Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2017 – HeidelbergCement u Schwenk Zement vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-380/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: HeidelbergCement AG (Heidelberg, il-Ġermanja) u Schwenk Zement KG (Ulm, il-Ġermanja) (rappreżentanti: U. Denzel, C. von Köckritz, P. Pichler, M. Raible, U. Soltész, G. Wecker u H. Weiß, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 1650 finali, tal-5 ta’ April 2017, li tiddikjara konċentrazzjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fil-Każ M. 7878 – HeideelbergCement/Schwenk/Cemex Hungary/Cemex Croatia;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma kellhiex kompentenza sabiex tiddeċiedi dwar it-tranżazzjoni peress li t-tranżazzjoni ma kellhiex dimensjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u kisret l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004 1 (iktar ’il quddiem ir-“RUEGħˮ) meta qieset lil HeidelberCement u lil Schwenk – iktar milli lill-akkwirent dirett Duna-Dráva Cement – bħala “impriżi konċernatiˮ.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 2 u 8 tar-RUEGħ u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta ddefinixxiet is-suq ġeografiku rilevanti.

It-tielet motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 2(2) u (3) tar-RUEGħ billi pprojbixxiet tranżazzjoni mingħajr ma stabbilixxiet impediment sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva f’parti sostanzjali tas-suq intern.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni kompetittiva tal-effetti tat-tranżazzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni u ċ-ċaħda tar-rimedju propost.

Is-sitt motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji proċedurali u għaldaqstant kisret forom proċedurali sostanzjali, id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u d-drittijiet fundamentali tagħhom, kif ukoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ diliġenza tagħha.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tipprojbixxi l-akkwist ta’ Cemex Hungary wara li kienet irreferiet il-parti Ungeriża tat-tranżazzjoni għal eżami mill-awtorità tal-kompetizzjoni Ungeriża skont l-Artikolu 4 tar-RUEGħ.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40)