Language of document : ECLI:EU:C:2017:457

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) – Direttiva 2008/52/KE – Direttiva 2013/11/UE – Artikolu 3(2) – Oppożizzjoni magħmula minn konsumaturi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas ippreżentata minn stabbiliment ta’ kreditu – Dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu obbligatorju ta’ proċedura ta’ medjazzjoni – Obbligu ta’ assistenza minn avukat – Rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja”

Fil-Kawża C‑75/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale Ordinario di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Frar 2016, fil-proċedura

Livio Menini,

Maria Antonia Rampanelli

vs

Banco Popolare Società Cooperativa,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Novembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann u T. Henze, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u C. Valero kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Frar 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2013/11/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Mejju 2013, dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 63), u d-Direttiva 2008/52/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑21 ta’ Mejju 2008, dwar ċerti aspetti ta’ medjazzjoni f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2008, L 136, p. 3).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Livio Menini u Maria Antonia Rampanelli, minn naħa, u Banco Popolare Società Cooperativa, min-naħa l-oħra, dwar il-pagament tal-bilanċ tad-debitu ta’ kont kurrenti li L. Menini u M. A. Rampanelli huma detenturi tiegħu mal-Banco Popolare, wara ftuħ ta’ kreditu li ngħatalhom minn dan tal-aħħar.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/52

3        Il-premessi 8 u 13 tad-Direttiva 2008/52 jistabbilixxu:

“(8)      Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-medjazzjoni f’disputi transkonfinali, iżda xejn m’għandu jimpedixxi lill-Istati Membri milli japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawn għal proċessi ta’ medjazzjoni interni wkoll.

[…]

(13)      Il-medjazzjoni prevista f’din id-Direttiva għandha tkun proċess volontarju fis-sens li l-partijiet stess ikunu responsabbli għall-proċess u jistgħu jorganizzawh kif jixtiequ u jtemmuh fi kwalunkwe ħin. […]”

4        Konformement mal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-objettiv ta’ din id-Direttiva huwa li tiffaċilita l-aċċess għar-riżoluzzjoni alternattiva ta’ disputi u li tippromwovi r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ disputi billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ medjazzjoni u billi tiżgura relazzjoni bilanċjata bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti ġudizzjarji.

2.      Din id-Direttiva għandha tapplika, f’disputi transkonfinali, għal materji ċivili u kummerċjali ħlief fir-rigward ta’ tali drittijiet u obbligi li mhumiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet taħt il-liġi applikabbli rilevanti. Hija m’għandhiex testendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (‘acta iure imperii’).

[…]”

5        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, disputa transkonfinali għandha tkun waħda li fiha almenu wieħed mill-partijiet ikun domiċiljat jew resident abitwali fi Stat Membru li m’huwiex dak ta’ kwalunkwe parti oħra fid-data li fiha:

(a)      il-partijiet jaqblu li jużaw il-medjazzjoni wara li tirriżulta d-disputa,

(b)      il-medjazzjoni tiġi ordnata minn qorti,

(ċ)      jirriżulta obbligu biex tintuża l-medjazzjoni taħt il-liġi nazzjonali, jew

(d)      għall-finijiet ta’ l-Artikolu 5, issir stedina lill-partijiet.”

6        L-Artikolu 3(a) tal-istess direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “medjazzjoni” bħala proċess strutturat, irrispettivament minn kif inhu msemmi jew minn kif issir referenza għalih, li permezz tiegħu żewġ partijiet jew iktar f’disputa jippruvaw, bejniethom fuq bażi volontarja jilħqu ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tad-disputa tagħhom bl-assistenza ta’ medjatur. Dan il-proċess jista’ jinbeda mill-partijiet jew jiġi ssuġġerit jew ordnat minn qorti jew ikun preskritt mil-liġi ta’ Stat Membru.

7        L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52 jipprevedi:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali li tagħmel l-użu tal-medjazzjoni obbligatorja jew suġġetta għal inċentivi jew sanzjonijiet, kemm jekk qabel kif ukoll jekk wara li jkunu bdew proċedimenti ġudizzjarji, sakemm tali liġi ma timpedixxix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.”

 Id-Direttiva 2013/11

8        Skont il-premessi 16, 19 u 45 tad-Direttiva 2013/11:

“(16)      […] Din id-Direttiva għandha tapplika għal ilmenti mressqa minn konsumaturi kontra negozjanti. Hija ma għandhiex tapplika għal ilmenti mressqa minn negozjanti kontra konsumaturi jew għal tilwim bejn negozjanti. Madankollu, ma għandhiex timpedixxi lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet dwar proċeduri għas-soluzzjoni barra mill-qrati ta’ tali tilwim.”

[…]

(19)      Ċerti atti legali eżistenti tal-Unjoni diġà fihom dispożizzjonijiet dwar [is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR)]. Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, għandu jiġi previst li f’każijiet ta’ kunflitt għandha tipprevali din id-Direttiva, ħlief fejn hu espliċitament previst mod ieħor. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva [2008/52], li diġà tistabbilixxi qafas għal sistemi ta’ medjazzjoni fil-livell tal-Unjoni għal tilwim transkonfinali, mingħajr ma tipprojbixxi l-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva għal sistemi interni ta’ medjazzjoni. Din id-Direttiva hi intiża biex tapplika orizzontalment għat-tipi kollha ta’ proċeduri tal-ADR, inkluż għal proċeduri tal-ADR koperti bid-Direttiva [2008/52].

[…]

(45)      Id-dritt għal rimedju effettiv u d-dritt għal proċess ġust quddiem il-qorti huma drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-proċeduri tal-ADR ma għandhomx jitfasslu biex jissostitwixxu l-proċeduri ġudizzjarji u ma għandhomx iċaħħdu lill-konsumaturi jew lin-negozjanti mid-drittijiet tagħhom li jfittxu rimedju fil-qrati. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprojbixxi lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess tagħhom għas-sistema ġudizzjarja. F’każijiet fejn tilwim ma jkunx jista’ jiġi solvut permezz ta’ proċedura speċifika tal-ADR li l-eżitu tagħha ma jkunx vinkolanti, il-partijiet għandhom sussegwentement ma jinżammux milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward ta’ dak it-tilwim. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi jagħżlu l-mezzi adatti biex jiksbu dan l-objettiv. Huma għandu jkollhom il-possibbiltà li jipprevedu, fost l-oħrajn, li l-perijodi ta’ limitazzjoni jew ta’ preskrizzjoni ma jiskadux matul proċedura tal-ADR”.

9        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur, tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi tiżgura li l-konsumaturi jkunu jistgħu, fuq bażi volontarja, jippreżentaw ilmenti kontra negozjanti lil entitajiet li joffru proċeduri indipendenti, imparzjali, trasparenti, effettivi, rapidi u ġusti, ta’ [ADR]. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-leġizlazzjoni nazzjonali li tagħmel il-parteċipazzjoni f’tali miżuri mandatorja, bil-kondizzjoni li tali leġizlazzjoni ma tostakolax lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.”

10      L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Ħlief fejn previst mod ieħor f’din id-Direttiva, jekk kwalunkwe dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun f’konflitt ma’ dispożizzjoni mniżżla f’att legali ieħor tal-Unjoni u fir-rigward ta’ proċeduri ta’ rimedju barra l-qorti mibdija minn konsumatur kontra negozjant, id-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tingħata preċedenza.

2.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/52/KE.

[…]”

11      L-Artikolu 4 tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘konsumatur’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li ma għandhomx x’jaqsmu mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tiegħu;

(b)      ‘negozjant’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew persuna ġuridika, irrispettivament minn jekk tkunx ta’ pussess privat jew pubbliku, li taġixxi, inkluż permezz ta’ persuna li taġixxi f’ismu jew għalih, għal skopijiet relatati mal-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tiegħu;

(c)      ‘kuntratt ta’ bejgħ’ tfisser kwalunkwe kuntratt li permezz tiegħu n-negozjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi l-proprjetà ta’ oġġetti lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala s-suġġett tiegħu kemm oġġetti kif ukoll servizzi;

(d)      ‘kuntratt ta’ servizz’ tfisser kwalunkwe kuntratt li mhuwiex kuntratt ta’ bejgħ li abbażi tiegħu n-negozjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz lill-konsumatur u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz ta’ dan;

(e)      ‘tilwima domestika’ tfisser tilwima kuntrattwali li tinqala’ minn kuntratt ta’ bejgħ jew servizz fejn, meta l-konsumatur jordna tali oġġetti jew servizzi, il-konsumatur ikun residenti fl-istess Stat Membru bħal dak fejn ikun stabbilit in-negozjant;

(f)      ‘tilwima transkonfinali’ tfisser tilwima kuntrattwali li tinqala’ minn kuntratt ta’ bejgħ jew servizz fejn, meta l-konsumatur jordna tali oġġetti jew servizzi, il-konsumatur ikun residenti fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru fejn ikun stabbilit in-negozjant;

(g)      ‘proċedura tal-ADR’ tfisser proċedura, skont l-Artikolu 2 li tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva u li titwettaq minn entità tal-ADR;

h)      ‘entità tal-ADR’ tfisser kwalunkwe entità, irrispettivament minn kif inhi msemmija jew minn kif issir referenza għaliha, li hija stabbilita fuq bażi li tibqa’ fit-tul u toffri s-soluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ proċedura tal-ADR u li hi elenkata f’konformità mal-Artikolu 20(2);

i)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità pubblika maħtura minn Stat Membru għall-għanijiet ta’ din id-direttva u stabbilita f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

2.      Negozjant huwa stabbilit:

–        jekk in-negozjant huwa persuna fiżika, fejn ikollu n-negozju tiegħu;

–        jekk in-negozjant huwa kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, fejn ikollu s-sede statutorja tiegħu, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post tan-negozju tiegħu, inkluż fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor.

3.      Entità tal-ADR hija stabbilita:

–        jekk titħaddem minn persuna fiżika, fil-post fejn twettaq attivitajiet ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim;

–        jekk titħaddem minn persuna ġuridika jew assoċjazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, fil-post fejn dik il-persuna ġuridika jew l-assoċjazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi twettaq attivitajiet ta’ ADR, jew l-assenza ta’ dak, fejn għandha s-sede statutorja tagħha;

–        jekk titħaddem minn awtorità jew korp pubbliku ieħor, fejn dik l-awtorità jew korp pubbliku ieħor ikollha s-sede tagħha.”

12      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2013/11 huwa redatt b’dan il-mod:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri tal-ADR ikunu effettivi u jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)      il-proċedura tal-ADR tkun disponibbli u aċċessibbli faċilment online u offline għaż-żewġ partijiet irrispettivament mill-post fejn jinsabu;

(b)      il-partijiet ikollhom aċċess għall-proċedura mingħajr ma jkunu obbligati jżommu avukat jew konsulent legali iżda l-proċedura m’għandhiex iċċaħħad lill-partijiet mill-jedd għal parir indipendenti jew li jiġu rrappreżentati jew megħjuna minn parti terza fi kwalunkwe stadju tal-proċedura;

(c)      il-proċedura tal-ADR tkun bla ħlas jew disponibbli bi ħlas nominali għall-konsumaturi;

[…]”

13      Konformement mal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-proċeduri tal-ADR:

[…]

b)      il-partijiet ikunu mgħarrfa li mhumiex obbligati jżommu avukat jew konsulent legali, iżda jistgħu jfittxu parir indipendenti jew ikunu rrappreżentati jew megħjuna minn parti terza fi kwalunkwe stadju tal-proċedura;

[…]

2.      Fil-proċeduri tal-ADR li għandhom l-għan li jsolvu t-tilwim billi jipproponu soluzzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

a)      il-partijiet għandhom il-possibbiltà li jirtiraw mill-proċedura fi kwalunkwe stadju jekk ma jkunux sodisfatti bil-prestazzjoni jew bl-operat tal-proċedura. Huma għandhom jiġu infurmati dwar dan id-dritt qabel ma tibda l-proċedura. Meta r-regoli nazzjonali jipprevedu l-parteċipazzjoni obbligatorja tan-negozjant fil-proċeduri tal-ADR, dan il-punt għandu japplika biss għall-konsumatur;

[…]

3.      Fejn, f’konformità mal-liġi nazzjonali, il-proċeduri tal-ADR jipprovdu li l-eżitu jsir vinkolanti fuq in-negozjant ladarba l-konsumatur ikun aċċetta s-soluzzjoni proposta, l-Artikolu 9(2) għandu jinftiehem li japplika biss għall-konsumatur.”

14      L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li, f’tentattiv li jsolvu tilwima, jirrikorru għall-proċeduri ta’ ADR li l-eżitu tagħhom ma jkunx vinkolanti, sussegwentement ma jiġux imċaħħda milli jibdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward ta’ dik it-tilwima bħala riżultat tal-iskadenza tal-perijodi ta’ limitazzjoni jew ta’ preskrizzjoni matul il-proċedura tal-ADR.

2.      Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar il-limitazzjoni jew il-preskrizzjoni inklużi fi ftehimiet internazzjonali li l-Istati Membri huma parti għalihom.”

 Id-dritt Taljan

15      L-Artikolu 4(3) tad-decreto legislativo n. 28 Attuazione dell’articolo 60 della legge 18 giugno 2009, n. 69, in materia di mediazione finalizzata alla conciliazione delle controversie civili e commerciali (Digriet Leġiżlattiv Nru 28 intiż għall-implementazzjoni tal-Artikolu 60 tal-Liġi Nru 69, tat-18 ta’ Ġunju 2009, dwar il-medjazzjoni għas-soluzzjoni tat-tilwim ċivili u kummerċjali, tal‑4 ta’ Marzu 2010 (GURI Nru 53, tal‑5 ta’ Marzu 2010, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010”), li jittrasponi d-Direttiva 2008/52 fid-dritt Taljan, fil-verżjoni tiegħu applikabbli ratione temporis, jipprevedi:

“Meta jitqabbad avukat, huwa għandu jinforma lill-parti fil-kawża bil-possibbiltà li tirrikorri għall-proċedura ta’ medjazzjoni rregolata b’dan id-digriet u konċessjonijiet fiskali previsti fl-Artikoli 17 u 20. Barra minn hekk, l-avukat għandu jinforma lill-parti fil-kawża b’każijiet li fihom l-introduzzjoni tal-proċedura ta’ medjazzjoni tikkostitwixxi rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja. L-informazzjoni għandha tingħata b’mod ċar u bil-miktub. Fil-każ ta’ ksur tal-obbligi ta’ informazzjoni, il-kuntratt bejn l-avukat u l-klijent tiegħu jista’ jiġi annullat. […]”

16      L-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 jipprovdi:

“[…]

1a.      Min ikun irid jibda azzjoni ġudizzjarja dwar tilwima f’materja ta’ […] kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratti bankarji u finanzjarji, huwa obbligat, bl-assistenza tal-avukat tiegħu, li jibda l-proċedura ta’ medjazzjoni minn qabel prevista minn dan id-digriet, jew il-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista mid-Digriet Leġiżlattiv tat-8 ta’ Ottubru 2007 Nru 179, jew il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 128a tat-test uniku tal-liġijiet fil-qasam bankarju u ta’ kreditu li jinsab fid-Digriet Leġiżlattiv tal-1 ta’ Settembru 1993 Nru 385 kif emendat ulterjorment, għall-oqsma li huma rregolati fih. Il-ftuħ tal-proċedura ta’ medjazzjoni hija rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja. […]

[…]

2a.      Meta l-ftuħ tal-proċedura ta’ medjazzjoni huwa rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja, dan ir-rekwiżit jitqies li jkun sodisfatt jekk l-ewwel laqgħa quddiem il-medjatur tingħalaq mingħajr ftehim.

[…]

4.      Il-paragrafi 1a u 2 ma għandhomx japplikaw:

a)      fil-proċeduri ta’ għoti ta’ ordni, inkluża l-oppożizzjoni, sal-istadju tad-deċiżjoni fuq it-talbiet għall-għoti u sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja;

[…]”

17      L-Artikolu 8 ta’ dan id-digriet leġiżlattiv huwa fformulat kif ġej:

“1.      Meta tiġi ppreżentata t-talba għal medjazzjoni, il-persuna responsabbli tal-organu għandha tinnomina medjatur u tistabbilixxi l-ewwel laqgħa bejn il-partijiet f’data li ma tistax tkun iktar tard minn tletin jum wara l-preżentata tat-talba. It-talba u d-data tal-ewwel laqgħa għandhom jiġu kkomunikati lill-parti l-oħra bi kwalunkwe mezz xieraq u għandha tiġi żgurata l-wasla tiegħu, mill-konvenut ukoll. Waqt l-ewwel laqgħa u l-laqgħat sussegwenti, u sa tmiem il-proċedura, il-partijiet għandhom jipparteċipaw bl-assistenza ta’ avukat. […]

[…]

4a.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni mingħajr raġuni valida fil-proċedura ta’ medjazzjoni, il-qorti tista’ tislet minn dan argumenti ta’ prova fil-kuntest tas-sentenza sussegwenti skont l-Artikolu 116(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Il-qorti tikkundanna lill-parti li, fil-każijiet previsti mill-Artikolu 5, ma tipparteċipax fil-proċedura mingħajr raġuni valida, sabiex tħallas lit-Teżor Pubbliku somma li tikkorrispondi għall-kontribuzzjoni unifikata dovuta għall-proċeduri.

[…]”

18      Id-decreto legislativo n. 130 Attuazione della direttiva 2013/11/UE sulla risoluzione alternativa delle controversie dei consumatori, che modifica il regolamento (CE) n. 2006/2004 e la direttiva 2009/22/CE (Digriet Leġiżlattiv Nru 130 li jittrasponi d-Direttiva 2013/11/UE dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE), tal‑6 ta’ Awwissu 2015 (GURI Nru 191, tad‑19 ta’ Awwissu 2015, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015”), daħħal, fid-decreto legislativo n. 206, recante Codice del consumo (Digriet Leġiżlattiv Nru 206 li jistabbilixxi l-kodiċi tal-konsumatur), tas‑6 ta’ Settembru 2005 (GURI Nru 235, tat‑8 ta’ Ottubru 2005, iktar ’il quddiem il-“kodiċi tal-konsumatur”), Titolu IIa intitolat “Soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim”. L-Artikolu 141 ta’ dan il-kodiċi, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015, li jinsab taħt dan it-titolu l-ġdid, jipprevedi:

“[…]

4.      Id-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dan it-titolu japplikaw għall-proċeduri volontarji għas-soluzzjoni ta’ natura extraġudizzjarja, inkluż bil-mezz telematiku, tat-tilwim nazzjonali u transkonfinali bejn konsumaturi u negozjanti residenti u stabbiliti fl-Unjoni Ewropea, li fil-kuntest tagħhom l-organu tal-ADR jipproponu soluzzjoni jew ilaqqa’ lill-partijiet sabiex jiffaċilita ftehim bonarju u, b’mod partikolari, għall-organi ta’ medjazzjoni għas-soluzzjoni ta’ kawżi fil-qasam tal-konsumaturi msemmija fit-taqsima speċjali prevista fl-Artikolu 16(2) u (4) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010], u għall-organi l-oħra tal-ADR stabbiliti jew imsemmija fil-listi miżmuma u kkontrollati mill-awtoritajiet l-oħra msemmija fil-paragrafu 1(i), wara verifika tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet u tal-konformità tal-organizzazzjoni tagħhom u tal-proċeduri tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu.

[…]

6.      Dan it-test huwa mingħajr ħsara għad-dispożizzjonijiet segwenti li jipprevedu n-natura mandatorja tal-proċeduri ta’ soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim.

a)      Artikolu 5(1a) tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010], li jirregola l-każijiet li fihom il-medjazzjoni għall-konċiljazzjoni ta’ tilwim ċivili u kummerċjali hija rekwiżit għall-ammissibbiltà;

[…]”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Banco Popolare ta lil L. Menini u lil M. A. Rampanelli ftuħ ta’ kreditu f’kont kurrenti abbażi ta’ tliet kuntratti suċċessivi, sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw azzjonijiet, fosthom dawk maħruġa minn Banco Popolare nnifsu jew minn kumpanniji li jappartjenu lilu.

20      Fil‑15 ta’ Ġunju 2015, Banco Popolare kiseb ordni ta’ ħlas kontra L. Menini u M. A. Rampanelli, għall-ammont ta’ EUR 991 848,21 li jikkorrispondi għall-bilanċ li, skont hu, baqa’ dovut lilu skont kuntratt iffirmat fis‑16 ta’ Lulju 2009 għall-ftuħ ta’ kont kurrenti ggarantit b’ipoteka. L. Menini u M. A. Rampanelli opponew għal din l-ordni u talbu s-sospensjoni tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni provviżorji marbuta magħha.

21      Il-qorti tar-rinviju, it-Tribunal Ordinario di Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona, l-Italja), tirrileva li, skont id-dritt nazzjonali, tali proċedura ta’ oppożizzjoni hija ammissibbli biss sakemm il-partijiet ikunu bdew proċedura ta’ medjazzjoni minn qabel, skont l-Artikolu 5(1)a u (4) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010. Hija tikkonstata wkoll li t-tilwima quddiemha taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi tal-konsumatur, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015 li ttraspona d-Direttiva 2013/11 fid-dritt Taljan. Fil-fatt, L. Menini u M. A. Rampanelli għandhom jitqiesu bħala “konsumaturi”, fis-sens tal-Artikolu 4(a) ta’ din id-direttiva, peress li kkonkludew kuntratti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kuntratti ta’ servizz”, fis-sens tal-Artikolu 4(d) tal-imsemmija direttiva.

22      Skont il-qorti tar-rinviju, ma jidhirx b’mod ċar li l-fatt li d-Direttiva 2013/11 tiċċita espressament id-Direttiva 2008/52 jimplika li din l-istess Direttiva 2013/11 riedet tħalli lill-Istati Membri l-fakultà li jipprevedu l-użu obbligatorju ta’ proċedura ta’ medjazzjoni minflok il-proċedura tal-ADR prevista mid-Direttiva 2013/11 fil-qasam ta’ tilwim li jinvolvi lil konsumaturi. Fil-fatt, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52, meta huwa jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu l-medjazzjoni bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjonijiet ġudizzjarji, ma huwiex ta’ natura mandatorja, peress li jħalli din l-għażla fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

23      Dan ingħad, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan fil-qasam tal-medjazzjoni obbligatorja huma kuntrarji għad-Direttiva 2013/11. Fil-fatt, din tal-aħħar tistabbilixxi sistema unika, esklużiva u armonizzata għat-tilwim li jinvolvi l-konsumaturi, li torbot lill-Istati Membri sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-direttiva. Din tal-aħħar għandha għalhekk tapplika wkoll għall-proċeduri koperti mid-Direttiva 2008/52.

24      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll il-fatt li l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/11 mhux biss iħalli lill-partijiet l-għażla li jipparteċipaw jew le għall-proċedura ta’ ADR, iżda wkoll li jirtiraw minnha fi kwalunkwe ħin, b’mod li l-użu obbligatorju tal-medjazzjoni, previst mid-dritt nazzjonali, ipoġġi lill-konsumatur f’pożizzjoni iktar żvantaġġuża minn dik li kien jinsab fiha li kieku tali użu kien ta’ natura fakultattiva biss.

25      Fl-aħħar nett, skont il-qorti tar-rinviju, il-proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja prevista mid-dritt nazzjonali ma hijiex konformi mal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2013/11 sa fejn, fil-proċedura nazzjonali, il-partijiet ma jistgħux jirtiraw mill-proċedura ta’ medjazzjoni fi kwalunkwe ħin u mingħajr kundizzjoni jekk ma jkunux issodisfatti bil-prestazzjoni jew bil-funzjonament ta’ dik il-proċedura. Huma jistgħu jagħmlu dan biss billi jeċċepixxu raġuni valida, taħt piena li jkunu esposti għal sanzjoni pekunjarja li l-qorti għandha timponi, anki jekk il-parti li tkun irtirat mill-proċedura ta’ medjazzjoni tirbaħ il-kawża fl-aħħar tal-proċedura ġudizzjarja.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale Ordinario de Verona (qorti tal-ewwel istanza ta’ Verona) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva [2013/11], sa fejn jipprevedi li din id-direttiva għandha tapplika ‘mingħajr preġudizzju għad-Direttiva [2008/52]’, għandu jinftiehem li jfisser li huwa mingħajr preġudizzjoni għall-possibbiltà tal-Istati Membri li jipprevedu l-medjazzjoni obbligatorja għall-każijiet biss li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva [2013/11], jiġifieri dawk imsemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva [2013/11], it-tilwim kuntrattwali li jirriżulta minn kuntratti li ma humiex kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ servizzi, kif ukoll dawk li ma jikkonċernawx lill-konsumaturi?

2)      L-Artikolu 1 […] tad-Direttiva [2013/11], sa fejn jiggarantixxi lill-konsumaturi l-possibbiltà li jippreżentaw ilment kontra negozjanti quddiem entitajiet li joffru proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim stabbiliti għal dan il-għan, għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li din ir-regola tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu tal-medjazzjoni, f’waħda mit-tilwimiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva [2013/11], bħala kundizzjoni għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja mibdija mill-parti li għandha l-kwalità ta’ konsumatur u, fi kwalunkwe każ, tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-assistenza obbligatorja ta’ avukat u li l-ispejjeż li jirriżultaw minnha għandhom jiġu mġarrba mill-konsumatur li jieħu parti fil-medjazzjoni f’waħda mit-tilwimiet imsemmija iktar ’il fuq, kif ukoll il-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni fil-medjazzjoni meta jkun hemm raġuni ġġustifikata biss?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27      Il-Gvern Taljan u dak Ġermaniż jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li d-Direttiva 2013/11 ma hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Il-Gvern Taljan iżid li din it-tilwima tidħol fl-estensjoni ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas mibdija minn negozjant kontra konsumatur u hija, b’dan il-mod, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2013/11. Fir-rigward tal-Gvern Ġermaniż, huwa jqis li l-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax jekk il-proċedura ta’ medjazzjoni stabbilita bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 tikkostitwixxix “proċedura tal-ADR” quddiem “entità tal-ADR”, kif iddefiniti mid-Direttiva 2013/11, li huwa l-uniku każ meta din id-direttiva tkun applikabbli.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut minn din tal-aħħar ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, jidher madankollu li l-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2013/11 hijiex applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali hija marbuta strettament mar-risposti li għandhom jingħataw għal din id-domanda għal deċiżjoni preliminari. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għal din id-domanda (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X, C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq l-ewwel domanda

30      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/11, sa fejn jipprevedi li din id-direttiva għandha tapplika “mingħajr preġudizzju” għad-Direttiva 2008/52, għandux jinftiehem fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi proċedura ta’ medjazzjoni obbligatorja fit-tilwim kopert mill-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2013/11.

31      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/52 jipprevedi li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-aċċess għal proċeduri alternattivi ta’ soluzzjoni tat-tilwim u li tiffaċilita r-riżoluzzjoni amikevoli ta’ tilwim billi tinkoraġġixxi l-użu tal-medjazzjoni. Il-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu jenfasizza li din id-direttiva tapplika għat-tilwim transkonfinali f’materji ċivili u kummerċjali, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 2 tagħha, kull tilwim li fih almenu wieħed mill-partijiet ikun domiċiljat jew resident abitwali fi Stat Membru li ma huwiex dak ta’ kwalunkwe parti oħra.

32      Issa, f’dan il-każ, huwa stabbilit li t-tilwima fil-kawża prinċipali ma hijiex tali tilwima transkonfinali.

33      Ċertament, bħalma tistipula l-premessa 8 tad-Direttiva 2008/52, xejn ma jipprekludi lill-Istati Membri milli japplikaw din id-direttiva għall-proċess ta’ medjazzjoni intern, possibbiltà li, bħalma jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, intgħażlet mil-leġiżlatur Taljan. Bl-istess mod, il-premessa 19 tad-Direttiva 2013/11 tfakkar li d-Direttiva 2008/52 tistabbilixxi qafas għas-sistemi ta’ medjazzjoni fil-livell tal-Unjoni għat-tilwim transkonfinali, bla ħsara għall-applikazzjoni tagħha għas-sistemi interni ta’ medjazzjoni.

34      Madankollu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-għażla tal-leġiżlatur Taljan li jestendi l-applikazzjoni tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 għat-tilwim nazzjonali ma jistax ikollha l-effett li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/52, kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tagħha.

35      Minn dan isegwi li peress li d-Direttiva 2008/52 ma hijiex applikabbli f’tilwima bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex meħtieġ, f’din il-kawża, li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar ir-rabta bejn din id-direttiva u d-Direttiva 2013/11. Fir-rigward tal-kwistjoni jekk din id-direttiva tal-aħħar tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din hija preċiżament is-suġġett tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u għandha, għaldaqstant, tiġi eżaminata f’dan il-qafas.

36      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2013/11 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, l-ewwel nett, l-użu obbligatorju ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, fit-tilwim imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja dwar dan l-istess tilwim, it-tieni nett li, fil-kuntest ta’ tali medjazzjoni, il-konsumaturi għandhom ikunu assistiti minn avukat u, it-tielet nett, li l-konsumaturi jistgħu ma jipparteċipawx fil-medjazzjoni qabel biss jekk juru l-eżistenza ta’ raġuni ġġustifikata insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

38      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-Direttiva 2013/11 tistax tkun applikabbli għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2013/11 huwa li l-konsumaturi jkunu jistgħu, fuq bażi volontarja, jippreżentaw ilmenti kontra negozjanti permezz ta’ proċeduri ta’ ADR.

40      Id-Direttiva 2013/11 ma tapplikax għat-tilwim kollu li jinvolvi lil konsumaturi, iżda biss għall-proċeduri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin, jiġifieri, l-ewwel nett, il-proċedura trid tkun tressqet minn konsumatur kontra negozjant dwar l-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn kuntratti ta’ bejgħ jew ta’ servizzi, it-tieni nett, konformement mal-Artikolu 4(1)(g) tad-Direttiva 2013/11, din il-proċedura għandha tissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-imsemmija direttiva u, b’mod partikolari, f’dan ir-rigward, tkun indipendenti, imparzjali, trasparenti, effiċjenti, veloċi u ġusta u, it-tielet nett, l-imsemmija proċedura għandha titħalla f’idejn entità tal-ADR, jiġifieri, konformement mal-Artikolu 4(1)(h) tal-istess direttiva, f’idejn entità, irrispettivament minn kif inhi msemmija, li hija stabbilita fuq bażi li tibqa’ fit-tul u toffri s-soluzzjoni ta’ tilwim permezz ta’ proċedura tal-ADR, u li tissemma fil-lista stabbilita konformement mal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2013/11, li hija nnotifikata lill-Kummissjoni Ewropea.

41      Sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva 2013/11 hijiex applikabbli għal proċedura tal-ADR bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti.

42      Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-kwistjoni dwar jekk proċedura tal-ADR, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex titqies li tressqet mhux minn negozjant, iżda minn konsumatur, taqax fl-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali u l-applikazzjoni tad-dritt intern ta’ kull Stat Membru. Konsegwentement, fir-rigward tal-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-oppożizzjoni għal ordni ta’ ħlas kif ukoll it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni provviżorja marbuta ma’ din il-miżura jikkostitwixxux ilment imressaq minn konsumatur, li għandu natura awtonoma fil-konfront tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas mibdija minn negozjant tal-kreditu, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

43      F’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet kundizzjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tispeċifikax jekk il-proċedura ta’ medjazzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana sseħħx quddiem entità tal-ADR, konformement mad-Direttiva 2013/11. Bl-istess mod, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-entità msemmija fl-Artikolu 141(4) tal-kodiċi tal-konsumatur, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015, hijiex entità tal-ADR li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2013/11, sa fejn din tikkostitwixxi kundizzjoni ta’ applikazzjoni tagħha.

44      Minn dan isegwi li d-Direttiva 2013/11, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, tista’ tapplika għal leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45      Għal dawk li huma t-tliet punti li jinsabu fid-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju u, fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda r-rekwiżit ta’ proċedura ta’ medjazzjoni bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja dwar it-tilwima li hija s-suġġett ta’ din il-proċedura, kif prevista fl-Artikolu 5(1)a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010, huwa minnu li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11 tipprevedi l-possibbiltà għall-konsumaturi li jippreżentaw, “fuq bażi volontarja”, ilmenti kontra negozjanti lil entitajiet tal-ADR.

46      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skont interpretazzjoni litterali għall-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu 1, l-Istati Membri jkunu awtorizzati jżommu fis-seħħ tali użu minn qabel u obbligatorju tal-medjazzjoni biss għat-tipi ta’ tilwim li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

47      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħhom, iżda wkoll l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnhom u l-kuntest tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2014, Hoštická et, C‑561/13, EU:C:2014:2287, punt 29).

48      F’dan ir-rigward, minkejja li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11 tuża l-espressjoni “fuq bażi volontarja”, għandu jiġi rrilevat li t-tieni sentenza tal-imsemmi artikolu tipprevedi espressament il-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jagħmlu l-parteċipazzjoni għall-proċeduri tal-ADR obbligatorja, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tipprekludix lill-partijiet li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-ġustizzja.

49      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2008/52, li jiddefinixxi l-medjazzjoni bħala proċess strutturat, irrispettivament minn kif inhu msemmi jew minn kif isir riferiment għalih, li permezz tiegħu żewġ partijiet jew iktar f’tilwima jippruvaw, bejniethom, fuq bażi volontarja, jilħqu ftehim dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwima tagħhom. Fil-fatt, dan il-proċess jista’ jinbeda mill-partijiet, jiġi ssuġġerit jew ordnat minn qorti, iżda wkoll preskritt mil-liġi ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2008/52, din tapplika bla ħsara għal kwalunkwe leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel l-użu tal-medjazzjoni obbligatorju, sakemm tali leġiżlazzjoni ma tipprekludix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

50      Bħalma jirriżulta mill-premessa 13 tad-Direttiva 2008/52, in-natura volontarja tal-medjazzjoni ma tistrieħx, għaldaqstant, fuq il-libertà tal-partijiet li jirrikorru jew le għal dan il-proċess, iżda fuq il-fatt li “l-partijiet stess ikunu responsabbli għall-proċess u jistgħu jorganizzawh kif jixtiequ u jtemmuh fi kwalunkwe ħin”.

51      Għaldaqstant, dak li huwa importanti ma huwiex in-natura obbligatorja jew fakultattiva tas-sistema ta’ medjazzjoni, iżda l-fatt li jinżamm id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja tal-partijiet. Għal dan l-għan, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jżommu l-awtonomija leġiżlattiva sħiħa tagħhom, bil-kundizzjoni li jkun osservat l-effett utli tad-Direttiva 2013/11.

52      Għaldaqstant, il-fatt li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhux biss tkun stabbilixxiet proċedura ta’ medjazzjoni alternattiva, iżda, barra minn hekk, għamlet l-użu tagħha obbligatorju, u dan qabel ma t-tilwima titressaq quddiem korp ġudizzjarja, ma huwiex ta’ natura li jikkomprometti t-twettiq tal-għan tad-Direttiva 2013/11 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 45).

53      Huwa ċertament paċifiku li, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet ġudizzjarji ppreżentati fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5(1)a tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 għat-tentattiv ta’ medjazzjoni obbligatorja, hija tintroduċi stadju addizzjonali li għandu jiġi megħlub fl-aċċess lejn il-qrati. Din il-kundizzjoni tista’ taffettwa l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 62).

54      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet fundamentali ma jikkostitwixxux prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jkollhom restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jista’ jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet iggarantiti (sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et (C‑317/08 saC‑320/08, EU:C:2010:146), tikkonċerna proċedura ta’ konċiljazzjoni, ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ din is-sentenza jista’ jiġi traspost għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jrendu obbligatorju l-użu ta’ proċeduri extraġudizzjarji oħra, bħalma hija l-proċedura ta’ medjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

56      Dan ingħad, bħalma tistipula, essenzjalment, il-premessa 45 tad-Direttiva 2013/11, l-Istati Membri huma liberi jagħżlu l-mezzi li huma jqisu adatti sabiex l-aċċess għas-sistema ġudizzjarja ma jkunx ostakolat, bl-għarfien li, minn naħa, il-fatt li r-riżultat tal-proċedura tal-ADR ma jkunx vinkolanti għall-partijiet u, min-naħa l-oħra, il-fatt li t-termini ta’ preskrizzjoni ma jiskadux matul tali proċedura, jikkostitwixxu żewġ mezzi li, fost l-oħrajn, huma xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan.

57      F’dak li jirrigwarda n-natura vinkolanti tar-riżultat tal-proċedura tal-ADR, l-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-partijiet ikollhom il-possibbiltà jirtiraw minnha fi kwalunkwe stadju jekk ma jkunux issodisfatti bil-prestazzjoni jew bl-operat tagħha. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 9(2)(b) tal-imsemmija direttiva, fi tmiem il-proċedura tal-ADR, soluzzjoni hija sempliċement proposta lill-partijiet, u dawn huma liberi li jaċċettawha, jirrifjutawha jew isegwuha.

58      Minkejja li l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2013/11 jistabbilixxi l-possibbiltà għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li r-riżultat tal-proċeduri tal-ADR ikun vinkolanti għan-negozjanti, tali possibbiltà tirrikjedi li l-konsumatur ikun aċċetta s-soluzzjoni proposta minn qabel.

59      Fir-rigward tat-termini ta’ preskrizzjoni, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2013/11 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet li jirrikorru għal proċedura tal-ADR sabiex jippruvaw jirregolaw tilwima ma jiġux imċaħħda sussegwentement milli jibdew azzjoni ġudizzjarja minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni matul l-imsemmija proċedura.

60      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8(a) tad-Direttiva 2013/11, il-proċedura tal-ADR għandha tkun aċċessibbli online u offline għaż-żewġ partijiet, irrispettivament mill-post fejn jinsabu.

61      Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ proċedura ta’ medjazzjoni bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà ta’ azzjoni ġudizzjarja jista’ jkun kompatibbli mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, meta din il-proċedura ma twassalx għal deċiżjoni vinkolanti għall-partijiet, ma tikkawżax dewmien sostanzjali għall-bidu ta’ azzjoni ġudizzjarja, tissospendi l-preskrizzjoni tad-drittijiet ikkonċernati u ma tiġġenerax spejjeż, jew spejjeż insinjifikattivi, għall-partijiet, sakemm madankollu l-mezz elettroniku ma jikkostitwixxix l-uniku mezz ta’ aċċess għall-imsemmija proċedura ta’ konċiljazzjoni u li miżuri provviżorji huma possibbli fil-każijiet eċċezzjonali fejn minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni dawn ikunu meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Alassini et, C‑317/08 sa C‑320/08, EU:C:2010:146, punt 67).

62      Hija għaldaqstant il-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 28/2010 kif ukoll l-Artikolu 141 tal-kodiċi tal-konsumatur, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 130/2015, tipprekludix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja, konformement mar-rekwiżit tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11, sa fejn din tissodisfa r-rekwiżiti esposti fil-punt preċedenti.

63      F’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ proċedura ta’ medjazzjoni bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà ta’ rikors ġudizzjarju huwa fil-fatt kompatibbli mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/11.

64      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu, għall-konsumatur, li jkun assistit minn avukat sabiex iniedi proċedura ta’ medjazzjoni, ir-risposta għal din id-domanda tirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(b) tad-Direttiva 2013/11. Fil-fatt, dan l-artikolu, dwar l-effikaċja tal-proċedura, jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-partijiet ikollhom aċċess għall-proċedura tal-ADR mingħajr ma jkunu obbligati jqabbdu avukat jew konsulent legali. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li kull parti għandha tkun informata tal-fatt li ma hijiex obbligata żżomm avukat jew konsulent legali.

65      Għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tirrikjedi li l-konsumatur li jieħu sehem fi proċedura tal-ADR ikun assistit minn avukat b’mod obbligatorju.

66      Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2013/11 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, li tipprovdi li l-konsumaturi jistgħu jirtiraw minn proċedura ta’ medjazzjoni fis-sitwazzjoni biss li juru l-eżistenza ta’ raġuni valida insostenn ta’ dik id-deċiżjoni, taħt piena ta’ sanzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja sussegwenti, għandu jitqies li tali limitazzjoni hija ta’ natura li tirrestrinġi d-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja tal-partijiet, kuntrarjament għall-għan imfittex mid-Direttiva 2013/11, imfakkar fl-Artikolu 1 tagħha. Fil-fatt, l-irtirar sussegwenti tal-konsumatur mill-proċedura tal-ADR ma għandux ikollu konsegwenzi żvantaġġużi fil-konfront tiegħu fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju dwar it-tilwima li kienet, jew li kellha tkun, is-suġġett ta’ din il-proċedura.

67      Din il-kunsiderazzjoni tal-aħħar hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 9(2)(a) tad-Direttiva 2013/11 li, fir-rigward tal-proċeduri tal-ADR, li huma intiżi li jirregolaw tilwima billi jipproponu soluzzjoni, jimponu l-obbligu fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-partijiet ikollhom il-possibbiltà jirtiraw mill-proċedura fi kwalunkwe ħin jekk ikunu issodisfatti bit-tmexxija jew bil-funzjonament tagħha.

68      Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika wkoll li, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi l-parteċipazzjoni obbligatorja tan-negozjanti fil-proċeduri tal-ADR, il-konsumatur, u hu biss, għandu jibqa’ jgawdi minn dan id-dritt ta’ rtirar.

69      Konsegwentement, id-Direttiva 2013/11 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita d-dritt tal-konsumaturi li jirtiraw mill-proċedura ta’ medjazzjoni għas-sitwazzjoni biss meta juru l-eżistenza ta’ raġuni valida insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

70      Dan ingħad, għandu jiġi rrilevat li, matul is-seduta, il-Gvern Taljan iddikjara li l-impożizzjoni ta’ multa mill-qorti fi proċedura sussegwenti hija prevista biss fil-każ ta’ nuqqas ta’ parteċipazzjoni mingħajr raġuni valida fil-proċedura ta’ medjazzjoni u mhux fil-każ ta’ rtirar minnha. Jekk dan huwa l-każ, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, id-Direttiva 2013/11 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-konsumatur jirrifjuta li jipparteċipa fi proċedura qabel il-medjazzjoni għal raġuni valida biss, sa fejn huwa jista’ jwaqqafha mingħajr restrizzjoni wara l-ewwel laqgħa mal-medjatur.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li;

–        Id-Direttiva 2013/11 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-użu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, fit-tilwim imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja dwar dan l-istess tilwim, sa fejn tali rekwiżit ma jipprekludix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

–        Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-kuntest ta’ tali medjazzjoni, il-konsumaturi għandhom ikunu assistiti minn avukat u li huma jistgħu jirtiraw minn proċedura ta’ medjazzjoni biss jekk juru l-eżistenza ta’ raġuni valida insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

72      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva 2013/11/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal21 ta’ Mejju 2013, dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-użu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, fit-tilwim imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja dwar dan l-istess tilwim, sa fejn tali rekwiżit ma jipprekludix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-kuntest ta’ tali medjazzjoni, il-konsumaturi għandhom ikunu assistiti minn avukat u li huma jistgħu jirtiraw minn proċedura ta’ medjazzjoni biss jekk juru l-eżistenza ta’ raġuni valida insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.