Language of document : ECLI:EU:C:2017:511

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-4 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C-320/16

Uber France SAS

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal de grande instance de Lille (qorti għolja ta’ Lille, Franza)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regola teknika – Kunċett – Obbligu ta’ komunikazzjoni – Sanzjoni – Nuqqas ta’ infurzabbiltà fir-rigward tal-individwi – Sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ sewwieqa mhux professjonisti – Applikazzjoni UberPop – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Esklużjoni bħala servizz fil-qasam tat-trasport”






 Introduzzjoni

1.        Il-kawża preżenti hija t-tieni waħda li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja se tindirizza l-kwistjonijiet legali relatati mal-funzjonament tal-pjattaforma tat-trasport lokali Uber (2). Fil-qalba tal-ewwel kawża, li fiha jien ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-11 ta’ Mejju 2017 (3), kien hemm il-kwistjoni dwar jekk servizz bħal dak ipprovdut minn Uber għandux jiġi kklassifikat bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni. Din il-kwistjoni terġa’ tqum fil-kawża preżenti. Madankollu, hija tikkonċerna problema differenti, dik dwar jekk ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għas-servizzi bħal dak propost minn Uber kellhomx jiġu kkomunikati bħala regoli relatati mas-servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-komunikazzjoni teknika. Issa, kif se nispjega iktar ’il quddiem, din il-kwistjoni hija parzjalment indipendenti mill-klassifikazzjoni tal-attività ta’ Uber.

2.        Għalhekk ser niddedika dawn il-konklużjonijiet prinċipalment għall-problema tal-komunikazzjoni, billi nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi msemmija iktar ’il fuq għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-attività ta’ Uber bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 1(2), (5) u (11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [informazzjoni] (4), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998 (5) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34 emendata”) jippreskrivi (6):

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin: […]

2.      ‘servizz’: kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [informazzjoni], jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–      ‘mill-bogħod’: tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

–      ‘b’mezzi elettroniċi’: tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

–      ‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’: tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

[…]

5.      ‘regola dwar is-servizzi’: ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[…]

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

–        regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat,

–        regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali.

[…]

11.      ‘regolament tekniku [regola teknika]’: speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[…]”

4.        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 emendata:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku [regola teknika], għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

 Id-dritt Franċiż

5.        L-Artikoli L. 3120‑1 et seq tal-code des transports (kodiċi tat-trasport) jirregolaw is-servizzi tat-trasport bit-triq tal-persuni offruti bi ħlas permezz ta’ vetturi ta’ inqas minn għaxar postijiet.

6.        L-Artikolu L. 3124-13 tal-istess kodiċi jippreskrivi:

“L-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu L. 3120-1 mingħajr ma jkunu la impriżi tat-trasport bit-triq li jistgħu jwettqu s-servizzi okkażjonali msemmija fil-Kapitolu II tat-Titolu I ta’ dan il-ktieb, u lanqas taxis, vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti jew vetturi tat-trasport b’xufier fis-sens ta’ dan it-titolu, hija punibbli b’sentejn priġunerija u b’multa ta’ [EUR] 300 000.

Il-persuni ġuridiċi li jinsabu responsabbli kriminalment għar-reat imsemmi f’dan l-artikolu, minbarra l-multa skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 131-38 tal-kodiċi kriminali, jeħlu l-pieni previsti fil-punti 2 sa 9 tal-Artikolu 131-39 tal-istess kodiċi. Il-projbizzjoni msemmija fil-punt 2 tal-istess Artikolu 131-39 tirrigwarda l-attività li fl-eżerċizzju tagħha jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tagħha jkun twettaq il-ksur. Il-pieni previsti fil-punti 2 sa 7 tal-imsemmi artikolu jistgħu jingħataw biss għal żmien massimu ta’ ħames snin”.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

7.        Uber France hija kumpannija rregolata mid-dritt Franċiż, sussidjarja tal-kumpannija rregolata mid-dritt Olandiż Uber BV, hija stess sussidjarja tal-kumpannija Uber Technologies Inc., bl-uffiċċju rreġistrat tagħha f’San Francisco (l-Istati Uniti tal-Amerika). Uber BV hija l-operatur ta’ pjattaforma elettronika li tippermetti, permezz ta’ smartphone li jkun fih l-applikazzjoni Uber, li jiġi ordnat servizz ta’ trasport urban fil-bliet koperti mis-servizz. Is-servizzi ta’ transport proposti mill-pjattaforma Uber jinqasmu f’kategoriji differenti skont il-kwalità tax-xufiera u t-tip ta’ vettura. Fil-kuntest tas-servizz imsejjaħ UberPop, hemm xufiera individwali mhux professjonisti li jiżguraw it-trasport tal-passiġġieri permezz tal-vetturi rispettivi tagħhom (7).

8.        Il-kumpannija Uber France hija mfittxija quddiem it-tribunal correctionnel (tribunal de grande instance, huitième chambre) de Lille [qorti kriminali (qorti għolja, it-tmien awla) ta’ Lille, Franza], permezz ta’ ċitazzjoni diretta b’kostituzzjoni bħala parti ċivili ta’ Nabil Bensalem, għal diversi fatti, fosthom l-organizzazzjoni, mill-10 ta’ Ġunju 2014, ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt tal-klijenti ma’ persuni li jipprovdu trasport bit-triq ta’ persuni bi ħlas permezz ta’ vetturi ta’ inqas minn għaxar postijiet fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport.

9.        Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, Uber France sostniet li l-Artikolu L. 3124‑13 tal-kodiċi tat-trasport ma jistax jiġi invokat kontriha, minħabba li dan jikkostitwixxi regola teknika (regola dwar is-servizzi) li ma ġietx ikkomunikata, bi ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 emendata. Barra minn hekk huwa stabbilit li din id-dispożizzjoni ma ġietx ikkomunikata. Il-punt dubjuż huwa l-klassifikazzjoni tagħha bħala “Regolament tekniku [regola teknika]”.

10.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de grande instance de Lille (qorti għolja ta’ Lille, Franza) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu L. 3124-13 tal-Code des transports (kodiċi tat-trasport), li jirriżulta mil-Liġi Nru 2014-1104 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar it-taxis u l-vetturi ta’ trasport b’xufier, jikkostitwixxi regola teknika ġdida, mhux impliċita, dwar wieħed jew iktar mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-[Direttiva 98/34 emendata], b’tali mod li dan it-test kellu jiġi nnotifikat [kkomunikat] minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva; jew dan l-artikolu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2006/123 (8)], li fl-Artikolu 2[(2)](d) tagħha teskludi t-trasport?

2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti tad-domanda, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika [komunikazzjoni] previst fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva 98/34] jimplika li l-Artikolu L. 3124‑13 tal-kodiċi tat-trasport ma jistax jiġi invokat kontra individwi?”

11.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2016. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Uber France, mill-Gvernijiet tal-Estonja, ta’ Franza, tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Polonja u tal-Finlandja, kif ukoll mill-Kummissjoni. Il-partijiet fil-kawża prinċipali, il-Gvernijiet tal-Estonja, ta’ Franza u tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (EFTA) kif ukoll il-Kummissjoni kienu rrappreżentati fis-seduta tal-24 ta’ April 2017.

 Analiżi

 Kummenti preliminari

12.      Meta fformulat id-domandi preliminari, il-qorti tar-rinviju evidentement ibbażat fuq il-premessa li l-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala wieħed li jaqa’ fil-qasam tat-trasport fis-sens tad-Direttiva 2006/123 teskludi l-klassifikazzjoni tiegħu bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, li jrendi inapplikabbli l-obbligu ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernawh skont id-Direttiva 98/34 emendata. Madankollu ma huwiex ċert li teżisti tali konsegwenza awtomatika, billi d-Direttiva 98/34 emendata ma tinkludix esklużjoni għat-trasport analogu għal dak previst fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/123 (9). Fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed, mingħajr ma tiġi indirizzata l-klassifikazzjoni tal-attività ta’ Uber fid-dawl tad-Direttiva 2006/123, li tiġi analizzata l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjoni inkwistjoni tad-dritt Franċiż tikkostitwixxix regola teknika – u iktar speċifikament regola relatata mas-servizzi, minħabba li hija l-unika kategorija ta’ regoli tekniċi ikkonċernati – li kellha tiġi kkomunikata b’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34 emendata.

13.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 emendata, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi u tippenalizza l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jwettqu attivitajiet ta’ trasport tal-passiġġieri bi ksur tar-regoli applikabbli għal dawk l-attivitajiet ta’ trasport tikkostitwixxi regola b’rabta mas-servizzi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva. It-tieni domanda preliminari tikkonċerna l-konsegwenzi eventwali għall-proċedura fil-kawża prinċipali tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ tali dispożizzjoni jekk din kellha titqies li tikkostitwixxi regola teknika.

14.      Dawn id-domandi naturalment iqajmu l-problema dwar jekk servizz bħas-servizz UberPop propost minn Uber jistax jiġi kklassifikat bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni. Jien iddedikajt il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (10) għal din il-kwistjoni, li hawnhekk se nillimita ruħi li niddeskrivi fil-qosor, filwaqt li nissupplimentahom fir-rigward ta’ żewġ punti. Madankollu, naħseb li l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-dritt Franċiż jikkostitwixxux regoli tekniċi tista’ tiġi solvuta indipendentement mill-klassifikazzjoni tas-servizz UberPop. Dan ser nispjegah fit-tieni parti tal-analiżi tiegħi. Finalment, il-problema tal-konsegwenzi eventwali tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni se tkun tikkostitwixxi s-suġġett tat-tielet parti.

 Fuq il-klassifikazzjoni tas-servizz ta’ Uber

15.      Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi, ikkonstatajt li s-servizz UberPop ipprovdut minn Uber kien servizz uniku kumpless, li jikkonsisti minn servizz ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ passiġġieri max-xufiera permezz ta’ softwer għall-ismartphones u minn servizz ta’ trasport. Barra minn hekk innotajt li, fil-preżenza ta’ tali servizz imħallat, l-element tiegħu li huwa pprovdut b’mezz elettroniku ma jista’ jitqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-definizzjoni ta’ tali servizzi li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 emendata, biss bil-kundizzjoni li huwa jkun ekonomikament indipendenti mill-element li ma huwiex ipprovdut b’dan il-mezz jew li huwa jikkostitwixxi l-provvista prinċipali tas-servizz imħallat. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (jiġifieri kemm tad-Direttiva 98/34 emendata kif ukoll tad-Direttiva 2000/31 (11)) għal servizzi li la huma indipendenti u lanqas prinċipali meta mqabbla ma dawk li ma jaqgħux taħt din il-leġiżlazzjoni tmur kontra l-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, ma tissodisfax l-għan tagħhom u toħloq inċertezza legali, sa fejn dawn is-servizzi l-oħra jistgħu jiġu rregolati b’mod differenti fid-dritt nazzjonali, li huwa l-każ b’mod speċjali f’qasam speċifiku bħalma huwa t-trasport (12).

16.      Skont l-informazzjoni disponibbli dwar il-mod ta’ funzjonament ta’ Uber, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet ta’ fatt finali tal-qrati nazzjonali, fil-kuntest tas-servizz UberPop, is-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt, imwettaq b’mod elettroniku, ma huwiex indipendenti mis-servizz ta’ trasport, għaliex huwa marbut miegħu b’mod inseparabbli u ż-żewġ servizzi fil-fatt huma pprovduti mill-kumpannija Uber. Hija, b’mod inkontestabbli fornitur tat-tqegħid f’kuntatt, fil-fatt teżerċita kontroll dominanti wkoll fuq is-servizz ta’ trasport innifsu. Imbagħad, jien qist ukoll li s-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt kien sekondarju meta mqabbel mas-servizz ta’ trasport li jikkostitwixxi r-raġuni reali għall-eżistenza ekonomika tas-servizz UberPop fl-intier tiegħu (13). Minn dan jien ikkonkludejt li tali servizz ma għandux jitqies bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-definizzjoni ta’ tali servizzi li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 emendata (14).

17.      Jien ser nibqa’ ta’ din l-opinjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża u ser nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi għal iktar dettalji. Se nillimita ruħi li nissupplimenta l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’dawk il-konklużjonijiet fir-rigward ta’ żewġ punti.

18.      L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi irid ikun hemm distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ Uber u dik tat-tilwima li tat lok għas-sentenza Vanderborght, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha ftit jiem qabel il-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li r-reklamar għal prattika dentali magħmul permezz ta’ sit internet maħluq mill-prattikant inkwistjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni” (15).

19.      Issa, għalkemm f’din is-sitwazzjoni jeżisti servizz intiż għall-utenti (minbarra l-imsemmi prattikant stess), dan huwa servizz bl-għan ta’ informazzjoni. Dan, fi kwalunkwe każ prinċipalment, ma huwiex intiż għall-persuni li diġà huma klijenti tal-prattikant ikkonċernat, iżda għall-pubbliku inġenerali, bit-tama li jiġu attirati klijenti ġodda. Tali informazzjoni tista’ twassal jew ma twassalx (probabbilment dak li jiġri fil-biċċa l-kbira tal-każijiet) għall-provvista sussegwenti ta’ servizzi dentali. Għalkemm dan ir-reklamar huwa mingħajr dubju marbut mill-qrib mal-prattika dentali bħala tali, min-naħa l-oħra dan ma għandu ebda rabta mal-kura dentali konkreta pprovduta lil pazjenti individwali.

20.      Is-sitwazzjoni hija kompletament differenti fil-każ tas-servizz ta’ tqegħid f’kuntatt fil-kuntest tal-pjattaforma Uber, li huwa indirizzat għal persuni li huma diġà klijenti ta’ Uber u li l-għan tiegħu huwa t-twettiq ta’ servizz speċifiku tat-trasport. Dan it-tqegħid f’kuntatt barra minn hekk huwa l-pass obbligatorju li għandu jittieħed sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mis-servizz ta’ trasport fil-kuntest tas-sistema ta’ Uber.

21.      Fid-dawl ta’ dawn id-differenzi, ma naħsibx li t-tagħlimiet meħuda mis-sentenza Vanderborght jistgħu jiġu applikati direttament għall-ħtiġijiet tal-analiżi tal-kwistjoni tal-klassifikazzjoni ta’ servizzi bħal UberPop bħala servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

22.      It-tieni nett, nixtieq nenfasizza li s-sitwazzjoni fil-kuntest tas-servizz ipprovdut minn Uber hija nettament differenti minn dik tar-relazzjoni ta’ franchisor mal-franchisees tiegħu fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ frankiġja. Huwa minnu li l-franchisor jista’ wkoll jeżerċita kontroll strett fuq l-attività tal-franchisees, sal-punt li l-klijenti jipperċepixxu l-franchisees pjuttost bħala sussidjarji tal-franchisor milli bħala impriżi indipendenti. Madankollu, ir-rwol tal-franchisor huwa limitat għall-provvista ta’ servizzi (liċenzji tat-trade marks, għarfien, provvista ta’ tagħmir, pariri, eċċ.) lill-franchisees. Huwa ma għandu l-ebda relazzjoni mal-utenti tas-servizzi finali, billi l-fornituri ta’ dawn is-servizzi finali huma biss il-franchisees. Is-servizzi tal-franchisor b’hekk huma indipendenti mis-servizzi finali, anki jekk, f’dan il-kuntest, il-franchisor jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tal-provvista ta’ dawn tal-aħħar. Uber, min-naħa l-oħra, hija direttament involuta fil-provvista tas-servizz finali lill-utenti, b’tali mod li għandha titqies bħala l-fornitur ta’ dan is-servizz, kuntrarjament għal franchisor.

 Fuq il-klassifikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni bħala regola teknika

23.      Anki li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li s-servizz UberPop huwa servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, dan bl-ebda mod ma taffettwa l-klassifikazzjoni tad-dispożizzjoni tad-dritt Franċiż inkwistjoni bħala regola teknika. Fil-fatt, kull dispożizzjoni li tikkonċerna b’xi mod, ikun liema jkun, is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, ma taqax awtomatikament fil-kategorija tar-regoli tekniċi.

24.      Id-Direttiva 98/34 emendata fil-fatt tiddistingwi, fost id-diversi kategoriji ta’ regoli tekniċi, dawk relatati mas-servizzi, filwaqt li huwa speċifikat li huma kkonċernati biss is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Skont id-definizzjoni fl-Artikolu 1(5) ta’ din id-direttiva, regola relatata mas-servizzi hija ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha relatata mal-aċċess u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi. Biex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala regola teknika, ikun għad jeħtieġ li tali ħtieġa jkollha l-iskop u l-għan speċifiku li tirregola dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat. Min-naħa l-oħra, ir-regoli li jikkonċernaw dawn is-servizzi b’mod impliċitu jew inċidentali biss, huma esklużi.

25.      L-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport jipprojbixxi l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jeżerċitaw l-attività ta’ trasport bi ksur tar-regoli applikabbli għal dawn l-attivitajiet ta’ trasport. Din il-projbizzjoni hija akkumpanjata minn sanzjonijiet kriminali.

26.      Nista’ tassew nammetti li, kif issostni b’mod partikolari Uber France fl-osservazzjonijiet tagħha, din il-projbizzjoni prinċipalment tirrigwarda s-sistemi ta’ tqegħid f’kuntatt b’mezz elettroniku. Fil-fatt, attwalment, tali sistemi huma teknikament u ekonomikament vijabbli biss jekk jiffunzjonaw permezz tat-teknoloġija tal-informatika, u konsegwentement b’mezz elettroniku fis-sens tad-Direttiva 98/34 emendata. Għalkemm għad hemm sistemi ta’ tqegħid f’kuntatt bit-telekomunikazzjoni, l-organizzazzjoni tagħhom tirrikjedi mezzi tekniċi kbar (call centers, terminals fil-vetturi), li ma tantx jagħmel probabbli l-possibbiltà li tali sistema tiġi organizzata bil-parteċipazzjoni ta’ persuni li jeżerċitaw l-attività tat-trasport lil hinn mill-kuntest ġuridiku.

27.      Għalhekk ma inix konvint mill-argumenti tal-Gvern Franċiż li jgħidu li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tirrigwardax speċifikament is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, minħabba li din id-dispożizzjoni tista’ tikkonċerna kategoriji oħra ta’ intermedjarji fil-qasam tat-trasport.

28.      Dan espost, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni ma hijiex intiża sabiex tipprojbixxi jew tirregola b’xi mod ieħor l-attività ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti mal-fornituri tas-servizzi ta’ trasport inġenerali. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa biss li tipprojbixxi u li trażżan l-attività ta’ intermedjarju fl-eżerċizzju illegali tal-attività ta’ trasport. L-attività ta’ intermedjarju fis-servizzi ta’ trasport legali tibqa’ kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

29.      Għaldaqstant jien tal-istess fehma bħal dik espressa mill-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li skontha din id-dispożizzjoni tikkonċerna s-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni biss b’mod inċidentali. Fil-fatt, l-għan ta’ din id-dispożizzjoni ma huwiex li tirregola dawn is-servizzi speċifikament, iżda li tiżgura l-effettività tal-leġiżlazzjoni relatata mas-servizzi ta’ trasport, servizzi li ma humiex koperti mid-Direttiva 98/34 emendata.

30.      Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tal-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport, sa fejn tipprojbixxi l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jwettqu s-servizzi ta’ trasport bi ksur tar-regoli applikabbli, għandha tiġi evalwata fil-kuntest tagħha. Fil-fatt, jekk attività tkun illegali, kwalunkwe kompliċità fl-eżerċizzju ta’ din l-attività jista’ jitqies ukoll fid-dritt nazzjonali bħala illegali. Dan huwa l-każ speċjalment meta din il-kompliċità jkollha n-natura ta’ organizzazzjoni ta’ sistema u meta hija titwettaq bi skop ta’ qligħ (16). Il-kontribuzzjoni leġiżlattiva tal-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport għalhekk fir-realtà tikkonsisti prinċipalment fl-istabbiliment ta’ sanzjonijiet kriminali għall-parteċipazzjoni f’attività li l-illegalità tagħha tirriżulta diġà mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

31.      Jekk kull dispożizzjoni nazzjonali li tipprojbixxi jew tissanzjona l-intermedjazzjoni f’attivitajiet illegali kellha titqies li hija regola teknika biss minħabba l-fatt li din l-intermedjazzjoni ssir, x’aktarx, b’mezz elettroniku, numru kbir ta’ regoli interni tal-Istati Membri, miktuba jew mhux miktuba, ikollhom jiġu kkomunikati abbażi ta’ dan. Dan iwassal għal twessigħ indebitu tal-obbligu ta’ komunikazzjoni (17), u dan mingħajr ma jikkontribwixxi realment għall-ilħuq tal-għanijiet ta’ din il-proċedura, li hija intiża li tipprevjeni lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri li ma humiex kompatibbli mas-suq intern u li tippermetti li l-operaturi ekonomiċi jużaw aħjar il-vantaġġi tas-suq intern (18). Minflok, tali obbligu ta’ komunikazzjoni eċċessiv, issanzjonat min-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ regoli mhux ikkomunikati (19), jippermetti li wieħed jevadi l-liġi u joħloq inċertezza legali, inkluż fir-relazzjonijiet bejn l-individwi.

32.      Għalkemm l-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport jista’ jiġi interpretat, kif issostni Uber France fl-osservazzjonijiet tagħha, bħala dirett speċifikament kontra l-funzjonament tal-pjattaforma Uber, dan huwa minħabba l-fatt li Uber, billi żviluppat is-servizz UberPop tagħha, għażlet intenzjonalment mudell ekonomiku irrikonċiljabbli mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-attività ta’ trasport tal-passiġġieri (20). Fil-fatt, dan il-mudell huwa bbażat fuq servizzi ta’ xufiera mhux professjonisti li, mid-definizzjoni tagħhom stess, ma għandhomx l-awtorizzazzjonijiet neċessarji skont id-dritt Franċiż biex jeżerċitaw l-attività ta’ trasport. Iżda dan ma jagħmilx l-imsemmija dispożizzjoni regola li tirregola l-attivitajiet ta’ intermedjarju fil-qasam tat-trasport inġenerali.

33.      Għal dawn ir-raġunijiet, naħseb li l-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport jirrigwarda biss inċidentalment is-servizzi ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jwettqu servizzi ta’ trasport, sa fejn dan it-tqegħid f’kuntatt jikkonċerna l-eżerċizzju illegali tal-imsemmija servizzi. Id-dispożizzjoni inkwistjoni għalhekk għandha tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 emendata, b’konformità mat-tieni inċiż tal-ħames subparagrafu tal-Artikolu (1)(5) ta’ din id-direttiva.

34.      Din l-esklużjoni ma hijiex dovuta għall-fatt li d-dispożizzjoni inkwistjoni taqa’ taħt il-qasam kriminali, iżda għall-fatt li din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix u ma tissanzjonax attività li għandha n-natura ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni b’mod ġenerali, iżda biss sa fejn din l-attività tikkostitwixxi att ta’ kompliċità fl-eżerċizzju ta’ attività oħra, billi din hija illegali u tinsab ukoll barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 emendata.

 Fuq il-konsegwenzi eventwali tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni

35.      Permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, liema konsegwenzi għandha tislet, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, min-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport.

36.      Naturalment, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-proposta tiegħi dwar ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari, billi tiddeċiedi li d-dispożizzjoni inkwistjoni ma tikkostitwixxix regola teknika fis-sens tad-Direttiva 98/34 emendata u għalhekk ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, din it-tieni domanda preliminari ma tkunx iktar rilevanti. Minkejja dan, ser nanalizzaha għal finijiet ta’ kompletezza, minħabba li r-risposta neċessarja tippermetti li tinkiseb viżjoni sħiħa tas-suġġett.

37.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonċerna l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tar-regoli tekniċi hija stabbilita sew. Bħala prinċipju, tali nuqqas jikkostitwixxi difett proċedurali fl-adozzjoni tar-regoli tekniċi kkonċernati u jinvolvi n-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ dawn ir-regoli tekniċi, b’tali mod li dawn ma jkunux jistgħu jiġu invokati fil-konfront ta’ individwi (21). Peress li tikklassifika n-nuqqas ta’ komunikazzjoni bħala difett proċedurali, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tapplika għalih l-istess sanzjoni li hija prevista f’każ ta’ nuqqas ta’ kompatibbiltà sostantiva ta’ regola interna ma’ regola tad-dritt tal-Unjoni (22).

38.      Għaldaqstant, kull individwu li jkun jixtieq jevita l-applikazzjoni ta’ regola jista’ jinvoka l-fatt li din ma ġietx ikkomunikata, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi ddeterminat jekk din ir-regola hijiex sostantivament kuntrarja għal-libertajiet tas-suq intern. Dan in-nuqqas ta’ infurzabbiltà jista’ jkun ta’ benefiċċju wkoll għall-operaturi li l-attività tagħhom, filwaqt li tkun taqa’ taħt ir-regola inkwistjoni, ma tkunx tikkostitwixxi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari minħabba li r-rwol tagħhom ma jkunx limitat għal servizzi pprovduti b’mezz elettroniku (23). F’moħħi għandi b’mod partikolari l-każ inkwistjoni f’din il-kawża, dak ta’ Uber. Kif argumentajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi, l-attività tagħha ma taqax taħt il-kunċett ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni (24), għalkemm din tista’ titwettaq skont l-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasport. Madankollu, din il-konsegwenza hija inerenti għan-natura ta’ difett proċedurali tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni, li jinvalida r-regola mhux ikkomunikata fir-rigward ta’ kull parti f’kawża.

39.      Għaldaqstant ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li, jekk l-Artikolu L. 3124-13 kellu jitqies bħala li jikkostitwixxi regola relatata mas-servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34 emendata, dan ma jistax jiġi infurzat fil-konfront ta’ individwi, sa fejn ma ġiex ikkomunikat b’konformità mal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.

40.      Finalment, f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 15(7) tad-Direttiva 2006/123, imqajjem mill-Kummissjoni waqt is-seduta, infakkar li, fil-fehma tiegħi (25), għalkemm l-attività ta’ Uber ma hijiex meqjusa bħala servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni minħabba n-natura kumplessa tagħha, din mingħajr dubju taqa’ fil-qasam tat-trasport, u dan jeskludiha mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

 Konklużjoni

41.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li r-risposta għad-domandi preliminari magħmula mit-Tribunal de grande instance de Lille (qorti għolja ta’ Lille, Franza) tkun li:

L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [informazzjoni], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, moqri flimkien mal-punt 2 ta’ dan l-artikolu, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprojbixxi u tippenalizza l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jwettqu attivitajiet ta’ trasport ta’ passiġġieri bi ksur tar-regoli applikabbli għal dawn l-attivitajiet ta’ trasport ma tikkostitwixxix regola relatata mas-servizzi suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      It-tielet talba għal deċiżjonijiet preliminari dwar din il-problema ġiet miċħuda għaliex inammissibbli b’digriet tas-27 ta’ Ottubru 2016, Uber Belgium (C‑526/15, mhux ippubblikat, EU:C:2016:830).


3      Ara l-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364).


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337.


5      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8.


6      B’konformità mal-Artikolu 11 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [informazzjoni](ĠU 2015, L 241, p. 1), id-Direttiva 98/34 ġiet imħassra fis-7 ta’ Ottubru 2015. Madankollu hija tibqa’ tapplika, ratione temporis, għall-fatti fil-kawża prinċipali.


7      Għal deskrizzjoni iktar iddettaljata tal-pjattaforma Uber, ara l-punti 12 sa 15 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364).


8      Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).


9      Bl-għarfien li servizz fil-qasam tat-trasport ma huwiex neċessarjament servizz ta’ trasport fis-sens strett tal-kelma (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2015, Grupo Itevelesa et, C‑168/14, EU:C:2015:68).


10      C‑434/15, EU:C:2017:364.


11      Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


12      Ara l-punti 29 sa 38 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364).


13      Ara l-punti 39 sa 64 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364).


14      Ara l-punti 65 sa 66 tal-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364).


15      Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght (C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 39).


16      Infakkar li s-servizzi għal remunerazzjoni biss jistgħu jitqiesu bħala servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva 98/34 emendata.


17      Twessigħ tal-obbligu ta’ komunikazzjoni (“notification creep”) li barra minn hekk diġà ssemmiet fil-punt 62 tal-konklużjonijiet li l-Avukat Ġenerali Bobek ippreżenta fil-kawża M. u S. (C‑303/15, EU:C:2016:531).


18      Ara s-sentenza tal-4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 82).


19      Ara iktar ’il quddiem.


20      Għandu jiġi nnotat f’dan ir-rigward li Uber ma tistax tinvoka d-dritt tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-leġiżlazzjoni li tikkonċerna s-servizzi ta’ trasport infushom, minħabba li f’dan il-qasam, b’konformità mal-Artikoli 58 u 90 TFUE, hija meħtieġa azzjoni pożittiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni.


21      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 54) u, fl-aħħar lok, tal-4 ta’ Frar 2016, Ince (C-336/14, EU:C:2016:72, punt 67).


22      Ara s-sentenza tat-30 ta’ April 1996, CIA Security International (C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 42).


23      Ara, b’mod partikolari, il-punti 29 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24      Ara l-punti 15 u 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25      Ara l-punti 67 sa 70 tal-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Asociación Profesional Elite Taxi (C‑434/15, EU:C:2017:364).