Language of document : ECLI:EU:C:2017:126

Kawża C-503/15

Ramón Margarit Panicello

vs

Pilar Hernández Martínez

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Reġistratur — Kunċett ta’ qorti jew tribunal nazzjonali — Ġurisdizzjoni obbligatorja — Eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji — Indipendenza — Nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-16 ta’ Frar 2017

Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Kunċett – Secretario Judicial (Spanja) – Esklużjoni – Proċedura fil-kawża prinċipali li għandha natura amministrattiva – Issuġġettar tal-organu għall-osservanza tl-prinċipji ta’ unità ta’ azzjoni u ta’ dependenza ġerarkika

(Artikolu 267 TFUE)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tirrispondi d-domandi magħmula mis-Secretario Judicial del Juzgado de Violencia sobre la Mujer Único de Terrassa (reġistratur tal-qorti fil-qasam tal-vjolenza kontra n-nisa ta’ Terrassa, Spanja). Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, li, fil-kuntest tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, i-Secretario Judicial (reġistratur) ma jikkostitwixxix “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, u dan mingħajr ma jkun hemm lok li jiġi eżaminat jekk dan il-korp jissodisfa l-kriterji l-oħra, elenkati fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, li jippermettu l-evalwazzjoni ta’ din in-natura.

F’dan il-każ, fir-rigward, qabelxejn, tan-natura “obbligatorja” tal-ġurisdizzjoni tal-korp ta’ rinviju, għandu jiġi kkonstatat li dan jagħmel, fil-prinċipju, nieqsa billi l-ġurisdizzjoni tas-Secretario Judicial (reġistratur) sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji, skont tal-Artikoli 34 u 35 tal-LEC, għandha natura purament inċidentali u fakultattiva. Fil-fatt, aġent jew avukat jista’ jressaq din l-azzjoni biss sabiex jitlob il-ħlasijiet relatati ma’ proċedura ġudizzjarja prinċipali diġà konkluża li huwa jkun beda għall-klijent tiegħu. Barra minn dan, sabiex jiġu rkuprati tali ħlasijiet, huwa ma għandu ebda obbligu, la fid-dritt u lanqas fil-fatt, li jressaq tali azzjoni, u jista’, għall-kuntrarju, jagħżel liberament bejn din u proċedura ġudizzjarja dikjarattiva jew ta’ inġunzjoni għal ħlas.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, kif ġie indikat mill-korp ta’ rinviju fit-tielet domanda tiegħu u kif ikkonstata t-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali) fis-Sentenza Nru 58/2016 tas-17 ta’ Marzu 2016, azzjoni għall-ħlas tal-onorarji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt proċedura li għandha natura amministrattiva, fil-kuntest ta’ liema s-Secretario Judicial ma jistax jiġi kkunsidrat li qed jeżerċita funzjoni ġudizzjarja.

Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li s-Secretario Judicial (reġistratur) ma jissodisfax il-kriterju ta’ indipendenza stabbilit fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

F’dan il-każ, huwa ċertament minnu li, meta s-Secretario Judicial (reġistratur) jeżamina l-azzjonijiet tal-ħlasijiet tal-onorarji, jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza kkunsidrat fl-aspett tiegħu intern, billi jwettaq id-dmirijiet tiegħu fl-osservanza sħiħa tal-oġġettività u tal-imparzjalità fir-rigward tal-partijiet għat-tilwima u l-interessi rispettivi tagħhom fiha. Madankollu, huwa stabbilit ukoll li, matul l-imsemmi eżami, is-Secretario Judicial (reġistratur) ma jissodisfax dan ir-rekwiżit ikkunsidrat taħt l-aspett estern tiegħu, li jeħtieġ l-assenza ta’ rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe entità li tista’ tagħtih ordnijiet jew istruzzjonijiet.

Fil-fatt, kif jirrileva l-Gvern Spanjol fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tiegħu, minn qari tal-Artikolu 452(1) tal-Artikolu 465(6) u (8) u tal-Artikolu 467 tal-LOPJ, kif ukoll tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 16(h), tad-Digriet Irjali Nru 1608/2005 li, fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet kollha tiegħu, is-Secretario Judicial jirċievi, u huwa obbligat li josserva, l-istruzzjonijiet tas-superjur ġerarkiku tiegħu, salv meta huwa jeżerċita l-kompetenzi li jirrigwardaw il-fiduċja pubblika ġudizzjarja, jiġifieri matul l-awtentikazzjoni tal-atti u ta’ dokumenti ta’ proċedura kif ukoll matul iċ-ċertifikazzjoni tal-fatti li jipproduċi effetti proċedurali, fejn ikun adotta atti ta’ organizzazzjoni u ta’ amministrazzjoni tal-kawża. Għalhekk mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-istat attwali tal-leġiżlazzjoni Spanjola, is-Secretario Judicial (reġistratur) huwa msejjaħ sabiex jieħu konjizzjoni tal-azzjoni għall-ħlas ta’ onorarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali fl-osservanza tal-prinċipji ta’ unità ta’ azzjoni u ta’ issuġġettar ġerarkiku.

(ara l-punti 31, 35, 36, 39-42 u dispożittiv)