Language of document : ECLI:EU:C:2017:203

Kawża C‑157/15

Samira AchbitauCentrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding

vs

G4S Secure Solutions NV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hof van Cassatie)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regolamenti interni ta’ impriża li jipprojbixxu lill-ħaddiema milli jilbsu simboli viżibbli ta’ natura politika, filosofika jew reliġjuża fuq il-post tax-xogħol – Diskriminazzjoni diretta – Assenza – Diskriminazzjoni indiretta – Projbizzjoni fuq ħaddiema milli tilbes velu Iżlamiku”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Marzu 2017

1.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Kunċett ta’ reliġjon – Portata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10(1) u 52(3); Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 1)

2.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol – Projbizzjoni tal-ilbies ta’ velu Iżlamiku – Assenza ta’ diskriminazzjoni diretta – Eżistenza tal-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni indiretta – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-fatt li jiġi segwit għan leġittimu – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Verifika mill-qorti nazzjonali

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 16; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 2(2)(a) u (b))

1.      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “reliġjon”, li jinsab fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, għandu jiġi osservat li din id-direttiva ma tinkludix definizzjoni tal-imsemmi kunċett.

Madankollu, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera, fil-premessa 1 tad-Direttiva 2000/78, għad-drittijiet fundamentali kif huma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), li tipprevedi, fl-Artikolu 9 tagħha, li kull persuna għandha dritt għal-libertà ta’ ħsieb, ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, u dan id-dritt jimplika, b’mod partikolari, il-libertà li wieħed jimmanifesta r-reliġjon tiegħu jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti.

Fl-istess premessa, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrefera wkoll għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, inkwantu prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Fost id-drittijiet li jirriżultaw minn dawn it-tradizzjonijiet komuni u li ġew affermati mill-ġdid fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), hemm id-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta. Skont din id-dispożizzjoni, dan id-dritt jimplika l-libertà li wieħed ibiddel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, kif ukoll il-libertà li jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu individwalment jew kollettivament, fil-pubbliku jew fil-privat, fil-qima, fit-tagħlim, fil-prattika u fl-osservanza tar-riti. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), id-dritt iggarantit fl-Artikolu 10(1) ta’ din jikkorrispondi mad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-KEDB u, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, huwa għandu l-istess sens u l-istess portata bħal dan.

Sa fejn il-KEDB u, sussegwentement, il-Karta jagħtu sens wiesa’ tal-kunċett ta’ “reliġjon”, inkwantu huma jinkludu f’dan il-kunċett il-libertà tal-persuni li jimmanifestaw ir-reliġjon tagħhom, għandu jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried iżomm l-istess approċċ fl-adozzjoni tad-Direttiva 2000/78, b’tali mod li l-kunċett ta’ “reliġjon” li jinsab fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm il-forum internum, jiġifieri li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll il-forum externum, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża.

(ara l-punti 25-28)

2.      L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni tal-ilbies ta’ velu Iżlamiku, li tirriżulta minn regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol, ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta bbażata fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin fis-sens ta’ din id-direttiva.

F’dan il-każ, ir-regola interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi għall-ilbies ta’ simboli viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż u tkopri għaldaqstant mingħajr distinzjoni kwalunkwe manifestazzjoni ta’ tali twemmin. L-imsemmija regola għandha, għaldaqstant, titqies li tittratta b’mod identiku l-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponi fuqhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, b’mod partikolari newtralità fl-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli.

Min-naħa l-oħra, tali regola interna ta’ impriża privata tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jekk jiġi stabbilit li l-obbligu apparentament newtrali li hija tipprevedi jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni affiljati ma’ reliġjon jew twemmin speċifiku, sakemm ma tkunx iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, bħall-fatt li l-persuna li timpjega ssegwi, fir-relazzjonijiet tagħha mal-klijenti tagħha, politika ta’ newtralità politika, filosofika kif ukoll reliġjuża, u sakemm il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ għan leġittimu, għandu jiġi osservat li l-volontà li tintwera, fir-relazzjonijiet mal-klijenti kemm pubbliċi kif ukoll privati, politika ta’ newtralità politika, filosofika jew reliġjuża għandha titqies bħala leġittima.

Fil-fatt, ix-xewqa ta’ persuna li timpjega li turi immaġni ta’ newtralità fil-konfront tal-klijenti, hija relatata mal-libertà tal-intrapriża, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, u hija, fil-prinċipju, ta’ natura leġittima, b’mod partikolari meta l-persuna li timpjega, sabiex jintlaħaq dan l-għan, tinvolvi biss il-ħaddiema li huma mistennija jidħlu f’kuntatt mal-klijenti tal-persuna li timpjega.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-natura xierqa ta’ regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li l-ħaddiema jiġu pprojbiti milli jilbsu b’mod viżibbli simboli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż huwa xieraq sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta ta’ politika ta’ newtralità, sakemm din il-politika tkun ġenwinament segwita b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer, C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55, u tat-12 ta’ Jannar 2010, Petersen, C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 53).

Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-natura neċessarja tal-projbizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi vverifikat jekk din il-projbizzjoni hijiex limitata għal dak li huwa strettament neċessarju. F’dan il-każ, għandu jiġi vverifikat jekk il-projbizzjoni tal-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe simbolu jew ħwejjeġ li għandhom mnejn jiġu assoċjati ma’ twemmin reliġjuż jew ma’ twemmin politiku jew filosofiku hijiex intiża biss għall-ħaddiema ta’ G4S li huma f’kuntatt mal-klijenti. Jekk dan huwa l-każ, l-imsemmija projbizzjoni għandha titqies bħala strettament neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

F’dan il-każ, fir-rigward tar-rifjut ta’ ħaddiema bħal S. Achbita li tirrinunzja li tilbes il-velu Iżlamiku fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħha għand il-klijenti ta’ G4S, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni restrizzjonijiet inerenti fl-impriża, u mingħajr ma din ikollha ġġorr piż supplimentari, kienx ikun possibbli għal G4S, quddiem tali rifjut, li tipproponielha pożizzjoni ta’ xogħol li ma timplikax kuntatt viżiv ma’ dawn il-klijenti, minflok ma tkeċċiha. Hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi tal-proċess kollha, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi preżenti u li tillimita r-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet inkwistjoni għal dak li huwa strettament neċessarju.

(ara l-punti 30, 37, 38, 40, 42-44 u d-dispożittiv)