Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-171/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Bottka u H. Tserepa-Lacombe, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

tiddikjara li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli introdotta u miżmuma fis-seħħ mill-Ungerija, irregolata bil-Liġi CC tal-2011 u bid-digriet governattiv ta’ eżekuzzjoni Nru 356/2012, tat-13 ta’ Diċembru 2012, li toħloq monopolju permezz tal-għoti ta’ drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. u tostakola d-dħul fis-suq bl-ingross tal-ħlasijiet mobbli, li preċedentement kien miftuħ għall-kompetizzjoni, u li l-istabbiliment tagħha, barra minn hekk, la kien neċessarju u lanqas ma kien proporzjonat, tmur

fl-ewwel lok, kontra l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123/KE 1 , u

fit-tieni lok, kontra l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In-nemzeti mobilfizetési rendszerről szóló, 2011. április 1-jei CC. Törvény (Liġi CC tal-1 ta’ April 2011, dwar is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli; iktar ’il quddiem il-“Liġi”) bidlet il-kuntest ġuridiku tas-servizzi ta’ ħlas mobbli b’effett mil-1 ta’ April 2013, għalkemm bdiet tipproduċi effetti vinkolanti biss mit-2 ta’ Lulju 2014. Il-liġi tiddefinixxi servizzi ta’ kummerċjalizzazzjoni mobbli ċentralizzata fis-segwenti oqsma: a) servizz pubbliku ta’ parking; b) għoti ta’ aċċess għal toroq pubbliċi bil-għan ta’ ċirkolazzjoni fihom; ċ) trasport ta’ persuni mwettaq minn impriża tal-Istat; d) servizzi oħra pprovduti minn korpi tal-Istat. Mis-servizzi kollha msemmija, fil-prattika, sa issa, fl-Ungerija l-ħlassijiet mobbli huma biss possibbli fil-kuntest tas-servizz pubbliku ta’ parking u fl-ambitu tal-għoti ta’ aċċess għat-toroq pubbliċi bil-għan ta’ ċirkolazzjoni fihom (tikketta ta’ ħlas elettronika “e-matrica” u sistema “HU-GO”). Minkejja dan, din il-proċedura tirrigwarda l-erba’ oqsma rregolati mil-Liġi.

Skont il-Kummissjoni u f’dak li jirrigwarda s-servizz pubbliku ta’ parking, il-kumpannija Nemzeti Mobilfizetési Zrt. fundamentalment twettaq l-istess attività bħal dik imwettqa mill-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ ħlas mobbli fis-sistema preċedenti, iżda bid-differenza li din għandha dritt esklużiv li tikkonkludi kuntratti ma’ operaturi ta’ parkings u li t-tariffi tagħha huma stabbiliti b’regolament. L-istess jista’ jingħad f’dak li jirrigwarda l-qasam tal-għoti ta’ aċċess għal toroq pubbliċi bil-għan ta’ ċirkolazzjoni fihom, peress li Nemzeti Mobilfizetési Zrt. hija l-unika fornitriċi ta’ servizzi li għandha relazzjoni kuntrattwali mal-fornitur tas-servizz pubbliku u li tista’ tbiegħ direttament l-awtorizzazzjoni għall-użu tat-toroq. B’konsegwenza ta’ dan, f’dawn iż-żewġ oqsma, il-fornituri l-oħra ta’ servizzi ta’ ħlas mobbli u ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli jistgħu joperaw biss bħala rivendituri.

Konsegwentement, l-istabbiliment tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli u d-drittijiet esklużivi mogħtija lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. jostakolaw lill-impriżi Ungeriżi kif ukoll lil dawk barranin milli jidħlu fis-suq bl-ingross tal-ħlas mobbli – u, għaldaqstant, fis-suq tas-servizzi offruti, bis-saħħa ta’ kuntratti mal-fornitur tas-servizz pubbliku ta’ parking jew ta’ servizzi pubbliċi oħra, lil fornituri oħra li huma rivendituri ta’ servizzi ta’ ħlas mobbli – li preċedentement kien miftuħ għall kompetizzjoni. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ir-regoli dwar is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, meta kkunsidrati globalment, joħolqu diskriminazzjoni u jmorru kontra l-libertà ta’ stabbiliment (ksur tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2006/123 u tal-Artikolu 49 tat-Trattat FUE). Bl-istess mod, dawn ir-regoli jmorru wkoll kontra l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ksur tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 u tal-Artikolu 56 tat-Trattat FUE), peress li d-drittijiet esklużivi mogħtija lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. jillimitaw il-provvista ta’ servizzi transkonfinali. Fir-rigward tas-servizzi l-oħra ta’ kummerċjalizzazzjoni mobbli ċentralizzata, li fir-rigward tagħhom madankollu għadu mhux possibbli li jsir ħlas mobbli fl-Ungerija, il-Liġi tistabbilixxi l-istess dritt esklużiv favur Nemzeti Mobilfizetési Zrt. u l-analiżi ġuridika esposta iktar ’il fuq hija valida wkoll f’dan ir-rigward.

Konformament mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE u tad-Direttiva 2006/123, limitazzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi jistgħu jiġu stabbiliti biss meta ma jkunux diskriminatorji u jkunu fl-interess pubbliku u meta josservaw, barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. Skont il-Kummissjoni, l-argumenti mressqa mill-Ungerija ma jippermettux li l-limitazzjonijiet introdotti bil-Liġi jiġu ġġustifikati, peress li ma josservawx ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità.

____________

1 Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).