Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Mejju 2017 – Aldridge et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-319/17)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Adam Aldridge (Schaerbeek, il-Belġju) u tnejn u tletin rikorrent ieħor (rappreżentanti: S. Rodrigues u A. Tymen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement:

tannulla d-deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2016, li tiċħad it-talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid tas-16 ta’ Marzu 2016;

tannulla d-deċiżjoni tat-13 ta’ Frar 2017, li tiċħad l-ilment tal-14 ta’ Ottubru 2016;

tordna l-kumpens għad-dannu materjali u għad-dannu morali tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra d-deċiżjoni tad-Direttur tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (iktar ’il quddiem l-“OLAFˮ), tas-16 ta’ Ottubru 2012, li tiġi implementata biss klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ darba għall-membri tal-persunal temporanju li għandhom kuntratt għal żmien indeterminat.

Ir-rikorrenti jqisu li l-imsemmija deċiżjoni hija illegali sa fejn din ġiet adottata bi ksur tal-Artikoli 10(3) u 15 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-Impjiegˮ), bi ksur tal-ġerarkija tar-regoli kif ukoll bi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. B’hekk, id-deċiżjoni tad-Direttur tal-OLAF, tal-15 ta’ Lulju 2016, li tiċħad it-talba għal klassifikazzjoni mill-ġdid tas-16 ta’ Marzu 2016 kif ukoll dik tat-13 ta’ Frar 2017, li tiċħad l-ilment tal-14 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestatiˮ) ġew adottati abbażi ta’ deċiżjoni li hija illegali u għaldaqstant għandhom jiġu annullati.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, prinċipalment sa fejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea l-ġodda tal-2014 u tad-dispożizzjonijiet li jillimitaw il-prospetti ta’ żvilupp fil-karriera lil hinn mill-gradi AD12 u AST9 ma huwiex raġuni valida sabiex dawn il-membri tal-persunal temporanju jiġu esklużi mill-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati jmorru kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni, indirizzata lill-aġenziji tal-Unjoni Ewropea, li tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-membri tal-persunal temporanju f’eżerċizzji ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid. B’hekk, il-membri tal-persunal temporanju li għandhom kuntratti għal żmien indeterminat taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRCˮ) tal-Kummissjoni jibbenefikaw minn sistema ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid annwali, u dan ir-rikorrenti jsostnu li jikkostitwixxi differenza fit-trattament li ma hijiex ġustifikata.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod partikolari sa fejn il-limitazzjoni għal klassifkazzjoni mill-ġdid waħda għal kull karriera ma tikkostitwixxix miżura li tindirizza l-għan deskritt fid-deċiżjoni tas-16 ta’ Ottubru 2016 li jiġu żgurati l-bżonnijiet tal-OLAF f’perizja speċifika, iżda għall-kuntrarju hija pjuttost ta’ natura li ma tippermettix lill-OLAF iżomm fis-servizz tiegħu membri tal-persunal temporanju għal perijodi twal.

____________