikaw ukoll lill-uffiċjali li jsofru mill-istess tip ta’ diżabbiltà.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tista’ tiġi żgurata biss bl-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija privileġġata, (is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, EU:C:1999:22, punt 57; tat-22 ta’ Ġunju 2011, Landtová, C-399/09, EU:C:2011:415, punt 51, u tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr, C-417/13, EU:C:2015:38, punt 46). Il-persuni żvantaġġati għandhom għalhekk għandhom jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-vantaġġ ikkonċernat (is-sentenza tal-11 ta’ April 2013, Soukupová, C-401/11, EU:C:2013:223, punt 35).

67      F’din l-ipoteżi, il-qorti nazzjonali għandha tiċħad kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma hija għandha titlob jew tistenna l-eliminazzjoni tagħha minn qabel mil-leġiżlatur, u tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess sistema li minnha jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija l-oħra (is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, EU:C:2002:752, punt 43; tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C-81/05, EU:C:2006:529, punt 46, kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et, C-231/06 sa C-233/06, EU:C:2007:373, punt 39). Il-qorti nazzjonali għandha dan l-obbligu indipendentement mill-eżistenza, fid-dritt intern, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtuha l-ġurisdizzjoni sabiex tagħmel dan (is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C-81/05, EU:C:2006:529, punt 46).

68      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li din is-soluzzjoni tista’ tapplika biss fil-preżenza ta’ sistema ta’ referenza valida (is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C-501/12 sa C-506/12, C‑540/12 u C-541/12, EU:C:2014:2005, punt 96, u tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr, C-417/13, EU:C:2015:38, punt 47). Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

69      Fl-ipoteżi fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma huwiex osservat, minn dan isegwi li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Is-sistema applikabbli għall-ħaddiema impjegati b’diżabbiltà, vantaġġati mis-sistema fis-seħħ, hija għaldaqstant l-unika sistema ta’ referenza valida. Għaldaqstant, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, timplika l-għoti lill-uffiċjali b’diżabbiltà, żvantaġġati mis-sistema fis-seħħ, l-istess vantaġġi li dawn setgħu ibbenefikaw minnhom il-ħaddiema impjegati b’diżabbiltà, vantaġġati minn din is-sistema, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-protezzjoni speċjali ex ante prevista f’każ ta’ tkeċċija u li tirrigwarda l-obbligu, għall-persuna li timpjega, li tinvoka awtorizzazzjoni minn qabel mill-ispettorat tax-xogħol qabel it-twaqqif tar-relazzjoni ta’ xogħol (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2015, ÖBB Personenverkehr, C-417/13, EU:C:2015:38, punt 48).

70      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-NU u flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jipproteġu l-impjegati li jsofru minn ċertu tip ta’ diżabbiltà partikolari għandu jiġi estiż, sabiex dawn ir-regoli protettivi jibbenefikaw ukoll lill-uffiċjali li jsofru mill-istess tip ta’ diżabbiltà.

 Fuq it-tieni domanda

71      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, bl-istess mod tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din tal-aħħar, jippermettix l-adozzjoni ta’ qafas legali li jagħti protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija ta’ impjegati li jsofru minn diżabbiltà partikolari, mingħajr madankollu tkopri lill-uffiċjali li għandhom l-istess diżabbiltà.

72      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-qorti tar-rinviju hija meqjusa, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha konjizzjoni tagħhom u li għandha l-obbligu li tosserva bir-reqqa (is-sentenzi tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punt 19, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Għalhekk, il-qorti tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li jkunu wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din diġà ddeċidiet li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet tal-għażla tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom titlob l-interpretazzjoni kif ukoll fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima mressqa quddiemha (is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos, C-235/14, EU:C:2016:154, punt 115, u tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 62).

74      Hemm lok li jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li l-informazzjoni pprovduta fit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, iżda wkoll sabiex tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-persuni kkonċernati oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet, skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 63, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C-614/14, EU:C:2016:514, punt 20).

75      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju sempliċement tagħmel it-tieni domanda, mingħajr ma tispjegaha iktar fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, hija sempliċiment tagħmel riferiment, b’mod ġenerali, għall-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, kif ukoll għal dispożizzjonijiet oħra tagħha, mingħajr għaldaqstant ma tistabilixxi rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76      Minħabba dawn il-lakuni, id-deċiżjoni ta’ rinviju ma tippermettix la lill-gvernijiet tal-Istati Membri l-oħra u għall-partijiet l-oħra ikkonċernati, fis-sens tal-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jippreżentaw osservazzjonijiet utli fuq din it-tieni domanda u lanqas għall-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi, lill-qorti tar-rinviju, risposta utli għall-imsemmija domanda, sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Private Equity Insurance Group, C-156/15, EU:C:2016:851, punt 66).

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda hija inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE, tas-26 ta’ Novembru 2009, u flimkien mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jawtorizza leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħti lill-impjegati li jsofru minn ċerti tipi ta’ diżabbiltajiet protezzjoni speċjali ex ante f’każ ta’ tkeċċija, mingħajr, għaldaqstant, ma tagħti din il-protezzjoni lill-uffiċjali li jsofru mill-istess tipi ta’ diżabbiltajiet, sakemm ma jiġix stabbilit li jkun inkiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. It-tqabbil tas-sitwazzjonijiet għandu jkun ibbażat fuq analiżi ffokata fuq l-assjem ta’ regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti li jirregola l-pożizzjonijiet, minn naħa, tal-ħaddiema impjegati li jsofru minn ċerti tipi ta’ diżabbiltajiet partikolari, minn naħa, u dawk tal-uffiċjali li jsofru mill-istess diżabbiltà, min-naħa l-oħra, inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-għan tal-protezzjoni kontra t-tkeċċija inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2)      Fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u flimkien mal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ osservanza tad-dritt tal-Unjoni jeżiġi li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli nazzjonali li jipproteġu l-impjegati li jsofru minn ċertu tip ta’ diżabbiltà partikolari għandu jiġi estiż, sabiex dawn ir-regoli protettivi jibbenefikaw ukoll lill-uffiċjali li jsofru mill-istess tip ta’ diżabbiltà.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.