Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Hof van Cassatie - il-Belġju) – Samira Achbita, Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding vs G4S Secure Solutions NV

(C-157/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regolamenti interni ta’ impriża li jipprojbixxu lill-ħaddiema milli jilbsu simboli viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża fuq il-post tax-xogħol – Diskriminazzjoni diretta – Assenza – Diskriminazzjoni indiretta – Projbizzjoni fuq ħaddiema milli tilbes velu Iżlamiku”)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hof van Cassatie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Samira Achbita, Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding

Konvenuta: G4S Secure Solutions NV

Dispożittiv

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ velu Iżlamiku, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin fis-sens ta’ din id-direttiva.

Min-naħa l-oħra, regola interna ta’ impriża privata tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jekk jiġi stabbilit li l-obbligu apparentament newtrali li hija tipprevedi jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni affiljati ma’ reliġjon jew twemmin speċifiku, sakemm ma tkunx iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, bħall-fatt li l-persuna li timpjega ssegwi, fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha, politika ta’ newtralità politika, filosofika kif ukoll reliġjuża, u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

____________

1 ĠU C 205, 22.6.2015.