Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Ġunju 2017 – KPN vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-370/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: KPN BV (Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: P. van Ginneken u G. Béquet, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni C(2016) 5165 finali tal-Kummissjoni Ewropea, tat-3 ta’ Awwissu 2016, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 fil-Każ M. 7978 – Vodafone/Liberty Global/Dutch JV;

tibgħat il-każ lura quddiem il-Kummissjoni għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tas-suq tal-kontenut sportiv u li, minħabba dan, l-analiżi tal-Kummissjoni relatata mal-kompetizzjoni ma hijiex fondata.

Ir-rikorrenti ssostni li l-kontenut sportiv ma huwiex sostitwibbli u huwa essenzjali għall-abbonati. Skont ir-rikorrenti, dan irendi l-kontenut sportiv (u speċjalment il-kontenut sportiv indispensabbli) essenzjali għall-fornituri ta’ servizzi televiżivi li jridu jikkompetu (fost oħrajn) fis-swieq relatati mas-servizzi televiżivi.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, billi qieset il-kuntrarju, il-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha tas-suq jew tas-swieq tal-kontenut sportiv. Skont ir-rikorrenti, dawn l-iżbalji fid-definizzjoni tas-suq għandhom konsegwenzi għall-evalwazzjoni suċċessiva tal-Kummissjoni f’din id-deċiżjoni u fl-aħħar nett għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li tawtorizza l-amalgamazzjoni.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-inċentiv li twettaq esklużjoni fir-rigward tal-input fis-suq tal-provvista bl-ingrossa ta’ kanali sportivi premium bi ħlas.

Ir-rikorrenti ssostni li qabel l-amalgamazzjoni, Ziggo diġà kellha l-abbiltà u l-inċentiv li teskludi l-aċċess tal-kompetituri għall-kontenut indispensabbli. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet taf dwar dan u għaldaqstant l-amalgamazzjoni tippermetti li l-esklużjoni tiġi estiża għal swieq ġodda, bħas-swieq tal-pakketti multiplay fiss-mobbli.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni żbaljatament qieset li l-konsum tal-kontenut fuq apparat mobbli huwa limitat u li għaldaqstant l-amalgamazzjoni ma kinitx ser taffettwa dawn is-swieq. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljatament qieset li s-swieq tal-pakketti multiplay fiss-mobbli jinsabu biss fi stadju inizjali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għaldaqstant żbaljatament wasslet għall-konklużjoni li l-amalgamazzjoni ma jkollha ebda effett negattiv fir-rigward tal-esklużjoni tal-kontenut sportiv fis-swieq tal-pakketti multiplay fiss-mobbli.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tatx ir-raġunijiet għalfejn l-impriża konġunta ma jkollhiex l-inċentiv li teskludi lil kompetituri downstream mill-aċċess għall-kontenut indispensabbli.

Ir-rikorrenti ssostni li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni diskussi fil-motivi preċedenti ma kinux motivati biżżejjed.

____________