Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Ġunju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija) – Proċedura mressqa minn Gert Folk

(Kawża C-529/15) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ambjentali – Direttiva 2004/35/KE – Artikolu 17 – Applikabbiltà ratione temporis – Operazzjoni ta’ impjant idroelettriku li beda jopera qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Punt 1(b) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘danni ambjentali’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull dannu kopert minn awtorizzazzjoni – Artikolu 12(1) – Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tad-dritt ambjentali – Locus standi – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 4(7) – Effett dirett)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Gert Folk

Dispożittiv

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija direttiva tapplika ratione temporis għad-danni ambjentali li mmaterjalizzaw wara t-30 ta’ April 2007 iżda li jkunu ġew ikkawżati mill-operazzjoni ta’ installazzjoni awtorizzata konformement mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u li bdiet topera qabel din id-data.

Id-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, u b’mod partikolari l-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali u awtomatiku, li dannu li jolqot b’mod gravi u negattiv l-istat ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati jiġi kklassifikat bħala “dannu ambjentali”, minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dannu jkun kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa skont dan id-dritt.

Fil-każ li awtorizzazzjoni tkun ingħatat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali mingħajr eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tivverifika hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu ambjentali fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31.

L-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd iressqu proċedura ta’ rikors dwar dannu ambjentali, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

____________

1 ĠU C 406, 7.12.2015.