Language of document : ECLI:EU:C:2017:459

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

14 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 1(2)(a) – Kamp ta’ applikazzjoni – Materji esklużi – Effetti matrimonjali – Xoljiment taż-żwieġ – Likwidazzjoni ta’ beni akkwistati matul iż-żwieġ”

Fil-Kawża C-67/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rayonen sad Varna (qorti tad-distrett ta’ Varna, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Frar 2017, fil-proċedura

Todor Iliev

vs

Blagovesta Ilieva,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, J.-C. Bonichot u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet immotivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Todor Iliev u Blagovesta Ilieva dwar il-likwidazzjoni ta’ vettura bil-mutur, wara x-xoljiment taż-żwieġ tagħhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1215/2012

3        Fil-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea enfasizza n-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“konvenzjoni ta’ Brussell”) u r-Regolamenti li ssostitwixxewha, inkluż fir-rigward tal-interpretazzjoni diġà mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja inkonnessjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni li jekwivalu ma’ dawk ta’ dan ir-regolament.

4        L-Artikolu 1(1) u (2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

a)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, id-drittijiet fuq proprjetà derivanti minn relazzjonijiet matrimonjali jew minn relazzjonijiet meqjusa mil-liġi applikabbli bħala li għandhom effetti komparabbli għal dawk taż-żwieġ”.

5        L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament huwa redatt kif ġej:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        Bis-saħħa tal-Artikolu 80 tiegħu, ir-Regolament Nru 1215/2012 iħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19. Vol. 4, p. 42).

7        Skont l-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“[…]

[Dan ir-regolament] għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2015, minbarra l-Artikoli 75 u 76, li għandhom japplikaw mill-10 ta’ Jannar 2014.”

 Il-Konvenzjoni ta’ Brussell

8        L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell huwa redatt kif ġej:

“Din il-Konvenzjoni għandha tapplika f’materji ċivili u kummerċjali irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. […]

Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal:

1)      l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, l-effetti matrimonjali, it-testmenti u s-suċċessjonijiet;

[…].”

 Id-dritt Bulgaru

 Il-kodiċi dwar id-dritt internazzjonali privat

9        Il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tal-kodiċi dwar id-dritt internazzjonali privat:

“Il-qrati u l-korpi Bulgari l-oħra għandhom il-ġurisdizzjoni internazzjonali meta:

[…]

2.      ir-rikorrenti jew l-attur huwa ċittadin Bulgaru jew persuna ġuridika stabbilta taħt id-dritt Bulgaru.”

 Il-kodiċi tal-familja

10      L-Artikolu 21(1) tal-kodiċi tal-familja jipprovdi li l-konjuġi għandhom l-istess drittijiet fuq il-beni akkwistati b’kontribuzzjoni komuni matul iż-żwieġ, irrispettivament mill-isem li taħtu dawn jiġu akkwistati.

11      Skont l-Artikolu 28 ta’ dan il-kodiċi, f’każ li tintemm il-komunità tal-akkwisti, il-konjuġi għandhom dritt għal partijiet ugwali.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12      T. Iliev, ta’ ċittadinanza Bulgara, u B. Ilieva, ta’ ċittadinanza Taljana u Bulgara, iżżewġu fl-1 ta’ Ġunju 2007 f’Choumen (il-Bulgarija).

13      Fit-2 ta’ Lulju 2015, iż-żwieġ bejn il-partijiet ġie xolt b’deċiżjoni tar-Rayonen sad Choumen (qorti tad-distrett ta’ Choumen, il-Bulgarija).

14      Wara l-għoti tad-divorzju minn dik il-qorti, T. Iliev ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż għal-likwidazzjoni ta’ vettura bil-mutur mixtrija minn B. Ilieva u rreġistrata f’isimha fix-xahar ta’ Novembru 2009.

15      T. Iliev isostni li din il-vettura nxtrat minn fondi komuni meta l-partijiet kienu miżżewġin u li, skont l-Artikoli 21 u 28 tal-kodiċi tal-familja, il-vettura bil-mutur kienet proprjetà tagħhom it-tnejn, anki jekk din kienet irreġistrata fl-Italja f’isem B. Ilieva biss.

16      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, minkejja li T. Ilieva u B. Ilieva kienu rreġistrati bħala ddomiċiljati permanentement fil-Bulgarija, hemm lok li jiġi kkunsidrat li kienu jirresjedu abitwalment fit-territorju Taljan fid-data taż-żwieġ ċivili tagħhom, fid-data tax-xiri tal-vettura, fid-data tal-għoti tad-divorzju u anki tal-preżentata tal-kawża prinċipali. Dik il-qorti tispeċifika li B. Ilieva ilha tgħix u taħdem fl-Italja b’mod kontinwu għal għaxar snin, li fl-14 ta’ Marzu 2016, hija ddikjarat lill-awtoritajiet Bulgari li hija tirresjedi fl-Italja, u li, fuq il-karta tal-identità tagħha maħruġa mill-awtoritajiet Taljani, hija tidher bħala residenti f’Alba, provinċja ta’ Cuneo (l-Italja).

17      B. Ilieva tikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Bulgari sabiex jiddeċiedu l-kawża prinċipali, billi tikkunsidra, abbażi tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, li huma l-qrati Taljani li għandhom il-ġurisdizzjoni.

18      Il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar dan is-suġġett sa fejn hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha xejn iktar minn sentenza waħda mogħtija mill-qorti suprema Bulgara fil-kuntest ta’ divorzju u li tikkonċerna kawża għal-likwidazzjoni ta’ beni akkwistati matul iż-żwieġ. Skont dik is-sentenza, l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 tikkonċerna biss kawżi li jirrigwardaw l-effetti matrimonjali kif iddefiniti f’ċerti artikoli tal-kodiċi tal-familja, liema artikoli ma jinkludux tali likwidazzjonijiet. Minn dan jirriżulta li dawn tal-aħħar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Skont dik il-qorti, jekk dan kien minnu, allura il-qrati Taljani jkollhom il-ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża prinċipali, b’mod konformi mal-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament. Għall-kuntrarju, jekk dan l-aħħar imsemmi artikolu ma huwiex applikabbli, il-qrati Bulgari jkollhom ġurisdizzjoni, skont il-punt 2 tal-Artikolu 4(1) tal-kodiċi dwar id-dritt internazzjonali privat.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rayonen sad Varna (qorti tad-distrett ta’ Varna, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Kawża bejn ex konjuġi dwar il-qsim ta’ proprjetà mobbli akkwistata matul iż-żwieġ taħt il-komunjoni tal-akkwisti tikkostitwixxi tilwima dwar drittijiet ta’ proprjetà li joriġinaw minn relazzjonijiet matrimonjali fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament [Nru 1215/2012]?

2)      Tilwima dwar il-qsim ta’ proprjetà mobbli akkwistata matul iż-żwieġ iżda rreġistrata fir-reġistru tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti f’isem wieħed mill-ex konjuġi biss taqa’ taħt l-esklużjonijiet mill-applikabbiltà tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod partikolari taħt l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament [Nru 1215/2012]?

3)      Liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tisma’ tali tilwima bejn ex konjuġi dwar it-titolu fi proprjetà mobbli akkwistata matul iż-żwieġ ċivili bejn il-partijiet f’sitwazzjoni fejn il-konjuġi jkunu ċittadini tal-istess Stat Membru tal-Unjoni [Ewropea] filwaqt li, fil-mori tal-kawża, jirriżulta li l-post ta’ residenza tal-partijiet kien jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor meta żżewwġu, meta kienet akkwistata l-proprjetà, meta ġie tterminat iż-żwieġ u meta tressqet il-kawża għall-qsim tal-proprjetà wara t-terminazzjoni taż-żwieġ?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

21      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

22      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandux jiġi interpretat fis-sens li kawża bħal dik prinċipali, marbuta mal-likwidazzjoni, wara l-għoti ta’ divorzju, ta’ beni mobbli akkwistati matul iż-żwieġ minn konjuġi ċittadini ta’ Stat Membru, iżda ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 jew jekk taqax taħt id-dominju tal-effetti matrimonjali u għalhekk, taħt l-esklużjonijiet li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 1(2)(a).

23      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, sa fejn ir-Regolament Nru 1215/2012 jissostitwixxi minn issa ’il quddiem, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, il-Konvenzjoni ta’ Brussell, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dan l-imsemmi regolament, peress li d-dispożizzjonijiet tiegħu u dawk tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “ekwivalenti”. Kif jirriżulta mill-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandha tiġi żgurata l-kontinwità fl-interpretazzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Brussell u dik tar-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C-406/09, EU:C:2011:668, punt 38).

24      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2)(a) ta’ dan tal-aħħar jikkoinċidi mal-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma redatti f’termini analogi.

25      Konsegwentement, jeħtieġ li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mal-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u b’mod iktar partikolari mas-sentenza tas-27 ta’ Marzu 1979, de Cavel (143/78, EU:C:1979:83).

26      F’dik is-sentenza, Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk kawża marbuta ma’ miżura konservatorja fuq xi beni, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ divorzju, taqax taħt il-Konvenzjoni ta’ Brussell, minħabba n-natura patrimonjali tal-miżura inkwistjoni.

27      Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, minħabba l-ispeċifiċità ta’ ċerti materji fosthom l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ persuni fiżiċi, l-effetti matrimonjali, it-testmenti u s-suċċessjonijiet, il-kawżi marbuta ma’ dawn il-materji, ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, EU:C:1979:83, punt 6).

28      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “Effetti matrimonjali” li tinsab fil-punt 1 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell jinkludi mhux biss ir-reġimi li japplikaw għall-beni żviluppati speċifikament u esklużivament minn ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali fid-dawl taż-żwieġ, iżda wkoll ir-relazzjonijiet patrimonjali kollha li jirriżultaw direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, EU:C:1979:83, punt 7).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-kawżi li jirrigwardaw il-beni tal-konjuġi fil-pendenzi tal-kawża għal divorzju jistgħu, skont il-każ, ikunu jikkonċernaw jew ikunu marbuta mill-qrib mal-ewwel kategorija, jiġifieri ma’ kwistjonijiet marbuta mal-istatus tal-persuni, mat-tieni kategorija jiġifieri ma’ relazzjonijiet legali patrimonjali bejn il-konjuġi naxxenti direttament mir-rabta konjugali jew mix-xoljiment tagħha, mat-tielet kategorija, jiġifieri ukoll ma’ relazzjonijiet legali patrimonjali eżistenti bejniethom, iżda mingħajr konnessjoni maż-żwieġ, u li huma biss dawk il-kawżi marbuta ma’ din l-aħħar imsemmija kategorija li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, filwaqt li dawk marbuta mal-ewwel tnejn għandhom jkunu esklużi (sentenza tas-27 ta’ Marzu 1979, de Cavel, 143/78, EU:C:1979:83, punt 7).

30      Isegwi li, fir-rigward ta’ kawża bejn ex konjuġi marbuta mal-likwidazzjoni ta’ beni mobbli akkwistati matul iż-żwieġ, peress li din il-kawża tikkonċerna relazzjonijiet legali patrimonjali bejn dawn il-persuni naxxenti direttament mix-xoljiment taż-żwieġ, tali kawża ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda biss taħt it-tieni kategorija msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

31      Barra minn hekk, jeħtieġ li jiżdied li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243), għalkemm jikkonċerna, skont l-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, il-materji ċivili marbuta mad-divorzju, japplika biss, kif jirriżulta mill-premessa 8 tiegħu, għax-xoljiment tar-rabta matrimonjali, bl-esklużjoni tal-kwistjonijiet bħall-kawżi tad-divorzju, l-effetti matrimonjali taż-żwieġ jew il-miżuri aċċessorji possibbli l-oħra.

32      Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula li l-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li, kawża, bħal dik prinċipali, marbuta mal-likwidazzjoni, wara l-għoti ta’ divorzju, ta’ beni mobbli akkwistati matul iż-żwieġ minn konjuġi ċittadini ta’ Stat Membru, iżda ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda taħt id-dominju tal-effetti matrimonjali u, għaldaqstant, taħt l-esklużjonijiet li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 1(2)(a).

 Fuq l-ispejjeż

33      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, kawża, bħal dik prinċipali, marbuta mal-likwidazzjoni, wara l-għoti ta’ divorzju, ta’ beni mobbli akkwistati matul iż-żwieġ minn konjuġi ċittadini ta’ Stat Membru, iżda ddomiċiljati fi Stat Membru ieħor, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda taħt id-dominju tal-effetti matrimonjali u, għaldaqstant, taħt l-esklużjonijiet li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 1(2)(a).

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.