Language of document : ECLI:EU:C:2017:497

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ Ġunju 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 23 –Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni – Klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni inkluża f’kuntratt konkluż bejn żewġ kumpanniji – Kawża għad-danni – Responsabbiltà in solidum tar-rappreżentanti ta’ waħda minn dawn il-kumpanniji għal fatti li jikkostitwixxu delitt – Invokabbiltà ta’ din il-klawżola mill-imsemmija rappreżentanti”

Fil-Kawża C-436/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Areios Pagos (Qorti ta’ kassazzjoni, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Georgios Leventis,

Nikolaos Vafeias

vs

Malcon Navigation Co. ltd.,

Brave Bulk Transport ltd.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Elleniku, minn A. Magrippi u S. Charitaki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn A. Rubio González, sussegwentement minn A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Konstantinidis u M. Heller, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Brussell I”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Georgios Leventis u Nikolaos Vafeias, rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport ltd., kumpannija ta’ nolleġġ, u Malcon Navigation Co. ltd. (iktar ’il quddiem “Malcon Navigation”), dwar talba għad-danni mressqa minn din tal-aħħar in solidum kontra Brave Bulk Transport kif ukoll kontra Ġ. Leventis u N.Vafeias, talba għad-danni li fil-kuntest tagħha ġiet ikkontestata l-ġurisdizzjoni tal-qrati Elleniċi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 11 tar-Regolament ta’ Brussell I:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]”

4        Taħt il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, l-Artikolu 2, li jinsab fis-Sezzjoni 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, li jinsab fis-Sezzjoni 2, intitolat “Ġurisdizzjoni speċjali”, tal-Kapitolu II ta’ dan tal-aħħar, jipprovdi li

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

1)      meta tkun waħda minn numru ta’ konvenuti, fil-qrati tal-post fejn kwalunkwe wieħed minnhom ikun domiċiljat, sakemm it-talbiet ikunu marbuta tant strettament ma' xulxin li jkun espedjenti li jinstemgħu u jiġu deċiżi flimkien sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati;

[...]”

6        Is-Sezzjoni 7 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Prorogazzjoni ta’ ġurisdizzjoni”, tinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 23, li huwa redatt kif ġej:

“1.       Jekk il-partijiet, wieħed jew aktar minnhom ikollu d-domiċilju fi Stat Membru, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollu ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi kwistjonijiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu in konnessjoni ma' relazzjoni legali partikolari, dak il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni. Ġurisdizzjoni bħal dik għandha tkun esklussiva sa kemm il-partijiet ma jiftehmux mod ieħor. Ftehim bħal dak li jagħti ġurisdizzjoni għandhu jkun jew:

a)       bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

b)       f’għamla li taqbel mal-prattiċi li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom; jew;

ċ)       f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel ma’ l-użanza li biha l-partijiet huma jew li għandhom ikunu konxji u li dwarhom dak in-negozju jew kummerċ ikun magħruf sewwa, u regolarment osservat minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari ikkonċernat.

[...]”

7        Is-Sezzjoni 9 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolata “Lis [alibi] pendens - azzjonijiet relatati”, tinkludi fiha l-Artikoli 27 u 28. L-imsemmi Artikolu 27 jipprovdi:

“1.      Meta proċedimenti jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, xi qorti apparti mil-ewwel qorti li jkollha quddiema l-każ għandha bl-inizjattiva tagħha stess tissosspendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata.

2.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti invokata, xi qorti oħra apparti mill-ewwel qorti invokata għandha tastieni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

8        Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament ta’ Brussell I:

“1.      Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti l-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha.

2.      Meta dawn l-azzjonijiet ikunu pendenti quddiem il-qorti tal-prima istanza, xi qorti ieħor apparti mill-ewwel qorti invokata tista’ wkoll, fuq applikazzjoni ta’ wieħed mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokat ikollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet f’dak il-każ u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni ta’ dan.

3.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

9        L-Artikoli 33 sa 37 tar-Regolament Brussell I jirregolaw ir-rikonoxximent ta’ sentenzi. L-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-prinċipju li s-sentenzi mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru għandhom jiġu rikonoxxuti mingħajr ma tkun meħtieġa proċedura speċjali. L-Artikoli 34 u 35 tal-imsemmi regolament jistabbilixxu r-raġunijiet għaliex sentenza mogħtija fi Stat Membru tista’ eċċezzjonalment ma tiġix rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor.

10      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 34 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi:

“Sentenza m’għandhiex tiġi rikonoxxuta:

[...]

3)       jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija fi kwistjoni bejn l-istess partijiet fl-Istat Membru li fih ġie mfittex ir-rikonoxximent;

4)       jekk ikun irrikonċiljabbli ma’ sentenza mogħtija aktar kmieni fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz li jinvolvi l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet, basta illi dik is-sentenza aktar kmieni twettaq il-kondizzjonijiet meħtieġa għar-rikonoxximent tagħha fl-Istat Membru indirizzat.”

 Id-dritt Elleniku

11      Skont l-Artikolu 71 tal-kodiċi ċivili:

“Il-persuna ġuridika hija responsabbli għall-atti jew l-ommissjonijiet tal-organi li hija tirrappreżenta, dment li l-att jew l-ommissjoni sseħħ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet imposti fuqhom u tkun twassal għal obbligu ta’ kumpens. Barra minn hekk, il-persuna inkwistjoni hija responsabbli in solidum.”

12      Taħt il-Kapitolu 39 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Delitti”, l-Artikolu 926, li huwa intitolat “Danni kkawżati minn diversi persuni”, jipprovdi:

“Jekk jirriżultaw danni minn att mwettaq konġuntement minn diversi persuni jew jekk diversi persuni jkunu responsabbli b’mod parallel għall-istess danni, il-persuni kollha jkunu responsabbli in solidum. Dan jgħodd ukoll jekk diversi persuni jkunu aġixxew b’mod simultanju jew suċċessiv u dment li ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat liema persuna kkaważat id-danni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Mill-informazzjoni kollha disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Malcon Navigation, kumpannija li għandha s-sede statutorju tagħha f’Malta iżda s-sede reali tagħha f’Maroússi (Il-Greċja), hija l-proprjetarja ta’ bastiment li jtajjar il-bandiera Maltija, li jismu Sea Pride, u li huwa ġestit minn Hellenic Star Shipping Company SA, kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Panama u li għandha wkoll uffiċċji f’Maroússi.

14      Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li Brave Bulk Transport għandha s-sede statutorju tagħha f’Malta u s-sede reali tagħha f’Maroússi, li G. Leventis huwa l-uniku membru tal-kunsill ta’ amministrazzjoni u r-rappreżentant legali ta’ din il-kumpannija, u li N. Vafeias huwa direttur ġenerali uniku u rappreżentant reali tagħha. G. Leventis u N. Vafeias (iktar ’il quddiem ir-“rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport”) jirrisjedu, f’Piraeus u f’Kephissia (Il-Greċja), rispettivament.

15      Fid-9 ta’ Ġunju 2006, Malcon Navigation ikkonkludiet kuntratt ta’ nolleġġ ma’ Brave Bulk Transport, li bih l-ewwel imsemmija kumpannija innolleġġat lit-tieni kumpannija, il-bastiment Sea Pride. Sussegwentement, Brave Bulk Transport, tat b’sub-nolleġġ dan il-bastiment lill-ministeru tal-kummerċ Iraqi għat-trasport ta’ tagħbija ta’ qamh minn Hamburg (Il-Ġermanja) lejn l-Iraq.

16      Il-bastiment ġie irrestitwit ħames xhur wara li skada t-terminu previst fil-kuntratt ta’ nolleġġ.

17      Fis-17 ta’ Frar 2007, Malcon Navigation bdiet proċedura ta’ arbitraġġ f’Londra (Ir-Renju Unit) kontra Brave Bulk Transport, bil-għan li tikseb kumpens għad-dovuti kontrastalliji u noll.

18      Min-naħa tagħha, Brave Bulk Transport ippreżentat kawża għad-danni kontra l-Istat Iraqi, peress li r-restituzzjoni tardiva tal-bastiment lil Malcon Navigation kien dovut għar-restituzzjoni tardiva ta’ dan il-bastiment min-naħa tal-Istat Iraqi.

19      Fl-14 ta’ Novembru 2007, Malcon Navigation u Brave Bulk Transport iffirmaw skrittura privata. Din tal-aħħar kienet tipprovdi li l-arbitraġġ pendenti kellu jiġi sospiż għal sitt xhur, li Brave Bulk Transport kellha żżomm lil Malcon Navigation informata bl-iżvolġiment tal-kawża miftuħa kontra l-Istat Iraqi u li, f’każ ta’ ftehim ma’ dan tal-aħħar, Malcon Navigation kellha tirċievi tal-inqas 20 % tal-ammont imħallas mill-Istat Iraqi lil Brave Bulk Transport. L-Artikolu 10 tal-imsemmi ftehim kien jistabbilixxi li dan kien “irregolat mid-dritt Ingliż” u li kien jaqa’ taħt il-“ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi”, u li “kull vertenza naxxenti minnu jew inkonnessjoni miegħu [kellha tkun] suġġetta għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-High Court of Justice (England & Wales) [qorti għolja tal-ġustizzja (Ingilterra u Wales)]”.

20      Fix-xahar ta’ Novembru 2008, Malcon Navigation kisbet konjizzjoni tal-fatt li Brave Bulk Transport kienet ikkonkludiet, fl-20 ta’ Mejju 2008, ftehim bonarju mal-Istat Iraqi u rċeviet l-ammont previst f’dan il-ftehim. Għaldaqstant Malcon Navigation kompliet il-proċedura ta’ arbitraġġ u kisbet, fid-29 ta’ Settembru 2009, sentenza ta’ arbitraġġ li kienet tatiha kumpens.

21      Malcon Navigation tallega wkoll li r-rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport kienu pprivaw lil din tal-aħħar mill-attivi tagħha, u b’hekk ipprekledew lil Malcon Navigation milli tirċievi dan il-kumpens.

22      Fit-22 ta’ Settembru 2010, Malcon Navigation ippreżentat quddiem il-Polymeles Protodikeio Peiraios (qorti tal-prim’awla ta’ Piraeus, Il-Greċja) kawża għad-danni kontra Brave Bulk Transport u r-rappreżentanti tagħha abbażi tal-Artikoli 71 u 926 tal-kodiċi ċivili, bil-għan li dawn jiġu ddikjarati responsabbli in solidum għall-fatti li jikkostitwixxu delitt. Skont il-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni li tinsab fil-ftehim tal-14 ta’ Novembru 2007, dik il-qorti ċaħdet ir-rikors li jikkonċerna lil Brave Bulk Transport. Madankollu, fir-rigward tar-rappreżentanti ta’ din tal-aħħar, dik il-qorti ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni u laqgħet it-talba fil-mertu.

23      L-Efeteio Peiraios (qorti tal-appell ta’ Piraeus, Il-Greċja), li quddiemha r-rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport interponew l-appell tagħhom mid-deċiżjoni tal-Polymeles Protodikeio Peiraios (qorti tal-prim’awla ta’ Piraeus), ikkonfermat il-pożizzjoni adottata minn din l-aħħar imsemmija qorti inkonnessjoni mal-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni.

24      B’rikors tal-31 ta’ Lulju 2014, ir-rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport ppreżentaw appell ta’ kassazzjoni quddiem l-Areios Pagos (qorti ta’ kassazzjoni, il-Greċja).

25      Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-qrati tal-ewwel istanza u tal-appell iddikjaraw li huma għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu l-kawża prinċipali fir-rigward tar-rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport, peress li, mill-perspettiva tagħhom, dawn ir-rappreżentanti, li ma kinux parti fil-ftehim tal-14 ta’ Novembru 2007, ma kinux marbuta bil-klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni inkluża fih.

26      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, minn naħa, li mill-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I jirriżulta li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, bħala prinċipju, jista’ jiġi invokat biss bejn il-partijiet li jkunu kkonkludewh iżda li, eċċezzjonalment, huwa possibbli li dan jiġi invokat favur jew kontra parti fil-kawża li kienet terza persuna fil-mument tal-konklużjoni tiegħu.

27      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, minn naħa, li f’każ li jkun hemm numru ta’ konvenuti, il-punti 1 tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ wkoll jiġi mfittex fil-qrati tal-post fejn ikun iddomiċiljat wieħed minnhom, bil-kundizzjoni li t-talbiet ikunu marbuta hekk mill-qrib li jkun hemm interess li jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex jevitaw ir-riskju ta’ ġudizzji irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati Issa, din il-qorti hija tal-opinjoni li jeżisti riskju simili fil-każ li fih wieħed mid-diversi konvenuti jkun ikkonsentixxa għal estensjoni tal-ġurisdizzjoni.

28      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-imsemmija qorti għandha dubju dwar il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-qrati msemmija iktar ’il fuq tal-ewwel istanza u tal-appell inkonnessjoni mal-portata tal-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fil-ftehim tal-14 ta’ Novembru 2007.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Areios Pagos (qorti ta’ kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-klawżola ta’ ġurisdizzjoni li ġiet miftiehma skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament [ta’ Brussell I] bejn [żewġ] kumpanniji u li f’dan il-każ hija inkluża fl-iskrittura privata tal-14 ta’ Novembru 2007 bejn l-ewwel u t-tieni konvenuti, li l-Artikolu 10 tagħha jistipula li “dan il-ftehim huwa rregolat mid-dritt Ingliż, huwa suġġett għall-ġurisdizzjoni tal-qrati Ingliżi u kwalunkwe tilwima li tirriżulta minn jew li tirrigwarda dan il-ftehim hija suġġetta għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-High Court of England and Wales [qorti għolja tal-ġustizzja (Ingilterra u Wales)]” tinkludi wkoll, fir-rigward ta’ atti u l-ommissjonijiet tal-organi [...] li jirrapreżentaw [lil Brave Bulk Transport] u li jivvinkolawha skont l-Artikolu 71 tal-Kodiċi Ċivili Grieg, lill-persuni responsabbli li aġixxew fi twettiq tad-dmirijiet tagħhom u li huma responsabbli, taħt dan l-artikolu moqri flimkien mal-Artikolu 926 tal-Kodiċi Ċivili Grieg, flimkien u in solidum mal-kumpannija, bħala persuna ġuridika?”

 Fuq id-domanda preliminari

30      Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt konkluż bejn żewġ kumpanniji tista’ tiġi invokata mir-rappreżentanti ta’ waħda minnhom sabiex tiġi kkontestata l-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tisma’ kawża għad-danni maħsuba sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom in solidum għal atti li allegatament jikkostitwixxu delitt imwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

31      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li sa fejn ir-Regolament Brussell I jissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni ġudizzjarja u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi marbuta mal-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda f’din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni tgħodd ukoll għal dawk ta’ dan ir-regolament, meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala ekwivalenti, bħalma huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 23 tar-Regolament ta’ Brusell I li ssostitwixxa l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17 tal-imsemmija konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Hőszig, C-222/15, EU:C:2016:525, punti 30 u 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fit-territorju li fih il-konvenut ikun iddomiċljat tikkostitwixxi, fis-sistema tar-Regolament Brussell I, il-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu2(1) ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni derogatorji bħal dawk previsti fl-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament ma jistgħux jagħtu lok għal interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-ipoteżijiet previsti b’mod espliċitu mill-istess regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punti 37 u 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Issa, l-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I jindika b’mod ċar li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa llimitat għall-każ li fih il-partijiet ikunu “ftehmu” fuq qorti. Kif jirriżulta mill-premessa 11 ta’ dan ir-regolament, huwa dan il-qbil ta’ volontajiet bejn il-partijiet li jiġġustifika s-supremazija mogħtija, f’isem il-prinċipju tal-awtonomija tal-volontà, lill-għażla ta’ qorti fuq dik li kien possibbilment ikollha ġurisdizzjoni skont l-imsemmi regolament (sentenzi tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C-322/14, EU:C:2015:334, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-20 ta’ April 2016, Profit Investment SIM, C-366/13, EU:C:2016:282, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk indikat li l-qorti adita għandha l-obbligu li teżamina, in limine litis, jekk il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni effettivament kinitx suġġetta għall-kunsens bejn il-partijiet, li għandu jkun immanifestat b’mod ċar u preċiż, peress li l-forom rikjesti mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I għandhom, f’dan ir-rigward, il-funzjoni li jiżguraw li l-kunsens ikun effettivament stabbilit (sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Hőszig, C-222/15, EU:C:2016:525, punt 37 u l- ġurisprudenza ċċitata).

35      B’hekk, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt, bħala prinċipju, tista’ tipproduċi l-effetti tagħha biss fir-relazzjonijiet ta’ bejn il-partijiet li jkunu taw il-kunsens tagħhom għall-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C-352/13, EU:C:2015:335, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, il-klawżola inkwistjoni li tattribwixxi ġurisdizzjoni fil-kawża prinċipali hija opposta mhux minn parti fil-kuntratt li jinkludi l-imsemmija klawżola, iżda minn terzi persuni li ma humiex parti f’dan il-kuntratt.

37      Issa, minbarra li r-rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport ma esprimewx il-volontà tagħhom sabiex jikkonkludu ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni, Malcon Navigation barra minn hekk ma tatx il-kunsens tagħha sabiex tintrabat ma’ dawn il-persuni b’dan il-ftehim.

38      Barra minn hekk, la l-partijiet fil-kawża prinċipali u lanqas il-qorti tar-rinviju ma jagħmlu riferiment għal elementi jew indizji li jippermettu li jiġi kkunsidrat li r-rappreżentanti ta’ Brave Bulk Transport kif ukoll Malcon Navigation kienu kkonkludew, skont waħda mill-forom previsti fl-Artikolu 23(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Brussell I, ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni li jinkludi klawżola ta’ estensjoni tal-ġurisdizzjoni, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Fir-rigward tal-Artikolu 6 tar-Regolament Brussell I, marbut mal-ġurisdizzjoni ġudizzjarja f’każ ta’ pluralità ta’ konvenuti, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23 tar-Regolament Brussell I, minħabba li dawn jeskludu kemm il-ġurisdizzjoni ddeterminata mill-prinċipju ġenerali tal-forum tal-konvenut sanċit fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-ġurisdizzjonijiet speċjali tal-Artikoli 5 sa 7 ta’ dan tal-aħħar, għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta inkonnessjoni mal-kundizzjonijiet stabbiliti fihom (sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub, C-322/14, EU:C:2015:334, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      B’mod partikolari, peress li kkonkludew ftehim li jattribwixxi ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I, il-partijiet għandhom il-fakultà li jidderogaw mhux biss mill-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir- regolament, iżda wkoll mill-ġurisdizzjonijiet speċjali previsti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan tal-aħħar. B’hekk, il-qorti adita tista’, bħala prinċipju, tqis ruħha marbuta bi klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tidderoga mill-ġurisdizzjonijiet previsti fl-imsemmija Artikoli 5 u 6 li l-partijiet ikunu kkonkludew skont l-imsemmi Artikolu 23(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, CDC Hydrogen Peroxide, C-352/13, EU:C:2015:335, punti 59 u 61).

41      Fl-aħħar, u sabiex tingħata risposta għat-tħassib ikkomunikat mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tar-riskju possibbli ta’ deċiżjonijiet kontradittorji, jeħtieġ li jitfakkar li r-Regolament Brussell I fih diversi mekkaniżmi maħsuba sabiex jiġu evitati tali sitwazzjonijiet.

42      Dan huwa minnu b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 27 u 28 tal-imsemmi regolament li jikkonċernaw, rispettivament, sitwazzjonijiet ta’ litis pendens u ta’ konnessjoni, li jippermettu li tiġi evitata l-eżistenza ta’ deċiżjonijiet kontradittorji u tal-punti 3 u 4 tal-Artikolu 34 ta’ dan ir-regolament li jippermettu li dan jiġi rrimedjat.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda preliminari li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Brussell I għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt konkluż bejn żewġ kumpanniji ma tistax tiġi invokata mir-rappreżentanti ta’ waħda minnhom sabiex jikkontestaw il-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tisma’ kawża għad-danni maħsuba sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom in solidum għal atti li allegatament jikkostitwixxu delitt imwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inserita f’kuntratt konkluż bejn żewġ kumpanniji ma tistax tiġi invokata mir-rappreżentanti ta’ waħda minnhom sabiex jikkontestaw il-ġurisdizzjoni ta’ qorti sabiex tisma’ kawża għad-danni maħsuba sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tagħhom in solidum għal atti li allegatament jikkostitwixxu delitt mwettqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Grieg.