Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Vrhovno sodišče Republike Slovenije –is-Slovenja) – C. K., H. F., A. S. vs Republika Slovenija

(C-578/16 PPU) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Trattamenti inumani jew degradanti – Trasferiment ta’ applikant għall-ażil marid b’mod gravi lejn l-Istat responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu – Assenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi kkonfermati f’dan l-Istat Membru – Obbligi imposti fuq l-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment)

Lingwa tal-kawża: l-Islovakk

Qorti tar-rinviju

Vrhovno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C. K., H. F., A. S.

Konvenuta: Republika Slovenija

Dispożittiv

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni tal-applikazzjoni, minn Stat Membru, tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista f’din id-dispożizzjoni ma taqax unikament taħt id-dritt nazzjonali u taħt l-interpretazzjoni li tagħtiha l-qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, iżda tikkostitwixxi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

L-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:

anki fl-assenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil fil-kuntest tar-Regolament Nru 604/2013 jista’ jseħħ biss f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat li l-persuna kkonċernata tissubixxi trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

f’ċirkustanzi li fihom it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment u, jekk ikun il-każ, il-qrati tiegħu, li għandhom jeliminaw kwalunkwe dubju serju dwar l-impatt tat-trasferiment fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex it-trasferiment tagħha jseħħ f’kundizzjonijiet li jippermettu li jitħares b’mod xieraq u suffiċjenti l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna. Fl-ipoteżi fejn, fid-dawl tal-gravità partikolari tal-kundizzjoni tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, it-teħid ta’ dawn il-prekawzjonijiet ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tiegħu ma jwassalx għal riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, u dan għal tant żmien li l-istat tagħha ma jagħmilhiex kapaċi għal tali trasferiment, u

jekk ikun il-każ, jekk huwa għaraf li l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat mhux ser jitjieb fi żmien qasir, jew li s-sospensjoni matul tul twil tal-proċedura tirriskja li tiggrava l-istat tal-persuna kkonċernata, l-Istat Membru rikorrent jista’ jagħżel li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni tagħha billi jagħmel użu mill-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-Istat Membru sabiex japplika din il-klawżola.

____________

1 ĠU C 22, 23.1.2017.