Language of document : ECLI:EU:T:2017:290

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

28 ta’ April 2017 (*)

“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti li jikkonċernaw proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Dokumenti stabbiliti minn Stat Membru – Talba għal aċċess għad-dokumenti mibgħuta lill-Istat Membru – Trasferiment tat-talba għal aċċess lill-Kummissjoni – Rifjut ta’ aċċess – Kompetenza tal-Kummissjoni – Dokument li joriġina minn istituzzjoni – Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001”

Fil-Kawża T‑264/15,

Gameart sp. z o.o., stabbilita f’Bielsko-Biała (il-Polonja), irrappreżentata minn P. Hoffman, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Hottiaux, A. Buchet u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, M. Kamejsza u M. Pawlicka, bħala aġenti,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Warin u A. Pospíšilová Padowska, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat inizjalment minn J.‑B. Laignelot, K. Pleśniak u E. Rebasti, sussegwentement minn Laignelot u Rebasti, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Frar 2015 sa fejn din ċaħdet it-talba għal aċċess għad-dokumenti stabbiliti mir-Repubblika tal-Polonja, li ntbagħtitilha minn din tal-aħħar abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz (Relatur) u C. Iliopoulos, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-30 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Gameart sp. z o.o., hija impriża fis-settur tad-divertiment stabbilita fil-Polonja.

2        Fl-10 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti ressqet, abbażi tal-polskie przepisy o dostępie do informacji publicznej (dispożizzjonijiet Pollakki dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika), quddiem il-ministeru tal-affarijiet esterni Pollakk (iktar ’il quddiem, il-“MAE”) talba għal aċċess għad-dokumenti li jikkonċernaw il-proċeduri mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea rigward il-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea mil-liġi Pollakka tad-19 ta’ Novembru 2009 dwar il-logħob tal-ażżard.

3        B’mod partikolari, minn naħa, ir-rikorrenti talbet l-aċċess għall-kopji tal-ittri li l-Kummissjoni kienet bagħtet lir-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Min-naħa l-oħra, hija talbet l-aċċess għall-kopji, fil-pussess tal-MAE, tal-ittri mibgħuta mir-Repubblika tal-Polonja lill-Kummissjoni rigward dawn l-istess proċeduri (iktar ’il quddiem, id-“dokumenti kontenzjużi”).

4        Fit-18 ta’ Novembru 2014, l-MAE bagħat it-talba tar-rikorrenti permezz tal-posta elettronika lill-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

5        Fid-19 ta’ Novembru 2014, l-MAE informa lir-rikorrenti li t-talba tagħha kienet tirrigwarda dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li hija kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 u li, għaldaqstant, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, huwa kien bagħatha lill-Kummissjoni sabiex hija teżaminaha.

6        Fil-15 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba, billi bbażat ruħha fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, ibbażata fuq il-protezzjoni tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika, kif ukoll fuq il-fatt li l-proċedura rigward il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mir-Repubblika tal-Polonja kienet pendenti.

7        Fit-2 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni talba konfermattiva għal aċċess għad-dokumenti, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija sostniet fl-imsemmija talba, fost l-oħrajn, li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tieħu deċiżjoni rigward it-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1049/2001. B’mod partikolari, hija sostniet li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma jistax japplika għal dawn id-dokumenti, peress li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss id-dokumenti li joriġinaw mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

8        B’deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2015 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni ċaħdet it-talba konfermattiva u b’mod partikolari rrifjutat l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi billi bbażat ruħha mill-ġdid fuq l-eċċezzjoni prevista fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll fuq il-fatt li l-proċedura rigward il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mir-Repubblika tal-Polonja kienet pendenti.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

10      B’atti ppreżentati, rispettivament, fit-8, fil-11 u fit-18 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

11      B’digrieti tad-19 ta’ Ottubru 2015, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta dawn l-interventi.

12      Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lir-Raba’ Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-Awla.

13      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonferma r-rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti kontenzjużi;

–        sussidjarjament, tikkonstata li, skont l-Artikolu 277 TFUE, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jiġi applikat għal din il-kawża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, mill-Kunsill u mill-Parlament, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-interess ġuridiku

15      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, issostni li r-rikorrenti tista’ ma jkollhiex interess ġuridiku.

16      Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li r-rikorrenti ma tikkontestax id-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tirrifjuta li tagħti aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, iżda sempliċement tikkontesta l-kompetenza tagħha sabiex tadotta din id-deċiżjoni. Ir-rifjut ta’ aċċess ma jikkostitwixxix għaldaqstant, inkwantu tali, att sfavorevoli għar-rikorrenti u ma jiġix affettwat minn eventwali annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Skont il-Kummissjoni, jekk il-Qorti Ġenerali tqis li ma hijiex kompetenti sabiex teżamina l-integralità tat-talba li ntbagħtet lilha mill-awtoritajiet Pollakki, dan ma jibdilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, għaliex annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jagħtix lil din tal-aħħar aċċess għad-dokumenti kontenzjużi u ma jobbligax lill-awtoritajiet Pollakki jiżvelaw dawn id-dokumenti.

17      Ir-rikorrenti tirrispondi li, mill-perspettiva tal-awtoritajiet Pollakki, il-proċedura miftuħa wara t-talba tagħha ma’ dawn l-awtoritajiet, abbażi tal-leġiżlazzjoni Pollakka, ingħalqet bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, din ipprekludietha milli tikseb l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Hija żżid, minbarra dan, li, kieku t-talba tagħha ma kinitx intbagħtet lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001, l-MAE kien ikollu jeżaminaha abbażi tal-liġi Pollakka dwar l-aċċess għall-informazzjoni pubblika u jagħtiha l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, peress li l-liġi Pollakka ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġi rrifjutat l-iżvelar ta’ informazzjoni pubblika minħabba l-eżistenza ta’ proċedura pendenti quddiem l-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

18      Għandu jiġi osservat li, billi adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset lilha nnifisha bħala kompetenti sabiex tiddikjara ruħha fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001.

19      Jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata parzjalment minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta din id-deċiżjoni, kif issostni r-rikorrenti, din tal-aħħar ma jkollhiex, huwa minnu, madankollu aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Madankollu minn dan ma jirriżultax li r-rikorrenti ma għandhiex interess li titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

20      Fil-fatt, l-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li rikorrent għandu interess li jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni sabiex jiġi evitat li l-illegalità li biha huwa allegatament ivvizzjat ma sseħħx fil-futur. Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE, li jipprovdi li l-istituzzjoni li l-att tagħha jiġi annullat għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-qorti tal-Unjoni. Madankollu tali interess ġuridiku jista’ jeżisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ sseħħ mill-ġdid fil-futur, indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 50 sa 52, u tad-9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il-Kummissjoni, T‑29/08, EU:T:2011:448, punt 60).

21      Dan huwa l-każ f’din il-kawża. Minn naħa, l-illegalità allegata mir-rikorrenti hija bbażata fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 li l-Kummissjoni għandha mnejn tadotta meta teżamina talba ġdida. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tista’ tissottometti, fil-ġejjieni, talbiet għal aċċessi anologi, kif tistedinha tagħmel, barra minn hekk, il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha. Għaldaqstant, jeżisti riskju suffiċjentement konkret u indipendenti miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni li, fil-ġejjieni, f’sitwazzjonijiet analogi, ir-rikorrenti tiġi esposta għall-istess illegalità allegata.

22      Fuq dan l-aħħar punt, għandu, fil-fatt, jiġi osservat li l-Kummissjoni sostniet quddiem il-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti setgħet, indipendentement mid-deċiżjoni kkontestata, tindirizza mill-ġdid lill-awtoritajiet Pollakki sabiex titlobhom l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi. Madankollu, kif tallega ġustament ir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li, minkejja li jkun possibbli li tiġi ppreżentata talba ġdida għal aċċess għal dawn id-dokumenti, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet Pollakki, fl-assenza ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, milli jibagħtu din it-talba ġdida lill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 u lill-Kummissjoni milli tiċħadha mill-ġdid għall-istess raġunijiet bħal dawk adottati fid-deċiżjoni kkontestata.

23      It-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata hija l-unika deċiżjoni nnotifikata lir-rikorrenti sal-lum u tippreġudikaha, għaliex ma tagħtihiex l-aċċess mitlub u għalqet il-proċedura miftuħa mal-awtoritajiet Pollakki kif tirrikonoxxi, essenzjalment, ir-Repubblika tal-Polonja fin-nota ta’ intervent tagħha. Waqt is-seduta, b’risposta għal domanda tal-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Polonja indikat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata jġiegħel lill-korp nazzjonali jiftaħ mill-ġdid il-proċedura u jeżamina t-talba tar-rikorrenti abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

24      Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-rikorrenti għandha interess li tikseb l-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq il-mertu

25      Fl-att, insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-inkompetenza tal-Kummissjoni fid-dawl tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(4) u (5) tar-Regolament Nru 1049/2001, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mingħajr ma ġie kkonsultat l-Istat li minnu joriġinaw id-dokumenti kontenzjużi u minkejja l-fatt li huwa ma opponiex ruħu għall-iżvelar tagħhom. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, minħabba l-assenza ta’ motivazzjoni xierqa tad-deċiżjoni kkontestata, u r-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq l-invalidità, taħt l-Artikolu 277 TFUE, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001. Minbarra dan, fir-replika, ir-rikorrenti tinvoka motiv ieħor, il-ħames wieħed, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

26      L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

27      Fl-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex applikabbli għad-dokumenti kontenzjużi, għaliex din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss id-dokumenti li joriġinaw mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li dawn id-dokumenti kienu wkoll miżmuma mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, ladarba hija ma bagħtitx talba għal aċċess lil din tal-aħħar. Skont ir-rikorrenti, is-sempliċi trażmissjoni ta’ talba għal aċċess minn Stat Membru lill-Kummissjoni, taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001, ma jagħtix kompetenza lill-Kummissjoni meta t-talba ma tkunx tirrigwarda dokumenti li joriġinaw minn din tal-aħħar.

28      Il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kif ukoll il-Kunsill jikkontestaw il-fondatezza ta’ din il-parti.

29      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tammetti li l-MAE ma kienx marbut, taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001, li jissottomettilha t-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi u seta’, billi jibbaża ruħu fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiddeċiedi b’mod awtonomu jekk dawn id-dokumenti setgħux jiġu pprovduti lir-rikorrenti. Fil-fatt, hija tosserva li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 jirrestrinġi l-obbligu tal-Istat Membru li jirċievi talba għal aċċess għal dokumenti fil-pussess tiegħu li jikkonsulta l-istituzzjoni tal-Unjoni jew li jissottomettilha t-talba biss għall-każ fejn dawn id-dokumenti joriġinaw minn din l-istituzzjoni. Madankollu, ladarba, minn naħa, it-talba għal aċċess kienet tikkonċerna kemm dokumenti li joriġinaw minnha kif ukoll id-dokumenti kontenzjużi u ladarba, min-naħa l-oħra, l-MAE bagħtilha din it-talba kollha kemm hi, hija ddeċidiet li tirrispondi għall-integralità tal-imsemmija talba.

30      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li ma hemmx l-iċken dubju rigward il-fatt li d-dokumenti kontenzjużi jikkostitwixxu “dokument miżmum minn istituzzjoni” fis-sens tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001. Mill-premessa 10 u mill-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 kif ukoll minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li “d-dokumenti kollha miżmuma mill-istituzzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk li joriġinaw mill-Istati Membri, b’mod li l-aċċess għal dawn id-dokumenti huwa in prinċipju rregolat permezz tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ta’ l-aħħar, b’mod partikolari dawk li jipprovdu eċċezzjonijiet materjali għad-dritt ta’ l-aċċess” (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 67). Il-Kummissjoni tenfasizza li huma dawn id-dispożizzjonijiet u din il-ġurisprudenza li hija tinvoka tradizzjonalment meta hija tiċħad fl-integralità tagħhom talbiet ta’ terzi għall-aċċess għal dokumenti stabbiliti minn Stat Membru u mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur. Minn dan hija tikkonkludi li hija kellha, għaldaqstant, bażi legali li kienet tippermettilha tadotta d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dokumenti kontenzjużi.

31      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) sa (4) tar-Regolament Nru 1049/2001:

“1. Kull ċittadin ta’ l-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru, għandu dritt ta’ aċċess għad-dokumenti ta’ l-istituzzjonijiet, bla ħsara għall-prinċipji, kondizzjonijiet u limiti stipulati f’dan ir-Regolament.

[…]

3. Dan ir-Regolament għandhu jgħodd lil kull dokument miżmum minn istituzzjoni, jiġifieri, dokumenti miktuba minnha jew li rċiviet u fil-pussess tagħha, f’kull qasam ta’ attività ta’ l-Unjoni Ewropea.

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 9, dokumenti għandhom isiru aċċessibbli għall-pubbliku jew wara applikazzjoni bil-miktub jew direttament f’forma elettronika jew permezz ta’ reġistru […]”

32      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 jipprevedi:

“Meta Stat Membru jirċievi talba għal dokument fil-pussess tiegħu, li l-origini tiegħu ġejja minn istituzzjoni, jekk m’hiex ċar li d-dokument għandu jew m’għandux jiġi żvelat, l-Istat Membru għandu jikkonsulta ma’ l-istituzzjoni involuta sabiex jieħu deċiżjoni li ma jipperikolax il-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-Istat Membru jista’ minflok jirreferi t-talba lill-istituzzjoni”.

33      Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament, “applikazzjonijiet għall-aċċess għal dokument għandhom isiru f’xi forma miktuba […] u b’mod preċiż biżżejjed sabiex tgħin lill-istituzzjoni issib id-dokument [; l]-applikant mhux obbligat li jagħti r-raġunijiet għall-applikazzjoni”.

34      Fir-rigward tal-allegata kompetenza tal-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri meta dawn tal-aħħar jirċievu talba għal aċċess għal dokumenti fil-pussess tagħhom li joriġinaw minn istituzzjoni.

35      Ħlief fil-każijiet previsti b’mod speċifiku minn din id-dispożizzjoni u meta dan ikun impost mir-rekwiżiti tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, it-talbiet għal aċċess għal dokumenti miżmuma mill-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu, inkluż meta tali dokumenti joriġinaw minn istituzzjonijiet tal-Unjoni, irregolati mir-regoli nazzjonali applikabbli għall-imsemmija awtoritajiet, mingħajr ma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001 jissostitwixxuhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007, L-Isvezja vs Il-Kummissjoni, C‑64/05 P, EU:C:2007:802, punt 70).

36      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jipprevedix il-possibbiltà li tintbagħat lill-Kummissjoni talba għal aċċess għal dokumenti li joriġinaw minn Stat Membru. Fil-fatt, jirriżulta b’mod espliċitu mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ din huwa limitat għad-dokumenti “li l-origini [tagħhom] ġejja minn” istituzzjonijiet tal-Unjoni.

37      Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi mibgħuta mill-MAE abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001.

38      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti tal-Kummissjoni, u lanqas b’dawk tal-partijiet intervenjenti.

39      L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina t-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi tirriżulta mill-ispirtu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001.

40      Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-dokumenti skambjati fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huma atti “mħallta”, għaliex il-kontenut tad-dokumenti stabbiliti mill-Kummissjoni matul din il-proċedura huwa marbut fil-qrib mal-kontenut tad-dokumenti stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat u, għaldaqstant, li l-iżvelar tal-kontenut tal-ewwel iwassal, fl-istess waqt, għall-iżvelar tal-kontenut tat-tieni u viċi versa. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-dokumenti stabbiliti, f’dan il-kuntest, minn Stat Membru jistgħu għaldaqstant jiġu kklassifikati bħala li joriġinaw mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001.

41      Minbarra dan, ir-Repubblika tal-Polonja tosserva li mill-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, kif ukoll mill-ġurisprudenza, jirriżulta li l-kunċett ta’ “dokument” ma jindikax, essenzjalment, il-kontenitur, iżda l-informazzjoni li tinsab fih.

42      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi osservat li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001 irrakkomandata mir-Repubblika tal-Polonja, li ma għandha l-ebda bażi fir-Regolament Nru 1049/2001, hija inkompatibbli mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

43      It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kunsill isostnu li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

44      Madankollu, dan il-prinċipju, imsemmi fil-premessa 15 tar-Regolament Nru 1049/2001 bħala dak li jirregola r-rapport bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri, ma jistax ikun il-bażi, minnu nnifsu, għall-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina talba għal aċċess bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, fl-assenza ta’ kull bażi legali prevista mir-Regolament Nru 1049/2001.

45      Għandu jingħad ukoll li ċertu numru ta’ argumenti, invokati mill-Kummissjoni nnifisha, imorru kontra l-imsemmi argument.

46      Fil-fatt, il-Kummissjoni tallega b’mod partikolari li l-MAE seta’, billi jibbaża ruħu fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jiddeċiedi b’mod awtonomu jekk id-dokumenti mibgħuta mill-awtoritajiet Pollakki lill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur setgħux jiġu pprovduti lir-rikorrenti.

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li d-deċiżjoni kkontestata ma ġġiegħelx lill-awtoritajiet Pollakki jadottaw l-istess pożizzjoni bħal dik tagħha. Hija ssostni ġustament, f’dan ir-rigward, li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward noti ddepożitati quddiem il-qrati tal-Unjoni, li minnhom jirriżulta li, ħlief f’każijiet eċċezzjonali fejn l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-ebda regola jew dispożizzjoni ma tawtorizza jew tipprekludi lill-partijiet fi proċedura milli jiżvelaw in-noti proprji tagħhom lil terzi (sentenza tat-12 ta’ Settembru 2007, API vs Il-Kummissjoni, T‑36/04, EU:T:2007:258, punt 88; digriet tat-3 ta’ April 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑376/98, EU:C:2000:181, punt 10), hija trasponibbli għall-atti stabbiliti fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

48      It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument invokat mill-Kummissjoni u mill-partijiet intervenjenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet kompetenti sabiex teżamina t-talba għal aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mir-Repubblika tal-Polonja, għaliex dawn id-dokumenti kienu miżmuma mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat qabel kollox li r-rikorrenti ma tikkontestax il-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex teżamina talbiet għal aċċess għad-dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Pollakki u li huma fil-pussess tal-Kummissjoni, fl-ipoteżi li dawn it-talbiet jiġu ppreżentati direttament lill-Kummissjoni. Huwa ċar li tali dokumenti huma miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta l-fatt li, fil-prinċipju, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta l-aċċess għal tali dokumenti jekk ikunu jikkonċernaw proċedura pendenti ta’ ksur.

50      Madankollu għandu jitqies, bħalma tagħmel ir-rikorrenti u bil-kontra ta’ dak li jallegaw, essenzjalment, il-Kummissjoni u l-partijiet intervenjenti, li l-fatt li tali dokumenti huma miżmuma minn istituzzjoni tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax jawtorizza lill-Kummissjoni tiddeċiedi, ex officio jew fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq talba għal aċċess li tikkonċernahom u, fejn xieraq, li tirrifjuta l-aċċess għalihom.

51      Fil-fatt, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, sabiex il-Kummissjoni tkun kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni li tagħti jew tirrifjuta l-aċċess għal dokument li hija żżomm, hija għandha wkoll tirċievi talba għal aċċess għal dan id-dokument ippreżentata b’mod validu fil-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 2(4) u l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1049/2001 minn kull persuna fiżika jew ġuridika msemmija fl-Artikolu 2(1) u (2) tal-imsemmi regolament, jew ittrasferita b’mod validu minn Stat Membru fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ġietx adita b’mod validu b’tali talba la mir-rikorrenti u lanqas mir-Repubblika tal-Polonja.

52      Għandu, għaldaqstant, jitqies li, bil-kontra ta’ dak li jallegaw b’mod partikolari l-Kummissjoni, il-Kunsill jew ir-Repubblika tal-Polonja, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 ma jistax, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, iservi bħala bażi legali għal deċiżjoni li tirrifjuta l-aċċess għad-dokumenti kontenzjużi.

53      Ir-raba’ nett, għandu jiġi miċħud l-argument li jipprovdi, essenzjalment, li l-Kummissjoni kienet marbuta bit-trażmissjoni tal-MAE. Fil-fatt, għandu jiġi osservat li ma hemm l-ebda bażi legali li tippermetti li jitqies li l-Kummissjoni hija marbuta bid-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jittrasferilha talba għal aċċess għal dokumenti li ma joriġinawx minnha, taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma humiex issodisfatti. Kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, jekk jista’ effettivament jitqies li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jittrasferixxi t-talba għal aċċess għad-dokumenti li huwa jirċievi hija vinkolanti sa fejn il-Kummissjoni ma tistax tqisha bħala ineżistenti, ma jistax madankollu jitqies li tali trasferiment jawtorizza, minnu nnifsu, lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni fuq il-mertu, jiġifieri sabiex tirrifjuta jew tagħti l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

54      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni, li ma kinitx kompetenti sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal aċċess għad-dokumenti kontenzjużi, kisret l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1049/2001.

55      Għaldaqstant għandha tintlaqa’ l-ewwel parti tal-ewwel motiv u, għaldaqstant, għandha tiġi annullata parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-partijiet u l-motivi l-oħra ppreżentati mir-rikorrenti.

 Fuq l-ispejjeż

56      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti. Madankollu, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. Għaldaqstant ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kunsill u l-Parlament għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-18 ta’ Frar 2015 hija annullata sa fejn il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal aċċess għad-dokumenti stabbiliti mir-Repubblika tal-Polonja li ntbagħtitilha minn din tal-aħħar abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Kanninen

Schwarcz

Iliopoulos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ April 2017.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.