Language of document : ECLI:EU:C:2016:527

Kawża C‑476/14

Citroën Commerce GmbH

vs

Zentralvereinigung des Kraffahrzeuggewerbes zur Aufrechterhaltung lauteren Wettbewerbs eV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttivi 98/6/KE u 2005/29/KE — Protezzjoni tal-konsumaturi — Reklamar b’indikazzjoni tal-prezz — Kunċetti ta’ ‘offerta’ u ta’ ‘prezz inklużi t-taxxi’ — Obbligu li jiġu inklużi fil-prezz tal-bejgħ tal-vettura bil-mutur l-ispejjeż supplimentari obbligatorji marbuta mat-trasferiment ta’ din il-vettura”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-7 ta’ Lulju 2015

1.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi – Direttiva 98/6 – Reklamar b’indikazzjoni tal-prezz – Prezz tal-bejgħ – Kunċett – Obbligu li jiġi inkluz fil-prezz tal-bejgħ ta’ vettura bil-mutur l-ispejjeż supplimentari obbligatorji marbuta mat-trasferiment ta’ din il-vettura

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/6, Artikoli 1(2)(a) u 3(4))

2.        Protezzjoni tal-konsumaturi – Prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi – Direttiva 2005/29 – Kamp ta’ applikazzjoni – Reklamar b’indikazzjoni tal-prezz – Esklużjoni – Applikazzjoni tad-Direttiva 98/6/KE

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/6, Artikolu 3(4) u 2005/29, Artikolu 3(4))

1.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/6, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi, moqri flimkien mal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(a) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż għat-trasferiment ta’ vettura mill-manifattur lill-bejjiegħ, li huma dovuti mill-konsumatur, għandhom jiġu inklużi fil-prezz tal-bejgħ ta’ din il-vettura bil-mutur muri f’reklamar magħmul minn negozjant meta, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha ta’ dan ir-reklamar, huwa jirreferi, fl-għajnejn tal-konsumatur, għal offerta li tirrigwarda l-istess vettura. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il‑kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 98/6 ma jipprevedix obbligu ġenerali li jkun indikat il-prezz tal-bejgħ, madankollu, reklamar li jsemmi kemm l-ispeċifiċitajiet tal-prodott promoss kif ukoll prezz li jixbah, f’għajnejn konsumatur normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, il-prezz tal-bejgħ ta’ dan il-prodott, kif ukoll data sa meta l-offerta magħmula fir-rigward ta’ individwi tibqa’ valida, jista’ jitqies, minn tali konsumatur, bħala li juri offerta tan-negozjant sabiex ibigħ l-imsemmi prodott għall-kundizzjonijiet imsemmija f’dan ir-reklamar. F’tali każ, il-prezz indikat għandu josserva r-rekwiżiti tad-Direttiva 98/6. B’mod partikolari, dan il-prezz għandu jkun il-prezz tal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat, jiġifieri l-prezz finali tiegħu, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija direttivava. Bħala prezz finali, il-prezz tal-bejgħ għandu neċessarjament jinkludi l-elementi inevitabbli u prevedibbli tal-prezzijiet, l-elementi li huma neċessarjament imħallsa mill-konsumatur u li jikkostitwixxu l-korrispettiv finanzjarju għall-akkwist tal-prodott ikkonċernat. Konsegwentement, jekk in-negozjant li jbigħ il-prodott jirrikjedi li l-konsumatur ibati l-ispejjeż għat-trasferiment ta’ dan il-prodott mill-manifattur għal dan in-negozjant-bejjiegħ, bil-konsegwenza li dawn l-ispejjeż, barra minn hekk invarjabbli, huma neċessarjament dovuti mill-konsumatur, l-imsemmija spejjeż jikkostitwixxu element tal-prezz tal-bejgħ, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 98/6.

(ara l-punti 30, 31, 37, 38, 47 u d-dispożittiv)

2.        Id-Direttiva 98/6, dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi, tirregola aspetti speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern, ta’ prattiki kummerċjali li jistgħu jiġu deskritti bħala inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozjanti u l-konsumaturi, jiġifieri b’mod partikolari dawk relatati mal-indikazzjoni, fl-offerti tal-bejgħ u fir-reklamar, tal-prezz tal-bejgħ tal-prodotti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-aspett relatat mal-prezz tal-bejgħ imsemmi f’reklamar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa rregolat mid-Direttiva 98/6, id-Direttiva 2005/29 ma tistax tapplika fir-rigward ta’ dan l-aspett.

(ara l-punti 44, 45)