Language of document : ECLI:EU:C:2017:127

Kawża C578/16 PPU

C. K. et

vs

Republika Slovenija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Sistema ta’ Dublin – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Trattamenti inumani jew degradanti – Trasferiment ta’ applikant għall-ażil marid b’mod gravi lejn l-Istat responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni tiegħu – Assenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi kkonfermati f’dan l-Istat Membru – Obbligi imposti fuq l-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2017

1.        Domandi preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Applikanti għall-ażil li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom – Trasferiment li għandu effett sfavorevoli fuq l-istat ta’ saħħa ta’ wieħed mill-applikanti

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23a; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 107)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri – Possibbiltà li tiġi eżaminata applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li taqa’ fuq Stat Membru ieħor – Deċiżjoni li tikkonsisti f’implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li timplika l-interpretazzjoni tiegħu

(Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 51(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 17(1))

3.        Drittijiet fundamentali – Projbizzjoni ta’ tortura jew ta’ pieni jew trattamenti inumani jew degradanti – Portata – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Kriterji u mekkaniżmi ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament Nru 604/2013 – Assenza ta’ difetti sistemiċi tal-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti fi Stat Membru – Trasferiment ta’ applikant għall-ażil marid b’mod gravi lejn dan l-Istat – Portata tal-obbligi tal-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment – Obbligu, f’każ ta’ impossibbiltà ta’ trasferiment, li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni għall-ażil – Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 4; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 17(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47-51)

2.      L‑Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kwistjoni tal-applikazzjoni, minn Stat Membru, tal-“klawżola diskrezzjonali” prevista f’din id-dispożizzjoni ma taqax unikament taħt id-dritt nazzjonali u taħt l-interpretazzjoni li tagħtiha l-qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, iżda tikkostitwixxi kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

(ara l-punt 54 u d-dispożittiv 1)

3.      L‑Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        anki fl-assenza ta’ raġunijiet serji sabiex jitwemmen li jeżistu difetti sistemiċi fl-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil, it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil fil-kuntest tar-Regolament Nru 604/2013 jista’ jseħħ biss f’kundizzjonijiet li jeskludu li dan it-trasferiment iwassal għal riskju reali u kkonfermat li l-persuna kkonċernata tissubixxi trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

–        f’ċirkustanzi li fihom it-trasferiment ta’ applikant għall-ażil, li jkollu kundizzjoni mentali jew fiżika partikolarment gravi, iwassal għal riskju reali u kkonfermat ta’ deterjorament sinjifikattiv u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, dan it-trasferiment jikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, fis-sens ta’ dan l-artikolu;

–        huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru li għandu jipproċedi bit-trasferiment u, jekk ikun il-każ, il-qrati tiegħu, li għandhom jeliminaw kwalunkwe dubju serju dwar l-impatt tat-trasferiment fuq l-istat ta’ saħħa tal-persuna kkonċernata, billi jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji sabiex it-trasferiment tagħha jseħħ f’kundizzjonijiet li jippermettu li jitħares b’mod xieraq u suffiċjenti l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna. Fl-ipoteżi fejn, fid-dawl tal-gravità partikolari tal-kundizzjoni tal-applikant għall-ażil ikkonċernat, it-teħid ta’ dawn il-prekawzjonijiet ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi żgurat li t-trasferiment tiegħu ma jwassalx għal riskju reali ta’ aggravazzjoni sinjifikattiva u rrimedjabbli tal-istat ta’ saħħa tiegħu, huma l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat li għandhom jissospendu l-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata, u dan għal tant żmien li l-istat tagħha ma jagħmilhiex kapaċi għal tali trasferiment, u

–        jekk ikun il-każ, jekk huwa għaraf li l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat mhux ser jitjieb fi żmien qasir, jew li s-sospensjoni matul tul twil tal-proċedura tirriskja li tiggrava l-istat tal-persuna kkonċernata, l-Istat Membru rikorrent jista’ jagħżel li jeżamina huwa stess l-applikazzjoni tagħha billi jagħmel użu mill-“klawżola diskrezzjonali” prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

L‑Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi interpretat bħala li jobbliga, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan l-Istat Membru sabiex japplika din il-klawżola.

Fi kwalunkwe każ, fl-ipoteżi fejn l-istat ta’ saħħa tal-applikant għall-ażil ikkonċernat ma kienx jippermetti lill-Istat Membru rikorrent li jipproċedi bit-trasferiment tiegħu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, l-Istat Membru responsabbli jkun illiberat mill-obbligu tiegħu li jieħu inkarigu tal-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għalhekk tiġi ttrasferita lill-ewwel Stat Membru, konformement mal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

(ara l-punti 89, 96, 97 u d-dispożittiv 2)