Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-31 ta’ Jannar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Conseil d’État - Il-Belġju) - Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides vs Mostafa Lounani

(Kawża C-573/14) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Ażil – Direttiva 2004/83/KE – Livelli minimi tal-kundizzjonijiet li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew li persuni mingħajr stat għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jitolbu l-istatus ta’ refuġjat – Artikolu 12(2)(ċ) u 12(3) – Esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat – Kunċett ta’ ‘atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti’ – Portata – Membru mexxej ta’ organizzazzjoni terroristika – Kundanna kriminali għal parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku – Eżami individwali)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides

Konvenut: Mostafa Lounani

Dispożittiv

L-Artikolu 12(2)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex tinżamm l-eżistenza tal-kawża ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li jinsab fiha, ma huwiex neċessarju li l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jkun ġie kkundannat għal wieħed mir-reati terroristiċi previsti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

L-Artikolu 12(2)(ċ) u l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li atti ta’ parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta’ grupp terroristiku, bħal dawk li għalihom ġie kkundannat il-konvenut fil-kawża prinċipali, jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni minn status ta’ refuġjat, anki jekk ma jiġix stabbilit li l-persuna kkonċernata la wettqet, lanqas għamlet tentattiv jew heddet li twettaq att ta’ terroriżmu kif speċifikat fir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni individwali tal-fatti li jippermettu li jiġi evalwat jekk jeżistux raġunijiet serji li wieħed jemmen li persuna tinsab ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti, li kienet instigatur ta’ tali atti jew li pparteċipat fihom bi kwalunkwe mod ieħor, iċ-ċirkustanza li din il-persuna ġiet ikkundannata, mill-qrati ta’ Stat Membru, bħala kap tal-parteċipazzjoni f’attivitajiet ta’ grupp terroristiku huwa ta’ importanza partikolari, kif ukoll il-konstatazzjoni li l-imsemmija persuna kienet membru mexxej ta’ dan il-grupp, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi stabbilit li din l-istess persuna hija stess kienet l-instigatur ta’ att ta’ terroriżmu jew li hija pparteċipat fih bi kwalunkwe mod ieħor.

____________

1 ĠU C 46, 9.2.2015.