Language of document : ECLI:EU:T:2016:496

Kawża T-340/14

Andriy Klyuyev

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent – Drittijiet tad-difiża – Obbligu ta’ motivazzjoni – Bażi legali – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Nuqqas ta’ osservanza tal-kriterji ta’ inklużjoni fil-lista – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Dritt għall-proprjetà – Dritt għal reputazzjoni”

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal-15 ta’ Settembru 2016  ?II – 0000

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal-15 ta’ Settembru 2016

1.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014)

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Drittijiet tad-difiża – Komunikazzjoni tal-provi inkriminanti – Deċiżjoni sussegwenti li żammet isem ir-rikorrent fil-lista tal-persuni suġġetti għal dawn il-miżuri – Deċiżjoni bbażata fuq elementi ġodda li ma dehrux fid-deċiżjoni inizjali – Ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 41(2)(a) u 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2015/143/PESK u 2015/364/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolamenti 2015/138 u 2015/357)

3.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Miżuri restrittivi meħida kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar tal-fondi tal-persuni involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi – Deċiżjoni li tidħol f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li tippermettilu jifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha – Ammissibbiltà ta’ motivazzjoni sommarja – Limiti – Motivazzjoni li ma tistax tikkonsisti f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata

(Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(c); Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2015/143/PESK u 2015/364/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolamenti 2015/138 u 2015/357)

4.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Valuri u għanijiet tal-Unjoni – Valuri – Rispett tal-Istat tad-dritt – Stat tad-dritt – Kunċett

(Artikoli 2 TUE u 49 TUE)

5.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar tal-fondi tal-persuni responsabbli involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi li jappartjenu lill-Istat Ukren –Misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi – Kunċett – Fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ beni pubbliċi li jistgħu jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-Ukraina u r-rispett tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, Artikolu 1(1)(a), kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143/PESK)

6.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħida kontra ċerti persuni u entitajiet fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukraina – Iffriżar tal-fondi tal-persuni involuti f’misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza – Ksur tad-dritt għar-reputazzjoni – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17; Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet 2015/143/PESK u 2015/364/PESK; Regolament tal-Kunsill Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament 2015/138 u 2015/357)

1.      Għalkemm il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-kriterji ġenerali li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu adottati miżuri restrittivi, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tirrikjedi li, għall-istħarriġ tal-legalità tal-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li isem ta’ persuna speċifika jiġi inkluż jew jinżamm fil-lista ta’ persuni li huma suġġetti għal miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni għandha tiżgura ruħha li din id-deċiżjoni, li għandha portata individwali għal din il-persuna, tkun tistrieħ fuq bażi fattwali u solida biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tax-xebh astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret.

F’dan ir-rigward, il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja fis-sens tal-kodiċi ta’ proċedura kriminali nazzjonali u l-adozzjoni eventwali ta’ miżuri restrittivi fuq livell nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu indikazzjonijiet importanti għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza tal-fatti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fuq livell tal-Unjoni u tal-evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġu adottati tali miżuri għall-finijiet tal-garanzija tal-effetti tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali. Xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kunsill, li jiddeċiedi b’mod awtonomu dwar il-ħtieġa u l-opportunità li jiġu adottati tali miżuri, fid-dawl tal-għanijiet tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, indipendentement minn talba f’dan is-sens mill-awtoritajiet tal-pajjiż terz ikkonċernat u minn kull provvediment ieħor adottat minnhom fuq livell nazzjonali, dejjem sakemm huwa jistrieħ fuq bażi fattwali solida.

Barra minn hekk, hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuna kkonċernata, u ma hijiex din tal-aħħar li għandha tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi.

(ara l-punti 36, 44, 99, 119, 120)

2.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li huwa stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li lilha t-Trattat UE jirrikonoxxi l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati, jinkludi d-dritt li wieħed jinstema’ u d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, filwaqt li d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa ddikjarat fl-Artikolu 47 tal-imsemmija karta, jirrikjedi li l-parti kkonċernata tkun tista’ ssir taf ir-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni meħuda fir-rigward tagħha. Għalhekk, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li żżomm l-isem ta’ persuna, entità jew korp f’lista ta’ persuni, entitajiet jew korpi suġġetti għal miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu jirrispetta d-dritt ta’ din il-persuna, ta’ din l-entità jew ta’ dan il-korp li jinstema’ minn qabel meta jkollu elementi ġodda fir-rigward tagħha fid-deċiżjoni li tiddeċiedi li isimha għandu jinżamm fil-lista, jiġifieri elementi li ma jirriżultawx fid-deċiżjoni inizjali ta’ inklużjoni f’din il-lista.

Issa, ladarba r-rikorrent kellu aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li mmotivaw lill-Kunsill iżomm fis-seħħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu u kellu l-opportunità jifformola osservazzjonijiet fi żmien xieraq, ma jistax jiġi konkluż li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent.

(ara l-punti 55, 56, 59, 61)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 65-71)

4.      Ir-rispett tal-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll mill-preamboli tat-Trattat UE u minn dawk tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk ir-rispett tal-Istat tad-dritt jikkostitwixxi rekwiżit għall-adeżjoni fl-Unjoni, skont l-Artikolu 49 TUE. Il-kunċett ta’ Stat tad-dritt huwa wkoll stabbilit, taħt il-formulazzojni alternattiva ta’ “preeminenza tad-dritt”, fil-preambolu tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa, permezz tal-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tad-dritt, jipprovdu lista mhux eżawrjenti tal-prinċipji u tar-regoli li jistgħu jagħmlu parti mill-kunċett ta’ Stat tad-dritt. Fost dawn hemm il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju; qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza quddiem il-liġi. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, ċerti strumenti ġuridiċi, bħar-Regolament Nru 1638/2006, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija jsemmu b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala prinċipju li jidħol fil-kunċett ta’ Stat tad-dritt.

(ara l-punti 87, 88)

5.      Għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ċertu aġir li jirrigwarda fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jista’ jippreġudika l-Istat tad-dritt, ma jistax jiġi aċċettat li kull fatt ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, imwettaq f’pajjiż terz, jiġġustifika intervent tal-Unjoni bil-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni. Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tista’ tiġġustifika azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-imsemmija politika, ibbażata fuq l-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt, huwa, mill-inqas, neċessarju li l-fatti kkontestati jkunu tali li jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-pajjiż ikkonċernat.

Fir-rigward ta’ kriterju ta’ inklużjoni bħal dak iddikjarat fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143/PESK, li jirrigwarda b’mod partikolari l-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi li jappartjenu lill-Istat Ukren, tali kriterju jista’ jitqies li huwa konformi mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss sa fejn huwa possibbli li jiġi attribwit lilu sens li huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tar-regoli superjuri li għalihom huwa suġġett, u b’mod iktar speċifiku mal-għan tal-konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi osservata s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li minnha jgawdi l-Kunsill sabiex jiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni, filwaqt li jiggarantixxi stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali. Għalhekk, l-imsemmi kriterju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix, b’mod astratt, kull att ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda jirrigwarda pjuttost fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li, fid-dawl tal-ammont jew tat-tip ta’ fondi jew ta’ assi misapproprjati jew li fil-kuntest li fih seħħew, jistgħu minn tal-inqas jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-Ukraina, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, u, fl-aħħar lok, jippreġudikaw ir-rispett tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż. Hekk interpretat, il-kriterju ta’ inklużjoni huwa konformi u proporzjonat mal-għanijiet rilevanti tat-Trattat UE.

(ara l-punti 89-91)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 130-135)