Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ Mejju 2017 minn Canadian Solar Emea GmbH, Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc., Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc., Csi Cells Co. Ltd, Csi Solar Power (China), Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-28 ta’ Frar 2017 fil-Kawża T-162/14, Canadian Solar Emea GmbH et vs Il-Kunsill

(Kawża C-236/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Canadian Solar Emea GmbH, Canadian Solar Manufacturing (Changshu), Inc., Canadian Solar Manufacturing (Luoyang), Inc., Csi Cells Co. Ltd, Csi Solar Power (China), Inc. (rappreżentanti: J. Bourgeois, avocat, S. De Knop, advocaat, M. Meulenbelt, advocaat, A. Willems, avocat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-162/14;

tilqa’ r-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza u tannulla r-regolament ikkontestat sa fejn dan jikkonċerna lill-appellanti;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-appellanti, kif ukoll l-ispejjeż tiegħu stess, kemm tal-ewwel istanza kif ukoll tal-appell;

tikkundanna lill-partijiet l-oħra kollha fl-appell isostnu l-ispejjeż tagħhom stess;

sussidjarjament

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-162/14;

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal sentenza;

tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell sas-sentenza finali mill-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-partijiet l-oħra kollha fl-appell isostnu l-ispejjeż tagħhom stess.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi talbet lill-appellanti juru interess sabiex iqajmu l-ewwel u t-tieni motivi; fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tagħha tal-fatti peress li l-appellanti għandhom tali interess.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi talbet lill-appellanti juru interess sabiex iqajmu t-tielet motiv; il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament Nru 1225/2009 (ir-“Regolament bażikuˮ) 1 .

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-Regolament Nru 1168/2012 kien japplika għall-investigazzjoni antidumping preżenti 2 ; il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar it-talba tal-appellanti għal status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma jivvizzjax ir-regolament ikkontestat.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ppermettiet lill-istituzzjonijiet jistabbilixxu dazju antidumping f’livell li jagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat minn fatturi li ma humiex l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping; il-Qorti Ġeneral wettqet żball ta’ liġi billi indebitament qelbet l-oneru tal-prova.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51). Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku ġie ssostitwit minn artikolu identiku, jiġifieri l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

2 Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU 2012, L 344, p. 1).