Language of document : ECLI:EU:C:2017:410

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fil-31 ta’ Mejju 2017(1)

Kawżi Magħquda C52/16 u C113/16

“SEGRO” Kft.

vs

Vas Megyei Kormányhivatal Sárvári Járási Földhivatala (C‑52/16)

u

Günther Horváth

vs

Vas Megyei Kormányhivatal (C‑113/16)

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 63 TFUE – Moviment liberu tal-kapital – Diskriminazzjoni indiretta – Drittijiet kuntrattwali ta’ użufrutt jew ta’ użu fuq art agrikola – Projbizzjoni ta’ akkwist ta’ tali drittijiet minn persuni li ma humiex membri tal-familja fil-qrib tal-proprjetarju tal-art agrikola – Leġiżlazzjoni li tipprovdi t-tneħħija ta’ tali drittijiet li ma tissodisfax din il-kundizzjoni – Assenza ta’ ġustifikazzjoni – Ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kontroll tal-kambju – Ġlieda kontra l-prattiki abbużivi – Ġlieda kontra l-ispekulazzjoni tal-art – Artikoli 17 u 47 tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Inapplikabbiltà tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea irrispettivament mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment”






I.      Introduzzjoni

1.        Bid-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Jannar 2016 (C‑52/16) u tat‑8 ta’ Frar 2016 (C‑113/16) li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar u fis-26 ta’ Frar 2016 rispettivament, is-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija) ressqet lill-Qorti tal-Ġustizzja żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal‑Artikoli 49 u 63 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il‑“Karta”).

2.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa, “SEGRO” Kft. (iktar ’il quddiem, “SEGRO”) u l-Vas Megyei Kormányhivatal Sárvári Járási Földhivatala (servizzi amministrattivi tad-dipartiment ta’ Vas – uffiċċju tal-artijiet tad-distrett ta’ Sárvár, l-Ungerija), u min-naħa l-oħra Günter Horváth u l-Vas Megyei Kormányhivatal (servizzi amministrattivi tad-dipartiment ta’ Vas), fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar tħassir mir-Reġistru tal-Artijiet ta’ drittijiet ta’ użufrutt fuq art agrikola li kellhom SEGRO u G. Horváth.

3.        Dawn id-deċiżjonijiet ta’ tħassir kienu bbażati fuq leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għat-terminazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad‑drittijiet ta’ użu fuq art produttiva sakemm ma tinġabx il-prova li dawn id-drittijiet kienu kkostitwiti bejn membri mill-qrib tal-istess familja.

4.        Għar-raġunijiet li ser nesponi iktar ’il quddiem, jiena nqis li din il‑leġiżlazzjoni u d-deċiżjonijiet ta’ tħassir meħuda abbażi tagħha jmorru kontra l-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, ir-rekwiżit li tali drittijiet għandhom ikunu kkostitwiti bejn membri mill-qrib tal-istess familja għandu effetti indirettament diskriminatorji għad-detriment taċ‑ċittadini tal-Istati Membri l-oħra u ma jista’ jkun iġġustifikat minn ebda wieħed mill-għanijiet imressqa mill-Gvern Ungeriż.

5.        Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-Artikoli 17 u 47 tal‑Karta, li l-ksur tagħhom tqajjem mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑52/16 SEGRO (2), jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l‑Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta fis-sens li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali hija eżaminata fir-rigward tal-libertajiet ta’ moviment, il-ksur ta’ dritt fundamentali mogħti mill-Karta ma jistax ikun invokat indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur ta’ dawn il-libertajiet.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

6.        L-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni Ewropea kienet prevista permezz ta’ Trattat ta’ Adeżjoni (3) (iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ Adeżjoni tal-2003”) li miegħu kien anness att li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ din l-adeżjoni (4) (iktar ’il quddiem “l-Att ta’ Adeżjoni tal-2003”) skont l-Artikolu 1(2) ta’ dan it-trattat. L-imsemmi trattat daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 b’applikazzjoni tal-Artikolu 2(2) tiegħu.

7.        Il-Kapitolu 3 tal-Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa intitolat “Moviment liberu tal-kapital”. Il-paragrafu 2 ta’ dan il‑Kapitolu 3 jipprovdi:

“Minkejja l-obbligi fit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, l-Ungerija tista’ żżomm fis-seħħ għal seba’ snin mid-data ta’ l‑adeżjoni il-projbizzjonijiet stipulati fil-liġi tagħha eżistenti fil-waqt ta’ l-iffirmar ta’ dan l-Att dwar l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni naturali li la huma residenti fl-Ungerija jew l-anqas huma ċittadini Ungeriżi u minn persuni legali. Fir-rigward ta’ l-akkwist ta’ art agrikola, ċittadini ta’ xi Stat Membru jew persuni legali ffurmati skond il-liġijiet ta’ Stat Membru ieħor fl-ebda każ ma għandhom jiġu trattati b’mod anqas favorevoli minn kif kienu trattati fid-data ta’ l-iffirmar tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni [tal-2003].

Ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jkunu jridu jistabbilixxu ruħhom bħala bdiewa li jaħdmu għal rashom u li jkunu ilhom residenti skond il-liġi u attivi fil-biedja fl-Ungerija għal mill-anqas tliet snin sħaħ, ma għandhomx ikunu soġġetti għad-disposizzjonijiet tas-sub-paragrafu ta’ qabel jew għal xi regoli u proċeduri li mhumiex soġġetti għalihom ċittadini Ungeriżi. […]

Jekk ikun hemm evidenza biżżejjed li, meta jiskadi l-perijodu transitorju, ser ikun hemm taqlib serju jew xi theddida ta’ taqlib serju fis-suq ta’ l-art agrikola ta’ l-Ungerija, il-Kummissjoni, fuq talba ta’ l-Ungerija, għandha tiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu transitorju sa massimu ta’ tliet snin”.

8.        B’deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni estendiet sat-30 ta’ April 2014 il-perijodu tranżitorju previst għall-akkwist ta’ art agrikola fl-Ungerija msemmi fl-Anness X, Kapitolu 3, punt 2 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 (5).

B.      Id-dritt Ungeriż

9.        It-termőföldről szóló 1994. évi LV. törvény (Liġi Nru LV tal-1994 dwar l-art produttiva) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1994 dwar l-art produttiva”), kienet emendata, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2013, fis-sens li l-kostituzzjoni, permezz ta’ kuntratt, ta’ drittijiet ta’ użufrutt fuq art produttiva ma kinitx għadha permessa ħlief bejn membri mill-qrib tal‑istess familja.

10.      F’din l-okkażjoni, żdied Artikolu 91(1) ġdid f’din il-liġi, li huwa fformulat kif ġej:

“Kull dritt ta’ użufrutt eżistenti fid-data tal-1 ta’ Jannar 2013 u kkostitwit, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat li jiskadi wara t-30 ta’ Diċembru 2032, permezz ta’ kuntratt konkluż bejn persuni li ma humiex membri mill-qrib tal-istess familja, jispiċċa ipso jure fl‑1 ta’ Jannar 2033”.

11.      Il-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvény (Liġi Nru CXXII tal-2013, dwar il-bejgħ ta’ art agrikola u forestali) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2013 dwar l-art produttiva”), kienet adottata fil-21 ta’ Ġunju 2013 u daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2013. L-Artikolu 5(13) tagħha jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“‘Membru mill-qrib tal-istess familja’: il-konjuġi, l-axxendenti f’linja diretta, it-tfal adottivi, it-tfal proprji u t-tfal tal-konjuġi, il-ġenituri adottivi, il-ġenituri tal-konjuġi u l-aħwa”.

12.      L-Artikolu 37(1) tal-Liġi tal-2013 dwar l-art produttiva jipprovdi n-nullità tad-drittijiet ta’ użufrutt stabbiliti b’kuntratt fuq art produttiva ħlief jekk dan il-kuntratt ikun konkluż bejn membri mill-qrib tal-istess familja.

13.      Il-mező- és erdőgazdasági földek forgalmáról szóló 2013. évi CXXII. törvénnyel összefüggő egyes rendelkezésekről és átmeneti szabályokról szóló 2013. évi CCXII. törvény (Liġi Nru CCXII tal-2013, dwar ċerti dispożizzjonijiet u miżuri tranżitorji fir-rigward tal-Liġi tal-2013 dwar l-art produttiva) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji”), kienet adottata fit-12 ta’ Diċembru 2013 u daħlet fis-seħħ fil‑15 ta’ Diċembru 2013.

14.      L-Artikolu 108(1) ta’ din il-liġi, li ħassar l-Artikolu 91(1) tal-Liġi tal-1994 dwar l-art produttiva, jistabbilixxi:

“Kull dritt ta’ użufrutt jew ta’ użu eżistenti fid-data tat-30 ta’ April 2014 u kkostitwit, għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat li jiskadi wara t-30 ta’ April 2014, permezz ta’ kuntratt konkluż bejn persuni li ma humiex membri mill-qrib tal-istess familja, jispiċċa ipso jure fl‑1 ta’ Mejju 2014”.

15.      L-Artikolu 94 tal-ingatlan-nyilvántartásról szóló 1997. évi CXLI. törvény (Liġi Nru CXLI tal-1997, dwar ir-Reġistru tal‑Artijiet) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet”) jipprovdi:

“1.      Fid-dawl tat-tħassir mir-Reġistru tal-Artijiet tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu milquta mit-terminazzjoni skont l‑Artikolu 108(1) tal-[Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji] (iktar ’il quddiem flimkien, f’dan l-artikolu, id-drittijiet ta’ użufrutt), il-persuna fiżika li għandha drittijiet ta’ użufrutt għandha, wara intimazzjoni mibgħuta mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2014 mill-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Reġistru, fil-15-il jum segwenti għall-intimazzjoni, tiddikjara, fuq il-formola stabbilita għal dan l-għan mill-Ministru, ir-relazzjoni ta’ membru mill-qrib tal-istess familja li torbtu jekk ikun il-każ mal-persuna msemmija bħala proprjetarja tal-immobbli fid-dokument li kien il-bażi tar-reġistrazzjoni. F’każ ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni fit-termini stabbiliti, it-talba għal reġistrazzjoni ma tkunx milqugħa wara l-31 ta’ Diċembru 2014.

[…]

3.      Jekk id-dikjarazzjoni ma turix relazzjoni ta’ membru mill-qrib tal‑istess familja jew jekk ebda dikjarazzjoni ma ssir fit-termini stabbiliti, l-awtorità responsabbli mill-amministrazzjoni tar-Reġistru tal-Artijiet għandha tħassar ex officio d-drittijiet ta’ użufrutt mill-imsemmi reġistru, fis-sitt xhur ta’ wara l-iskadenza tat-terminu li fih kellha ssir id-dikjarazzjoni u mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2015.

[…]

5.      L-amministrazzjoni tal-affarijiet tal-artijiet għandha tipproċedi ex officio, mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2014, bit-tħassir mir-Reġistru tal‑Artijiet tad-drittijiet ta’ użufrutt li kienu ġew irreġistrati favur persuni ġuridiċi jew entitajiet li ma għandhomx personalità ġuridika iżda jistgħu jakkwistaw drittijiet li jistgħu jiġu rreġistrati fir-Reġistru, u li tneħħew b’applikazzjoni tal-Artikolu 108(1) tal-[Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji]”.

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-Kawża C52/16

16.      SEGRO hija kumpannija kummerċjali li għandha s-sede tagħha fl-Ungerija u l-azzjonarji tagħha huma persuni fiżiċi ċittadini ta’ Stati Membri oħra li jirrisjedu fil-Ġermanja.

17.      Qabel it-30 ta’ April 2014, SEGRO akkwistat drittijiet ta’ użufrutt fuq żewġ artijiet agrikoli fl-Ungerija. Dawn id-drittijiet kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet. F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż ippreċiża li d-drittijiet inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu kkostitwiti qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

18.      Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet datati 10 u 11 ta’ Settembru 2014 rispettivament, l-uffiċċju tal-artijiet tad-distrett ta’ Sárvár tas-servizzi amministrattivi tad-dipartiment ta’ Vas ipproċeda bit-tħassir ta’ dawn id‑drittijiet ta’ użufrutt mir-Reġistru tal-Artijiet, billi invokat l‑Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji u l‑Artikolu 94(5) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet.

19.      Fir-rikors tagħha ppreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, SEGRO sostniet b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet nazzjonali fuq imsemmija jmorru kontra l-Liġi fundamentali Ungeriża u d-dritt tal‑Unjoni.

20.      Il-qorti tar-rinviju bdiet proċedura quddiem l-Alkotmánybíróság (qorti kostituzzjonali, l-Ungerija) sabiex jiġi kkonstatat li dawn id‑dispożizzjonijiet kienu jmorru kontra l-Liġi fundamentali Ungeriża. Permezz tas-sentenza Nru 25, tal-21 ta’ Lulju 2015, l-Alkotmánybíróság ikkonstatat l-eżistenza ta’ kontradizzjoni mal-Liġi fundamentali Ungeriża u stiednet lil-leġiżlatur jemenda l-leġiżlazzjoni kkonċernata sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Diċembru 2015. Skont il-qorti tar-rinviju, dan it-terminu skada mingħajr ma ttieħdet miżura għal dan il-għan.

21.      Mill-ġdid adita bil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat, qabel xejn, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistgħu jiddiswadu ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli jeżerċitaw id‑drittijiet tagħhom tal-libertà ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u tal‑moviment liberu tal-kapital (Artikolu 63 TFUE) billi jakkwistaw drittijiet ta’ użufrutt fuq proprjetajiet fl-Ungerija, minħabba r-riskju ta’ tneħħija prematura u mingħajr kumpens ġust ta’ tali drittijiet. Imbagħad, dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu wkoll preġudizzju mhux proporzjonat għad-dritt ta’ proprjetà tal-persuni kkonċernati, żgurat mill‑Artikolu 17 tal-Karta. Fl-aħħar nett, il-preżunzjoni legali impliċita, li l-kuntratti privati kollha li stabbilixxew drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu fuq art produttiva kienu ġew konklużi sabiex jevitaw ir-restrizzjonijiet relattivi għall-akkwist tal-proprjetà, tippreġudika d-dritt għal proċess imparzjali protett mill-Artikolu 47 tal-Karta.

22.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Szombathely) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikoli 49 u 63 TFUE u l-Artikoli 17 u 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi – mingħajr ma tikkunsidra kriterji oħra – obbligu li jitħassru d-drittijiet ta’ użufrutt u d-drittijiet ta’ użu gravanti fuq art agrikola li jkunu ġew irreġistrati favur operaturi ekonomiċi u persuni fiżiċi li ma humiex membri tal‑familja fil-qrib tal-proprjetarji tal-art agrikola, u dan mingħajr ma kontemporanjament tipprevedi kumpens pekunjarju għad‑detenturi tad-drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu mitlufa, liema kumpens, anki jekk huwa marbut ma’ kuntratt validu, ma jistax jiġi mitlub fil-kuntest ta’ ftehim għas-saldu bejn il-partijiet tal‑imsemmija kuntratt?

2)      L-Artikoli 49 u 63 TFUE u l-Artikoli 17 u 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi – mingħajr ma tikkunsidra kriterji oħra – obbligu li jitħassru d-drittijiet ta’ użufrutt u d-drittijiet ta’ użu gravanti fuq art agrikola li jkunu ġew irreġistrati favur operaturi ekonomiċi u persuni fiżiċi li ma humiex membri tal‑familja fil-qrib tal-proprjetarji tal-art agrikola, abbażi ta’ kuntratti gravanti fuq tali artijiet agrikoli konklużi qabel it‑30 ta’ April 2014, filwaqt li tipprevedi kumpens pekunjarju tad‑detenturi ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu mitlufa, liema kumpens, anki jekk marbut ma’ kuntratt validu, ma jistax jiġi mitlub fil-kuntest ta’ ftehim għas-saldu bejn il-partijiet tal‑imsemmija kuntratt?”

B.      Il-Kawża C113/16

23.      G. Horváth huwa ċittadin Awstrijak residenti fl-Awstrija li akkwista, qabel it-30 ta’ April 2014, drittijiet ta’ użufrutt, intiżi li jiġu tterminati mal-mewt tiegħu, fuq żewġ artijiet agrikoli fl-Ungerija. Dawn id-drittijiet kienu s-suġġett ta’ reġistrazzjonijiet fir-Reġistru tal-Artijiet. F’dan ir-rigward il-Gvern Ungeriż ippreċiża li d-drittijiet inkwistjoni fil‑kawżi prinċipali kienu ġew ikkostitwiti qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

24.      B’deċiżjoni datata 12 ta’ Ottubru 2015, is-servizzi amministrattivi tad-dipartiment ta’ Vas ipproċedew għat-tħassir ta’ dawn id-drittijiet mir-Reġistru tal-Artijiet, billi invokat l-Artikolu 5(13) tal-Liġi tal-2013 dwar l-art produttiva, l‑Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji u l‑Artikolu 94(1) u (3) tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet.

25.      G. Horváth appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar‑rinviju.

26.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżit ta’ relazzjoni ta’ membru tal-familja mill-qrib bejn il-partijiet tal-kuntratt li jistabbilixxi dritt ta’ użufrutt jikkostitwixxix diskriminazzjoni moħbija fil-konfront ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-oħra, ladarba l-art agrikola tappartjeni fil-parti l-kbira lil ċittadini Ungeriżi. Barra minn hekk dan l-effett diskriminatorju huwa iktar evidenti għaliex preċedentement kien ipprojbit li persuni fiżiċi u ġuridiċi barranin jakkwistaw il-proprjetà ta’ tali art, b’tali mod li l‑proporzjon ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-oħra detenturi ta’ drittijiet ta’ użufrutt jew ta’ drittijiet ta’ użu jkun ferm ogħla minn dak ta’ ċittadini Ungeriżi.

27.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Szombathely) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta ż-żamma tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu kkostitwiti fuq art agrikola għall-prova tal-eżistenza ta’ rabta ta’ parentela mill-qrib mal-persuna li kkostitwixxiet id-drittijiet ta’ użufrutt u d-drittijiet ta’ użu u li skontha d-drittijiet ta’ użufrutt u d-drittijiet ta’ użu jiġu estinti ipso jure, mingħajr ebda kumpens patrimonjali, meta d-detentur tal-imsemmija drittijiet ma jistax jistabbilixxi din ir-rabta ta’ parentela mill-qrib, għandha titqies li hija restrizzjoni li tmur kontra l-Artikoli 49 u 63 TFUE?

2)      Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta ż-żamma tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu kkostitwiti fuq art agrikola għall-prova tal-eżistenza ta’ rabta ta’ parentela mill-qrib mal-persuna li kkostitwixxiet id-drittijiet ta’ użufrutt u d-drittijiet ta’ użu u li skontha d-drittijiet ta’ użufrutt u d‑drittijiet ta’ użu jiġu estinti ipso jure, mingħajr ebda kumpens patrimonjali, meta d-detentur tal-imsemmija drittijiet ma jistax jistabbilixxi din ir-rabta ta’ parentela mill-qrib, taffettwa realment b’mod ugwali ċ-ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni u ċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħrajn, fid-dawl tal-Artikoli 49 u 63 TFUE?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Il-talbiet għal deċiżjoni preliminari kienu rreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Jannar 2016 (C‑52/16) u fis‑26 ta’ Frar 2016 (C‑113/16).

29.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ungeriż, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

30.      Il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni dehru fis-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2017 sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet orali tagħhom.

V.      Analiżi

31.      Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju, tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 63 TFUE kif ukoll l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi t-terminazzjoni ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ drittijiet ta’ użu fuq art produttiva sakemm ma tinġabx il-prova li dawn id-drittijiet ġew ikkostitwiti bejn membri mill-qrib tal-istess familja.

32.      Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Ungeriż, jikkunsidraw li hemm lok li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv.

33.      Għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il quddiem, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi fis-sens li l‑Artikolu 63 TFUE, li jiżgura l-moviment liberu tal-kapital, jipprekludi tali leġiżlazzjoni.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

34.      Il-Gvern Ungeriż esprima dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

35.      Fl-ewwel lok, dan il-gvern jenfasizza li d-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu kkostitwiti qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-2003 u li l-kostituzzjoni tagħhom kienet, barra minn hekk, kuntrarja għal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli f’dak iż‑żmien. Għalhekk, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata, fir-rigward tad‑dritt tal-Unjoni, it-tneħħija mil-leġiżlatur nazzjonali ta’ dawn id‑drittijiet ikkostitwiti illegalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan it‑trattat.

36.      Infakkar li, għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dritt tal‑Unjoni fi Stat Membru ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tinterpreta dan id-dritt sa mid-data tal-adeżjoni ta’ dak l-Istat mal‑Unjoni (6).

37.      Fil-kawżi prinċipali, huwa paċifiku li d-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni tħassru mir-Reġistru tal-Artijiet permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi adottati wara l-1 ta’ Mejju 2004 (7), data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-2003 (8), u dan abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-trattat (9).

38.      Konsegwentement jidhirli li ma huwiex ikkontestat li l-Qorti tal‑Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni għal dak li jirrigwarda kemm id-deċiżjonijiet ta’ tħassir kif ukoll id‑dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, u dan jekk jiġi preżunt li dawn id-drittijiet kienu ġew ikkostitwiti qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

39.      Nippreċiża li ser neżamina l-argument tal-Gvern Ungeriż ibbażat fuq l-illegalità ab initio tad-drittijiet ta’ użufrutt iktar ’il quddiem fl‑espożizzjoni tiegħi (10).

40.      Fit-tieni lok, il-Gvern Ungeriż jargumenta li d-domandi preliminari jsemmu erronjament l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji. Skont dan il-gvern, id-drittijiet ta’ użufrutt inkwistjoni spiċċaw ex lege fid-data tal-1 ta’ Mejju 2004 b’applikazzjoni tad‑dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, b’tali mod li hija biss l‑applikazzjoni tal-Artikolu 94 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet li hija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

41.      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bil-kawża u li għandha r-responsabbiltà li tagħti d-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s‑sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal‑Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni (11).

42.      Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l‑problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (12).

43.      Id-domandi magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi ma jaqgħu fl‑ebda każ identifikat minn din il-ġurisprudenza. Fil-fatt, ma huwiex ikkontestat li l-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji għandu importanza determinanti fil-kawżi prinċipali peress li jipprovdi t-tmiem tad-drittijiet ta’ użufrutt stabbiliti bejn persuni li ma humiex membri mill‑qrib tal-istess familja.

44.      Fit-tielet lok, il-Gvern Ungeriż jiddikjara li l-qorti tar-rinviju kkontestat is-sentenza Nru 25, tal-21 ta’ Lulju 2015 tal-Alkotmánybíróság (qorti kostituzzjonali) meta d-deċiżjonijiet ta’ din il-qorti huma vinkolanti fir-rigward tagħha.

45.      Infakkar li, kif iddeċidiet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, il‑qrati nazzjonali għandhom il-fakultà l-iktar wiesgħa li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja bi kwistjoni ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, b’din il-fakultà ssir obbligu għall-qrati tal‑aħħar istanza, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Regola ta’ dritt nazzjonali ma tistax ixxekkel lil qorti nazzjonali, skont il-każ, milli tagħmel użu mill‑imsemmija fakultà jew milli tikkonforma ma’ dan l-obbligu. Kemm din il-fakultà kif ukoll dan l-obbligu huma, fil-fatt, inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, u inerenti għall-funzjonijiet ta’ qorti responsabbli mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fdati minn din id-dispożizzjoni lill-qrati nazzjonali (13).

46.      Għalhekk, ir-regola ta’ dritt nazzjonali invokata mill-Gvern Ungeriż ma tistax tostakola l-fakultà tal-qorti tar-rinviju li tersaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi stadju preliminari sabiex tagħmlilha domanda dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħal dawk li huma s-suġġett ta’ dawn il-kawżi.

47.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti niddeduċi li t-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

B.      Fuq il-libertà ta’ moviment applikabbli

48.      Fid-dawl tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil‑kawżi prinċipali jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital jew ta’ dawk dwar il-libertà ta’ stabbiliment. L-għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jirregolaw il‑kostituzzjoni u ż-żamma ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ drittijiet ta’ użu fuq art agrikola.

49.      Jiena nikkunsidra li l-imsemmija miżuri ma jaqgħux taħt il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE iżda taħt il-moviment liberu tal-kapital żgurat mill-Artikolu 63 TFUE, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

50.      Sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem iddeċidiet, b’eċċezzjoni remota (14), li miżuri nazzjonali li jirregolaw l-investimenti immobbli jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital (15).

51.      Skont din il-ġurisprudenza, minn naħa, id-dritt ta’ akkwist, ta’ użu u ta’ trasferiment ta’ proprjetà immobbli fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor joħloq, meta jiġi eżerċitat, moviment tal-kapital (16).

52.      Min-naħa l-oħra, il-moviment tal-kapital jinkludi t-tranżazzjonijiet li permezz tagħhom persuni mhux residenti jwettqu investimenti immobbli fit-territorju ta’ Stat Membru, kif barra minn hekk jirriżulta min-nomenklatura tal-moviment tal-kapital li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall‑implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [KE, artikolu mħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam] (17), liema nomenklatura għad għandha l-istess valur indikattiv sabiex tingħata definizzjoni lill-kunċett ta’ moviment tal‑kapital stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE (18).

53.      F’dan ir-rigward, min-noti ta’ spjega li jinsabu fl-Anness I tad‑Direttiva 88/361 jirriżulta espressament li l-kategorija ta’ investimenti immobbli “tinkludi wkoll drittijiet ta’ użufrutt, sollievi u drittijiet tal-bini” (korsiv miżjud minni).

54.      Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxi ebda distinzjoni skont id-destinazzjoni privata jew professjonali tal-artijiet suġġett tal-investimenti inkwistjoni. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet espressament il-moviment tal‑kapital iġġenerat mid-dritt ta’ użu ta’ proprjetà immobbli fi Stat Membru ieħor, li fl-opinjoni tiegħi jinkludi l-possibbiltà li din il-proprjetà tintuża fil-kuntest ta’ attività li barra minn hekk taqa’ taħt il-libertà ta’ stabbiliment (19).

55.      Fi kliem ieħor, il-miżuri nazzjonali li jaffettwaw l-investimenti immobbli jaqgħu fil-moviment liberu tal-kapital anki meta dawn l‑investimenti jkunu intiżi sabiex jippermettu l-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment fl-Istat Membru kkonċernat, kemm bħala persuna fiżika (20) jew bl-intervent ta’ kumpannija maħluqa f’dan l-Istat Membru (21).

56.      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata fin-noti ta’ spjega li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva 88/361, li jipprovdu li l-kunċett ta’ investimenti immobbli jinkludi “[x]iri ta’ bini u art u l-kostruzzjoni ta’ bini minn persuni privati għall-qligħ jew għall-użu personali” (korsiv miżjud minni).

57.      Għalhekk, l-eventwali użu tal-art agrikola inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, kemm minn SEGRO jew G. Horváth, ma jistax ipoġġi l-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

58.      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-kontenut tal‑Anness X tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, li jipprovdi ċerti miżuri tranżitorji dwar l-adeżjoni tal-Ungerija mal-Unjoni, b’applikazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ dan l-att.

59.      Nippreċiża li dawn il-miżuri tranżitorji, li ma humiex l-oġġett tad‑domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma humiex applikabbli fiċ‑ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, kif sostniet il-Kummissjoni, peress li d-deċiżjonijiet amministrattivi inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu ġew adottati wara t-30 ta’ April 2014, data tal-iskadenza tal-perijodu tranżitorju previst, wara estensjoni, għall-akkwist ta’ art agrikola fl‑Ungerija stabbilita fl-Anness X, Kapitolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2003 (22).

60.      Madankollu, il-formulazzjoni ta’ dawn il-miżuri jagħtu kjarifika utli tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital. Fil-fatt, il-Kapitolu 3(2) ta’ dan l-Anness kien jippermetti lill-Ungerija żżomm fis‑seħħ, taħt ċerti kundizzjonijiet u għal perijodu tranżitorju ta’ seba’ snin mid-data ta’ adeżjoni (estiż mill-Kummissjoni sat-30 ta’ April 2014 (23)), il-projbizzjonijiet li jirrigwardaw l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni fiżiċi li ma humiex residenti fl-Ungerija jew li ma għandhomx nazzjonalità Ungeriża, minn naħa, u minn persuni ġuridiċi, min-naħa l-oħra.

61.      Issa, l-imsemmi Kapitolu 3 huwa intitolat “Il-Moviment liberu tal‑kapital”. B’hekk l-awturi tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 ikkunsidraw espressament li l-akkwist ta’ art agrikola minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi jaqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital.

62.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li hemm lok li tiġi eżaminata l-portata tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tal-moviment liberu tal-kapital stabbilit mill-Artikolu 63 TFUE.

63.      Madankollu nippreċiża, sussidjarjament, li l-argumenti li ġejjin huma trasponibbli għal-libertà ta’ stabbiliment għal dak li jirrigwarda kemm l-eżistenza ta’ restrizzjoni kif ukoll l-assenza ta’ ġustifikazzjoni.

C.      Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu talkapital

64.      Issa hemm lok li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jinkludux restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital.

65.      Preliminarjament, il-Gvern Ungeriż iddikjara li l‑Artikolu 345 TFUE jagħti libertà kbira lill-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-kontenut u l-kundizzjonijiet tal-akkwist ta’ ċerti drittijiet relattivi għall-proprjetà, bħad-dritt ta’ użufrutt, taħt l-uniku limitu li ma jirrendux impossibbli l-akkwist u ma jiddiskriminawx.

66.      Infakkar li minkejja li l-Artikolu 345 TFUE jesprimi l-prinċipju ta’ newtralità tat-Trattati fir-rigward tas-sistema ta’ proprjetà fl-Istati Membri, madankollu din in-newtralità ma timplikax li l-miżuri nazzjonali li jirregolaw l-akkwist tal-proprjetà immobbli jevitaw ir-regoli fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ libertà ta’ stabbiliment u tal-moviment liberu tal-kapital (24).

67.      Għalhekk, il-fatt li l-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 345 TFUE ma huwiex ta’ natura li jeskludi l‑applikabbiltà tar-regoli tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal‑kapital.

68.      L-Artikolu 63 TFUE jipprovdi li r-restrizzjonijiet kollha tal‑moviment ta’ kapital bejn l-Istati Membri huma pprojbiti. B’mod partikolari taħt din il-projbizzjoni taqa’ kull miżura nazzjonali li tistabbilixxi diskriminazzjoni skont l-oriġini tal-kapital (25).

69.      Nenfasizza li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni, li tirrappreżenta preġudizzju iktar serju għall-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn dak li jirriżulta minn sempliċi restrizzjoni mhux diskriminatorja, jista’ jkollha ċertu implikazzjonijiet fl-istadju tal‑ġustifikazzjoni (26).

70.      Issa, fl-opinjoni tiegħi, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jistabbilixxu diskriminazzjoni indiretta skont l-oriġini tal‑kapital, kif ġustament sostnew il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Portugiż u anki l-Kummissjoni.

71.      F’dan ir-rigward infakkar li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha tkun ikkonstatata meta kundizzjoni imposta minn leġiżlazzjoni nazzjonali, minkejja li ma tagħmilx distinzjoni formali skont l-oriġini, hija ssodisfatta b’mod ferm iktar faċli miċ-ċittadini tal‑Istat Membru kkonċernat milli minn dawk tal-Istati Membri l-oħra (27).

72.      Huwa minnu li, miżura nazzjonali bħall-Artikolu 108(1) tal‑Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji, li tipprovdi t-terminazzjoni ipso jure ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ drittijiet ta’ użu sakemm ma tinġabx il-prova li l-kuntratt li jistabbilixxi tali dritt kien konkluż bejn membri mill‑qrib tal-istess familja, ma tagħmilx distinzjoni manifesta skont l‑oriġini tal-kapital.

73.      Madankollu, tali leġiżlazzjoni tistabbilixxi diskriminazzjoni moħbija skont l-oriġini tal-kapital sa fejn il-probabbiltà li tkun membru tal-familja mill‑qrib ta’ persuna li tkun ikkonċediet tali dritt fuq artijiet Ungeriżi tkun ferm ogħla fir-rigward ta’ ċittadin Ungeriż milli f’dak ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. Fi kliem ieħor, il-kundizzjoni imposta mill‑Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji tkun issodisfatta iktar faċilment, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, mill-grupp ta’ ċittadini Ungeriżi milli minn dak ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra.

74.      Dan l-effett diskriminatorju huwa, barra minn hekk, imsaħħaħ mir-restrizzjonijiet għall-akkwist tal-proprjetà ta’ art agrikola li kienu jeżistu qabel id-dħul fis-seħħ tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni f’dawn il‑kawżi. Fil-fatt mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, fil-verżjoni inizjali tagħha, il-Liġi tal-1994 dwar l-art produttiva kienet teskludi l-possibbiltà li persuni barranin jakkwistaw il‑proprjetà ta’ art produttiva, b’dawn il-persuni jibqgħu madankollu liberi li jakkwistaw dritt ta’ użufrutt jew dritt ta’ użu fuq tali art. Barra minn hekk, u dejjem skont din il-qorti, l-akkwist minn persuni barranin tad-dritt ta’ proprjetà fuq art produttiva kien, qabel id-dħul fis-seħħ tal‑Liġi tal-1994 dwar l-art produttiva, issuġġettat għall-awtorizzazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.

75.      Dawn ir-restrizzjonijiet saħħew b’żewġ modi l-effett diskriminatorju tal-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji.

76.      Minn naħa, dawn ir-restrizzjonijiet ikabbru l-probabbiltà li l‑proprjetarji attwali ta’ art agrikola li tinsab fl-Ungerija jkunu ta’ nazzjonalità Ungeriża. Issa, il-probabbiltà li tkun membru tal‑familja mill-qrib ta’ proprjetarju Ungeriż hija ferm ogħla għal ċittadin Ungeriż milli għal ċittadin ta’ Stat Membru ieħor. Għalhekk, dawn ir‑restrizzjonijiet, flimkien mar-rekwiżit li tkun membru tal-familja mill‑qrib, jaħdmu għad-detriment ta’ ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

77.      Min-naħa l-oħra, dawn ir-restrizzjonijiet inkoraġġixxew liċ‑ċittadini ta’ Stati Membri oħra li xtaqu jinvestu f’art agrikola li tinsab fl‑Ungerija sabiex jakkwistaw drittijiet ta’ użufrutt jew drittijiet ta’ użu fuq tali art. Konsegwentement, it-terminazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, prevista fl-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji, tirriskja li taffettwa proporzjonalment iktar ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli ċittadini Ungeriżi.

78.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż argumenta li, minn iktar minn 100 000 persuna affettwata mit-tneħħija tad-drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu prevista fl-Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji, in-numru ta’ ċittadini barranin, u dan jinkludi ta’ pajjiżi terzi, huwa biss ta’ 5 058.

79.      Dan l-argument, li jiffoka biss fuq il-kompożizzjoni tal-grupp ta’ persuni affettwati minn din il-miżura, ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal‑evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta abbażi tal‑oriġini. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni għandha tkun ikkonstata abbażi ta’ paragun bejn:

–        il-proporzjon ta’ persuni affettwati fost iċ-ċittadini Ungeriżi, u

–        il-proporzjon ta’ persuni affettwati fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

80.      B’hekk, l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta abbażi tal‑oriġini għandha tkun ikkonstata jekk huwa probabbli li l-proporzjon – u mhux in-numru assolut (28) – ta’ persuni affettwati mill-miżura inkwistjoni huwa ogħla fost iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra milli fost iċ-ċittadini Ungeriżi. Abbażi tal-argumenti magħmula fil-punti 70 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena nikkunsidra li dan huwa proprju l-każ fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali.

81.      Mistoqsi dwar dan waqt is-seduta għat-trattazzjoni, il-Gvern Ungeriż ma pproduċa ebda statistika jew element ieħor li jista’ jikkontesta din il‑konstatazzjoni.

82.      Il-Gvern Ungeriż ibbaża argument ukoll fuq il-possibbiltà, f’każ ta’ terminazzjoni ta’ drittijiet ta’ użufrutt jew ta’ użu, li d-detentur ta’ dawn id-drittijiet jitlob kumpens finanzjarju min-naħa tal-kontroparti tiegħu. Dan il-gvern jippreċiża li, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Kodiċi Ċivili Ungeriż, dan il-kumpens jogħla, fil-prinċipju, sal-ammont tal-arrikkiment miksub mingħajr korrispettiv mill‑proprjetarju. Skont l-imsemmi gvern, il-possibbiltà ta’ tali kumpens finanzjarju kien ikkonfermat mis-sentenza Nru 25, tal-21 ta’ Lulju 2015 tal-Alkotmánybíróság (qorti kostituzzjonali).

83.      F’dan ir-rigward, nirrileva, li d-domandi magħmula mill-qorti tar‑rinviju fil-Kawża C‑113/16 jeskludu l-possibbiltà ta’ tali kumpens finanzjarju, għall-kuntrarju tad-domandi magħmul fil-Kawża C‑52/16.

84.      B’dan ippreċiżat, il-possibbiltà eventwali li d-detentur ta’ tali drittijiet jitlob kumpens finanzjarju ma tistax, kif sostniet il‑Kummissjoni, tneħħi d-diskriminazzjoni indiretta li l-eżistenza tagħha ġiet ikkonstata preċedentement.

85.      Fil-fatt, minkejja din il-possibbiltà, il-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jipprovdu t-terminazzjoni ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu kkostitwiti minn persuni privati, u dan kontra l-volontà tagħhom. Issa, jistgħu jeżistu diversi raġunijiet li għalihom il-kontraenti privati ma jixtiqux it-terminazzjoni ta’ tali drittijiet, bħall-volontà tad‑detentur li jżomm it-tgawdija ta’ din l-art għal raġunijiet tiegħu, il‑perspettiva tad-dħul futur għaż-żewġ partijiet jew anki l-impossibbiltà li l-proprjetarju jħallas kumpens finanzjarju f’każ ta’ terminazzjoni. Fi kliem ieħor, it-terminazzjoni ta’ tali drittijiet tista’ twassal, għall‑kontraenti privati li stabbilixxewhom, għal inkonvenjenzi li l‑perspettiva ta’ dħul finanzjarju eventwali ma tistax tneħħi kompletament.

86.      Għalhekk, sa fejn it-terminazzjoni ta’ dawn id-drittijiet, kontra l‑volontà tal-kontraenti privati li stabbilixxewhom, taffettwa proporzjon ikbar ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, għandu jiġi dedott li din it‑terminazzjoni hija diskriminatorja, u dan minkejja l-eventwali possibbiltà għad-detentur ta’ tali drittijiet li jitlob kumpens finanzjarju mingħand il-kontroparti tiegħu.

87.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jipprovdu t-terminazzjoni ipso jure ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ drittijiet ta’ użu sakemm ma tinġabx il-prova li l‑kuntratt li jistabbilixxi tali dritt kien konkluż bejn membri tal-familja mill-qrib, jinkludu restrizzjoni diskriminatorja tal-moviment liberu tal‑kapital żgurat mill-Artikolu 63 TFUE.

D.      Fuq il-possibbiltà ta’ ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għallmoviment liberu tal-kapital

88.      Essenzjalment, il-Gvern Ungeriż ressaq tliet motivi ta’ ġustifikazzjoni bbażati rispettivament fuq il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju, fuq il-ġlieda kontra l‑prattiki abbużivi u fuq għan ta’ interess ġenerali marbut mal-użu tal-art agrikola.

89.      Għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, jiena nikkunsidra li ebda wieħed minn dawn il-motivi ma jista’ jiġġustifika l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-kawżi.

1.      Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ksur talleġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju

90.      Skont l-Artikolu 65(1)(b) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma għandux jippreġudika d-dritt li għandhom l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha indispensabbli sabiex jevitaw ksur tal-liġijiet u regolamenti tagħhom, b’mod partikolari fil-qasam fiskali jew fil-qasam tal-kontroll prudenzjali ta’ stabbilimenti finanzjarji.

91.      Il-Gvern Ungeriż iddikjara li minkejja r-reġistrazzjoni tagħhom fir-Reġistru tal-Artijiet, l-akkwist tad-drittijiet ta’ użufrutt previsti mill‑miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien illegali “ab initio”. Fil‑fatt, qabel l-1 ta’ Jannar 2002, l-akkwist minn persuni mhux residenti ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu fuq art produttiva kien suġġett, skont il‑leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju, għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill-Bank Nazzjonali tal-Ungerija. Issa dan tal-aħħar indika li ebda awtorizzazzjoni ta’ kambju ma kienet mitluba fid-dawl tal-akkwist ta’ tali drittijiet. Għalhekk, l-Istat Ungeriż adotta l‑Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji fid-dawl li jirrimedja din l-irregolarità li taffettwa d-drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu kollha akkwistati minn persuni mhux residenti.

92.      Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li sanzjoni li taffettwa l-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment żgurati mit-Trattat FUE għandha tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (29).

93.      F’dan il-każ, jiena nikkunsidra li t-terminazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu prevista mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali hija sproporzjonata fid-dawl tal-għan li jiġi ssanzjonat il-ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju.

94.      L-ewwel nett, is-sanzjoni prevista ma jidhirlix li hija adegwata sabiex jitwettaq l-għan li hija għandha, jiġifieri r-regolarizzazzjoni ta’ tranżazzjonijiet magħmula bi ksur tas-sistema ta’ kontroll tal-kambju. Fil-fatt, din is-sanzjoni – it-terminazzjoni – tolqot kull dritt li ma kienx ikkostitwit bejn membri mill-qrib tal-istess familja, kriterju li ma għandu l-ebda relazzjoni mal-eventwali ksur tas-sistema ta’ kontroll tal-kambju.

95.      It-tieni nett, din is-sanzjoni jidhirli li hija sproporzjonata fid-dawl tal-portata tagħha. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, il-ksur ta’ leġiżlazzjoni li tistabbilixxi kontroll amministrattiv fil-qasam tax-xiri jew tal-bejgħ f’muniti barranin ma jistax ikun issanzjonat bit-terminazzjoni ta’ drittijiet stabbiliti bi ftehim bejn persuni privati u li barra minn hekk, il-validità tagħhom fir-rigward ta’ regoli sostantivi ma hijiex ikkontestata. F’dan ir‑rigward, jidhirli li huwa iktar xieraq li l-ksur ta’ tali kontroll amministrattiv jiġi marbut ma’ sanzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari ta’ natura pekunjarja.

96.      It-tielet nett, din is-sanzjoni jidhirli li hija sproporzjonata wkoll fir‑rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ġġeneralizzat tagħha, peress li ma tippermettix lil persuni li d-drittijiet tagħhom huma tterminati jġibu prova li huma osservaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju.

97.      Ir-raba’ nett, jiena tal-opinjoni li din is-sanzjoni hija sproporzjonata fir-rigward tar-rekwiżiti tal-aspettattivi leġittimi u taċ‑ċertezza legali. Fil-fatt, jidhirli li tmur kontra dawn ir-rekwiżiti li tiġi imposta t-terminazzjoni ta’ drittijiet kontenzjużi iktar minn tnax-il sena wara l-kostituzzjoni tagħhom u l-ksur allegat tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-kambju (30).

98.      Dan ir-raġunament huwa kkonfermat fis-sentenza Burtscher (31), li kienet tirrigwarda każ komparabbli għal dak f’din il-kawża, jiġifieri l‑annullament retroattiv ta’ tranżazzjoni immobbli minħabba l-ksur ta’ leġiżlazzjoni amministrattiva li tistabbilixxi obbligu ta’ dikjarazzjoni minn qabel. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sanzjoni ta’ nullità tat‑tranżazzjoni immobbli, imposta minħabba l-preżentazzjoni tardiva ta’ din id-dikjarazzjoni, kienet sproporzjonata għal raġunijiet in parti analogi għal dawk imqajma iktar ’il fuq:

–        il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din is-sanzjoni kien sproporzjonat, peress li din is-sanzjoni kienet tingħata awtomatikament, ikunu x’ikunu r-raġunijiet għat-tardività tal-preżentazzjoni (punt 55 ta’ din is-sentenza);

–        il-portata tagħha kienet ukoll sproporzjonata, peress li kienet tikkontesta b’mod radikali ftehim li jesprimi l-intenzjoni tal-partijiet mingħajr raġuni bbażata fuq regoli sostantivi applikabbli, u dan meta sanzjonijiet oħra, bħal multa, jistgħu effettivament jissanzjonaw il-preżentazzjoni tardiva tad-dikjarazzjoni inkwistjoni (punti 56 sa 60 tal-imsemmija sentenza), u

–        din is-sanzjoni ma kinitx tosserva r-rekwiżiti ta’ ċertezza legali, partikolarment importanti fil-qasam tal-akkwist ta’ immobbli (punt 56 tal-istess sentenza).

99.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-terminazzjoni ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax tkun iġġustifikata mill-eventwali ksur tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil‑qasam tal-kontroll tal-kambju.

2.      Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ġlieda kontra lprattiki abbużivi

100. Il-Gvern Ungeriż argumenta wkoll li t-terminazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu prevista mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni hija ġġustifikata mill-volontà tal-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi. Skont dan l-argument, il-kuntratti inkwistjoni servew sabiex jevitaw il-projbizzjoni ta’ akkwist tal-proprjetà ta’ art produttiva imposta fuq il-persuni fiżiċi barranin u fuq il-persuni ġuridiċi. F’dan ir-rigward, dan il-gvern jippreċiża li ż-żamma ta’ dritt ta’ proprjetà nieqes mis-sustanza tiegħu minħabba l-konċessjoni ta’ dritt ta’ użufrutt ma jissodisfa ebda razzjonalità ekonomika.

101. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l‑ġlieda kontra l-prattiki abbużi tirrappreżenta motiv leġittimu li jista’ jiġġustifika restrizzjoni tal-libertajiet ta’ moviment mogħtija mit‑Trattat FUE. Skont din il-ġurisprudenza żviluppata prinċipalment fil-qasam fiskali, miżura nazzjonali li tirrestrinġi l-libertajiet ta’ moviment tista’ tiġi ġġustifikata meta hija tkun intiża speċifikament għal skemi purament artifiċjali li għandhom l-għan li jaħarbu l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat (32).

102. Madankollu, ladarba dan l-għan ikopri biss il-ġlieda kontra l-iskemi purament artifiċjali, ma jistax jiġi invokat sabiex jiġġustifika miżura nazzjonali bbażata fuq preżunzjoni ġenerali ta’ prattika abbużiva (33). Fil-fatt, sabiex tkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, miżura li jkollha dan l‑għan għandha tippermetti lill-qorti nazzjonali li tagħmel eżami każ b’każ, waqt li jiġu kkunsidrati l-partikolaritajiet ta’ kull każ, abbażi ta’ elementi oġġettivi, sabiex jiġi evalwat l-aġir abbużiv tal-persuni kkonċernati (34).

103. Fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, it-terminazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu fuq art agrikola ma hijiex adegwata għall-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li prattika abbużiva, li tikkonsisti fl-evitar tal-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ art agrikola lil ċittadini barranin, ġiet imfassla bejn membri mill-qrib tal-istess familja.

104. Barra minn hekk, dawn il-miżuri jmorru lil hinn, minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan peress li huma bbażati fuq preżunzjoni ta’ prattika abbużiva applikabbli għad-drittijiet kollha li ma humiex ikkostitwiti bejn persuni li huma membri mill-qrib tal-istess familja, u dan irrispettivament mill-eżistenza pprovata ta’ skema purament artifiċjali.

105. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dawn il-miżuri ma jistgħux ikunu ġġustifikati mill-għan tal-ġlieda kontra l-prattiki abbużivi.

3.      Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni bbażata fuq għan ta’ interess ġenerali marbut mal-użu tal-art agrikola

106. Sabiex jiġġustifika t-terminazzjoni ta’ drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu fuq l-art agrikola, bl-eċċezzjoni ta’ dawk ikkostitwiti bejn membri mill-qrib tal-istess familja, il-Gvern Ungeriż allega wkoll li l‑leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tfittex għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri dak li tiżgura li l-art produttiva tkun il-proprjetà tal-persuni fiżiċi li jaħdmuha. Huwa b’mod partikolari għal dan il-għan li kien ipprojbit l-akkwist tal-proprjetà ta’ art agrikola għall-finijiet ta’ investiment jew ta’ spekulazzjoni immobbli, jiġifieri sabiex jinkiseb valur ogħla li jirriżulta miż-żieda tal-prezzijiet tal-art.

107. Skont dan il-gvern, din il-leġiżlazzjoni hija intiża wkoll sabiex tippermetti l-użu ta’ art produttiva minn impriżi ġodda, sabiex tiffaċilita l-ħolqien ta’ proprjetajiet ta’ kobor li jippermetti produzzjoni agrikola sostenibbli u kompetittiva kif ukoll sabiex tevita t-taqsim ta’ art agrikola.

108. Kif sostna ġustament il-Gvern Ungeriż, tali għanijiet diġà kienu rrikonoxxuti bħala li huma ta’ interess ġuridiku mill-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari dawk li jiġi żgurat li l-art tappartjeni lil dawk li jaħdmuha, li tiġi miġġielda l-ispekulazzjoni tal-art, li jiġi żgurat tqassim tal-proprjetà immobbli li jippermetti l-iżvilupp ta’ ażjendi sostenibbli jew anki li jiġi mħeġġeġ użu raġonevoli tal-art disponibbli permezz tal-ġlieda kontra l‑pressjoni fuq l-art (35).

109. Madankollu, u skont ġurisprudenza stabbilita, miżura li tirrestrinġi l-libertajiet ta’ moviment ma tistax tkun aċċettata ħlief taħt il-kundizzjoni li jkollha għan ta’ interess ġenerali, li tkun applikata b’mod nondiskriminatorju u li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġifieri għandha tkun tali li tiggarantixxi li l-għan li jrid jintlaħaq jiġi milħuq u ma teċċedix dak li hu neċessarju għal sabiex dan l-għan jintlaħaq (36).

110. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza jiena nikkunsidra li l-għan ta’ interess ġenerali li jrid jintlaħaq invokat mill-Gvern Ungeriż ma jippermettix li l-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali jiġu ġġustifikati tal-inqas għal żewġ raġunijiet, u possibbilment għal tlieta.

111. Fl-ewwel lok, dawn il-miżuri, li jippermettu ż-żamma tad-drittijiet ta’ użufrutt u ta’ użu stabbiliti biss bejn membri mill-qrib tal-istess familja, ma humiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet sostnuti mill-Gvern Ungeriż.

112. Fil-fatt, u kif ġustament spjegaw il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Portugiż kif ukoll il-Kummissjoni, xejn ma jippermetti li jiġi eskluż li membri tal-familja mill-qrib tal-proprjetarju akkwistaw tali drittijiet fuq art agrikola għall-finijiet ta’ spekulazzjoni immobbli. Għall-kuntrarju, huwa prevedibbli wkoll li persuni li ma humiex membri tal-familja mill‑qrib tal-proprjetarju akkwistaw tali drittijiet sabiex jeżerċitaw attività agrikola.

113. Fi kliem ieħor, il-kriterju magħżul mill-Gvern Ungeriż, jiġifieri l‑fatt li huma qraba mill-qrib tal-proprjetarju, ma huwiex xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet allegati.

114. Fit-tieni lok, il-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali lanqas ma huma neċessarji sabiex jintlaħqu l-għanijiet allegati mill-Gvern Ungeriż. Fil-fatt, kriterji oħra jippermettu li jintlaħqu dawn l-għanijiet filwaqt li jkunu iktar rispettużi għal-libertajiet ta’ moviment. Dan ikun il-każ ta’ rekwiżit ta’ użu effettiv tal-art agrikola jew mid-detenturi tad-drittijiet ta’ użufrutt jew ta’ użu fuq din l-art jekk dawn huma persuni fiżiċi, jew mill-azzjonarji tagħhom jekk dawn huma persuni ġuridiċi.

115. Fit-tielet lok, il-miżuri inkwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom natura diskriminatorja, kif ikkonstatajt fil-punti 70 sa 86 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

116. Din in-natura diskriminatorja tkun suffiċjenti, skont il‑ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet, sabiex teskludi l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan ta’ interess ġenerali marbut mal-użu tal-art agrikola allegat mill-Gvern Ungeriż.

117. Madankollu, f’dan ir-rigward irrid nirrileva l-eżistenza ta’ ċerta inkonsistenza fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li teżamina jekk għan ta’ interess ġenerali jistax jiġġustifika miżuri li tagħhom hija kienet preċedentement ikkonstatat in-natura diskriminatorja (37).

118. Minkejja li naħseb li huwa mixtieq, għall-finijiet ta’ ċertezza legali, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-ġurisprudenza tagħha f’dan ir‑rigward, fi kwalunkwe każ mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux ikunu ġġustifikati mill-għan ta’ interess ġenerali marbut mal-użu ta’ art agrikola allegat mill-Gvern Ungeriż.

E.      Fuq l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta

119. Il-qorti tar-rinviju staqsiet ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il‑kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta.

120. Nikkunsidra li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għal dan l-aspett tad-domandi magħmula, ladarba dawn il-miżuri jmorru kontra d‑dritt tal-Unjoni peress li jinkludu restrizzjoni mhux iġġustifikata għal‑libertà ta’ moviment tal-kapital, u dan irrispettivament mill‑interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Karta.

121. Barra minn hekk, jiena nqis li fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi, il-ksur allegat tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta ma jistax ikun eżaminat indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment.

122. Fil-fatt, dan l-aspett tad-domandi magħmula jqajjem il-problema delikata tal-applikabbiltà tal-Karta għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ miżuri nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li ma jimplementawx dispożizzjonijiet ta’ dritt derivat tal-Unjoni, iżda joħolqu ostakolu mhux iġġustifikat għal-libertajiet ta’ moviment żgurati mit-Trattat FUE.

123. Għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, fir-rigward tal-azzjoni tal-Istati Membri, huwa ddefinit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta japplikaw għall-Istati Membri biss meta dawn ikunu qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni (38).

124. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal‑ispjegazzjonijiet rilevanti għall-Artikolu 51 tal-Karta, li għandhom debitament jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 52(7) tagħha, il‑kunċett ta’ implementazzjoni previst f’dan l-Artikolu 51 jikkonferma l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-punt sa liema l‑azzjoni tal-Istati Membri għandha tkun konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali żgurati mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (39).

125. Fis-sentenza Åkerberg Fransson (40), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet fundamentaliżgurati mill-Karta għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Infakkar li din il-kawża ma kinitx tirrigwarda ksur tal‑libertajiet ta’ moviment, iżda leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT kif ukoll l‑Artikolu 325 TFUE (41).

126. Għal dak li jirrigwarda l-libertajiet ta’ moviment, il-Qorti tal‑Ġustizzja ppreċiżat fis-sentenza Pfleger et (42)li l-użu minn Stat Membru ta’ eċċezzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni biex jiġġustifika ostakolu għal libertà fundamentali żgurata mit-Trattat għandu jiġi kkunsidrat bħala implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal‑Artikolu 51(1) tal-Karta.

127. F’dan ir-rigward, u sabiex inkun iktar preċiż, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-libertajiet ta’ movement, id‑drittijiet fundamentali li l-protezzjoni tagħhom hija żgurata mid-dritt tal-Unjoni huma invokabbli f’żewġ każijiet, li t-tnejn li huma jirrigwardaw l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni (43).

128. L-ewwel każ jirrigwarda l-invokazzjoni minn Stat Membru ta’ motiv ta’ ġustifikazzjoni direttament ibbażat fuq il-protezzjoni ta’ dritt fundamentali. Din hija l-ipoteżi “Schmidberger” (44), li fiha d-drittijiet fundamentali huma msejħa jservu bħala tarka sabiex jiddefendu l-leġiżlazzjoni kkonċernata.

129. It-tieni jirrigwarda r-rifjut ta’ motiv ta’ ġustifikazzjoni invokat minn Stat Membru minħabba preġudizzju għal dritt fundamentali. Din hija l-ipoteżi “ERT” (45), li fiha d-drittijiet fundamentali jipprovokaw it-telf ta’ tarka għad-difiża tal-leġiżlazzjoni kkonċernata.

130. Mill-banda l-oħra, sa fejn naf jien, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma kkunsidrat li l-ksur allegat ta’ dritt fundamentali seta’ jkun eżaminat indipendentement mill-ksur tal-libertajiet ta’ moviment. Fi kliem ieħor, meta l-uniku punt ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni jkun jinsab fl-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tista’ jew isservi bħala ġustifikazzjoni (ipoteżi “Schmidberger”), jew tipprovoka t-telf ta’ ġustifikazzjoni (ipoteżi “ERT”), iżda ma tistax tirrappreżenta motiv indipendenti ta’ kuntrarjetà għad-dritt tal-Unjoni.

131. Issa, dawn il-kawżi jaqgħu preċiżament taħt dan l-aħħar eżempju. Fil-fatt, l-uniku punt ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni jinsab fl-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital (46).Il-Gvern Ungeriż ma invokax l-Artikoli 17 u 47 tal-Karta sabiex jiġġustifika l-miżuri nazzjonali inkwistjoni (ipoteżi “Schmidberger”) u l-interpretazzjoni tagħhom ma hijiex neċessarja sabiex jiġu miċħuda l-motivi ta’ ġustifikazzjoni mressqa minn dan il-gvern (ipoteżi “ERT”) (47). Fir-realtà, il-qorti tar-rinviju tfittex li tkun taf jekk dawn il-miżuri jiksrux l‑Artikoli 17 u 47 tal-Karta indipendentement mill-ksur tal-moviment liberu tal-kapital (48).

132. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata, jiena għandi l-inklinazzjoni li nikkunsidra li dan il-ksur allegat tal-Artikoli 17 u 47 tal-Karta ma jistax ikun ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

133. Irrid nenfasizza b’mod ċar il-portata ta’ din il-pożizzjoni li tikkonsisti fl-esklużjoni tal-applikabbiltà tal-Karta fiċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dawn il-kawżi. B’mod evidenti din il-pożizzjoni ma tirrigwardax l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ipoteżi “Kadi” (49)) u lanqas l-atti tal-Istati Membri li jimplementaw leġiżlazzjonijiet tal‑Unjoni (ipoteżi “Åkerberg Fransson” (50)).

134. Hija lanqas ma tirrigwarda l-miżuri nazzjonali li huma ġġustifikati fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment iżda li jippreġudikaw dritt fundamentali żgurat mill-Karta (ipoteżi “ERT” (51)). Fil-fatt, f’din l-aħħar ipoteżi, id-drittijiet fundamentali jiġu applikati mhux b’mod indipendenti iżda tabilħaqq fil-kuntest tal-ġustifikazzjoni għal restrizzjoni tal-libertajiet ta’ moviment.

135. Fir-realtà, il-pożizzjoni li jiena nsostni, u li tikkonsisti fl‑esklużjoni tal-possibbiltà li ksur allegat tal-Karta jiġi eżaminat indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment, tirrigwarda ż-żewġ każijiet segwenti. Minn naħa, il-Karta ma tistax tkun applikata b’mod awtonomu meta l-miżuri nazzjonali jinkludu restrizzjoni li ma hijiex, fi kwalunkwe każ, iġġustifikata fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment (il-każ f’dawn il-kawżi). Min-naħa l-oħra, il-Karta ma tistax tkun applikata b’mod awtonomu meta tali miżuri ma jinkludu ebda restrizzjoni għal-libertajiet ta’ moviment (każ “Keck u Mithouard” (52)).

136. Fl-ewwel każ, li huwa dak f’dawn il-kawżi, huwa evidenti li l‑esklużjoni tal-possibbiltà li tiġi applikata l-Karta b’mod awtonomu, fil‑prattika, ma tagħmel ebda differenza għaliex il-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma, fi kwalunkwe każ, kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni.

137. Konsegwentement, il-portata prattika reali tal-pożizzjoni legali li jiena qed nsostni hija limitata għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali tat-tip “Keck u Mithouard”. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-aċċettazzjoni li ksur tal-Karta jista’ jkun eżaminat indipendentement mill-ksur tal-libertajiet ta’ moviment timplika li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kollha, anki dawk li ma jirrestrinġux dawn il-libertajiet, jistgħu jiġu pprojbiti fid-dawl tal-Karta meta dawn jiġu kkontestati f’sitwazzjoni fattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija libertajiet, jiġifieri f’kull sitwazzjoni transkonfinali. Sabiex nieħdu eżempju konkret, dan ikun ifisser b’mod partikolari li leġiżlazzjoni li tipprojbixxi x-xogħol bil-lejl ġo forn, li l‑Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kinitx tirrestrinġi l-moviment liberu tal‑merkanzija (53), tista’ madankollu tkun eżaminata fid-dawl tad‑dispożizzjonijiet tal-Karta (b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha).

138. Jidhirli li huwa diffiċli li tali interpretazzjoni tkun irrikonċiljata mal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 51(2) tal-Karta, li jipprovdu li d‑dispożizzjonijiet tal-Karta bl-ebda mod ma jestendu l-kompetenzi tal‑Unjoni kif stabbiliti fit-Trattati.

139. Fl-opinjoni tiegħi, din l-interpretazzjoni għandha tkun miċħuda billi tiġi eskluża l-possibbiltà li ksur allegat tal-Karta jkun eżaminat indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment. Dan huwa preċiżament l-approċċ li kien adottat fis-sentenza Pelckmans Turnhout (54), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Karta ma tistax tkun applikata b’mod awtonomu meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tirrestrinġix il-libertajiet ta’ moviment.

140. Mill-banda l-oħra, jidhirli li s-sentenza Pfleger et (55), li kienet tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi restrizzjoni mhux iġġustifikata għal‑libertà li jiġu pprovduti servizzi, tħalli dubju dwar il-possibbiltà li l‑Karta tiġi applikata b’mod awtonomu.

141. Fil-fatt, fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret b’mod korrett li l-Karta hija invokabbli fil-kuntest tal‑evalwazzjoni tal-motivi ta’ ġustifikazzjoni. Madankollu, fil-punti 57 sa 60 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li teżamina l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta indipendentement mill‑kwistjoni tal-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ikkonstatat fil-punti 39 sa 56 tal-istess sentenza) (56). Fil-fehma tiegħi, dan l-approċċ iħalli dubju, li għandu jitqajjem, fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi eżaminat ksur allegat tal-Karta indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur tal-libertajiet ta’ moviment.

142. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dan l-aspett tad-domandi magħmula fis-sens li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-libertajiet ta’ moviment, il-ksur allegat ta’ dritt fundamentali żgurat mill-Karta ma jistax ikun eżaminat indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur ta’ dawn il-libertajiet.

VI.    Konklużjoni

143. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tas‑Szombathelyi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (qorti amministrattiva u industrijali ta’ Szombathely, l-Ungerija):

L-Artikolu 63 TFUE għandu jkun interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi t-terminazzjoni tad-drittijiet ta’ użufrutt u tad-drittijiet ta’ użu fuq art produttiva sakemm ma tinġabx il-prova li dawn id-drittijiet kienu kkostitwiti bejn membri mill-qrib tal-istess familja, u dan minkejja l‑possibbiltà tad-detentur tal-istess drittijiet li jikseb kumpens finanzjarju min-naħa tal-kontraenti tiegħu.

L-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jkun interpretat fis-sens li meta l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina leġiżlazzjoni nazzjonali fid-dawl tal-libertajiet ta’ moviment, il‑ksur allegat ta’ dritt fundamentali żgurat mill-imsemmija Karta ma jistax ikun eżaminat indipendentement mill-kwistjoni tal-ksur ta’ dawn il-libertajiet.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


3      It-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l‑Irlanda, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal‑Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tal‑Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir‑Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir‑Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, li jikkonċerna l-adeżjoni tar‑Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar‑Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 17).


4      Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal‑Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat‑trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33).


5      Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/792/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li testendi l‑perjodu tranżitorju li jikkonċerna l-akkwist ta’ art agrikola fl-Ungerija (ĠU 2010, L 336, p. 60).


6      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1999, Andersson u Wåkerås‑Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punt 31), u tal-10 ta’ Jannar 2006, Ynos (C‑302/04, EU:C:2006:9, punt 36).


7      Ara l-punti 18 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


8      Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara l-punti 9 sa 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Ara l-punti 90 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


11      Ara b’mod partikolari s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Ara b’mod partikolari s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 32 u 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara s-sentenza tas-6 ta’ Novembru 1984, Fearon (182/83, EU:C:1984:335, punt 9). Din is-sentenza tirrigwarda kumpannija Irlandiża, ikkostitwita minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra, u li kienet is-suġġett ta’ miżura ta’ esproprjazzjoni għaliex dawn tal-aħħar naqsu milli josservaw il-kundizzjoni ta’ residenza fuq l-art agrikola. Jiena nikkunsidra madankollu li s-soluzzjoni adottata f’dan ir-rigward f’dik is-sentenza ġiet mibdula fil‑ġurisprudenza iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja.


15      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, EU:C:2002:135, punti 28 sa 31); tat‑23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 24); tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C‑370/05, EU:C:2007:59, punti 22 sa 24), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 20).


16      Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, EU:C:2002:135, punt 29); tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 22) kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 20).


17      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10.


18      Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, EU:C:2002:135, punt 30); tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 23), kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C‑567/07, EU:C:2009:593, punt 20).


19      Ara l-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, EU:C:2002:135), kienet tirrigwarda sistema li tawtorizza l-akkwist ta’ beni immobbli meta l-akkwirent kien jintrabat li jistabbilixxi fiha r-residenza prinċipali tiegħu jew attività professjonali (ara l-punt 6 ta’ din is-sentenza). Is-sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C‑370/05, EU:C:2007:59) kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-annullament tal-akkwist ta’ art agrikola minn persuna fiżika għaliex din il-persuna ma tistax tistabilixxi r-residenza tagħha fuq din il-proprjetà.


21      Is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Woningstichting Sint Servatius (C-567/07, EU:C:2009:593), tirrigwarda r-rifjut li jiġu awtorizzati investimenti immobbli fil‑Belġju minn fondazzjoni stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi li tixtieq tuża l-proprjetà inkwistjoni bl-intervent ta’ kumpanniji kummerċjali Belġjani (ara l-punti 12 sa 14 kif ukoll 23 sa 24 ta’ din is-sentenza).


22      Ara l-punti 8, 18 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 1984, Fearon (182/83, EU:C:1984:335, punt 7); tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 39); tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 24), kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2013, Essent et (C‑105/12 sa C‑107/12, EU:C:2013:677, punti 29 u 36).


25      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 1999, Sandoz (C‑439/97, EU:C:1999:499, punt 31); tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑334/02, EU:C:2004:129, punti 24 u 25), kif ukoll tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C‑446/04, EU:C:2006:774, punti 64 u 65).


26      Ara l-punti 115 sa 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


27      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ residenza, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 1997, Meints (C‑57/96, EU:C:1997:564, punti 45 u 46); tal-24 ta’ Settembru 1998, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑35/97, EU:C:1998:431, punt 39); tal-11 ta’ Settembru 2008, Petersen (C‑228/07, EU:C:2008:494, punti 54 u 55), kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑206/10, EU:C:2011:283, punti 37 u 38). Tali effett kien irrikonoxxut lil kriterji oħra, b’mod partikolari fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1979, Palermo Toia (237/78, EU:C:1979:197, punti 12 sa 14), li kienet tirrigwarda dispożizzjoni li tissuġġetta l-għoti ta’ allowance lill-ommijiet fuq in-nazzjonalità tat-tfal tal-omm benefiċjarja; fis-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 1996, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑278/94, EU:C:1996:321, punti 28 sa 30) u tal-25 ta’ Ottubru 2012, Prete (C‑367/11, EU:C:2012:668, punti 29 sa 31), li kienu jirrigwardaw rekwiżiti li jeħtieġu li tkun studjajt fl-Istat Membru kkonċernat; jew anki s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten (C‑464/05, EU:C:2007:631, punti 21 u 22), li kienet tirrigwarda kundizzjoni ta’ xogħol ta’ ċertu numru ta’ ħaddiema fl-Istat Membru kkonċernat.


28      Fi kliem ieħor, l-argument tal-Gvern Ungeriż għandu jiġi miċħud għaliex huwa bbażat fuq valuri assoluti (li jirrigwardaw biss il-kompożizzjoni tal-grupp ta’ persuni affettwati), filwaqt li l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni indiretta għandha tkun ibbażata fuq valuri relattivi (li jipparagunaw il-proporzjon ta’ persuni affettwati kemm fost iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra kif ukoll fost iċ-ċittadini Ungeriżi).


29      Fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher (C‑213/04, EU:C:2005:731, punti 54 et seq). Fil‑qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1989, Messner (C‑265/88, EU:C:1989:632, punt 14), u tat‑30 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑24/97, EU:C:1998:184, punt 14). Fil-qasam tal-moviment liberu tal-merkanzija, ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Grilli (C‑12/02, EU:C:2003:538, punt 49). Fil‑qasam tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, Konstantinides (C‑475/11, EU:C:2013:542, punti 52 u 57). Fil-qasam tal-libertà ta’ stabbiliment, ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Frar 1996, Skanavi u Chryssanthakopoulos (C‑193/94, EU:C:1996:70, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597, punt 72).


30      Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż jirriżulta li l-għoti ta’ awtorizzazzjoni mill‑Bank Nazzjonali tal-Ungerija kien meħtieġ sal-1 ta’ Jannar 2002. Imbagħad, l‑Artikolu 108(1) tal-Liġi tal-2013 dwar il-miżuri tranżitorji jipprovdi li d-drittijiet ta’ użufrutt jew ta’ użu kontenzjużi jispiċċaw ipso jure fl-1 ta’ Mejju 2014.


31      Sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005 (C‑213/04, EU:C:2005:731). Skont il‑leġiżlazzjoni Awstrijaka inkwistjoni f’din il-kawża, l-akkwirent ta’ beni immobbli kellu jipprovdi f’ċertu terminu dikjarazzjoni li l-art ġiet mibnija, li l‑akkwist ma sarx sabiex tiġi stabbilita residenza għal vaganza u li huwa ċittadin Awstrijak jew għandu jibbenefika mill-istess trattament bħal ċittadin Awstrijak (punti 6 u 25).


32      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 51); tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 72), kif ukoll tal-1 ta’ April 2014, Felixstowe Dock and Railway Company et (C‑80/12, EU:C:2014:200, punt 31).


33      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 50); tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punti 73 u 79), kif ukoll tad-19 ta’ Novembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L-Italja (C‑540/07, EU:C:2009:717, punt 58).


34      Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C‑182/08, EU:C:2009:559, punt 99).


35      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 1984, Fearon (182/83, EU:C:1984:335, punti 3 u 10); tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punti 38 sa 40), kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C‑370/05, EU:C:2007:59, punti 27 u 28).


36      Sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C‑515/99, C‑519/99 sa C‑524/99 u C‑526/99 sa C‑540/99, EU:C:2002:135, punt 33); tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal-1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher (C‑213/04, EU:C:2005:731, punt 44 u l‑ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2007, Festersen (C‑370/05, EU:C:2007:59, punt 26).


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten (C‑464/05, EU:C:2007:631, punti 22 sa 24).


38      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 17), u tas-6 ta’ Ottubru 2016, Paoletti et (C‑218/15, EU:C:2016:748, punt 13).


39      Ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 32), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


40      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21).


41      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 27).


42      Sentenza tat-30 ta’ April 2014 (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 36).


43      Dawn iż-żewġ każijiet huma eżaminati b’mod konġunt taħt it-titolu “The derogation situation” f’Lenaerts, K. “Exploring the limits of the EU Charter of Fundamental Rights”, European Constitutional Law Review, 2012, p. 383 sa 386.


44      Sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003 (C‑112/00, EU:C:2003:333). F’din il-kawża, il‑Gvern Awstrijak kien invoka, sabiex jiġġustifika restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija li tirriżulta minn dimostrazzjoni li wasslet sabiex triq importanti tingħalaq, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tad-dimostranti fil‑qasam tal-libertà tal-espressjoni u tal-libertà ta’ għaqda (ara l-punti 17 kif ukoll 69 et seq ta’ din is-sentenza). Ara, ukoll, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, imsejħa “Viking” (C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 45 u 46).


45      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991 (C‑260/89, EU:C:1991:254). Din il-kawża kienet tikkonċerna b’mod partikolari n-natura potenzjalment diskriminatorja tal-kumulu, minn ERT, tad-dritt esklużiv li xxandar programmi tagħha stess u tad-dritt esklużiv li taqbad u titrażmetti mill-ġdid programmi li joriġinaw minn Stati Membri oħra (ara l-punti 21 sa 23 ta’ din is-sentenza). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw derogi previsti mit-Trattat għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika ħlief sa fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tkun konformi mad-drittijiet fundamentali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni (ara l-punti 43 sa 45 ta’ din is-sentenza). Ara wkoll is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1997, Familiapress (C‑368/95, EU:C:1997:325, punti 24 sa 27), kif ukoll tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 35 u 36).


46      F’dan ir-rigward nippreċiża li ma jidhirlix li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li l‑miżuri nazzjonali inkwistjoni f’dawn il-kawżi “jimplementaw” id-Direttiva 88/361 għaż-żewġ raġunijiet segwenti. Minn naħa, din id-direttiva, li l-għan tagħha kien li timplementa l-Artikolu 67 KE, saret inutili wara t-tħassir ta’ dan l-artikolu mit-Trattat ta’ Amsterdam, u dan minkejja l-valur illustrattiv irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Anness I tagħha: ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Min-naħa l-oħra, l-obbligu miksur mill-miżuri nazzjonali inkwistjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE, bl-imsemmi Anness I sempliċement jistabbilixxi elenku mhux eżawrjenti tal-movimenti tal-kapital.


47      Ara l-punti 88 sa 118 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


48      Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


49      Sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 281 sa 327), kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 65 sa 69).


50      Sentenza tas-26 ta’ Frar 2013 (C‑617/10, EU:C:2013:105).


51      Sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991 (C‑260/89, EU:C:1991:254).


52      Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1993 (C‑267/91 u C‑268/91, EU:C:1993:905).


53      Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1981, Oebel (155/80, EU:C:1981:177).


54      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014 (C‑483/12, EU:C:2014:304, punti 24 sa 26). Din is-sentenza kienet tikkonċerna leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi jum ta’ għeluq fil-ġimgħa għan-negozjanti. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 1991, Society for Protection of Unborn Children Ireland, imsejħa “Grogan” (C‑159/90, EU:C:1991:378, punti 30 u 31).


55      Sentenza tat-30 ta’ April 2014 (C‑390/12, EU:C:2014:281). Dan l-istess approċċ kien imbagħad segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et (C‑98/14, EU:C:2015:386, punti 89 sa 91).


56      Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja kkuntentat ruħha illi tirrileva, fi tmiem l-analiżi tagħha, li restrizzjoni mhux iġġustifikata jew sproporzjonata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fir-rigward tal-Artikolu 56 TFUE lanqas ma hija ammissibbli skont l‑imsemmi Artikolu 52(1), meta mqabbla mal-Artikoli 15 sa 17 tal-Karta, b’tali mod li f’dan ir-rigward ma huwiex neċessarju eżami separat. Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 59 u 60).