Language of document : ECLI:EU:C:2017:613

Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fis-26 ta’ Lulju 2017 (1)

Kawża C-557/15

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika ta’ Malta

“Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Direttiva 2009/147/KE – Deroga li tippermetti l-qabda ta’ ċerti speċi ta’ għasafar tal-għana”






1.        F’din il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu, il-Kummissjoni qiegħda ssostni li l-leġiżlazzjoni Maltija li tippermetti l-qabda ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana (2) tmur kontra d-Direttiva 2009/147/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi”)(3) u li r-regoli nazzjonali kkonċernati ma humiex koperti mid-deroga prevista fl-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, li tippermetti l-qabda ta’ ċerti speċi f’ċerti każijiet. Kif talbitni l-Qorti tal-Ġustizzja, f’dawn il-konklużjonijiet ser neżamina biss l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni li “ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti” u tal-espressjoni “użu meqjus” fl-Artikolu 9(1)(c) li tqajjem punt ta’ liġi ġdid.

 Id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi

2.        Il-premessi 3 sa 5, 7 u 12 jiddikjaraw:

“(3)      Numru kbir ta’ speċi ta’ għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri qed jonqsu fin-numru, f’ħafna każi b’mod mgħaġġel. Dan it-tnaqqis jirrapreżenta theddid serju għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali, partikolarment minħabba l-bilanċi bijoloġiċi mhedda minn dan.

(4)      L-ispeċi tal-għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri huma prinċipalment speċi li jemigraw. Speċi bħal dawn jikkostitwixxu patrimonju komuni u l-protezzjoni effettiva tal-għasafar hija problema ambjentali tipikament transkonfinali li ġġib magħha responsabbiltajiet komuni.

(5)      Il-konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri hija neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet tal-[Unjoni] rigward it-tmexxija ’l quddiem tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-iżvilupp sostenibbli.

[…]

(7)            Il-konservazzjoni hija mmirata lejn il-protezzjoni fit-tul u l-amministrazzjoni tar-riżorsi naturali bħala parti integrali tal-patrimonju tal-poplu tal-Ewropa. […]

[…]

(12)            Minħabba l-importanza li tista’ tkun marbuta ma’ ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, għandu jkun hemm dispożizzjoni għall-possibilità ta’ derogi fuq ċerti kundizzjonijiet u suġġetti għal monitoraġġ mill-Kummissjoni.”

3.        L-Artikolu 1 jistabbilixxi li d-Direttiva “hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat” u li “tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom”.

4.        L-Artikolu 2 jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali”.

5.        L-Artikolu 5 jistabbilixxi li:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

(a)      il-qtil u l-qabda intenzjonata bi kwalunkwe metodu;

[…]

(e)      iż-żamma tal-għasafar ta’ speċi li l-kaċċa u l-qabda tagħhom hija pprojbita.”

6.        L-Artikolu 8 jipprojbixxi, fir-rigward tal-kaċċa, tal-qabda u tal-qtil ta’ għasafar taħt id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, “l-użu tal-mezzi, arranġamenti u l-metodi kollha użati għall-qabda jew qtil tal-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi, partikolarment l-użu ta’ dawk elenkati fl-Anness IV punt (a)”.

7.        Wieħed mill-mezzi, arranġamenti jew metodi pprojbiti, elenkati fir-raba’ inċiż tal-punt (a) tal-Anness IV, huwa l-użu ta’ “[x]biek, nasses, lixki valenati jew anestetiċi”.

8.        L-Artikolu 9(1) jipprovdi dan li ġej:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)       –      fl-interess tas-saħħa u s-siġurtà tal-pubbliku;

–        fl-interess tas-sigurtà tal-ajru;

–        biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u tal-ilma;

–        għall-protezzjoni tal-flora u l-fawna;

(b)      għal għanijiet tar-riċerka u t-tagħlim, tar-ripopolazzjoni, l-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tagħmir neċessarju għal dawn l-għanijiet;

(c)      biex jippermettu, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta u fuq bażijiet selettivi, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar.”

9.        Skont l-Artikolu 9(2), id-deroga skont l-Artikolu 9(1) għandha tispeċifika:

“(a)      l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi;

(b)      l-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi awtorizzati għall-qabda jew il-qtil;

(c)      il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw;

(d)      l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min;

(e)      il-kontrolli li se jkunu magħmula.”

10.      L-Artikolu 9(3) jobbliga lill-Istati Membri jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu 9(1) u (2).

11.      L-Artikolu 9(4) jipprovdi li l-Kummissjoni għandha, fuq il-bażi tal-informazzjoni li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha, u b’mod partikolari fuq il-bażi tal-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lilha skont l-Artikolu 9(3), “dejjem tassigura li l-konsegwenzi tad-derogi previsti [fl-Artikolu 9(1)] ma humiex inkompatibbli ma’ din id-Direttiva”. Il-Kummissjoni hija meħtieġa tieħu “passi xierqa” għal dan l-iskop.

 Id-dritt nazzjonali

 L-Avviż Legali 253 tal-2014

12.      L-Avviż Legali 253 tal-2014 (4) dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi huwa att ta’ applikazzjoni ġenerali li jistabbilixxi l-qafas għad-deroga li tiftaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-ħarifa.

13.      Ir-Regolament 2(2) ta’ dan l-avviż jiddefinixxi “stazzjon minn fejn isir l-insib” bħala l-“periferija ġewwa s-sit tal-insib li tikkonsisti f’mhux aktar minn żewġ imnasab minn dura waħda, b’kull xibka ta’ daqs ta’ mhux aktar minn 38 metru kwadru, u l-istazzjon minn fejn isir l-insib jista’ jkun reġistrat fuq persuna waħda jew aktar li jkollha l-liċenzja, u ż-żewġ imnasab ikunu immarkati individwalment fuq il-mappa approvata”.

14.      Ir-Regolament 3(1) jipprovdi li l-“għasafar tal-għana jistgħu jinqabdu intenzjonalment bi xbieki tradizzjonali magħrufin bħala clap-nets bil-għan esklużiv li jinżammu għat-trobbija (5), inkluż l-użu tagħhom fil-fieri u eżibizzjonijiet, għat-tnissil u, jew (6) biex jintużaw bħala għasafar għall-għajat u taħrik skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti”. Il-kumplament tar-Regolament 3 jistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-clap-nets u obbligu li fuq l-għasafar maqbuda jitqiegħed ċurkett li jintuża darba biss.

15.      Ir-Regolament 4 jipprovdi:

“[…] il-perjodu tal-istaġun għall-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa għandu jkun ta’ massimu ta’ tlieta u sebgħin (73) ġurnata bejn ix-xahar ta’ Ottubru u x-xahar ta’ Diċembru tal-istess sena li fiha l-Ministru jista’ jiddeċiedi li għandu jkun miftuħ l-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana fil-Ħarifa bil-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Gazzetta:

Iżda meta jiddikjara l-istaġun għall-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa, il-Ministru għandu jistabbilixxi li m’hemmx soluzzjoni oħra sodisfaċenti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(1) tad-[Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi], u għandu ukoll jieħu konsiderazzjoni taż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata f’livell sodisfaċenti kif ukoll jikkonsidra l-limiti stabbiliti fl-Iskeda II:

Iżda ukoll, meta jistabbilixxi l-perjodu tal-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana fil-Ħarifa, il-Ministru għandu jistabbilixxi l-kwota komplessiva għall-istaġun għal kull waħda mill-ispeċi tal-għasafar tal-għana kif ukoll il-kwota individwali għall-istaġun għal kull liċenza, u għandu ukoll jiddeċiedi jekk jistabbilixxixi l-kwota individwali għal kull jum għal kull liċenza, li għandha tkun permissibbli għal dik id-deroga li tiftaħ l-istaġun għall-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa.”

16.      Ir-Regolament 5 jistabbilixxi r-rekwiżit li wieħed ikollu “liċenza għall-insib fil-Ħarifa għall-għasafar tal-għana”, maħruġa mill-awtorità kompetenti (it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi) sabiex ikun jista’ jonsob għas-seba’ speċi. Il-pussess ta’ liċenzja huwa suġġett għar-rekwiżit li s-siti jew l-istazzjonijiet minn fejn isir l-insib rilevanti jkunu approvati.

17.      Ir-Regolament 8 jirregola l-infurzar matul l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana. Dan ir-regolament jipprevedi verifiki fuq il-post mill-pulizija u jalloka minn tal-inqas seba’ uffiċjali tal-pulizija għal dan il-kompitu għal kull 1 000 liċenzja maħruġa.

18.      L-Iskeda I tikkonsisti f’tabella li telenka s-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana koperti bl-Avviż Legali 253 tal-2014 (7).

19.      L-Iskeda II tipprovdi:

“Meta jkun qed jiġi stabbilit in-numru totali ta’ għasafar tal-għana li jista’ jsir insib għalihom matul l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa, il-Ministru għandu jistabbilixxi l-kwota komplessiva f’mhux iżjed minn 1% mir-rata ta’ mortalità totali ta’ kull sena tal-popolazzjoni li tintuża għar-referenza ta’ kull speċi fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-aħħar data xjentifika disponibbli fir-rigward ta’ għasafar immarkati b’ċurkett li jindika minn fejn passew.

Iżda l-ogħla limitu għal kwota komplessiva għal deroga li tiftaħ l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fil-Ħarifa m’għandux, f’kull każ, jeċċedi dawn in-numri li ġejjin [...]”

20.      F’tabella li tinsab direttament taħt dan, il-“Kwota Nazzjonali” għal kull “Speċi” hija stabbilita kif ġej: Ġojjin 12 000; Gardell 800; Verdun 4 500; Ekra 2 350; Taż-Żebbuġ 500, Sponsun 5 000; u Apparell 2 350.

21.      L-aħħar paragrafu tal-Iskeda II jispjega li dawn in-numri massimi “jistgħu jiġu emendati mill-Ministru, b’avviż fil-Gazzetta, biex ikun hekk jista’ jirrevedihom u jaġġornahom billi jqis l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi konċernati u ż-żamma tal-popolazzjoni tal-ispeċi fuq livell sodisfaċenti”.

 L-Avviżi Legali 250 tal-2014, 330 tal-2015 u 322 tal-2016

22.      L-Avviżi Legali 250 tal-2014 (8), 330 tal-2015 (9) u 322 tal-2016 (10) huma atti adottati mill-Ministru Malti għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima sabiex jiġi implementat l-Avviż Legali 253 tal-2014, fejn l-Avviż Legali 250 tal-2014 ġie adottat fl-istess jum bħall-att li huwa intiż li jimplementa. Ir-Regolament 3 tal-Avviż Legali 250 tal-2014 jistabbilixxi d-dati għall-istaġun tal-insib fil-ħarifa tal-2014 bħala mill-20 ta’ Ottubru 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2014, biż-żewġ dati inklużi (73 jum).

23.      Ir-Regolament 5(1) ta’ dan l-avviż legali jistabbilixxi l-kwota komplessiva tal-istaġun tal-insib fil-ħarifa tal-2014 (jiġifieri, “l-għadd totali ta’ għasafar li jistgħu jinqabdu permezz tal-insib taħt l-awtorità tal-liċenzji kollha maħruġa meħudin flimkien”) bl-istess ammonti preċiżi, għal kull speċi, bħall-kwota komplessiva nazzjonali (massima) stabbilita fl-Avviż Legali 253 tal-2014.

24.      Ir-Regolament 5(2) tal-Avviż Legali 250 tal-2014 jistabbilixxi li l-liċenzja tal-insib fil-ħarifa tal-2014 “għandha tistabbilixxi l-kwota għall-istaġun tal-insib fil-Ħarifa għal total ta’ għaxar (10) għasafar tal-għana għal kull persuna liċenzjata jew dak l-għadd ta’ għasafar taħt l-imsemmi numru li jistgħu jkunu ġew maqbuda qabel ma jkun għalaq l-istaġun”.

25.      L-Avviżi Legali 330 tal-2015 u 322 tal-2016 jimplementaw l-Avviż Legali 253 tal-2014 sabiex jiftħu l-istaġun tal-insib fil-ħarifa fis-snin 2015 u 2016 rispettivament. L-istruttura tagħhom, il-kwota komplessiva nazzjonali u l-arranġamenti l-oħra introdotti minnhom kienu sostanzjalment identiċi għal dawk tal-Avviż Legali 250 tal-2014.

 Il-fatti u l-proċedura

26.      Qabel l-adeżjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea fl-2004, il-qabda tal-għasafar tal-għana sabiex jinżammu għat-trobbija fil-maqful kienet ilha għal żmien twil attività tradizzjonali f’dan l-Istat Membru. Matul in-negozjati dwar l-adeżjoni tagħha, Malta nnegozjat u kisbet deroga tranżitorja fir-rigward tal-insib għall-għasafar tal-għana mid-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi sal-31 ta’ Diċembru 2008. L-insib għall-għasafar tal-għana ġie pprojbit f’Malta b’effett mill-2009. Ma hemm ebda informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk fil-fatt il-prassi tal-insib għall-għasafar tal-għana waqfitx matul dan il-perijodu. Huwa paċifiku li Malta nediet programm għat-tgħammir fil-maqful li kien limitat fil-portata tiegħu; u li Malta waqfet il-programm għat-tgħammir fil-maqful meta ntemm il-perijodu tranżitorju stabbilit fl-Att ta’ Adeżjoni (11).

27.      Qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2013, il-partit li dak iż-żmien kien fl-oppożizzjoni (il-Partit Laburista, iktar ’il quddiem il-“PL”) u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti ta’ Malta (iktar ’il quddiem il-“FKNK”) ħarġu stqarrija konġunta fejn wiegħdu li jekk il-PL jirbaħ l-elezzjoni kienu ser jaħdmu flimkien sabiex, fost affarijiet oħra, tiġi “applikata korrettement deroga” fir-rigward tal-insib tradizzjonali għall-għasafar tal-għana f’Malta. Il-PL sussegwentement rebaħ l-elezzjoni tal-2013. F’Awwissu 2013, il-FKNK bagħat lill-Kumitat Ornis ta’ Malta proposta sabiex l-insib għall-għasafar tal-għana jkun permess taħt l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. Malta sussegwentement bdiet diskussjonijiet mal-Kummissjoni.

28.      Matul l-ewwel nofs tal-2014, il-Kummissjoni kellha sensiela ta’ laqgħat bilaterali ma’ Malta. F’April 2014, Malta ppreżentat Memorandum Tekniku fejn spjegat il-parametri tad-deroga li kellha l-intenzjoni tintroduċi.

29.      Fis-16 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni bagħtet talba fil-kuntest tal-proġett EU Pilot lil Malta fejn spjegat fil-qosor il-pożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni espremiet il-fehma li d-deroga li Malta kellha l-intenzjoni tintroduċi ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. Minkejja dan, fil-15 ta’ Lulju 2014, Malta adottat l-Avviżi Legali 250 u 253 tal-2014 li jawtorizzaw il-qabda tal-għasafar tal-għana. Fil-25 ta’ Awwissu 2014, Malta wieġbet għat-talba fil-kuntest tal-proġett EU Pilot, u sostniet li d-deroga kienet ġustifikata taħt l-Artikolu 9(1)(c).

30.      Fis-17 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil Malta. Malta wieġbet fl-14 ta’ Novembru 2014, u tenniet il-pożizzjoni tagħha.

31.      Fil-15 ta’ Mejju 2015, Malta bagħtet lill-Kummissjoni rapport dwar l-eżitu tal-istaġun tal-“insib” fil-ħarifa tal-2014. Din l-informazzjoni saħħet il-fehma tal-Kummissjoni li d-deroga ta’ Malta kienet inkompatibbli mad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi peress li ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għal deroga taħt l-Artikolu 9. Għaldaqstant, Malta kienet qiegħda tikser il-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 5 u 8. Fit-28 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata. Malta wieġbet fit-28 ta’ Lulju 2015, u tenniet il-pożizzjoni li kienet esprimiet fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.

32.      Fit-30 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rikors ineżami fejn talbet li jiġi kkonstatat li:

–      billi adottat deroga li tippermetti l-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana (12), ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5(a), 5(e) u 8(1), meqjusa flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 9(1), tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi;

–      ir-Repubblika ta’ Malta għandha tbati l-ispejjeż ta’ din il-kawża.

33.      Fil-15 ta’ Frar 2017 inżammet seduta li fiha l-Kummissjoni u Malta ppreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

 L-argumenti tal-partijiet

34.      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka ħames motivi, li tnejn minnhom huma rilevanti għal dawn il-konklużjonijiet. L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li Malta naqset milli turi li ma hemmx soluzzjoni sodisfaċenti oħra, kif jitolbu l-kliem introduttivi tal-Artikolu 9(1). It-tieni nett, Malta ma wrietx li l-attività awtorizzata tikkostitwixxi “użu meqjus” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c).

35.      Malta tinsisti li d-deroga tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi u li hija kompletament konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

 Evalwazzjoni

 Kummenti preliminari

36.      Għalkemm ma huwiex l-iskop ta’ dawn il-konklużjonijiet li jiġu indirizzati l-ħames motivi kollha, xorta waħda jidhirli li huwa importanti li qabel nibda ninnota ċerti fatti li ma humiex qegħdin jiġu kkontestati u li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni Maltija għall-qabda tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.

37.      L-ewwel nett, il-kwota komplessiva tal-istaġun għal kull speċi ta’ għasfur tal-għana hija stabbilita qabel l-istaġun tal-insib fil-ħarifa u kienet iffissata preċiżament fl-istess livell għal kull speċi fl-2014, fl-2015 u fl-2016. Jidher li huwa intrinsikament improbabbli li ma kien hemm ebda varjazzjoni fin-numru ta’ għasafar tal-għana tas-seba’ speċi li jpassu minn Malta minn sena għal oħra (13). It-tieni nett, il-kwota komplessiva taħt id-dritt Malti hija ta’ 27 500 għasfur tal-għana (14). Peress li iktar minn 4 000 liċenzja huma disponibbli u peress li kull liċenzja tintitola lid-detentur tagħha jaqbad mhux iktar minn 10 għasafar tal-għana, dan ifisser li – sakemm l-insib kollu ma jitwaqqafx hekk kif tintlaħaq il-kwota komplessiva tal-istaġun u sakemm ma jkunx hemm infurzar effettiv – il-qabda potenzjali totali għal kull staġun hija iktar ta’ 40 000 għasfur tal-għana milli ta’ 27 500 għasfur tal-għana.

38.      It-tielet nett, kull detentur ta’ liċenzja jista’ jirreġistra “stazzjon minn fejn isir l-insib” wieħed, mgħammar b’“mhux aktar minn żewġ imnasab minn dura waħda, b’kull xibka ta’ daqs ta’ mhux aktar minn 38 metru kwadru” (15). Għalhekk, is-superfiċji totali ta’ xbieki użati jidher li huwa ta’ 152 metru kwadru (16). L-istaġun tal-insib fil-ħarifa fih 73 jum (17). Peress li l-kwota totali permessa hija ta’ għaxar għasafar tal-għana għal kull liċenzja, dan ifisser li superfiċji nett totali ta’ 152 metru kwadru huwa awtorizzat sabiex jinqabad, bħala medja, għasfur tal-għana wieħed biss fil-ġimgħa fuq il-perijodu ta’ 73 jum tal-istaġun tal-insib fil-ħarifa.

39.      Fl-aħħar nett, filwaqt li l-għan esklużiv iddikjarat tal-qabda tal-għasafar taħt il-leġiżlazzjoni Maltija huwa li jinżammu għat-trobbija fil-maqful, parti integrali mill-każ ta’ Malta hija bbażata fuq l-argument li l-qabda ta’ għasafar tal-għana selvaġġi ma hijiex meħtieġa sabiex tinżamm id-diversità ġenetika tal-għasafar imrobbija fil-maqful. Milli jidher, għal raġunijiet xjentifiċi, jagħmel iktar sens li għal dan l-iskop jiġu importati għasafar tal-għana addizzjonali li jkunu mrobbija fil-maqful (18). Malta għalhekk irrinunzjat b’mod espliċitu għall-użu tad-deroga taħt l-Artikolu 9(1) għall-iskop speċifiku u limitat indikat fl-Att ta’ Adeżjoni tagħha (19).

40.      B’hekk, il-leġiżlazzjoni Maltija tawtorizza, b’mod ċar, il-qabda, bl-użu ta’ clap-nets, u ż-żamma sussegwenti ta’ għasafar selvaġġi. Kull wieħed minn dawn l-elementi huwa pprojbit taħt l-Artikoli 5(a) u (e) u 8(1), moqrija flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV, tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. Il-kwistjoni ta’ jekk effettivament Malta hijiex tikser dawn id-dispożizzjonijiet tiddependi minn jekk il-leġiżlazzjoni tagħha tissodisfax il-kundizzjonijiet stretti stabbiliti fid-deroga taħt l-Artikolu 9(1)(c).

41.      Dawn il-kundizzjonijiet huma s-segwenti: (i) ma għandu jkun hemm ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra minflok l-attività li tkun is-suġġett tad-deroga; (ii) din id-deroga għandha tippermetti l-“qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa”; (iii) din id-deroga għandha tiġi implementata taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta; (iv) fuq bażi selettiva; u (v) għandha tinvolvi biss numri żgħar ta’ għasafar.

42.      Niddikjara mill-ewwel li, fil-fehma tiegħi, il-fatti li għadni kemm ippreżentajt fil-qosor jindikaw b’mod ċar li l-leġiżlazzjoni Maltija ma tistax tkun koperta mid-deroga permessa mill-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi.

 Id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi – prinċipji ta’ interpretazzjoni

43.      Kif osserva l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi hija bbażata fuq premessa inkwetanti: it-tnaqqis fil-popolazzjoni ta’ numru ta’ għasafar selvaġġi li jinsabu b’mod naturali fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri (20). Din is-sitwazzjoni tirrappreżenta “theddid serju għall-konservazzjoni tal-ambjent naturali, partikolarment minħabba l-bilanċi bijoloġiċi mhedda minn dan” (21) u l-“konservazzjoni tal-ispeċi tal-għasafar selvaġġi naturali li jinsabu fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri hija neċessarja biex jintlaħqu l-għanijiet tal-[Unjoni] rigward it-tmexxija ’l quddiem tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u l-iżvilupp sostenibbli” (22).

44.      Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009, il-prinċipju ta’ “livell għoli ta’ protezzjoni u ta’ titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent” stabbilit fl-Artikolu 3(3) TUE sar għan prinċipali tad-dritt tal-Unjoni. L-istess prinċipju huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (23) li – għal darba oħra, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona – tifforma parti mid-dritt primarju tal-Unjoni u għandha titqies li hija għodda ta’ interpretazzjoni tad-dritt sekondarju (24).

45.      Skont ġurisprudenza stabbilita, meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jinvoka deroga prevista fid-dritt tal-Unjoni, l-azzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta, b’tali mod li l-konformità ta’ din l-azzjoni mad-drittijiet fundamentali għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji stabbiliti fil-Karta (25).

46.      L-iskop tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi huwa li tipproteġi l-għasafar – u mhux li tirregola l-kaċċa jew l-insib tagħhom. Wieħed għandu jżomm f’moħħu din il-verità bażika meta jkun qiegħed ifittex bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ambjent – li huwa l-għan prinċipali tad-Direttiva – u d-diversi interessi oħra identifikati fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (b’mod partikolari dawk ta’ natura ekonomika jew rekreazzjonali).

47.      L-Artikolu 9(1) ma jagħtix lill-Istati Membri libertà li jidderogaw kif iridu. Dan l-artikolu jippermettilhom jagħmlu dan biss sa fejn ikun strettament meħtieġ u bil-kundizzjoni li l-għanijiet l-oħra segwiti mid-Direttiva ma jkunux kompromessi (26). B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi ma jistax jiġi interpretat b’mod li jsir ir-regola (minflok l-eċċezzjoni). Jekk isir hekk, l-obbligi stabbiliti bħala prinċipju fl-Artikolu 1 u 2 jitħallew, fil-parti l-kbira tagħhom, mingħajr ebda sens (27).

48.      Minn dan isegwi li l-eżerċizzju tal-interpretazzjoni taż-żewġ espressjonijiet prinċipali, “fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti” u l-“qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa”, għandu jitwettaq bl-iktar mod li jippromwovi l-għan ta’ protezzjoni (28).

49.      Il-kategoriji individwali ta’ deroga li jinsabu fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1) ma humiex, skont l-interpretazzjoni tiegħi, intiżi li jservu bħala bażi għal prassi wiesgħa u ġġeneralizzata li tidderoga mill-prinċipju ta’ protezzjoni. Għall-kuntrarju, dawn huma intiżi li jippermettu lill-Istati Membri jindirizzaw rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi (29) fejn ikun fl-interess ġenerali li r-regola normali (il-protezzjoni tal-għasafar selvaġġi) tkun suġġetta għal xi rekwiżit imperattiv ieħor. Il-formulazzjoni użata fil-premessa 12 tal-preambolu ta’ din id-direttiva tikkonferma din l-interpretazzjoni.

50.      Bħala deroga mill-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni stabbiliti fid-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, l-Artikolu 9 għandu jiġi interpretat b’mod strett (30) u Stat Membru li jkun jixtieq jinvokah għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tiegħu huma ssodisfatti (31). Għaldaqstant, hija Malta li għandha tipprovdi l-evidenza meħtieġa sabiex tiġġustifika l-invokazzjoni, min-naħa tagħha, ta’ din id-deroga (32).

51.      F’dan l-istadju ta’ min infakkar ukoll li l-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li kull azzjoni li taffettwa speċi protetti tkun awtorizzata biss fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet li jkun fihom motivazzjoni preċiża u suffiċjenti li tirreferi għar-raġunijiet, għall-kundizzjonijiet u għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi (33). Fl-assenza ta’ tali informazzjoni ddettaljata dwar il-parametri rilevanti kollha ta’ deroga, il-Kummissjoni ma tkunx f’pożizzjoni li tissorvelja u tiżgura l-konformità tal-Istati Membri ma’ din id-direttiva “dejjem”, kif jeżiġi l-Artikolu 9(4).

52.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 9 stess (li jistabbilixxi kundizzjonijiet iddettaljati u restrittivi ħafna fir-rigward tal-operazzjoni tad-deroga) kif ukoll mill-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità, id-deroga ppjanata għandha tkun proporzjonata mal-ħtiġijiet li jiġġustifikawha (34). B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-possibbiltà prevista fl-Artikolu 9 li ssir deroga mir-restrizzjonijiet fuq il-kaċċa (u wkoll minn restrizzjonijiet u projbizzjonijiet oħra previsti fl-Artikoli 5, 6 u 8 tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi), hija suġġetta għal konformità mal-kundizzjonijiet formali preċiżi stabbiliti fl-Artikolu 9(2), li huma intiżi li jillimitaw id-derogi għal dak li huwa strettament meħtieġ u li jippermettu lill-Kummissjoni tissorveljahom (35).

53.      Huwa f’dan l-isfond li ser neżamina l-ewwel u t-tielet motivi tal-Kummissjoni.

 L-ewwel motiv: “ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti”

54.      Il-Kummissjoni targumenta li Malta ma stabbilixxietx li ma hemm “ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, għall-insib għall-għasafar tal-għana selvaġġi sabiex tiġi indirizzata l-“problema” jew is-“sitwazzjoni speċifika” li l-leġiżlazzjoni Maltija hija intiża li ssolvi, jiġifieri l-kisba ta’ għasafar tal-għana sabiex jinżammu għat-trobbija fil-maqful. B’mod partikolari, Malta ma wrietx li t-tgħammir fil-maqful ma huwiex soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti.

55.      Malta targumenta li, bil-kontra ta’ dan, ma kien hemm ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

56.      F’din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hemm nuqqas ta’ qbil fundamentali bejn il-Kummissjoni u Malta dwar il-veru skop tad-deroga Maltija fir-rigward tal-insib għall-għasafar tal-għana. Filwaqt li l-Kummissjoni ssostni li d-deroga tippermetti l-qabda ta’ għasafar tal-għana esklużivament bil-għan li jinżammu għat-trobbija fil-maqful għal diversi użi rekreazzjonali, Malta targumenta li l-iskop tad-deroga jinkludi wkoll il-qabda bħala għan fiha nfisha.

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tevita li tinterpreta d-dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari (36). Madankollu, in-natura stess tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa jekk, bl-introduzzjoni jew biż-żamma fis-seħħ ta’ liġijiet nazzjonali partikolari, l-Istat Membru jkunx naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dritt tal-Unjoni.

58.      Qari naturali tal-leġiżlazzjoni Maltija jindika li l-iskop tad-deroga huwa dak ippreżentat mill-Kummissjoni.

59.      L-ewwel nett, kif jirriżulta b’mod ċar minn ġurisprudenza stabbilita, il-kwistjoni ta’ jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għas-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (37). Għaldaqstant, il-qafas legali nazzjonali rilevanti huwa dak li kien fis-seħħ bis-saħħa tal-liġijiet u tar-regolamenti fis-seħħ f’dak il-mument.

60.      It-tieni nett, fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża l-analiżi tagħha prinċipalment fuq il-qari letterali tal-kliem tal-liġijiet nazzjonali (38). F’dan ir-rigward nosserva li ma jista’ jkun hemm ebda dubju li l-Avviż Legali 253 tal-2014, li jifforma l-bażi għad-deroga, kien ġie adottat sabiex tkun permessa l-qabda ta’ għasafar tal-għana “bil-għan esklużiv li jinżammu għat-trobbija (39), inkluż l-użu tagħhom fil-fieri u eżibizzjonijiet, għat-tnissil u, jew biex jintużaw bħala għasafar għall-għajat u taħrik skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regolamenti”.

61.      L-istess deskrizzjoni tinsab essenzjalment fil-Memorandum Tekniku uffiċjali tal-2014 imħejji mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi Maltija. Din id-deskrizzjoni taqbel ukoll, essenzjalment, mal-kliem introduttiv tal-Punt 10 (“L-ambjent”), D (“Il-protezzjoni tan-natura”), tal-Anness XI tal-Att ta’ Adeżjoni (40). Fl-aħħar nett, huwa interessanti li l-FKNK (waħda miż-żewġ promoturi tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-insib għall-għasafar tal-għana) (41) ikkonfermat, fil-Memorandum dwar l-Insib tagħha ta’ Lulju 2012, li l-prassi tal-insib għall-għasafar tal-għana hija intiża “for the sole purpose of keeping birds alive for their song, decoying and breeding in captivity” (“għall-iskop waħdieni li l-għasafar ħajjin jinżammu għall-għana tagħhom, għall-użu tagħhom bħala għasafar għat-taħrik u għat-tnissil fil-maqful”). Għaldaqstant, f’dawn id-dokumenti kontemporanji ma hemm xejn li jista’ jagħti x’jifhem li l-leġiżlazzjoni Maltija ġiet introdotta bil-għan li l-insib ikun permess bħala għan fih innifsu.

62.      It-tielet nett, skont ġurisprudenza eżistenti, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tmur lil hinn mill-kliem letterali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali. Dan ikun il-każ b’mod partikolari meta l-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali tfisser li l-kliem ta’ liġi nazzjonali jkollhom jiġu interpretati b’mod partikolari (42). Dan, iżda, ma huwiex il-każ hawnhekk.

63.      L-ispjegazzjonijiet li Malta qiegħda tipproponi dwar kif għandha tiġi interpretata liġi nazzjonali ma jidhrux li jikkorrispondu mal-formulazzjoni attwali tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni. Għall-kuntrarju, dawn l-ispjegazzjonijiet jidhru li huma contra legem.

64.      Fl-eżami tal-ewwel motiv, għaldaqstant, ser nimxi fuq il-premessa li l-leġiżlazzjoni Maltija għandha titqies prima facie – jiġifieri, bħala li hija intiża li tippermetti l-insib għall-għasafar tal-għana bil-għan esklużiv li jinżammu għat-trobbija, inkluż l-użu tagħhom fil-fieri u eżibizzjonijiet, għat-tnissil u, jew biex jintużaw bħala għasafar għall-għajat u taħrik. Għal finijiet ta’ kompletezza, ser neżamina mbagħad, fil-qosor, l-ewwel motiv mill-perspettiva li qed tiġi proposta minn Malta.

 Qabda esklużivament bil-għan ta’ żamma

65.      Mill-kliem introduttivi tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasfar selvaġġi jirriżulta li deroga taħt din id-dispożizzjoni hija permessa biss meta “ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti” għall-attività identifikata bħala kwistjoni li għandha tiġi indirizzata minn din id-deroga (43). Din il-frażi fl-introduzzjoni tal-Artikolu 9(1) isservi bħala prerekwiżit selettiv sabiex tillimita l-aċċess għar-raġunijiet speċifiċi għal deroga li mbagħad huma elenkati fil-punti (a), (b) u (c).

66.      Il-kliem “soluzzjoni sodisfaċenti” huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod indipendenti. F’dan ir-rigward, naqbel mal-Avukat Ġenerali Fennelly li esprima l-fehma li l-“kelma ‘sodisfaċenti’ tista’ tiġi interpretata fis-sens ta’ soluzzjoni li ssolvi l-problema partikolari li jkollhom quddiemhom l-awtoritajiet nazzjonali, u li fl-istess ħin tosserva kemm jista’ jkun possibbli l-projbizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva; deroga tista’ tkun permessa biss meta ma tkun tista’ tiġi adottata ebda soluzzjoni oħra li ma tinvolvix l-esklużjoni ta’ dawn il-projbizzjonijiet” (44).

67.      L-Istat Membru huwa meħtieġ jeżamina u jevalwa, b’mod ġenwin, jekk hemmx “ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti” sabiex tiġi indirizzata l-attività inkwistjoni. F’dan ir-rigward, naqbel mal-Kummissjoni li l-Istat Membru għandu l-ewwel juri l-eżistenza ta’ skop speċifiku li jservi ta’ bażi għall-użu tad-deroga mill-Istat Membru. Niġbed l-attenzjoni hawnhekk għall-metodoloġija utli li l-Kummissjoni żviluppat fir-rigward ta’ derogi mill-kaċċa fid-Dokument ta’ Gwida tagħha dwar il-kaċċa (li ma huwiex vinkolanti) (45) – metodoloġija li, skont kif Malta indikat espliċitament fir-risposta tagħha, hija applikata minnha.

68.      Barra minn hekk, ma naħsibx li Stat Membru jista’ jiddefinixxi l-problema li jkun qiegħed jipprova jindirizza b’mod artifiċjali sabiex jeskludi soluzzjonijiet sodisfaċenti potenzjali oħra. Għall-kuntrarju, l-Istat Membru għandu juri l-assenza ta’ tali soluzzjonijiet alternattivi billi jirreferi għal data oġġettiva li tkun tista’ tiġi kkontrollata mill-Kummissjoni u sussegwentement suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja (46). Huwa biss meta, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u filwaqt li jitħarsu l-għanijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, verament ma jkun hemm ebda soluzzjoni alternattiva sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu identifikat mill-Istat Membru li dan l-Istat Membru jkun jista’ jinvoka waħda mill-kategoriji ta’ deroga taħt l-Artikolu 9(1).

69.      L-użu tal-kelma “sodisfaċenti” jimplika li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi ma jeħtieġx li s-soluzzjoni tkun perfetta jew neċessarjament preċiżament ekwivalenti għas-soluzzjoni storika u tradizzjonali għas-sitwazzjoni li tkun intiża li tindirizza. Is-soluzzjoni l-ġdida tista’ tinvolvi livell ta’ inkonvenjent jew tista’ tirrikjedi li dawk ikkonċernati jaġġustaw il-prattiki tagħhom.

70.      L-approċċ li qiegħda nipproponi huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza.

71.      B’hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza LRBPO u AVES (47), il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) għamel żewġ domandi li huma direttament rilevanti għal din il-proċedura. Huwa staqsa jekk l-Artikoli 5, 9 u 18 tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi setgħux jiġu invokati sabiex jippermettu lil Stat Membru jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-projbizzjoni fir-rigward tal-qabda tal-għasafar għal skopijiet rekreazzjonali kienet ser twassal lil diversi dilettanti tal-għasafar sabiex jaġġustaw l-installazzjonijiet tagħhom u sabiex iwaqqfu ċerti drawwiet stabbiliti f’sitwazzjoni fejn dak l-Istat kien qiegħed jirrikonoxxi li t-tgħammir kien possibbli iżda ma kienx għadu fattibbli fuq skala kbira.

72.      L-elementi li kellha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża wrew li t-tgħammir u r-riproduzzjoni fil-maqful tal-ispeċi inkwistjoni mhux biss kienu xjentifikament u teknikament fattibbli, iżda kienu diġà twettqu b’suċċess minn ċerti persuni li jrabbu l-għasafar. F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “tgħammir u riproduzzjoni fil-maqful setgħu jitqiesu li ma jikkostitwixxux ‘soluzzjoni oħra sodisfaċenti’ fil-każ biss li jiġi stabbilit li, li kieku ma kinitx il-qabda tal-għasafar fis-selvaġġ, dawn l-attivitajiet ma setgħux jirnexxu. Għaldaqstant, il-fatt li t-tgħammir u r-riproduzzjoni fil-maqful tal-ispeċi kkonċernati għadhom ma humiex fattibbli fuq skala kbira minħabba l-installazzjonijiet u d-drawwiet inkorriġġibbli tad-dilettanti tal-għasafar, drawwiet li, barra minn hekk, ġew inkoraġġuti minn regoli nazzjonali li jidderogaw mill-iskema ġenerali tad-Direttiva, ma huwiex fih innifsu ta’ natura tali li jixħet dubju fuq in-natura sodisfaċenti tas-soluzzjoni alternattiva għall-qabda tal-għasafar fis-selvaġġ”(48).

73.      Mill-fatti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ċar li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza LRBPO u AVES (49) tista’ tiġi ttrasposta għal din il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar b’mod li ma jistax jiġi kkontestat li dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat f’dik is-sentenza fir-rigward tad-dilettanti tal-għasafar li jimlew il-guvi tagħhom japplika wkoll għaż-żamma tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana għat-trobbija jiġifieri bħala għasafar li jgħannu, “inkluż l-użu tagħhom fil-fieri u eżibizzjonijiet, għat-tnissil u, jew biex jintużaw bħala għasafar għall-għajat u taħrik”, kif stabbilit fl-Avviż Legali 253 tal-2014. Programm għat-tgħammir fil-maqful huwa soluzzjoni alternattiva (jiġifieri, mod alternattiv sabiex jinkisbu għasafar tal-għana sabiex jinżammu għat-trobbija fil-maqful). Għaldaqstant, Malta ma tistax tinvoka d-deroga taħt l-Artikolu 9(1).

74.      Ngħaddi issa sabiex nindirizza fil-qosor ċerti argumenti speċifiċi mressqa minn Malta fir-risposta tagħha.

75.       L-argument ta’ Malta li hija qatt ma qablet li l-programm għat-tgħammir fil-maqful deskritt fl-Anness XI tal-Att ta’ Adeżjoni kien ser ikun soluzzjoni sodisfaċenti ma jistax jibdel din il-konklużjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, la d-dikjarazzjonijiet individwali ta’ pożizzjoni u lanqas dikjarazzjonijiet konġunti tal-Istati Membri ma jistgħu jintużaw sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni meta l-kontenut tagħhom ma jkunx rifless fil-formulazzjoni tagħha u għalhekk ma jkollu ebda sinjifikat legali(50). Din hija preċiżament is-sitwazzjoni hawnhekk.

76.      Malta ssostni wkoll li t-tgħammir fil-maqful ma huwiex alternattiva sodisfaċenti minħabba li numru ta’ fatturi bijoġeografiċi meħuda flimkien effettivament jeskludu l-introduzzjoni ta’ għasafar tal-għana maqbuda mis-selvaġġ fil-programm għat-tgħammir fil-maqful sabiex tinżamm diversità ġenetika (u b’hekk taċċetta li l-programm għat-tgħammir fil-maqful ta’ Malta lanqas ma għad għandu bżonn qabda limitata ta’ għasafar tal-għana mis-selvaġġ). Għaldaqstant, fuq il-bażi tal-argument ta’ Malta stess, jirriżulta li d-diversità ġenetika meħtieġa tal-istokk ta’ għasafar mrobbija fil-maqful tista’ tiġi żgurata b’mezzi li ma jeħtieġu ebda deroga mid-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi.

77.      Bl-istess mod, l-argument ta’ Malta bbażat fuq il-punt 56 tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Malta preċedenti ma jistax jibdel din il-pożizzjoni (51).

 Il-qabda bħala għan fiha nfisha

78.      Għal finijiet ta’ korrettezza, ser ngħaddi issa sabiex inqis fil-qosor l-ewwel motiv mill-perspettiva mressqa minn Malta, jiġifieri li d-deroga fil-verità hija intiża wkoll għall-“qabda bħala għan fiha nfisha” u li “l-programm għat-tgħammir fil-maqful [...] ma rnexxielux jipprovdi alternattiva sodisfaċenti għall-element indispensabbli tal-attività li jinvolvi l-insib”. Malta ssostni li, għall-persuni li jonsbu għall-għasafar tal-għana, din l-attività hija parti mill-ħajja tradizzjonali tagħhom li għandha għeruq ferm stabbiliti u li l-passjoni ta’ dawn il-persuni ma tistax tkun issodisfatta bl-akkwist ta’ għasafar tal-għana mrobbija fil-maqful.

79.      L-ewwel nett, għandu jingħad li ma ġiet invokata ebda ħtieġa sabiex jiġi previst qafas għad-deroga mir-regoli ta’ konservazzjoni stretti stabbiliti fid-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi b’tali mod li jiġi żgurat li kull għasfur tal-għana miżmum għat-trobbija fil-maqful ikun għasfur tal-għana li kien inqabad mis-selvaġġ minn nassab tradizzjonali bl-użu ta’ clap-nets. Fid-dawl tan-numru relattivament kbir ta’ għasafar tal-għana involuti, soluzzjoni alternattiva tkun, prima facie, li l-parti l-kbira tad-domanda għal għasafar tal-għana sabiex jinżammu għat-trobbija fil-maqful tiġi ssodisfata minn programm għat-tgħammir fil-maqful u li l-insib ikun limitat (sabiex tkun issodisfatta x-xewqa tradizzjonali tal-insib għall-għasafar tal-għana) għal numru ferm iżgħar ta’ għasafar. It-tieni nett, minn ġurisprudenza stabbilita diġà jirriżulta li d-deroga taħt l-Artikolu 9(1) ma tistax tintuża sabiex il-kaċċa permessa tiġi estiża b’mod li ma jkunx neċessarju (52).

80.      It-tielet nett, sa fejn qiegħed jingħad li l-qabda bħala għan fiha nfisha hija l-iskop tal-leġiżlazzjoni, soluzzjoni alternattiva tkun programm (ħafna iktar limitat) ta’ qabda segwita mit-tqegħid ta’ ċurkett għal skopijiet xjentifiċi u mir-rilaxx tal-għasfur ħaj. Malta stess tirrikonoxxi li din is-soluzzjoni fil-fatt tindirizza l-element tal-qabda taż-żewġ għanijiet tal-leġiżlazzjoni, iżda twarrabha minħabba li s-sistema ta’ “qabda, tqegħid ta’ ċurkett u rilaxx” ma tindirizzax fl-istess ħin l-element taż-żamma (53). Madankollu, kif diġà spjegajt, manifestament ma hemm l-ebda dubju li l-element taż-żamma jista’ jiġi indirizzat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ programm għat-tgħammir fil-maqful (54).

81.      Ir-raba’ nett, ma hemm xejn quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li s-sistema ta’ “qabda, tqegħid ta’ ċurkett u rilaxx” ma tkunx soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti. Oġġettivament, huwa plawżibbli li wieħed jaħseb li s-sistema ta’ “qabda, tqegħid ta’ ċurkett u rilaxx” ta’ numru ħafna iktar limitat ta’ għasafar għal skopijiet purament xjentifiċi tippermetti lin-nassaba jkomplu jieħdu pjaċir bl-eżerċizzju tal-ħiliet tagħhom f’termini ta’ nsib għall-għasafar filwaqt li jitnaqqas b’mod sinjifikattiv l-impatt negattiv fuq il-konservazzjoni tal-għasafar. Il-fatt li n-nassaba ma jibqgħalhomx l-inċentiv finanzjarju li attwalment jirriżulta, b’mod partikolari, mill-bejgħ tal-kampjuni maqbuda huwa irrilevanti. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, Malta spjegat li attwalment diġà huwa meħtieġ li kull għasfur maqbud jitqegħedlu ċurkett. F’dan l-isfond, għaldaqstant, huwa plawżibbli li wieħed jaħseb li l-ħiliet neċessarji sabiex jitqiegħed ċurkett għal skopijiet xjentifiċi jistgħu jiġu mgħallma lill-persuni li jonsbu għall-għasafar tal-għana. Nenfasizza, madankollu, li, sa fejn nista’ nara, l-użu ta’ clap-nets tradizzjonali ma jista’ jkollu ebda rwol f’tali arranġament (55).

82.      Soluzzjoni alternattiva oħra tista’ tkun ukoll, possibbilment, l-insib limitat (bl-użu ta’ metodi oħra) għal speċi ta’ għasafar elenkati fl-Anness II tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, jiġifieri l-għasafar li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kaċċa fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva. F’dan ir-rigward, ser ngħid biss li l-eżami ta’ jekk teżistix soluzzjoni alternattiva għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u espliċiti (56); ma hemm ebda evidenza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li qabda permessa taħt kundizzjonijiet issorveljati b’mod strett ma tirrappreżentax soluzzjoni alternattiva (57), u l-interpretazzjoni tiegħi tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja ma tissostanzjax il-pożizzjoni ta’ Malta li l-insib għandu jinvolvi l-għasafar tal-għana (58).

83.      Fl-aħħar nett, ma nista’ nsib ebda ġustifikazzjoni għall-pożizzjoni li hija biss soluzzjoni li ma hijiex milqugħa b’mod sfavorevoli mill-komunità tal-insib li tikkwalifika bħala soluzzjoni alternattiva fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. Għall-kuntrarju: il-ġurisprudenza stabbilita hija ċara li l-eżistenza ta’ “drawwiet inkorriġġibbli” ma tiġġustifikax, fiha nfisha, l-użu ta’ deroga taħt l-Artikolu 9(1) (59).

84.      Nikkonkludi li Malta ma wrietx li ma hemm ebda soluzzjoni oħra u li l-Kummissjoni għandha tirbaħ fir-rigward tal-ewwel motiv tagħha.

 It-tielet motiv: “użu meqjus”

85.      Il-Kummissjoni ssostni li d-deroga Maltija ma taqax taħt il-kunċett ta’ “użu meqjus” għall-finijiet tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi.

86.      Id-Dizzjunarju Oxford (60) jiddefinixxi “judicious” bħala “having, showing or done with good judgement or sense, careful and sensible” [li għandu, li juri jew li jitwettaq b’ġudizzju jew sens tajjeb, b’attenzjoni u b’għaqal”. Il-Langenscheidt (61) jagħti definizzjoni simili ħafna tal-kelma “vernünftig” użata fil-verżjoni bil-Ġermaniż tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi. F’ħafna verżjonijiet lingwistiċi, il-kelma ekwivalenti għal “użu” fl-espressjoni “użu meqjus” għandha konnotazzjoni ta’ sfruttament (62). Madankollu, fid-Dokument ta’ Gwida tagħha dwar il-kaċċa l-Kummissjoni tosserva (fil-fehma tiegħi ġustament) li “kwalunkwe konnotazzjoni ta’ sfruttament li għandha l-kelma ‘użu’ jeħtieġ li tkun ibbilanċjata bil-konnotazzjonijiet ta’ responsabbilità, trażżin u ġudizzju tajjeb ikkomunikati mit-terminu ‘ġudizzjuż’ [meqjus]”(63).

87.      Barra minn hekk, huwa ċar li, filwaqt li l-Artikolu 9(1)(a) u (b) jidentifika sitwazzjonijiet speċifiċi (u, fil-fehma tiegħi, ovvji) li fihom ikun xieraq li ssir deroga mill-projbizzjonijiet mill-qbija stretti fir-rigward tal-qtil jew tal-qabda ta’ għasafar selvaġġi, l-Artikolu 9(1)(c) huwa fformulat b’mod inqas preskrittiv u jservi sabiex jawtorizza l-“qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa”. Jista’ jkun hemm it-tentazzjoni li wieħed jipprova jespandi t-tifsira ta’ din l-espressjoni u li jittrattaha bħala klawżola konvenjenti li tippermetti eżenzjoni ġenerali. Jiena qiegħda nkun ċara li ma hemm ebda raġuni valida għaliex il-punt (c) għandu jinqara b’mod differenti mill-punti (a) jew (b) u li għalhekk tali tentazzjoni għandha tiġi rreżistita. Ma jistax ikun li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li kwalunkwe prattika eżistenti tiġi koperta mid-deskrizzjoni konvenjenti ta’ “qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa”, għaliex dan iġib fix-xejn l-iskop kollu tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi.

88.      Xi drabi, “min-natura u mill-portata tagħha, [...] sistema [derogatorja] ta’ kaċċa hija inkompatibbli ma’ l-għanijiet ta’ protezzjoni previsti mid-Direttiva”(64). Minn dan isegwi li mhux kull ħaġa li Stat Membru jkun jixtieq jawtorizza tista’ neċessarjament tkun koperta mill-espressjoni “qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa” u għalhekk mid-deroga taħt l-Artikolu 9(1)(c).

89.      Diġà għamilt riferiment għal xi aspetti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-deroga taħt l-Artikolu 9(1). Huwa f’loku li issa ngħaddi sabiex inkompli dan l-eżerċizzju.

90.      L-ewwel nett, fl-1987 il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddikjarat li l-“qabda u l-bejgħ ta’ għasafar [...] bil-għan li jinżammu sabiex jintużaw bħala għasafar għat-taħrik jew għal skopijiet rekreazzjonali f’fieri jew fi swieq jistgħu jikkostitwixxu użu meqjus awtorizzat mill-Artikolu 9(1)(c)”(65) (mingħajr, iżda, ma spjegat għaliex). F’kawżi sussegwenti, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-istess mod aċċettat, mingħajr iktar analiżi, impliċitament (66) jew espliċitament, li l-“kaċċa għal għasafar selvaġġi għal skopijiet rekreazzjonali matul il-perijodi msemmija fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva” (67) jew il-qabda għal skopijiet rekreazzjonali, bħal dik intiża sabiex id-dilettanti jkunu jistgħu jimlew il-guvi tagħhom, u għall-iskop li jiġu evitati l-problemi ta’ konsangwinità fit-trobbija tal-għasafar għal skopijiet rekreazzjonali (68), jistgħu jikkostitwixxu wkoll użu meqjus fis-sens tal-Artikolu 9(1)(c).

91.      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw biss il-qabda ta’ numru ta’ għasafar li jkun “oġġettivament neċessarju” sabiex jintlaħaq l-iskop mixtieq u hemm rekwiżit imperattiv li l-limitu massimu ta’ “numri żgħar” ta’ għasafar, imsemmi espliċitament fl-Artikolu 9(1)(c), ikun osservat (69).

92.      It-tielet nett, f’żewġ kawżi dwar għasafar elenkati fl-Anness II, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-derogi taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva jistgħu jingħataw biss jekk jiġi żgurat li l-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata tkun ser tinżamm f’livell sodisfaċenti. Jekk din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, il-kaċċa għall-għasafar fl-ebda każ ma tkun tista’ titqies li hija meqjusa u, għaldaqstant, aċċettabbli għall-finijiet tal-premessa 11 fil-preambolu tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi (70). Din il-ġurisprudenza hija a fortiori rilevanti f’dan il-kuntest, li jinvolvi għasafar li ma humiex elenkati fl-Anness II.

93.      Ir-raba’ nett, sa mill-1987 il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll kienet għamiltha ċara li, jekk “ma jkun hemm ebda garanzija li l-qabda ta’ ċerti speċi ta’ għasafar ser tkun limitata għall-minimu strettament meħtieġ [...] jew li l-mezzi, l-arranġamenti jew il-metodi tal-qabda ma humiex fuq skala kbira, ma humiex ta’ natura mhux selettiva jew ma humiex ta’ natura li kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi”, l-“elementi essenzjali” tal-Artikolu 9 ma jkunux issodisfatti (71).

94.      Fl-aħħar nett, nenfasizza li l-kawżi kollha li kkumentajt dwarhom kienu jikkonċernaw perijodi qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, li jagħmel enfasi fuq “livell għoli” ta’ protezzjoni tal-ambjent – prinċipju rifless fl-Artikolu 37 tal-Karta, li issa għandha l-istatus ta’ dritt primarju. Madankollu, din il-kawża għandha tiġi deċiża f’dan il-kuntest (ġdid).

95.      L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għal-leġiżlazzjoni ta’ Malta twassalni sabiex nikkonkludi li din tal-aħħar manifestament ma tistax tiġi kkonċiljata mal-kundizzjoni ta’ “użu meqjus”.

96.      Meta targumenta li l-kwota komplessiva tal-istaġun ta’ 27 500 għasfur tal-għana hija “użu meqjus”, Malta qiegħda tgħaqqad flimkien żewġ għanijiet. Sa fejn l-għan huwa, kif il-leġiżlazzjoni stess tiddikjara espliċitament, “esklużiv[ament]” li jinqabdu għasafar tal-għana sabiex jinżammu fil-maqful għat-trobbija, bħala għasafar li jgħannu, “inkluż l-użu tagħhom fil-fieri u eżibizzjonijiet, għat-tnissil u, jew biex jintużaw bħala għasafar għall-għajat u taħrik”, dan l-użu jista’ jiġi indirizzat – kif spjegat meta eżaminajt l-ewwel motiv – permezz ta’ programm għat-tgħammir fil-maqful, li jikkostitwixxi soluzzjoni sodisfaċenti oħra.

97.      Huwa paċifiku li l-istima tan-numru totali ta’ għasafar tal-għana li attwalment diġà jinsabu miżmuma fil-maqful tinsab x’imkien bejn 20 000 u 40 000. Minħabba l-mortalità naturali ta’ għasafar miżmuma fil-maqful, huwa meħtieġ li ċertu numru ta’ għasafar jiġi akkwistat fuq bażi kontinwa sabiex tiġi sostnuta din il-popolazzjoni, u dan jew permezz tal-insib jew billi jiġi inkoraġġut programm għat-tgħammir fil-maqful fuq skala suffiċjentement kbira. Ma huwiex meħtieġ livell ta’ dixxerniment għoli sabiex wieħed jinduna li, mal-mogħdija taż-żmien, il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema ta’ kif ser jiġi sostnut in-numru mixtieq ta’ għasafar fil-maqful ser tinħass ħafna iktar.

98.      Madankollu, xejn minn dan, fih innifsu, ma jista’ jiġġustifika li jkompli jiġi awtorizzat l-insib għall-għasafar tal-għana f’sitwazzjoni fejn l-inkoraġġiment ta’ programm għat-tgħammir fil-maqful fuq skala kbira jista’ jsostni, b’mod sodisfaċenti, it-tradizzjoni li apparentement il-leġiżlazzjoni Maltija qiegħda tipprova tipproteġi, jiġifieri ż-żamma ta’ għasafar tal-għana għal skopijiet rekreazzjonali. Minkejja dan il-fatt ovvju, Malta ddikjarat li l-programm għat-tgħammir fil-maqful nazzjonali implementat skont l-Att ta’ Adeżjoni ma kienx irnexxa u waqfitu b’effett mill-2009.

99.      Jidher ukoll li intrinsikament ma huwiex konvinċenti l-argument li huwa meħtieġ li 27 500 għasfur tal-għana jiġi miżjud ma’ dan l-“istokk” fuq bażi annwali sabiex jiġu ssostitwiti l-għasafar tal-għana li mietu matul is-sena u sabiex tiġi ssodisfatta d-domanda ġdida għal għasafar tal-għana miżmuma fil-maqful għal skopijiet rekreazzjonali. Din id-dikjarazzjoni hija valida irrispettivament minn jekk l-għasafar tal-għana addizzjonali jiġux akkwistati permezz ta’ programm għat-tgħammir fil-maqful jew permezz tal-insib. Hawnhekk nastjeni milli nagħmel xi tip ta’ kumment dwar x’jista’ jkun id-destin ta’ dawk l-għasafar tal-għana maqbuda li fil-fatt ma jkunux meħtieġa għall-iskopijiet esklużivi kif iddikjarati u identifikati fil-leġiżlazzjoni li tawtorizza l-insib tagħhom.

100. Sa fejn l-għan huwa l-qabda kif ukoll iż-żamma, nosserva li fl-elementi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma hemm xejn li jispjega għaliex huwa “użu meqjus” – fis-sens ta’ oġġettivament meħtieġ – li tkun awtorizzata l-qabda tan-numri speċifikati permezz tal-kwota komplessiva tal-istaġun (27 500 għasfur tal-għana), peress li l-leġiżlazzjoni tidentifika wkoll, bħala l-użu sussegwenti esklużiv tal-għasafar tal-għana maqbuda, użu li għalih huwa ferm dubjuż li tant għasafar tal-għana huma effettivament meħtieġa fuq bażi annwali u li fir-rigward tiegħu, barra minn hekk, teżisti soluzzjoni sodisfaċenti oħra. Bħala l-Istat Membru li jixtieq jinvoka d-deroga taħt l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi, hija Malta li għandha tissostanzja l-invokazzjoni min-naħa tagħha ta’ din id-dispożizzjoni. Hija għandha tagħmel dan f’kuntest fejn il-prinċipju prinċipali issa huwa li għandu jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent. Fil-fehma tiegħu Malta naqset kompletament milli tissodisfa dan l-oneru.

101. Fadal kwistjoni oħra li għad trid tissemma.

102.  Jekk l-għan huwa li għasfur jinqabad ħaj, huwa probabbli li jkollha tintuża xi tip ta’ xibka. Huwa minnu li l-Artikolu 9 jippermetti deroga mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, u għalhekk mill-projbizzjoni – mill-qbija assoluta – fir-rigward tal-użu ta’ xbieki li tinsab fil-punt (a) tal-Anness IV (72). Madankollu, il-metodu attwali ta’ qabda awtorizzat mil-leġiżlazzjoni Maltija jinvolvi l-użu ta’ clap-nets. F’dawn il-konklużjonijiet diġà ddeskrivejt dawn ix-xbieki (73). Jidhirli li, prima facie, tali xbieki huma metodu ta’ qabda li huwa kemm fuq skala kbira kif ukoll mhux selettiv. Sa fejn l-għasafar tal-għana normalment itiru f’qatgħat, huwa possibbli li numri sinjifikattivi ta’ għasafar tal-għana jinqabdu fix-xibka fl-istess ħin (74). Anki jekk l-għasafar tal-għana “żejda” jiġu rrilaxxati immedjatament, kif issostni Malta, dan fil-fehma tiegħi ma huwiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-metodu ta’ nsib użat ma jibqax “fuq skala kbira” jew “mhux selettiv”. Huwa wkoll possibbli li minn tal-inqas għal xi wħud minnhom din tkun esperjenza stressanti u jistgħu anki jmutu (75). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandi dubji serji dwar kemm Malta tista’ turi li l-popolazzjonijiet tas-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana jistgħu jinżammu f’livell sodisfaċenti, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza. Jista’ jkun il-każ ukoll li jkun hemm riskju – u ma qiegħda nagħmel l-ebda tentattiv li nevalwa l-portata possibbli ta’ tali riskju – li l-użu ta’ tali xbieki minn 4 000 persuna liċenzjata fuq staġun tal-insib ta’ 73 jum jista’, potenzjalment, “jkun kapaċi jikkawża l-għejbien lokali ta’ speċi”.

103. L-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Malta ma jagħmlu l-ebda tentattiv li jindirizzaw xi waħda minn dawn il-kwistjonijiet: għall-kuntrarju, issir enfasi fuq il-fatt li l-użu ta’ clap-nets huwa “tradizzjonali”. Dan iżda ma huwiex il-punt. Jekk l-użu ta’ clap-nets jipproduċi tali riżultat – u hija Malta li għandha turi li dan ma huwiex il-każ – l-“elementi essenzjali” tal-Artikolu 9 ma jkunux issodisfatti (ara Il-Kummissjoni vs L-Italja (76)). Inżid ngħid biss li, minn perspettiva purament lingwistika, insibha wkoll diffiċli li nara kif l-użu ta’ metodu ta’ qabda li jkun kemm fuq skala kbira u kif ukoll mhux selettiv jista’ possibbilment jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu meqjus”.

 Rimarki finali

104. Nixtieq nikkonkludi billi niġbed l-attenzjoni għal żewġ kwistjonijiet li joħorġu mill-istudju ġenerali tiegħi tas-sottomissjonijiet magħmula f’din il-kawża u li huma rilevanti għal xi aspetti oħra tal-Artikolu 9(1)(c), u billi mbagħad nagħmel osservazzjoni finali.

105. L-ewwel nett, għandi dubji serji dwar il-kredibbiltà tal-metodoloġija użata minn Malta sabiex tistabbilixxi l-popolazzjoni ta’ referenza għall-finijiet tal-kalkolu tal-kundizzjoni ta’ “numri żgħar”. Nosserva li, minflok ma użat sistema ta’ monitoraġġ sistematiku, Malta bbażat il-kalkoli tagħha fuq studju wieħed imwettaq fl-2007 (77) dwar kampjun limitat ħafna (112) ta’ rkupri ta’ ċrieki. Minħabba f’hekk, irkupri ta’ ċrieki limitati ħafna f’Malta minn għasafar tas-seba’ speċi minn Stati Membri oħra ntużaw sabiex jiġu kkalkolati, bħala l-grupp ta’ referenza għall-kwota komplessiva tal-istaġun (78), il-popolazzjonijiet ta’ tgħammir kollha għal kull speċi f’dawk l-Istati Membri (li f’ċerti każijiet jammontaw għal miljuni ta’ għasafar), mingħajr ebda prova addizzjonali dwar kemm fil-fatt dawn il-popolazzjonijiet ipassu minn Malta. Huwa diffiċli li dan jitqies li huwa approċċ xjentifiku tajjeb sabiex jiġi evalwat l-impatt li l-awtorizzazzjoni tal-insib f’Malta jista’ jkollu, jew ma jkollux, fuq dawn il-popolazzjonijiet b’mod ġenerali jew fuq il-parti tal-popolazzjoni li tpassi minn Malta; u huwa diffiċli wkoll li dan l-approċċ jiġi kkonċiljat mal-prinċipju ta’ prekawzjoni (79).

106. It-tieni nett, infakkar li l-Artikolu 9(1)(c) jippermetti lill-Istati Membri jawtorizzaw il-qabda, iż-żamma jew użu meqjus ieħor ta’ “ċerti għasafar” f’“numri żgħar” u “taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta”. L-evalwazzjoni ta’ jekk dawn il-kundizzjonijiet supplimentari essenzjali – li jikkonċernaw in-natura proporzjonali tad-deroga – humiex issodisfatti tmur lil hinn mill-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nixtieq ngħid biss li għandi dubji sinjifikattivi dwar jekk l-arranġamenti kontenzjużi (b’mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi li enfasizzajt fil-punt 38 iktar ’il fuq) jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti addizzjonali u humiex proporzjonati. Fi kwalunkwe każ, diġà kkonkludejt li l-ewwel u t-tielet motivi tal-Kummissjoni għandhom jintlaqgħu. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel ma’ din l-analiżi, ma jkunx meħtieġ li twettaq analiżi fattwali ddettaljata tal-proporzjonalità tal-arranġamenti kontenzjużi.

107. Fl-aħħar nett, matul din il-proċedura ssemmew ħafna l-aspetti tradizzjonali tal-insib għall-għasafar tal-għana u l-ħtieġa li jitħarsu l-użanzi tradizzjonali. Bħala konklużjoni jista’ jkun utli li nagħti eżempju ipotetiku sabiex nuri kif id-diversità kulturali u r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni jistgħu jeżistu id f’id minflok ma jmorru kontra xulxin.

108. Ejja nimmaġinaw li, f’pajjiż li huwa kandidat għall-adeżjoni mal-Unjoni, hemm tradizzjoni lokali li għandha għeruq ferm stabbiliti li kull żagħżugħa, fil-Ħadd li jkun l-eqreb l-għeluq tat-tmintax-il sena tagħha, għandha tisma’ quddiesa filwaqt li tilbes ġiżirana magħmula mir-rix tal-wiri minn għasfur partikolari. Sitt għasafar huma meħtieġa sabiex ikun hemm biżżejjed rix għal ġiżirana waħda. Qabel l-adeżjoni mal-Unjoni ma kien hemm ebda leġiżlazzjoni li kienet tipprojbixxi din il-prattika. Wara l-adeżjoni, l-għasafar huma bħala prinċipju protetti taħt id-Direttiva tal-għasafar selvaġġi. L-Istat Membru ġdid jista’ jintroduċi deroga taħt l-Artikolu 9(1) billi jikklassifika l-prattika tradizzjonali tiegħu bħala “użu meqjus” sabiex jippermetti li l-istatus quo jinżamm b’mod indefinit?

109. L-ewwel nett, jidher b’mod ċar li b’mod ġenerali teżisti alternattiva sodisfaċenti oħra. Il-ġiżirana tar-rix tradizzjonali tista’ tingħadda minn żagħżugħa għall-oħra, minflok ma tinħoloq mill-ġdid għal kull żagħżugħa li tkun ser tagħlaq it-tmintax-il sena. It-tieni nett, wieħed jistenna li jekk il-ġiżirani tar-rix jingħaddu b’dan il-mod, dawn biż-żmien jitilfu l-kundizzjoni tagħhom u okkażjonalment ikollhom jiġu ssostitwiti. Ikun possibbli li deroga taħt l-Artikolu 9(1)(c) tintuża sabiex, okkażjonalment, jinqabdu numru żgħir ta’ għasafar sabiex issir ġiżirana tar-rix ġdida.

110. Meta nissuġġerixxi li l-ewwel u t-tielet motivi tal-Kummissjoni huma fondati, m’inix qiegħda nipproponi soluzzjoni li tinjora għal kollox it-tradizzjoni jew id-diversità kulturali fl-Unjoni. Sa fejn il-Maltin jixtiequ jżommu għasafar tal-għana fil-maqful, din ix-xewqa tista’ tiġi ssodisfatta permezz tas-soluzzjoni alternattiva li jikkostitwixxi l-programm għat-tgħammir fil-maqful. Sa fejn in-nassaba Maltin jixtiequ jeżerċitaw u jipprattikaw il-ħiliet tagħhom bħala kaċċaturi, dawn jistgħu jkunu awtorizzati jaqbdu numri żgħar ta’ għasafar individwali b’metodi li ma jinvolvux l-użu ta’ clap-nets, filwaqt li jiġu osservati l-aħjar prattiki fil-qasam tal-ornitoloġija, u l-għasafar maqbuda b’dan il-mod jista’ jitqegħdilhom ċurkett u mbagħad jistgħu jiġu rrilaxxati mill-ġdid u b’attenzjoni fis-selvaġġ. Sa fejn it-tradizzjonijiet jevolvu, ma hemm ebda kunflitt li ma jistax jingħeleb. Madankollu, jiena ninsab kompletament konvinta li l-arranġamenti attwali ma josservawx l-obbligi ta’ Malta taħt id-dritt tal-Unjoni.

 Konklużjoni

111. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tirbaħ fir-rigward tal-ewwel u tat-tielet motivi tagħha. Minn dan isegwi li, irrispettivament mill-eżitu fir-rigward tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames motivi, inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      tiddeċiedi li billi introduċiet, fir-rigward tal-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana, deroga li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ir-Repubblika ta’ Malta naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 5(a) u (e), u 8(1), ikkunsidrati flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva;

(2)      tikkundanna lir-Repubblika ta’ Malta għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Speċifikament: Sponsun (Fringilla coelebs), Ġojjin (Carduelis cannabina), Gardell (Carduelis carduelis), Verdun (Carduelis chloris), Taż-Żebbuġ (Coccothraustes coccothraustes), Apparell (Serinus serinus) u Ekru (Carduelis spinus). F’dawn il-konklużjonijiet ser nirreferi għalihom b’mod kollettiv bħala s-“seba’ speċi”.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7). Din id-direttiva tikkodifika d-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98), kif emendata – li kienet fis-seħħ meta l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea kienu miftiehma u meta d-deroga temporanja prevista fl-Anness XI tal-Att ta’ Adeżjoni ġiet ifformulata (ara l-punt 26 iktar ’il quddiem).


4      Avviż Legali 253 tal-15 ta’ Lulju 2014: Regolamenti tal-2014 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Qafas biex tiġi permessa Deroga li Tiftaħ l-Istaġun fil-Ħarifa għall-Insib tal-Għasafar tal-Għana), kif emendati.


5      Waqt li l-verżjoni Ingliża ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għal “purpose of keeping [the birds] in captivity”, il-verżjoni Maltija tidher li qed tgħid li ż-żamma tal-għasafar tkun għall-“għan esklużiv li jinżammu għat-trobbija”. Skont l-Artikolu 74 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, “Ħlief kif provdut xort’oħra mill-Parlament, kull liġi għandha ssir kemm bl-ilsien Malti kif ukoll bl-ilsien Ingliż u, jekk ikun hemm xi konflitt bejn it-test Malti u t-test Ingliż ta’ xi liġi, it-test Malti għandu jipprevali”.


6      Sic. L-istess formulazzjoni tidher kemm fil-verżjoni Maltija kif ukoll f’dik Ingliża. Wisq probabbli minn abbozza l-liġi ried jgħid jew “u għal”, jew “u/jew”. Ma nqisx li hemm xi rilevanza sostanzjali fuq dan il-punt. Iktar ’il quddiem f’dan it-test, għal raġunijiet ta’ semplifikazzjoni, ser nikkwota dan it-test bħala “u/jew”.


7      Din il-lista tikkorrispondi għas-seba’ speċi elenkati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, iktar ’il fuq.


8      Avviż Legali 250 tal-15 ta’ Lulju 2014: Regolamenti tal-2014 dwar il-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi (Dikjarazzjoni dwar Deroga għall-Istaġun tal-Insib fil-Ħarifa tal-2014 għall-Għasafar tal-Għana). Dettall interessanti li qatt ma ġie spjegat huwa kif Avviż Legali bin-numru “250” jista’ “jimplementa” Avviż Legali tal-istess data bin-numru “253”.


9 –      Avviż Legali 330 tas-16 ta’ Ottubru 2015: Regolamenti tal-2015 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Dikjarazzjoni dwar deroga għall-Istaġun tal-Insib fil-Ħarifa tal-2015 għall-Għasafar tal-Għana).


10 –      Avviż Legali 322 tas-7 ta’ Ottubru 2016: Regolamenti tal-2016 dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Dikjarazzjoni dwar Deroga għall-Istaġun tal-Insib fil-Ħarifa tal-2016 għall-Għasafar tal-Għana).


11      Il-punt 10 (“L-ambjent”), D (“Il-protezzjoni tan-natura”), tal-Anness XI tal-Att ta’ Adeżjoni ta’ Malta mal-Unjoni (ĠU 2003, L 236, p. 33) jipprovdi li “[b]’deroga” mill-Artikoli 5(a), 5(e) u 8(1) u mill-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva 79/409/KEE (il-predeċessur tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi) is-seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana jistgħu jinqabdu f’Malta matul il-perijodu tranżitorju sal-31 ta' Diċembru 2008 “esklussivament għall-iskop li jinżammu fil-maqful”. Dan il-punt jipprevedi arranġamenti ddettaljati sabiex titwaqqaf gradwalment din l-attività u sabiex jiġi introdott programm għat-tgħammir fil-maqful. L-uniku nsib għall-għasafar tal-għana li kien possibbli wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu tranżitorju kien għall-qabda ta’ numru limitat ta’ kampjuni selvaġġi “sabiex tkun żgurata diversità ġenetika suffiċjenti ta’ l-ispeċi fil-maqful”. Matul il-miżura tranżitorja n-“numru ta’ għasafar maqbuda [kien] mistenni li jonqos b’mod sinifikattiv”.


12      Elenkati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, iktar ’il fuq.


13      B’hekk, pereżempju, il-Kummissjoni osservat li l-kwota tal-istaġun għall-gardell fl-2014 (800) kienet sinjifikattivament ikbar mill-istima tan-numru totali ta’ kampjuni ta’ din l-ispeċi li passew minn Malta matul l-istaġun tal-insib fil-ħarifa tal-2014.


14      Ara r-Regolament 5(1) tal-Avviż Legali 250 tal-2014 u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti fl-Avviżi Legali suċċessivi tal-2015 u tal-2016.


15      Ara r-Regolament 2(2) tal-Avviż Legali 253 tal-2014.


16      Jiġifieri: 38 metru kwadru (is-superfiċji ta’ xibka waħda) x 2 (għaliex ix-xbieki joperaw tnejn tnejn) x 2 (peress li għandek żewġ settijiet ta’ xbieki f’kull stazzjon minn fejn isir l-insib).


17      Ara r-Regolament 3 tal-Avviż Legali 250 tal-2014 u d-dispożizzjonijiet ekwivalenti fl-Avviżi Legali suċċessivi tal-2015 u tal-2016.


18      Malta ssostni li l-użu ta’ għasafar importati li jkunu mrobbija fil-maqful huwa sinjifikattivament iktar fattibbli u effettiv sabiex tiġi żgurata d-diversità ġenetika fi ħdan il-popolazzjoni tal-għasafar tal-għana miżmuma għat-trobbija fil-maqful; kien għalhekk li l-programm għat-tgħammir fil-maqful ma kien għadu jeħtieġ lanqas qabda limitata ta’ għasafar tal-għana selvaġġi. Malta bbażat din l-evalwazzjoni fuq diversi rapporti xjentifiċi li hija tikkwota, b’mod partikolari fuq rapport tal-2010 ta’ sottokumitat tal-Kumitat Ornis ta’ Malta. Il-Kummissjoni taqbel mal-evalwazzjoni ta’ Malta dwar dan il-punt.


19      Ara l-punt 26 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, iktar ’il fuq.


20      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Ligue pour la protection des oiseaux et (C‑182/02, EU:C:2003:248, punt 5).


21      Premessa 3 tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi.


22      Premessa 5.


23      Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C326, p.2, iktar il-quddiem il-“Karta”). Dan l-artikolu jistabbilixxi obbligu li jiġi żgurat “[l]ivell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u t-titjib fil-kwalità ta’ l-ambjent” u li dawn l-għanijiet jiġu integrati fil-politiki tal-Unjoni.


24      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2014:2324, punt 6).


25      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21), u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 74).


26      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑76/08, EU:C:2009:535, punt 58).


27      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 89).


28      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Ligue pour la protection des oiseaux et (C‑182/02, EU:C:2003:248, punt 26).


29      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 7) u tas-7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 21).


30      Ara s-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, The Number (UK) and Conduit Enterprises (C‑16/10, EU:C:2011:92, punt 31).


31      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑76/08, EU:C:2009:535, punt 48).


32      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑414/97, EU:C:1999:417, punt 22).


33      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 34).


34      Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑76/08, EU:C:2009:535, punt 57).


35      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 21).


36      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 2009, Angelidaki et (C‑378/07 sa C‑380/07, EU:C:2009:250, punt 48).


37      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 29).


38      Ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 269 et seq.).


39      Jew forsi “fil-maqful”: ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


40      Waqt li l-verżjoni Ingliża tal-Avviż Legali 253 u l-Memorandum Tekniku jirriflettu, kelma b’kelma, il-kliem tal-punt 10 (“Ambjent”) D (“protezzjoni tal-ambjent”) tat-test Ingliż tal-Anness XI tal-Att ta’ Adeżjoni, il-verżjoni Maltija tal-Avviż Legali 253 għandha espressjoni kemxejn differenti (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5). Kif ser jintwera iktar ’il quddiem, din id-diskrepanza żgħira mhux ser taffettwa l-konklużjonijiet li jien ser nasal għalihom.


41      Ara l-punt 27 iktar ’il fuq: il-promotur l-ieħor kien il-PL, li mbagħad rebaħ l-elezzjoni tal-2013 u fforma l-gvern.


42      Skont din il-ġurisprudenza, il-portata tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2003, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali kienet is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet ġudizzjarji rilevanti differenti, fejn uħud iwasslu għall-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni filwaqt li oħrajn iwasslu għal applikazzjoni opposta, għandu jiġi kkonstatat li, minn tal-inqas, din il-leġiżlazzjoni ma hijiex suffiċjentement preċiża sabiex tiżgura l-applikazzjoni tagħha b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni (ara l-punt 33).


43      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et (C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 15), u tad-9 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑135/04, EU:C:2005:374, punt 18).


44      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża LRBPO u AVES (C‑10/96, EU:C:1996:430, punt 33, enfasi miżjuda).


45      Ara t-Taqsima 3, p. 43 et seq. Din il-metodoloġija teżiġi, bħala prerekwiżit sabiex tiġi introdotta deroga, l-identifikazzjoni ta’ problema speċifika li għaliha tkun qiegħda titfittex soluzzjoni. Hija tipprevedi l-istadji segwenti: (i) l-identifikazzjoni u d-definizzjoni tal-problema preċiża li għaliha tkun qiegħda titfittex soluzzjoni; (ii) l-identifikazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi potenzjali għall-imsemmija problema; (iii) id-determinazzjoni ta’ jekk l-Artikolu 9 tad-Direttiva japplikax għal tali soluzzjonijiet alternattivi; u (iv) l-applikazzjoni tal-“eżami ta’ soluzzjoni sodisfaċenti” għas-soluzzjonijiet alternattivi potenzjali. Id-Dokument ta’ Gwida dwar il-kaċċa huwa disponibbli hawnhekk: http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/wildbirds/hunting/docs/hunting_guide_mt.pdf.


46      Ara l-punti 49 sa 52, iktar ’il fuq.


47      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996 (C‑10/96, EU:C:1996:504).


48      Punti 20 u 21 (enfasi miżjuda).


49      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996 (C‑10/96, EU:C:1996:504).


50      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punt 18); tat-13 ta’ Frar 1996, Bautiaa u Société française maritime (C‑197/94 u C‑252/94, EU:C:1996:47, punt 51); u tat-3 Diċembru 1998, KappAhl (C‑233/97, EU:C:1998:585, punt 23).


51      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009 (C‑76/08, EU:C:2009:535). F’dik il-kawża, il-possibbiltajiet li tiġi eżerċitata l-attività mixtieqa (il-kaċċa) offruti mis-soluzzjoni alternattiva identifika mill-Kummissjoni tant kienu limitati li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li din kienet ser twassal sabiex “jintilef il-bilanċ mixtieq mid-Direttiva bejn il-protezzjoni tal-ispeċi u ċerti attivitajiet ta’ rikreazzjoni”. Madankollu, f’din il-kawża huwa ċar li ż-żamma tal-għasafar tista’ tiġi sostnuta b’suċċess permezz ta’ programm għat-tgħammir fil-maqful fuq skala suffiċjenti.


52      Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et (C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 16); tad-9 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑135/04, EU:C:2005:374, punt 19); u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑76/08, EU:C:2009:535, punt 50).


53      Ara l-Memorandum Tekniku, Part B, p. 3. L-aġent li rrappreżenta lil Malta matul is-seduta tenna l-pożizzjoni ta’ Malta.


54      Ara l-punt 73, iktar ’il fuq.


55      Ara l-punt 38, iktar ’il fuq; ara wkoll il-punt 102 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 73, iktar ’il quddiem.


56      Ara l-punti 66 sa 69, iktar ’il fuq.


57      Madankollu, għandi nosserva wkoll li ma hemm xejn quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jindika li xi waħda minn dawn l-ispeċi fil-fatt tinsab f’Malta f’numri suffiċjenti sabiex tali deroga għall-kaċċa tkun tista’ tiġi permessa taħt id-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi.


58      Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005 (C‑344/03, EU:C:2005:770, punt 44). F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-kaċċa għal għasafar tal-Anness II bħala sostituzzjoni għall-kaċċa għal ċerti għasafar oħra tal-Anness II tista’ twassal sabiex l-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva dwar l-għasafar selvaġġi jitlef is-sens tiegħu, minn tal-inqas parzjalment. Huwa ċar li dik il-kawża kienet tiddependi mill-fatti partikolari tagħha u ma hijiex rilevanti f’dan il-kuntest.


59      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, LRBPO u AVES (C‑10/96, EU:C:1996:504, punt 21). B’mod iktar ġenerali, Stat Membru ma jistax jinvoka l-oppożizzjoni tar-residenti lokali sabiex jiġġustifika nuqqas li jikkonforma ruħu mal-obbligi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑297/08, EU:C:2010:115, punti 81 sa 85).


60      Ara l-verżjoni diġitali: https://en.oxforddictionaries.com/.


61      Ara l-verżjoni diġitali: https://de.langenscheidt.com/.


62      Ara l-verżjonijiet lingwistiċi segwenti: SK: využívanie; PL: wykorzystywania; NL: gebruik; FR: exploitation; ES: explotación; DE: Nutzung; CZ: využívání; RO: utilizări.


63      Ara l-punt 3.5.25.


64      Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑507/04, EU:C:2007:427, punt 187).


65      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (262/85, EU:C:1987:340, punt 38).


66      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li, mingħajr iktar analiżi, aċċettat impliċitament il-pożizzjoni li, sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu tiddefinixxi d-deroga b’mod suffiċjentement iddettaljat, Stat Membru seta’ juża d-deroga taħt l-Artikolu 9 sabiex jawtorizza l-kaċċa kemm għall-għasafar elenkati fl-Anness II u kemm għall-għasafar li ma humiex elenkati fl-imsemmi anness. Dak li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet fil-verità kien li “l-Artikolu 9 […] għandu jiġi interpretat li jfisser li jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mill-projbizzjoni ġenerali li jikkaċċjaw speċi protetti […] biss permezz ta’ miżuri li jirreferu suffiċjentement fid-dettal għall-fatturi msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2)” (enfasi miżjuda).


67      Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et (C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 10), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, 247/85, EU:C:1987:339, f’kawża parallela għal dik li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, 262/85, EU:C:1987:340; il-formulazzjoni ta’ dawn iż-żewġ sentenzi ma hijiex identika iżda r-raġunament huwa ġeneralment simili), u fuq Associazione Italiana per il WWF et (sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, C‑118/94, EU:C:1996:86) u Il-Kummissjoni vs L-Italja (sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, 262/85, EU:C:1987:340) bħala awtorità “ċara”. Nistqarr li għalija ma huwiex kompletament faċli li nsegwi dan l-element tas-sentenza.


68      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, LRBPO u AVES (C‑10/96, EU:C:1996:504, punt 22).


69      Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, LRBPO u AVES (C‑10/96, EU:C:1996:504, punt 26).


70      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 32), u tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-KummissjonivsMalta (C‑76/08, EU:C:2009:535, punt 59).


71      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (262/85, EU:C:1987:340, punt 39).


72      L-Anness IV jelenka mezzi, arranġamenti jew metodi “użati għall-qabda jew qtil tal-għasafar fuq skala kbira jew mhux selettiva jew li jkunu kapaċi jikkawżaw l-għejbien lokali ta’ speċi”.


73      Ara l-punt 38, iktar ’il fuq.


74      F’dan is-sens ara riċerka xjentifika minn Raine, A. F., The international impact of hunting and trapping in the Maltese islands, Mejju 2007, p. 22.


75      Ir-riċerka xjentifika turi li l-qabda u ż-żamma fil-maqful jistgħu jikkawżaw fl-għasafar forma ta’ stress kroniku u li l-għasafar jistgħu jibqgħu jġarrbu l-effetti ta’ dawn il-kawżi ta’ stress anki wara li jkunu rritornati malajr fil-habitat naturali tagħhom. F’dan is-sens ara Dickens, M., Delehanty, D., u Romero, L., “Stress and translocation: alterations in the stress physiology of translocated birds”, Proceedings of the Royal Society B: Biological Sciences, 276, 2009, 2051 – 2056; disponibbli f’dan is-sit: https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pmc/articles/PMC2677253/.


76      Sentenza tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs L-Italja (262/85, EU:C:1987:340, punt 39).


77      Ara Raine, A. F., The international impact of hunting and trapping in the Maltese islands, Mejju 2007.


78      L-Iskeda II tal-Avviż Legali 253 tal-2014 tat istruzzjoni lill-Ministru sabiex “jistabbilixxi l-kwota komplessiva f’mhux iżjed minn 1% mir-rata ta’ mortalità totali ta’ kull sena tal-popolazzjoni li tintuża għar-referenza ta’ kull speċi fi ħdan it-territorju tal-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tal-aħħardata xjentifika disponibbli fir-rigward ta’ għasafar immarkati b’ċurkett li jindika minn fejn passew” (enfasi miżjuda; ara l-punt 27 iktar ’il fuq).


79      Skont l-Artikolu 191(2) TFUE, il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent “għandha tkun intiża li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni” u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni.