Language of document : ECLI:EU:C:2017:634

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fis-6 ta’ Settembru 2017 (1)

Kawża C-384/16 P

European Union Copper Task Force

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Rikors għal annullament parzjali – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Interess individwali – Eċċezzjoni ta’ illegalità parzjali – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament (KE) Nru 1107/2009 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/408 – Tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ħolqien ta’ lista ta’ kandidat i għas-sostituzzjoni – Komposti tar-ram”






I.      Introduzzjoni

1.        Din il-kawża għandha bħala suġġett l-appell magħmul minn European Union Copper Task Force (iktar ’il quddiem l-“EUCuTF”) kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ April 2016, European Union Copper Task Force vs Il‑Kummissjoni (T-310/15, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”, EU:T:2016:265).

2.        Bid-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tal-EUCuTF għall-annullament parzjali tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408 tal-11 ta’ Marzu 2015, dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar‑Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas-sostituzzjoni (iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”) (2). Il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, iddeċidiet, minn naħa waħda, li r-rikorrenti ma setgħetx issostni interess proprju tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-membri tagħha ma kellhomx locus standi peress li ma kinux individwalment ikkonċernati bir-regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-rikors introdott mill-EUCuTF lanqas ma seta’ jkun ibbażat fuq l-aħħar frażi tar‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE peress li r-regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni skont din id‑dispożizzjoni.

3.        Bl-appell tagħha, l-EUCuTF tat lill-Qorti tal-Ġustizzja l‑opportunità li tispjega l-interpretazzjoni tal-verb “jinvolvi” użat f’din id-dispożizzjoni (3). Fil-fatt, minkejja li dan it-terminu huwa essenzjali għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, l‑interpretazzjoni tiegħu qatt ma ġiet verament ittrattata mill-Qorti tal‑Ġustizzja, kemm pereżempju, fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852) jew tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284).

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-Direttiva 91/414/KEE

4.        Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal‑pjanti (4) fl‑Anness I tagħha tipprevedi lista ta’ sustanzi attivi li l-inklużjoni tagħhom kienet awtorizzata fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

5.        Skont l-Artikolu 1 u l-Anness tad-Direttiva tal‑Kummissjoni 2009/37/KE, tat-23 ta’ April 2009, li temenda d‑Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġu inklużi bħala sustanzi attivi l-chlormequat, il-komposti tar-ram, il-propaquizafop, il-quizalofop-P, it‑teflubenzuron u ż-zeta-cypermethrin (5), il-lista li tinsab fl-Anness I tad‑Direttiva 91/414/KEE ġiet emendata sabiex fiha jiġu inklużi, b’mod partikolari, il-komposti tar-ram.

B.      Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009

6.        Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (6) jipprevedi, fl-Artikolu 50 tiegħu, intitolat “Valutazzjoni komparattiva ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom kandidati għal sostituzzjoni”:

“1.      Valutazzjoni komparattiva għandha titwettaq mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin jevalwaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih sustanza attiva approvata bħala kandidat għal sostituzzjoni. L-Istati Membri m’għandhomx jawtorizzaw jew għandhom jirrestrinġu l-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-użu fuq uċuħ partikolari tar-raba’ li jkun fih kandidat għas‑sostituzzjoni fejn il-valutazzjoni komparattiva li tiżen ir-riskji u l‑benefiċċji, kif imniżżel fl-Anness IV, turi li:

[…]

4.      Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom kandidat għal sostituzzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-valutazzjoni komparattiva prevista fil-paragrafu 1 regolarment u mhux aktar tard minn meta l-awtorizzazzjoni tiġi mġedda jew emendata.

Abbażi tar-riżultati ta’ dik il-valutazzjoni komparattiva, l-Istati Membri għandhom iżommu, jirtiraw jew jemendaw l-awtorizzazzjoni.”

7.        Taħt il-Kapitolu XI, intitolat “Dispożizzjonijiet transitorji u finali” hemm l-Artikolu 80 tar-Regolament 1107/2009, intitolat “Miżuri tranżitorji” li fil-paragrafu 7 tiegħu jipprevedi dan li ġej:

“Sal-14 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ sustanzi inklużi fl-Anness I għad-Direttiva 1991/414/KE li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II għal dan ir‑Regolament u li għalihom għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament.”

8.        L-Artikolu 83 tar-Regolament 1107/2009, intitolat “Tħassir” jipprevedi dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 80, id-Direttivi [tal-Kunsill] 79/117/KEE [tal-21 ta’ Diċembru 1978, li tiprojbixxi it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom ċerti sustanzi attivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 4, p. 33)] u 91/414/KEE, kif ġew emendati permezz tal-atti elenkati fl-Anness V, huma mħassra b’effett mill-14 ta’ Ġunju 2011, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat‑traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi previsti f’dak l-Anness.

Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]”

C.      Ir-regolamenti ta’ implementazzjoni

1.      Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 540/2011

9.        Skont il-premessa 1 u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (7), is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom jitqiesu li ġew approvati skont ir-Regolament Nru 1107/2009.

2.      Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/232

10.      Skont il-premessa 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal‑Kummissjoni (UE) 2015/232, tat-13 ta’ Frar 2015, li jemenda u jikkoreġi r‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011 fir-rigward tal‑kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva komposti tar‑ram (8), “[h]uwa kkonfermat li s-sustanza attiva komposti tar-ram għandha titqies bħala approvata skont ir-Regolament […] Nru 1107/2009.”

11.      L-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2015/232, intitolat “Emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011”, jipprevedi dan li ġej:

“Il-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 hija emendata skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.”

12.      L-Anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/232 jipprevedi li l-Parti A tal‑Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011, hija emendata sabiex tipprevedi dan li ġej:

“[…]

In-notifikaturi għandhom jippreżentaw, lill-Kummissjoni, lill-Awtorità u lill-Istati Membri, programm ta’ monitoraġġ għaż-żoni vulnerabbli fejn il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma (inkluż tad-depożiti) bir-ram hija raġuni għal tħassib jew tista’ ssir raġuni għal tħassib.

[…]”

3.      Ir-regolament ikkontestat

13.      L-Artikolu 1, intitolat “Kandidati għas-sostituzzjoni”, tar‑regolament ikkontestat jipprevedi dan li ġej:

“Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-punt 4 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 għandhom ikunu kif stabbilit fil-lista fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

L-ewwel paragrafu għandu japplika wkoll għas-sustanzi attivi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 skont il-miżuri tranżitorji tal‑Artikolu 80(1).”

14.      Il-lista li tinsab fl-anness ta’ dan ir-regolament tinkludi:

“[…]

komposti tar-ram (il-varjanti idrossidu tar-ram, ossiklorur tar-ram, ossidu tar-ram, taħlita Bordeaux, u sulfat tar-ram tribażiku)

[…]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

15.      Il-fatt li wasslu għall-kawża ġew ippreżentati fil-qosor mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 6 tad-digriet ikkontestat. Jistgħu jitqassru kif ġej.

16.      L-EUCuTF hija assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ komposti tar-ram u wħud fosthom għandhom awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanza. Hija ġiet ikkostitwita sabiex tressaq talba għal reġistrazzjoni ta’ din is‑sustanza fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 li kienet tipprevedi l-lista ta’ sustanzi attivi li l-inklużjoni tagħhom kienet awtorizzata fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

17.      Bl-adozzjoni tad-Direttiva 2009/37, il-Kummissjoni bidlet il-lista li tinsab fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 sabiex tinkludi l-komposti tar‑ram. Din id-direttiva ġiet abrogata bir-Regolament Nru 1107/2009. Madankollu, skont il-premessa 1 u l-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 540/2011, is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 għandhom jitqiesu bħala approvati skont ir‑Regolament Nru 1107/2009.

18.      Wara l-preżentazzjoni mir-rikorrenti ta’ informazzjoni addizzjonali fuq ir-riskji marbuta mal-inalazzjoni tal-komposti tar-ram u mal-evalwazzjoni tar-riskji kkawżati minn din is-sustanza għall‑organiżmi mhux fil-mira, il-ħamrija u l-ilma, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/232. B’dan ir‑regolament, il-Kummissjoni, minn naħa waħda kkonfermat li l‑komposti tar-ram għandhom jiġu approvati skont ir-Regolament Nru 1107/2009 u, min-naħa l-oħra, emendat l-anness tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 540/2011 billi pprevediet, b’mod partikolari, li r‑rikorrenti għandha tibgħat lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u lill-Istati Membri programm ta’ monitoraġġ għaż-żoni vulnerabbli fejn il‑kontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma bir‑ram tikkawża problema jew tista’ tkun suġġett ta’ tħassib.

19.      Fil-11 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni adottat ir-regolament ikkontestat skont l-Artikolu 80(7) tar-Regolament Nru 1107/2009, peress li din l-aħħar dispożizzjoni kienet tipprevedi li l-Kummissjoni tistabbilixxi lista ta’ sustanzi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 li jissodisfaw il-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jiġu kkunsidrati bħala kandidati għas-sostituzzjoni u li għalihom japplika l-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament. L-imsemmija lista, li tidher fl-anness tar-regolament ikkontestat, tinkludi l-komposti tar-ram, peress li din is-sustanza tissodisfa l-imsemmija kriterji.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet ikkontestat

20.      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti ppreżentat rikors għall‑annullament parzjali tar-regolament ikkontestat. Insostenn tar‑rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, b’mod partikolari, eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-Artikolu 24 u tal-punt 4 tal-Anness II tar‑Regolament Nru 1107/2009.

21.      Permezz tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali laqgħet l‑eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni. Hija ddeċidiet, minn naħa waħda, li r-rikorrenti ma setgħetx issostni l-interess tagħha u, min-naħa l-oħra, li l-membri tagħha ma kellhomx interess ġuridiku. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, l-ewwel nett, li l-membri tar-rikorrenti ma kinux ikkonċernati individwalment mir‑regolament ikkontestat skont ir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE u t-tieni nett, li dan ir-regolament kien att regolatorju li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni skont l-aħħar parti tar‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

22.      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument tar-rikorrenti dwar il‑ksur tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

V.      It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti talĠustizzja

23.      Permezz tal-appell tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tannulla d-digriet ikkontestat, tiddikjara r-rikors għal annullament li hija ppreżentat kontra r-regolament ikkontestat bħala ammissibbli u tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-mertu. Hija titlob ukoll li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall‑ispejjeż tal-proċedura ta’ appell.

24.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad l-appell u tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

VI.    Fuq l-appell

25.      Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet aggravji. L‑ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat kien att regolatorju li jinkludi, min-naħa tiegħu, miżuri ta’ implementazzjoni skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE. It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-inammissibbiltà tar-rikors tagħha ma kienx jipprekludiha, u lanqas lill-membri tagħha, minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Finalment, it-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi billi kkunsidrat li hi u l-membri tagħha ma kinux ikkonċernati individwalment bir-regolament ikkontestat.

26.      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li hija stess u l-membri tagħha huma direttament ikkonċernati bir-regolament ikkontestat.

A.      Fuq l-ewwel aggravju dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament ikkontestat

1.      L-argumenti tal-partijiet

27.      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta l‑punti 42 sa 44, 46 sa 48, 50 sa 52, 60 u 61 tad-digriet ikkontestat. Hija tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet li r-regolament ikkontestat jinkludi miżuri ta’ implementazzjoni skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

28.      Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, il-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala “kandidati għas-sostituzzjoni” u l-applikazzjoni sussegwenti tas‑sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1107/2009 japplikaw mingħajr il-bżonn ta’ miżuri ta’ implementazzjoni.

29.      Qabel xejn, jekk it-tiġdid eventwali tal-awtorizzazzjoni tal‑komposti tar-ram huwa formalment stabbilit permezz ta’ att tal‑Kummissjoni wara talba f’dan is-sens tal-EUCuTF, dan l-att ma għandux jiġi kkunsidrat bħala att ta’ implementazzjoni tar-regolament ikkontestat iżda iktar bħala att ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009, li jirregola l-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi. Barra minn hekk, ir-regolament ikkontestat għandu l-effett li jissuġġetta l-komposti tar-ram għall-approvazzjoni tal-inqas kull seba’ snin, u mhux kull ħmistax-il sena bħal fil-każ ta’ sustanzi attivi li ma humiex kandidati għas-sostituzzjoni. Għalhekk, skont il-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ dan ir-regolament, il-komposti tar-ram huma s-suġġett bħala regola ta’ talbiet għal tiġdid ta’ approvazzjoni darbtejn iktar frekwenti, li jżid l-ispejjeż marbuta mal-approvazzjoni ta’ dawn il-komposti. Dan l-effett huwa dirett u ma jeħtieġ l-ebda miżura ta’ implementazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri.

30.      Sussegwentement, ir-rikorrenti tikkunsidra li r-regolament ikkontestat għandu l-effett immedjat li jissuġġetta l-prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti li fihom komposti tar-ram u l-użu tagħhom għal evalwazzjoni komparattiva msemmija fl-Artikolu 50 tar‑Regolament Nru 1107/2009. Fil-fatt l-Artikolu 50(4) ta’ dan ir‑regolament jirrikjedi lill-Istati Membri jagħmlu evalwazzjoni komparattiva regolarment u mhux iktar tard minn meta l-awtorizzazzjoni tiġi mġedda jew emendata. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l‑Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 48 tad-digriet ikkontestat, ma humiex biss l-ispejjeż relatati mat-twettiq tal-evalwazzjoni komparattiva li jiġu sostnuti mill-applikanti, iżda wkoll it-twettiq ta’ din l-evalwazzjoni stess, peress li l-awtoritajiet nazzjonali jillimitaw ruħhom sabiex jadottaw deċiżjoni dwar it-talba għal tiġdid tal-awtorizzazzjoni tal-prodott għall‑protezzjoni tal-pjanti. Minn dan isegwi li l-EUCuTF u l-membri tagħha huma marbuta bl-obbligi li jirriżultaw mill-evalwazzjoni komparattiva, indipendentement mir-riżultat finali tagħha.

31.      Meta kkonstatat, fil-punt 46 tad-digriet ikkontestat, li t-twettiq tal‑evalwazzjoni komparattiva ma għandux effett fuq il-fatt li l‑awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq huma mogħtija jew irrifjutati, mġedda, irtirati jew emendati mill-Istati Membri, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li l-effett tar-regolament ikkontestat huwa indipendenti minn kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn awtorità nazzjonali.

32.      Peress li l-miżuri li jieħdu, jekk ikun il-każ, l-awtoritajiet nazzjonali, ma għandhom l-ebda effett fuq l-istatus ġuridiku tal-komposti tar-ram bħala kandidati għas-sostituzzjoni u lanqas fuq is-sistema implementata bir-Regolament Nru 1107/2009, ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament ikkontestat.

33.      Finalment, ir-rikorrenti tikkunsidra li konklużjoni simili għandha tintlaħaq fir-rigward tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tal‑prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, minħabba l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ prodott li fih sustanza kandidat għas-sostituzzjoni ma għadux awtomatiku, kif inhu, għall-kuntrarju, fil-każ ta’ kull sustanza attiva oħra.

34.      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-ewwel aggravju ma huwiex fondat.

35.      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali korrettament ikkonstatat, fil-punt 41 tad-digriet ikkontestat, li hemm tliet tipi ta’ regoli speċifiċi li japplikaw għas-sustanzi inklużi fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas‑sostituzzjoni u li l-applikazzjoni ta’ kull waħda minn dawn ir-regoli distinti twassal għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ implementazzjoni li l‑legalità tagħhom tista’ tiġi kkontestata mir-rikorrenti (9).

36.      Qabel xejn, fir-rigward tal-argument li t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram mill-Kummissjoni jikkostitwixxi miżura ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009 u mhux tar‑regolament ikkontestat, il-Kummissjoni tikkunsidra li l‑konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward hija konformi b’mod sħiħ mar-raġunament tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kif spjegat mil-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 27 tas-sentenza tagħha tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852).

37.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżami mitlub ma jirrigwardax il-kwistjoni dwar jekk l-att ikkontestat jikkostitwixxix il‑bażi ġuridika, fis-sens strett, ta’ kull miżura ta’ implementazzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-eżami għandu jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk l-att ikkontestat jibdilx b’mod definittiv u negattiv is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti. Jekk dan huwa l-każ, hemm lok għalhekk li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti għandhiex tikser id-dispożizzjonijiet tal-att ikkontestat sabiex tikseb rimedju għaliex ma jeżisti l-ebda att ieħor, adottat jew li għandu jiġi adottat mill-ġdid fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, li jista’ jiġi kkontestat quddiem qorti.

38.      Madankollu, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ġuridika tar‑rikorrenti tibqa’ l-istess, sakemm u sa fejn jiġi adottat att li jikkostitwixxi l‑bidu tal-applikazzjoni ta’ waħda mit-tliet kategoriji ta’ regoli partikolari previsti bir-Regolament Nru 1107/2009.

39.      Imbagħad, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa mir‑rikorrenti meta mqabbla mal-applikazzjoni ta’ kull waħda mill‑imsemmija kategoriji ta’ regoli għandhom jiġu miċħuda.

40.      L-ewwel nett, it-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas‑sostituzzjoni jirrikjedi, kif iddeċidiet l-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tad-digriet ikkontestat, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ regolament li japprova jew le s-sustanza inkwistjoni, li jwassal għall-applikazzjoni effettiva tar-regolament ikkontestat. Ir‑rikorrenti għalhekk ikollha l‑possibbiltà li tikkontesta l-ewwel regolament iċċitat u tinvoka, f’dan il‑każ, l-inapplikabbiltà tar‑regolament ikkontestat skont l‑Artikolu 277 TFUE.

41.      It-tieni nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli relatati mar‑rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali korrettament ikkunsidrat, fil-punt 50 tad-digriet ikkontestat, li l-effetti tal-bidla introdotta f’dan ir‑rigward jirriżultaw biss bl-eżerċizzju tal-marġni diskrezzjonali lill‑Istati Membri meta l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw atti ta’ deċiżjoni dwar it-talbiet ta’ rikonoxximent reċiproku. Ir-rikorrenti ma urietx li l‑għoti ta’ setgħa diskrezzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali f’dan il‑kuntest jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tal-membri tagħha b’mod differenti milli wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni nazzjonali li tagħti jew tiċħad ir-rikonoxximent reċiproku. Hija lanqas uriet li r-regolament ikkontestat jagħmel xi bidla oħra fis-sistema ta’ rikonoxximent reċiproku li jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tagħha.

42.      It-tielet nett, fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli relatati mal‑kundizzjonijiet ta’ kisba jew tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, ir-rikorrenti tagħmel interpretazzjoni żbaljata tal-punt 46 tad‑digriet ikkontestat. Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, b’mod korrett skont il-Kummissjoni, li l-evalwazzjoni komparattiva tagħmel parti mill‑proċess ta’ eżami tal-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq. L-att li jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti hija d-deċiżjoni li tinżamm, tiġi irtirata jew emendata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, liema deċiżjoni ġġib magħha l-applikazzjoni effettiva tar-regolament ikkontestat fil-prattika.

43.      L-argument li l-applikanti tal-awtorizzazzjoni bħalissa huma mitluba jagħmlu evalwazzjoni komparattiva ma jaffettwax din il‑konklużjoni. Il-Qorti Ġenerali korrettament irrifjutat dan l-argument fil-punt 48 tad-digriet ikkontestat. Skont l-opinjoni tal-Kummissjoni, l‑eventwalità ta’ tali trasferiment tal-oneru li ssir evalwazzjoni komparattiva tikkonċerna biss il-proċess u ma tibdel xejn mill-fatt li atti għandhom jiġu adottati mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jimplementaw din l-evalwazzjoni komparattiva u li dawn l-atti jista’ jiġu kkontestati. Minn naħa waħda, id-deċiżjoni tal-awtorità nazzjonali li tagħmel evalwazzjoni komparattiva ex officio tista’ tiġi kkontestata. Min-naħa l‑oħra, jekk ir-riżultat tal-evalwazzjoni jkun negattiv fir-rigward tal‑komposti tar-ram u, għalhekk, jaffettwa s-sitwazzjoni ġuridika tar‑rikorrenti, id-deċiżjoni li tiġi irtirata l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq hija att li jista’ jiġi kkontestat.

2.      Analiżi

a)      Rimarka preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-aħħar frażi tarraba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE

44.      Fl-appell tagħha, l-EUCuTF issostni li l-klassifikazzjoni tal‑komposti tar-ram bħala sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni u l‑applikazzjoni, bħala konsegwenza, tas-sistema stabbilita bir‑Regolament Nru 1107/2009, huma applikabbli b’mod “immedjat u dirett”, mingħajr ħtieġa ta’ miżura ta’ implementazzjoni (10).

45.      Il-problema ta’ interpretazzjoni sottomessa lill-Qorti Ġenerali tikkonsisti għalhekk f’li jiġi stabbilit jekk il-fatt li l-komposti tar-ram jiġu ssuġġettati għal regoli speċifiċi previsti fir-Regolament Nru 1107/2009 huwa sempliċi “effett” tar-regolament ikkontestat, li għalhekk ma jeħtieġx miżuri ta’ implementazzjoni stricto sensu, jew jekk, għall‑kuntrarju, atti tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri skont regoli speċifiċi tar-Regolament Nru 1107/2009 għandhomx jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament ikkontestat, peress li dawn ir-regoli ma jipproduċux l-effetti konkreti tagħhom fir-rigward tar‑rikorrenti permezz ta’ dawn l-atti.

46.      Mifhuma b’mod iktar teoretiku, il-kwistjoni hija dik dwar jekk il‑verb “jinvolvi” użat fl-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE jinkludix biss il-miżuri ta’ implementazzjoni adottati abbażi immedjat ta’ att regolatorju “B” jew jekk il-portata tiegħu tistax tiġi estiża għall-atti li huma adottati abbażi ta’ regolament preċedenti “A”, iżda minħabba l-adozzjoni tar-regolament “B” indispensabbli għall-applikazzjoni tiegħu, jiġifieri f’katina sekwenzjali indiretta jew, b’xi mod, bħala riperkussjoni.

47.      Ma għadux meħtieġ li jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE ġie emendat bit-Trattat ta’ Lisbona b’tali mod li joffri t-tielet possibbiltà ta’ aċċess dirett għall-qorti ta’ legalità. Issa, “[k]walunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ […] tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni” (11).

48.      Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li din it-tielet parti tar‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE “naqqset is-severità tal‑kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi” (12), hija xorta applikat interpretazzjoni restrittiva.

49.      Qabel xejn, hija interpretat il-kunċett ta’ att regolatorju fis-sens li “l-emenda tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kienet intiża sabiex tippermetti lil dawn il-persuni jippreżentaw, f’kundizzjonijiet inqas stretti, rikors għal annullament kontra atti ta’ portata ġenerali [iżda] bl-esklużjoni talatti leġiżlattivi” (13).

50.      Imbagħad, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, ġie ddefinit qafas ta’ analiżi ġenerali fil-kawża li wasslet għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852):

–        l-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, “l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat irrispettivament minn jekk dawn il-miżuri jiġu mill-Unjoni jew mill-Istati Membri” (14). Fil-fatt, individwu jista’, fl-ewwel każ, jikkontesta l-miżuri ta’ implementazzjoni direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni u jinvoka insostenn tar-rikors tiegħu l-illegalità tal-att bażiku skont l‑Artikolu 277 TFUE, u, fit-tieni każ, jikkontesta l-validità tal-att bażiku quddiem il-qorti nazzjonali li tista’ tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE (15);

–        it-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-evalwazzjoni tal‑eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni għall‑“pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont l-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ partijiet oħra fil-kawża” (16), u

–        it-tielet nett, jaqbel “li wieħed jirreferi esklużivament għas‑suġġett tar-rikors, u fil-każ fejn rikorrent jitlob biss l‑annullament parzjali ta’ att, huma biss il-miżuri ta’ implementazzjoni li din il-parti tal-att possibbilment tinkludi, li għandhom skont il-każ jittieħdu inkunsiderazzjoni” (17).

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet bl-interpretazzjoni restrittiva tagħha bis-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284) billi kkunsidrat li l‑allegata natura awtomatika tal-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali hija kwistjoni “irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn ir‑regolamenti [inkwistjoni] jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni fis‑sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE” (18). B’mod konkret, dan ifisser li “ir-rekwiżit relatat man-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni ma għandux jiġi konfuż ma’ dak tal-effett dirett” (19).

52.      Billi eskludiet l-atti leġiżlattivi mill-kunċett ta’ “att regolatorju” u inkludiet kwalunkwe att adottat mill-Unjoni jew minn Stat Membru abbażi ta’ att ta’ portata ġenerali tad-dritt tal-Unjoni f’dik ta’ “miżura ta’ implementazzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja rreduċiet bl-iktar mod sempliċi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

53.      Jekk il-kunċett ta’ “jinkludi” kellu, barra minn hekk, jiġi interpretat fis-sens li jkopri kwalunkwe att adottat wara att tal-Unjoni, allura jiena jkolli nagħti raġun lil dawk li kkonkludew li l-interpretazzjoni tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, imfakkra fil-punti 49 sa 51 ta’ dawn il-Konklużjonijiet ma tbiddel prattikament xejn mill-aċċess li għandu l-individwu għall-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tar‑raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (20).

54.      Issa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement talbet li jitfakkar sabiex tibbaża l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, minn naħa waħda, “l-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, jeżiġi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li kull persuna li tkun ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skont il-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. Għandu jitfakkar li l-eżistenza nnifisha ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni hija inerenti għall-eżistenza tal-Istat tad-dritt” (21). F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li jista’ jkun hemm inkonvenjenzi proċedurali, f’termini, b’mod partikolari, ta’ spejjeż, ta’ tul u ta’ regoli ta’ rappreżentanza fl-evalwazzjoni tal‑osservanza ta’ din il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tal-inqas fil‑konfront ta’ Stati Membri (22). Ma nissugrax nimmaġina li jkun mod ieħor għall-Unjoni. Issa, ċertament, li jiġi impost l-użu ta’ rimedju inċidentali għal individwu – jekk jeżisti – iwassal għal tali inkonvenjenzi proċedurali.

b)      Fuq il-kunċett ta’ “jinkludi”

55.      Il-konklużjoni tar-rimarka preliminari tiegħi twassalni sabiex naħseb jekk il-verb “jinvolvi” użat fl-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE għandux jiġi interpretat bħala li jinkludi biss l-miżuri ta’ implementazzjoni li għandhom jiġu neċessarjament adottati abbażi immedjat ta’ att regolatorju.

56.      L-interpretazzjoni litterali, l-għan segwit mill-emenda tal‑Artikolu 230 KE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali jsaħħu din l‑interpretazzjoni tat-terminu “jinvolvi”.

57.      Qabel xejn, jekk nirreferi għas-sens tal-kelma “jinvolvi”, nosserva li din tfisser “jinkludi fih innifsu” (23). Att regolatorju li ma jkunx fih miżura ta’ implementazzjoni huwa għalhekk att li l-implementazzjoni tiegħu ma tirrikjedix u lanqas teħtieġ xi att supplimentari, jiġifieri att awto-suffiċjenti (24).

58.      Għalhekk dan ma jfissirx li l-identifikazzjoni waħedha ta’ miżura meħuda wara l-att regolatorju kkontestat hija biżżejjed sabiex jiġi miċħud rikors ippreżentat kontra tiegħu. Għall-kuntrarju, peress li l-att ta’ portata ġenerali li jista’ jiġi kkontestat abbażi tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jkun biżżejjed fih innifsu sabiex jiġi direttament ikkontestat fuq dan il-bażi, l-użu tal-kelma “jinvolvi” jitlob li l-miżura identifikata tippreżenta rabta ta’ kawżalità immedjata mar‑regola ta’ portata ġenerali (25). Fin-nuqqas ta’ tali rabta bejn iż-żewġ atti, ma jistax jiġi ddikjarat li t-tieni wieħed huwa rikjest jew meħtieġ mill‑ewwel wieħed.

59.      Sabiex jiġu evitati, kemm jista’ jkun, kwalunkwe kontroversja u diffikultà, din ir-rabta ta’ kawżalità għandha tiġi assimilata mal-bażi legali. Għalhekk ma tistax tkun, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tar‑rabta ġuridika neċessarja għall-applikazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE, interferenza indiretta tal-att ikkontestat fil-proċess ta’ adozzjoni tal-miżura eżekuttiva identifikata (26). Issa, f’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat huwa biss indirettament applikabbli għall-kawża li tressqet wara miżuri eventwalment adottati abbażi b’mod dirett tar-Regolament Nru 1107/2009 mill-Kummissjoni u l-Istati Membri.

60.      Imbagħad, l-għan segwit biż-żieda ta’ tielet rimedju ta’ aċċess għall-qorti tal-legalità tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE tikkonferma din l-interpretazzjoni litterali. Fil-fatt, kif il-Qorti tal‑Ġustizzja indikat fil-punt 60 tas-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625), l-emenda tad-dritt għal azzjoni legali tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, previst fir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 230 KE, kienet intiża sabiex tippermetti lil dawn il-persuni jippreżentaw rikors għal annullament f’kundizzjonijiet inqas stretti. Kien, fil-fatt, “sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni ġudizzjarja tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi fir-rigward tal‑atti tal-Unjoni, [li] t-Trattat ta’ Lisbona estenda l‑kundizzjonijiet għall‑ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament, bl‑adozzjoni tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jawtorizza tali rikors ukoll kontra l‑atti regolatorji li jirrigwardaw direttament tali persuna u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni” (27).

61.      Issa, iktar ma tiġi estiża l-portata tar-rekwiżit relatat mal-preżenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, iktar tiġi limitata l-portata tal-estensjoni introdotta fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

62.      Finalment, tħassib ta’ ċertezza legali jsaħħaħ il-ħtieġa li tiġi limitata l-portata tat-terminu “jinvolvi”. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90), parti f’kawża, li jkollha, mingħajr dubju, locus standi, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kontra att tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ma tistax, wara li jiskadi t-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tikkontesta l‑validità ta’ dan l-att quddiem qorti nazzjonali. L-istess regola tapplika għall-eċċezzjoni ta’ illegalità stabbilita bl-Artikolu 277 TFUE (28). Issa, reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkonferma li l‑estensjoni tal-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament introdotta bit-Trattat ta’ Lisbona ma kellhiex bħala konsegwenza l-abbandun ta’ din il-ġurisprudenza (29).

63.      Konsegwentement, iktar mar-rabta bejn l-att regolatorju u l‑miżura ta’ implementazzjoni ma tkunx stretta, iktar ikun diffiċli għall‑parti fil-kawża li tistabbilixxi jekk hijiex awtorizzata tikkontesta l‑ewwel wieħed b’mod dirett quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Din l-inċertezza tippreżenta mhux biss riskju għall-parti fil-kawża – li tista’ twassal sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara r-rikors għal annullament kontra l-att regolatorju inammissibbli jew qorti nazzjonali tirrifjuta li tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari – iżda wkoll inċertezza fi ħdan l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, peress li l-identifikazzjoni ta’ miżura ta’ implementazzjoni b’rabta mal-att regolatorju kkontestat tista’ tvarja minn individwu jew minn qorti għal oħra.

64.      Bħala konklużjoni, l-interpretazzjonijiet litterali u teleoloġiċi, kif ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali jwassluni sabiex naħseb li t-terminu “jinvolvi” użat fl-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE għandu jiġi interpretat bħala li jinkludi biss il-miżuri ta’ implementazzjoni neċessarjament adottati abbażi b’mod immedjat ta’ att regolatorju.

65.      Huwa veru li l-evalwazzjoni iżolata tar-regolament ikkontestat tista’ tidher artifiċjali. Fil-fatt, ma hemmx dubju li jekk il-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni kienet annessa mar-Regolament Nru 1107/2009 u mhux ma’ regolament separat, il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni probabbilment ma kinitx tqum peress li l-effetti tal-klassifikazzjoni tal-métalaxyl bħala kandidat għas‑sostituzzjoni timmaterjalizza neċessarjament permezz ta’ miżuri ta’ implementazzjoni minn dan ir-regolament biss. Madankollu, din il‑kunsiderazzjoni ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tinfluwenza l-analiżi. Bla ħsara għal użu ħażin ta’ poter jew tal-ksur ta’ regola li tqassam il‑kompetenza li tinvalida l-att inkwistjoni, l-għażla tal-istrument ġuridiku taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-awtur tal-att u mhux tal‑Qorti tal-Ġustizzja.

c)      Fuq l-applikazzjoni tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu talArtikolu 263 TFUE mill-Qorti Ġenerali

66.      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE. Din il-klassifikazzjoni ma hijiex ikkontestata.

67.      Kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod rilevanti fil-punti 34 u 35 tad-digriet ikkontestat, minn naħa waħda, dan huwa att ta’ portata ġenerali li japplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv u li jipproduċu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni mfassla b’mod ġenerali u astratt. Min-naħa l-oħra, ir-regolament ikkontestat għandu jiġi kkunsidrat bħala att mhux regolatorju peress li, skont il‑kriterji użati mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-applikazzjoni tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma ġiex adottat skont proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali.

68.      Għall-kuntrarju, jiena nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punti 44, 47 u 50 tad-digriet ikkontestat, rispettivament li:

–        “l-effetti tar-regolament [ikkontestat] relatat mal-portata tal‑validità tat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, bħall-komposti tar-ram, ma jidħlux fis‑seħħ fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti ħlief permezz ta’ regolament adottat mill-Kummissjoni li jġedded tali approvazzjoni”, peress li tali regolament jikkostitwixxi, għalhekk, miżura ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE;

–        “l-effetti tar-regolament [ikkontestat] relatati mat-twettiq, mill-Istati Membri, ta’ evalwazzjoni komparattiva tar-riskji għas-saħħa jew l-ambjent ta’ prodotti għall-protezzjoni tal‑pjanti li fihom komposti tar-ram meta mqabbla ma’ prodott ta’ sostituzzjoni jew ma’ metodu mhux kimiku ta’ prevenzjoni jew ta’ ġlieda kontra l-avversarji tal-kulturi ma jidħlux fis-seħħ fir-rigward tal-membri tar-rikorrenti ħlief permezz ta’ atti meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri”, peress li tali atti jikkostitwixxu, għalhekk, miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; u li,

–        “l-effetti tar-regolament [ikkontestat] relatat mal-proċedura ta’ rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fihom sustanza kandidat għas-sostituzzjoni jirrigwardaw biss il‑marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri sabiex jiddeċiedu dwar talba f’dan is-sens. Issa, dawn l-effeti ma jidħlux fis-seħħ, jekk ikun il-każ, fir-rigward tal-membri tar‑rikorrenti ħlief permezz ta’ atti tal-awtoritajiet nazzjonali li jiddeċiedu dwar it-talbiet ta’ rikonoxximent reċiproku introdotti mill-imsemmija membri”, peress li tali atti jikkostitwixxu, għalhekk, miżuri ta’ implementazzjoni fis‑sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

69.      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, nikkunsidra li l-atti differenti ċċitati iktar ’il fuq ma jikkostitwixxux miżuri ta’ implementazzjoni tar-regolament ikkontestat fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE peress li ma humiex adottat fuq il-bażi tiegħu b’mod immedjat. Għall-kuntrarju, kull wieħed minn dawn l-atti se jkollu bħala bażi legali dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009.

70.      Ċertament, l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat kienet kundizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament Nru 1107/2009 relatati mas-sustanzi kandidati għas‑sostituzzjoni. Madankollu, la darba s-sustanza attiva inkluża fil‑lista tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni bir‑regolament ikkontestat, id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1107/2009 speċifiċi għal dawn is-sustanzi japplikaw awtomatikament. Ir-regolament ikkontestat għalhekk ma jikkostitwixxix il-bażi immedjata tal-miżuri li ser jiġu adottati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri.

71.      Għall-kuntrarju, kif il-EUCuTF korrettament issostni, r‑regolament ikkontestat jifrex l-effetti speċifiċi tiegħu per se. Fi kliem ieħor, huwa awto-suffiċjenti: l-inklużjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni hija immedjata u diretta bis-saħħa tar‑regolament ikkontestat biss.

72.      Issa, din l-inklużjoni tikkostitwixxi preċiżament is-suġġett tar‑rikors għal annullament introdott bl-EUCuTF. Għalhekk, peress li l‑miżuri li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jadottaw, jekk ikun il-każ, abbażi tar-Regolament Nru 1107/2009 fir-rigward tal-komposti tar-ram ma jkollhom l-ebda effett fuq l-inklużjoni tagħhom fuq il-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, ma hemmx lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni. Fil-fatt, sabiex tevalwa l-ammissibbiltà ta’ rikors introdott skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni għandha tiġi limitata għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni u tirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors (30).

73.      Barra minn hekk, ma nistax naqbel mad-dikjarazzjoni tal‑Kummissjoni li l-argument relatat mal-mertu tal-miżuri ta’ implementazzjoni – jiġifieri r-Regolament Nru 1107/2009 u mhux ir‑regolament ikkontestat – għandu jiġi miċħud għaliex il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali hija “konformi b’mod sħiħ mar-raġuni li għalih huwa fis-seħħ ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE” (31).

74.      Ċertament, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ġie emendat sabiex jiġi evitat li individwu jkun obbligat jikser id-dritt tal-Unjoni sabiex ikollu aċċess għal qorti. Madankollu, dan it-tħassib u l-emenda sussegwenti tat-Trattat għandhom jiġu kkunsidrati fid-dawl tal-kuntest globali tas-sistema ta’ rimedji kif prevista mill-Qorti tal-Ġustizzja u li l‑koerenza tagħha tippermetti li tiġi żgurata l-kompletezza tas-sistema ta’ stħarriġ ta’ legalità stabbilita bit-Trattat.

75.      Id-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li “it-Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, minn naħa, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema sħiħa ta’ rimedji u ta’ proċeduri maħsuba sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal‑Unjoni, filwaqt li ħalla dan l-istħarriġ fir-responsabbiltà tal-qorti tal‑Unjoni” (32) tispjega ruħha b’loġika korrettiva. Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja tiddikjara li s-sistema hija kompleta għaliex, bis-saħħa tal‑eċċezzjoni ta’ illegalità u tal-talba għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni ta’ validità, “[i]l-persuni fiżiċi u legali jiġu hekk protetti kontra l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom ta’ l-atti b’portata ġenerali li huma ma jistgħux jikkontestaw direttament quddiem il-Qorti tal‑Ġustizzja minħabba kundizzjonijiet partikolari ta’ ammissibbiltà speċifikati [fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE]” (33). Il‑mekkaniżmi ta’ stħarriġ ta’ legalità inċidentali għandhom għalhekk funzjoni kumpensatorja (34).

76.      Nikkunsidra li dan jikkonfuta l-loġika tas-sistema li estendiet il‑portata ta’ waħda mir-rekwiżiti rikjesti mir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE b’mod li tiġi eskluża l-kompetenza ta’ annullament tal-Qorti tal-Ġustizzja favur rimedju inċidentali. Fil-fatt, ma humiex ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE li għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ rimedju kumpensatorju ipotetiku. Għall-kuntrarju, huma r-rekwiżiti tar-rimedji kumpensatorji li għandhom, jekk ikun il-każ, jiġu interpretati b’mod estensiv għaliex l-aċċess dirett għall-qorti tal-Unjoni ma huwiex possibbli.

77.      Dan l-approċċ jidhirli li ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li wasslet għad-digriet tas-16 ta’ Novembru 2000, Schiocchet vs Il-Kummissjoni (C-289/99 P, EU:C:2000:641). Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja fih ikkonfermat li l-possibbiltà offruta mill‑Artikolu 277 TFUE li tinvoka l-inapplikabbiltà ta’ regolament tista’ tikkostitwixxi biss motiv insostenn ta’ rikors u mhux is-suġġett ta’ dan ir-rikors u li, “konsegwentement, l-ammissibbiltà tar-rikorsi stess għandha tiġi evalwata fir-rigward tat-talbiet tagħhom, indipendentement mill-eventwali eċċezzjonijiet ta’ illegalità li jistgħu jitqajmu insostenn tagħhom” (35).

78.      Konsegwentement, peress li ġiet invokata eċċezzjoni ta’ illegalità mill-EUCuTF fil-konfront tar-Regolament Nru 1107/2009, fl-opinjoni tiegħi ma hemmx inkoerenza jekk jiġu invokati r-regoli ta’ dan ir‑regolament fil-kuntest tal-eżami dwar il-mertu tar-rikors għal annullament indirizzat kontra r-regolament ikkontestat iżda jekk ma jiġux ikkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-imsemmi rikors. F’dan il-każ, jidhirli li l-EUCuTF osservat b’mod perfett l-artikolazzjoni tar‑rimedji filwaqt li kkontestat, minn naħa waħda, ir-regolament ikkontestat u invokat, min-naħa l-oħra, insostenn tar-rikors tagħha, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra r-Regolament Nru 1107/2009.

79.      Barra minn hekk, din l-għażla proċedurali tiddistingwi din il‑kawża minn dik li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284).

80.      Qabel xejn, din l-aħħar kawża tista’ tidher li tirrigwarda mekkaniżmu simili, jiġifieri l-ipoteżi fejn informazzjoni essenzjali għall‑applikazzjoni ta’ regolament ta’ implementazzjoni X, li abbażi tiegħu ġew adottati miżuri ta’ implementazzjoni, ġew stabbiliti permezz ta’ regolament ta’ implementazzjoni Y.

81.      Madankollu, il-partijiet rikorrenti ma jinvokawx eċċezzjoni ta’ illegalità iżda jitolbu l-annullament ta’ żewġ regolamenti. Issa, il-miżuri ta’ implementazzjoni identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 40 ta’ din is-sentenza huma bbażati espressament fuq iż-żewġ regolamenti inkwistjoni: jekk it-talbiet ta’ liċenzji humiex ibbażati fuq ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Nru 302/2011, tat‑28 ta’ Marzu 2011, li jiftaħ kwota tariffarja eċċezzjonali għal ċerti kwantitajiet ta’ zokkor għas-sena tas-suq 2010/2011 (36), id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali wara dawn it-talbiet japplikaw il-ko-effiċjenti stabbiliti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 393/2011, tad-19 ta’ April 2011, li jiffissa l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni li għalihom tressqet applikazzjoni mill-1 sas-7 ta’ April 2011 għal prodotti taz-zokkor fil‑kuntest ta’ ċerti kwoti tariffarji u li jissospendi t-tressiq ta’ applikazzjonijiet għat-tali liċenzji (37).

82.      Fil-fatt, fil-punt 40 tas-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “f’dak li jirrigwarda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011 u Nru 393/2011, dawn tal-aħħar jipproduċu l-effetti legali tagħhom fir-rigward tal‑appellanti biss permezz ta’ atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali wara li jitressqu applikazzjonijiet għal ċertifikati abbażi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2011”. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet l-iżbriga li tispjega li “[i]d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li joħorġu tali ċertifikati […] japplikaw fir-rigward tal-operaturi kkonċernati l-koeffiċjenti stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 393/2011”, minħabba li “id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw totalment jew parzjalment tali ċertifikati jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE”.

83.      Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, l-EUCuTF ma titlobx l‑annullament ta’ dan ir-regolament li abbażi tiegħu l-eventwali miżuri ser jiġu adottati.

3.      Konklużjoni fuq l-ewwel aggravju

84.      Peress li l-miżuri ta’ implementazzjoni identifikati mill-Qorti Ġenerali huma miżuri li ma humiex ibbażati b’mod immedjat fuq ir‑regolament ikkontestat iżda fuq ir-Regolament Nru 1107/2009, nikkunsidra li l-ewwel aggravju mqajjem mill-EUCuTF għandu jintlaqa’. Għalhekk is-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata inkwantu l‑Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-regolament ikkontestat għandu miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

85.      Konsegwentement, ser neżamina t-tieni u t-tielet aggravji b’mod sussidjarju biss.

B.      Fuq it-tielet aggravju relatat mal-interess individwali talEUCuTF jew tal-membri tagħha

86.      Ser neżamina qabel xejn it-tielet aggravju. Fil-fatt, it-tieni aggravju jirrigwarda l-kwistjoni tal-assenza ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-EUCuTF u tal-membri tagħha fil-każ li ma jibbenefikawx minn dritt ta’ azzjoni diretta quddiem il-qorti tal-Unjoni. Issa, it-tielet aggravju jirrigwarda r-rekwiżit tal-interess individwali tar-rikorrenti. Konsegwentement, jekk dan it-tielet aggravju kellu jkun fondat, ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-EUCuTF quddiem il-Qorti Ġenerali għadu jista’ jintlaqa’, sakemm hija kkonċernata b’mod dirett mir‑regolament ikkontestat.

87.      Il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-EUCuTF u tal-membri tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva huwiex ikkontestat bid-digriet ikkontestat għalhekk ma tqumx ħlief abbażi ta’ interpretazzjoni korretta tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li l-Qorti Ġenerali ddikjarat ir‑rikors tal-EUCuTF inammissibbli. Jidher għalhekk iktar loġiku li l‑eżami tat-tieni u tat-tielet aggravji jinqaleb (38).

1.      L-argumenti tal-partijiet

88.      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 22, 31 u 32 tad-digriet ikkontestat, iddeċidiet li hija u l-membri tagħha ma kinux individwalment ikkonċernati bir-regolament ikkontestat.

89.      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-EUCuTF hija individwalment ikkonċernata bir-regolament ikkontestat fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tagħha (39) u tar-rwol tagħha fil-konfigurazzjoni tal-kuntest ġuridiku applikabbli għall-komposti tar-ram bħala sustanzi attivi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti.

90.      L-ewwel nett, l-EUCuTF jidher li kienet l-unika awtorità li nnotifikat il-komposti tar-ram sabiex tikseb l-inklużjoni tagħhom fl‑Anness I tad-Direttiva 91/414. Barra minn hekk, l-EUCuTF kienet l‑unika li talbet it-tiġdid tal-komposti tar-ram bħala sustanza attiva u l‑unika li ppreżentat fajl ta’ sustanza attiva għan-nom tal-produtturi, liema fajl ġie ppreżentat fix-xahar ta’ Lulju 2015.

91.      It-tieni nett, l-EUCuTF ipparteċipat fil-proċedura li wasslet għal‑leġiżlazzjoni applikabbli għall-komposti tar-ram sar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti ssemmi b’mod partikolari r-Regolament ta’ Implementazzjoni 2015/232 li ġie adottat abbażi ta’ studji u dokumenti li hija stess bagħtet u wara li ġiet mistiedna tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ eżami li jikkonċerna l-komposti tar-ram.

92.      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, approvata bir-regolament ikkontestat, ġiet stabbilita b’mod esklussiv abbażi tar-riżultati ta’ dokument li huwa bbażat fuq ir‑rapport ta’ eżami finali li jirrigwarda l-komposti tar-ram, li ġie adottat mill-Kummissjoni bl-intervent esklussiv, fir-rigward tal-applikant, tal‑EUCuTF.

93.      Ir-raba’ nett, l-EUCuTF kienet l-interlokutur tal-Kummissjoni matul il-proċess kollu ta’ tfassil tar‑regolament ikkontestat u kkorrispondiet u pparteċipat f’laqgħa ma’ din l-istituzzjoni dwar il‑klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala “kandidati għas‑sostituzzjoni”.

94.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti tikkunsidra li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18), kellu jiġi rrikonoxxut il-locus standi tal-EUCuTF sa fejn, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża, il-Kummissjoni kienet taf li r-regolament ikkontestat kien jikkonċernaha direttament u individwalment.

95.      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-membri tal-EUCuTF huma wkoll individwalment ikkonċernati bir-regolament ikkontestat.

96.      Minn naħa waħda, l-EUCuTF tirrappreżenta lill-produtturi kollha ta’ komposti tar-ram użati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li joperaw fl-Unjoni. Għalhekk, huwa żbaljat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 31 tad-digriet ikkontestat, li l-EUCuTF u l-membri tagħha kienu kkonċernati bir-regolament ikkontestat bl-istess mod bħal kull operatur ekonomiku ieħor, peress li l-produtturi kollha ta’ komposti tar‑ram użati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni huma membri tal-EUCuTF jew jaġixxux għan-nom ta’ membru tagħha bħala distributur.

97.      Bħala konsegwenza tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l‑Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi li t-talba għal tiġdid ta’ sustanza attiva hija magħmula minn produttur tas-sustanza attiva. Ir-regolament ikkontestat jirrigwarda l-komposti tar-ram u jaffettwa l-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tagħhom, kif tindika l‑Qorti Ġenerali fil-punti 41 u 42 tad-digriet ikkontestat. Huma biss l‑EUCuTF u l-membri tagħha f’pożizzjoni li jitolbu t-tiġdid peress li dawn biss huma l-produtturi ta’ komposti tar-ram użati bħala prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni. Qabel xejn, hija biss l-EUCuTF li talbet it-tiġdid tal-komposti tar-ram bħala sustanza attiva u ppreżentat fajl ta’ sustanza attiva għan-nom tal-produtturi kollha.

98.      Fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Sony Computer Entertainment Europe vs Il-Kummissjoni (T-243/01, EU:T:2003:251, punt 75), il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-fatt li r-rikorrenti kienet l-unika importatriċi awtorizzata tal-console PlayStation®2 fl-Unjoni kien element rilevanti fl-evalwazzjoni dwar l-interess individwali tar-rikorrenti.

99.      Min-naħa l-oħra, ir-rikors tal-EUCuTF għandu bħala suġġett l‑inklużjoni tal-komposti tar-ram fuq il-lista tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni bir-regolament ikkontestat minħabba l-applikazzjoni żbaljata tal-kriterji relatati mas-sustanzi persistenti, bijoakkumulattivi u tossiċi (PBT) għas-sustanzi inorganiċi. Issa, il-komposti tar-ram huma l‑unika sustanza inorganika li tinsab fil-lista tas-sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni. Għalhekk, l-unika bażi li fuqha tistrieħ l-inklużjoni ta’ dawn il-komposti fl-imsemmija lista tikkaratterizza u tindividwalizza lill‑EUCuTF u lill-membri tagħha.

100. Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-regolament ikkontestat, minkejja li jikkostitwixxi fuq livell formali regolament ta’ implementazzjoni, huwa, fir-realtà, deċiżjoni tal‑Kummissjoni, fir-rigward tal-effetti li jipproduċi fuq il-komposti tar‑ram u, għalhekk, fuq l-EUCuTF u l-membri tagħha bħala sempliċement produtturi ta’ din is-sustanza attiva.

101. Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tielet aggravju mqajjem mill‑EUCuTF insostenn tal-appell tagħha huwa infondat.

102. Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali korrettament ikkonstatat li r‑rikorrenti ma kinitx individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat.

103. Kif korrettament ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 22 tad‑digriet ikkontestat, l-ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tagħti lir-rikorrenti drittijiet proċedurali. Il-fatt li r-rikorrenti seta’ kellha korrispondenza mal-Kummissjoni fir-rigward tar-redazzjoni tar‑regolament ikkontestat ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti lir‑rikorrenti l-locus standi jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tagħtihiex status ta’ parteċipant fil-proċedura.

104. Il-fatt li r-rikorrenti nnotifikat il-komposti tar-ram minħabba l‑inklużjoni tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 huwa irrilevanti, peress li r-regolament ikkontestat ma jirrigwardawx din il-kwistjoni.

105. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti hija l-unika waħda li talbet it-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram, dan‑il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex l-att ikun jikkonċernaha b’mod individwali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 15(1) tar‑Regolament Nru 1107/2009, kull produttur tas‑sustanza attiva, u mhux biss l-applikant tal-proċedura li wasslet għall‑approvazzjoni inizjali, jista’ jressaq talba ta’ tiġdid.

106. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Qorti Ġenerali korrettament iddeċidiet li l-membri tar-rikorrenti ma humiex individwalment ikkonċernati mir-regolament ikkontestat.

107. Skont il-Kummissjoni, huwa korrett li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil‑punt 29 tad-digriet ikkontestat, fil-ġurisprudenza li ħarġet mis‑sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 47), li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika l-miżura msemmija b’ebda mod ma timplika li dawn il-persuni għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura sa fejn huwa stabbilit li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni.

108. Ir-rikorrenti għalhekk ma pprovatx li l-membri tagħha jiffurmaw kategorija jew grupp magħluq ta’ produtturi u li operaturi oħra ma jistgħux potenzjalment jinsabu f’sitwazzjoni identika, kif irrilevat il‑Qorti Ġenerali fil-punt 31 tad-digriet ikkontestat.

109. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti tinvoka b’mod żbaljat is‑sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Sony Computer Entertainment Europe vs Il-Kummissjoni (T-243/01, EU:T:2003:251). Din is-sentenza, kif irrikonoxxiet il-Qorti Ġenerali fid-digriet tagħha tad-19 ta’ Frar 2008, Apple Computer International vs Il-Kummissjoni (T‑82/06, EU:T:2008:46), kienet tikkonċerna numru partikolari ferm ta’ fatti u ta’ ċirkustanzi ġuridiċi li jiddistingwu lil Sony minn kwalunkwe operatur ieħor, attwali jew potenzjali. L-ebda fatt ġuridiku jew fattwali relatat mal-kawża li wasslet għall-imsemmi sentenza ma huma preżenti f’dan il-każ.

2.      Analiżi

110. L-EUCuTF li tiddefinixxi ruħha bħala assoċjazzjoni ta’ produtturi ta’ komposti tar-ram użati fil-produzzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (40), ma hijiex fil-prinċipju ammissibbli sabiex tressaq rikors għal annullament ħlief jekk l-impriżi li tirrappreżenta jew uħud fosthom għandhom locus standi b’mod individwali jew jekk hija tista’ tressaq prova tal-interess tagħha (41).

111. Abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, imfakkra fil-punt 19 tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-EUCuTF ma setgħetx issostni interess tagħha stess peress li ebda dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża ma kienet tagħtiha drittijiet proċedurali u li hija ma kellha l-ebda rwol fit-tfassil tar-regolament ikkontestat (42).

112. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll li l-membri tar-rikorrenti ma kinux ikkonċernati bir-regolament ikkontestat minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom ta’ produtturi ta’ komposti tar-ram li wħud minnhom huma detenturi ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanza, bl-istess mod kif kull operatur ekonomiku ieħor kien jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika. Minn dan jista’ jiġi dedott li l-membri tar‑rikorrenti ma kinux, konsegwentement, f’sitwazzjoni li tikkonċernahom b’mod individwali (43).

113. Kuntrarjament għal dak li tallega l-EUCuTF, ma nara l-ebda żball ta’ liġi f’dawn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, u lanqas fil‑konsegwenza li l-Qorti Ġenerali tislet fil-punt 32 tad-digriet ikkontestat, jiġifieri li peress li l-kundizzjoni li tkun ikkonċernata individwalment ma ġietx issodisfatta, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat mill-EUCuTF ma tistax tiġi stabbilita bis-saħħa tat-tieni frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

a)      Fuq il-pożizzjoni tal-EUCuTF

114. Minkejja li t-tielet aggravju mqajjem mill-EUCuTF jirrigwarda l‑punt 22 tad-digriet ikkontestat, hija ma tikkontestax il-fatt li ma għandhiex rwol ta’ “negozjatur” fir-rigward tal-inklużjoni tal-komposti tar-ram fil-lista li tinsab fl-anness tar-regolament ikkontestat u lanqas li l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedi xi garanzija proċedurali favur tagħha.

115. Fil-fatt, jekk l-EUCuTF tinvoka l-fatt li kienet l-“interlokutur” tal‑Kummissjoni u li kienet ipparteċipat f’laqgħa ma’ uffiċjali tad-Direttorat Ġenerali (DG) “Saħħa”, madankollu hija ma tinvoka l-ebda dritt proċedurali speċifiku li jagħtiha pożizzjoni ġuridika partikolari li tista’ tikkonċernaha b’mod individwali fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (44).

116. L-argumenti l-oħra mqajma mill-EUCuTF sabiex turi li hija kkonċernata b’mod individwali lanqas huma fondati. Minn naħa waħda, il-passi li ħadet sabiex tikseb l-inklużjoni tal-komposti tar-ram fl‑Anness I tad-Direttiva 91/414 u l-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura li wasslet għar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 2015/232 fir‑rigward tal‑kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva “komposti tar‑ram” huma irrilevanti. Fil-fat, ma humiex ta’ natura li jikkonċernawha b’mod individwali fil-kuntest ta’ dan ir-rikors peress li s-suġġett tal-att ikkontestat ma huwiex, stricto sensu, l-awtorizzazzjoni tas-sustanza attiva “komposti tar-ram” iżda r-rikonoxximent tagħha bħala kandidati għas-sostituzzjoni tagħha wara proċedura differenti minn dik li wasslet għall-inklużjoni tagħha fl-Anness I tad-Direttiva 91/414.

117. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-EUCuTF, hija ma tinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik li minnha oriġinat is-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni (11/82, EU:C:1985:18) peress li ma kien hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika tal-leġiżlazzjoni kkontestata li kienet tobbliga lill-Kummissjoni tikkunsidra konsegwenzi tal-att li hija kien fi ħsiebha tadotta fuq is‑sitwazzjoni partikolari tal-EUCuTF jew tal-membri tagħha.

118. Għalhekk il-Qorti Ġenerali ma kkommettietx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-EUCuTF ma setgħet issostni l-ebda interess proprju għall‑annullament tar-regolament ikkontestat.

b)      Fuq il-locus standi tal-membri tal-EUCuTF

119. Skont is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17), “is-suġġetti li ma humiex id‑destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jallegaw li huma kkonċernati individwalment fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE ħlief jekk din id-deċiżjoni tippreġudikahom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzahom meta pparagunati ma’ persuni oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, tindividwalizzahom b’mod analogu bħal ma jkun id-destinatarju ta’ deċiżjoni”. Din l-interpretazzjoni ta’ interess individwali tapplika wkoll meta l-att ikkontestat huwa att ta’ portata ġenerali (45).

120. Issa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax b’mod speċifiku l-punt 27 tad-digriet ikkontestat, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li r-regolament ikkontestat għandu tali portata peress li, minn naħa waħda, japplika għal sitwazzjonijiet stabbiliti b’mod oġġettiv, jiġifieri, f’dan il-każ, minħabba karatteristiċi ta’ sustanza attiva u li, min-naħa l-oħra, għandu effetti ġuridiċi fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni maħsuba b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri kull operatur li l-attività tiegħu hija marbuta ma’ waħda mis-sustanzi inklużi fil-lista annessa ma’ dan ir‑regolament.

121. Ir-rikorrenti lanqas sostniet li l-Qorti Ġenerali kkommettiet żball ta’ liġi jew żnaturat il-fatt billi kkonstatat, fil-punt 30 tad-digriet ikkontestat, li “mill-premessa 4 tar-regolament ikkontestat jirriżulta li l‑lista annessa ma’ dan ir-regolament ġiet stabbilita abbażi ta’ informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-eżami, ta’ konklużjonijiet tal‑EFSA, tal-abbozz tar-rapport ta’ evalwazzjoni u ta’ addenda li huma relatati, ta’ rapporti għal eżami mit-tnejn, jew anki tal-klassifikazzjoni stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il‑klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 [(ĠU 2008, L 353 p. 1)]”. L-EUCuTF lanqas ma tikkritika l-konstatazzjoni li saret mill-Qorti Ġenerali fl-istess punt u li tipprevedi li r-regolament ikkontestat huwa relatat mal-applikazzjoni tal-Artikolu 80(7) tar-Regolament Nru 1107/2009 li bis-saħħa tiegħu l‑Kummissjoni kellha tistabbilixxi, sa mhux iktar tard mill‑14 ta’ Diċembru 2013, il-lista ta’ sustanzi kandidati għas‑sostituzzjoni.

122. Konsegwentement, nikkunsidra li l-Qorti Ġenerali mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi setgħet tikkonkludi, fil-punt 31 tad-digriet ikkontestat, li l-membri tar-rikorrenti ma kinux individwalment ikkonċernati bir-regolament ikkontestat, peress li dan tal-aħħar jiġi applikat fil-konfront tagħhom minħabba l-kwalità oġġettiva tagħhom bħala produtturi tal-komposti tar-ram, bl-istess mod bħal kull operatur ekonomiku ieħor li jinsab, attwalment jew potenzjalment, f’sitwazzjoni identika u li l-kundizzjoni ta’ interess individwali għalhekk ma hijiex issodisfatta f’dan ir-rigward.

123. L-argument li l-produtturi ta’ komposti tar-ram huma membri tal‑EUCuTF ma jistax jikkontradixxi din il-konklużjoni.

124. Minn naħa waħda, il-membri tal-EUCuTF ma jistgħux jiġu assimilati ma’ grupp ristrett ta’ persuni identifikati jew identifikabbli fil‑mument li fih ir-regolament ikkontestat ġie adottat – u għalhekk jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minnu – peress li l-grupp jista’ jikber wara d-dħul tiegħu fis-seħħ. Fil-fatt, anki jekk dan jista’ jidher li huwa diffiċli li jiġi kkonċepit, il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma telqet mill‑idea flessibbli ta’ “grupp ristrett” (46).

125. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu ddeterminati, bi ftit jew wisq preċiżjoni, in-numru jew saħansitra l-identità tal-individwi li għalihom tapplika miżura b’ebda mod ma jimplika li dawn l-individwi għandhom jitqiesu bħala kkonċernati individwalment minn din il-miżura, meta jkun paċifiku li din l-applikazzjoni ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita mill-att inkwistjoni (47).

126. Issa, waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, l-inklużjoni tal‑komposti tar-ram fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni ma ġietx deċiża billi ttieħdu inkunsiderazzjoni kwalitajiet partikolari tal‑membri tar-rikorrenti, iżda minħabba l-fatt li din is-sustanza kienet tissodisfa l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti bħala sustanza persistenti u tossika fis-sens tal-punt 4 tal-Anness II tar‑Regolament Nru 1107/2009 (48).

127. F’dan ir-rigward, il-fatt li l-komposti tar-ram huma, kif issostni r‑rikorrenti, l-unika sustanza inorganika li tinsab fil-lista inkwistjoni, ma għandux ikollu effett fuq l-interess individwali lill-membri tal-EUCuTF. Fil-fatt, dan bl-ebda mod ma jaffettwa l-fatt li l-effetti ġuridiċi tar‑regolament ikkontestat ma japplikawx għall-membri tar-rikorrenti ħlief minħabba l-kwalità oġġettiva bħala produtturi ta’ komposti tar‑ram (49).

3.      Konklużjoni fuq it-tielet aggravju

128. Huwa mingħajr ma kkommettiet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi fil-punti 22 u 31 tad-digriet ikkontestat li l-EUCuTF ma setgħetx issostni interess proprju tagħha u li l-membri tagħha ma kinux f’sitwazzjoni li kienet tikkonċernahom individwalment. Konsegwentement, kien ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li setgħet tikkonkludi, fil-punt 32 tad-digriet ikkontestat li, peress li r-rekwiżit ta’ interess individwali ma kienx ġie ssodisfatt, l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn EUCuTF ma setgħetx tiġi stabbilita skont it-tieni frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

129. Konsegwentement, it-tielet aggravju invokat mir-rikorrenti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C.      Fuq it-tieni aggravju relatat mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-EUCuTF u tal-membri tagħha

1.      L-argumenti tal-partijiet

130. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat, fil-punti 52 sa 60 tad-digriet ikkontestat, li r-rifjut tar-rikors tagħha bħala inammissibbli ma kienx jipprekludiha mid-dritt tagħha u dak tal-membri tagħha, għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

131. Ir-rikorrenti ssostni li l-membri tal-EUCuTF ma jistgħux jikkontestaw miżura ta’ implementazzjoni nazzjonali li tippermettilhom jikkontestaw mill-ġdid l-effetti tar-regolament ikkontestat. Fil-fatt, jekk awtorità nazzjonali tiddeċiedi li tissuġġetta l-komposti tar-ram għal evalwazzjoni komparattiv mingħajr ma tiddeċiedi li tissostitwixxiha bl‑imsemmija komposti fi tmiem l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti tallega li hija ma tistax tikkontesta din id-“deċiżjoni” u dan fin-nuqqas ta’ locus standi kontra att li ma jikkawżalhiex preġudizzju.

132. Għalhekk, il-membri tal-EUCuTF huma marbuta jipprovokaw l‑adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva mill-awtoritajiet nazzjonali sabiex ikunu jistgħu jappellaw u jikkontestaw, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il‑klassifikazzjoni ta’ komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas‑sostituzzjoni.

133. Issa, skont ir-rikorrenti, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Qorti Ġenerali fil-punti 54 u 55 tad-digriet ikkontestat, l-aċċess għall-qrati nazzjonali u l-possibbiltà li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita minn talba għal deċiżjoni preliminari sabiex tevalwa l-validità tar-regolament ikkontestat ma għandhiex tiżgura d-dritt tagħha jew dak tal-membri tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. L-ewwel nett, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni negattiva li tirrigwarda t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram ma hijiex assolutament ċerta. Għalhekk, ir-rikorrenti u l-membri tagħha qatt ma jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jikkontestaw ir‑regolament ikkontestat, li jkompli jipproduċi effetti ġuridiċi b’mod indefinit. It-tieni nett, anki jekk deċiżjoni negattiva kienet adottata u b’mod indipendenti mill-possibbiltà li tiġi adita l-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, ir-rikorrenti u l-membri tagħha jaffaċċjaw l-oneru amministrattiv u l-ispejjeż ekonomiċi li jirriżultaw mill‑klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala “sustanza kandidata għas‑sostituzzjoni”.

134. Il-Kummissjoni tikkunsidra l-aggravju inammissibbli, peress li l‑EUCuTF tillimita ruħha sabiex tirrepeti l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali mingħajr madankollu ma tidentifika xi żball ta’ liġi fid‑digriet ikkontestat. B’mod sussidjarju, hija tikkunsidra l-aggravju mhux fondat.

2.      Analiżi

135. Kuntrarjament għall-Kummissjoni, nikkunsidra li t-tieni aggravju mqajjem mir-rikorrenti huwa ammissibbli.

136. Minn naħa waħda, ir-rikorrenti tidentifika espressament il-punti tad-digriet ikkontestat. Min-naħa l-oħra, hija tikkritika b’mod sostnut l‑argumenti li l-Qorti Ġenerali tagħmel dwar il-protezzjoni ġudizzjarja tal-membri tar-rikorrenti u tikkunsidra li hija l-konklużjoni li tiġi misluta minnha li tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

137. Madankollu, ikolli nikkonstata li l-Qorti Ġenerali, fi kwalunkwe każ ma kkommettiet l-ebda żball ta’ liġi. Fil-fatt, anki jekk hija kienet ikkritikata b’mod qawwi fid-duttrina, peress li l-“kompletezza” tas‑sistema kienet xi kultant illużorja, il-Qorti Ġenerali applikat il‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tipprevedi li t‑Trattat FUE, permezz tal-Artikoli 263 u 277 tiegħu, u permezz tal-Artikolu 267 tiegħu, min-naħa l-oħra, stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji u proċeduri intiżi sabiex jiżguraw l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-Unjoni, billi jafdawhom lill-qorti tal-Unjoni (50).

138. F’dan il-kuntest, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li ma jistgħux, minħabba rekwiżiti ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw b’mod dirett quddiem il-qorti tal‑Unjoni att regolatorju tal-Unjoni huma protetti kontra l-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att bil-possibbiltà li jikkontestaw l-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att fih (51).

139. Fil-fatt, “[m]eta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu responsabbli għall-implementazzjoni tal-imsemmija atti, dawn il-persuni [naturali jew ġuridiċi] jistgħu jippreżentaw rikors dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra l-atti ta’ implementazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u jkunu jistgħu jinvokaw, insostenn ta’ dan ir‑rikors, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-illegalità tal-att bażiku ġenerali tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni. Meta l-Istati Membri jkunu responsabbli għal din l-implementazzjoni, dawn il-persuni jistgħu jinvokaw l-invalidità tal-att tal-Unjoni inkwistjoni quddiem il-qrati nazzjonali u jistgħu jwasslu lil dawn il-qrati sabiex, skont l-Artikolu 267 TFUE, jistaqsu dwar dan lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ domandi preliminari” (52).

140. Issa, f’dan il-każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma ssegwix l-interpretazzjoni tiegħi tal-att regolatorju “li ma jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni”, huwa korrett li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata li r-regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni skont l‑aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

141. Kemm ir-Regolament Nru 1107/2009 kif ukoll ir-regolament ikkontestat għandhom, f’dan il-każ, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ inċidentali. Ċertament, ir-regolament ikkontestat ma huwiex il-bażi ġuridika fis-sens ristrett ta’ miżuri ta’ implementazzjoni. Madankollu, il‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tirrikjedix tali strettezza sabiex tiġi stabbilita r-rabta ġuridika li għandha tgħaqqad l-att ikkontestat u dak li huwa s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità sabiex l-Artikolu 277 ikun applikabbli (53). Fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, il-kwistjoni li tqum hija jekk kienx possibbli li jiġi adottat l‑att ikkontestat fin-nuqqas tar-regola msemmija bl-eċċezzjoni ta’ illegalità (54).

142. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-eventwali miżuri ta’ implementazzjoni li ser jiġu adottati abbażi tar-Regolament Nru 1107/2009 ma jistgħux jiġu adottati jekk il-komposti tar-ram ma kinux, minn qabel, inklużi fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas‑sostituzzjoni bir-regolament ikkontestat.

143. Barra minn hekk, iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tar-regolament ikkontestat twassal sabiex jitneħħa kull stħarriġ ġudizzjarju peress li rikors dirett quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jkun eskluż minħabba miżuri ta’ implementazzjoni li “jinvolvu” dan ir-regolament. Tali immunità hija mingħajr dubju kuntrarja għall-Unjoni ta’ dritt li trid li l-istituzzjonijiet tagħha jkunu suġġetti għall-istħarriġ tal‑kompatibbiltà tal-atti tagħhom, b’mod partikolari, mat-Trattat u mal‑prinċipji ġenerali tad-dritt (55). Tali immunità tikkostitwixxi, għalhekk, lakuna fis-sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri stabbiliti mit‑Trattat FUE sabiex jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istħarriġ tal‑legalità tal-atti tal-Unjoni. L-imsemmija sistema, għalhekk, ma tibqax waħda sħiħa.

3.      Konklużjoni fuq it-tieni aggravju u rimarki addizzjonali fuq leffett tal-Artikolu 19 TUE

144. Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja kellha tikkunsidra l-ewwel aggravju bħala infondat, allura l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 60 tad-digriet ikkontestat, li l-argument tar-rikorrenti dwar il-protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, anki jekk l-EUCuTF ma tistax, minħabba r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tikkontesta direttament ir-regolament ikkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, hija tista’, kif osservat il-Qorti Ġenerali, essenzjalment fil-punt 61 tal-imsemmi digriet, issostni l‑invalidità tar-regolament quddiem il-qrati kompetenti permezz ta’ rimedju inċidentali.

145. Din il-konklużjoni ma għandhiex tiġi kkontestata bl-argument li r‑rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tikkontesta l-evalwazzjoni komparattiva magħmula mill-Istati Membri sakemm l-awtoritajiet nazzjonali jiddeċiedu li jġeddu l-awtorizzazzjoni ta’ prodott għall‑protezzjoni tal-pjanti li fih komposti tar-ram, peress li tali deċiżjoni ma tibdilx is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti u għalhekk ma għandiex tiġi rrikonoxxuta bħala att li jista’ jiġi kkontestat mill-qrati Spanjoli.

146. Fil-fatt, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 59 tad-digriet ikkontestat, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri li għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.

147. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tat-Tribunal Supremo (qorti suprema, Spanja) u tat-Tribunal Constitucional (qorti kostituzzjonali, Spanja) relatata mar-rekwiżit ta’ locus standi imsemmi mill-EUCuTF insostenn tal-appell tagħha ma hijiex tali li tibdel il-portata tal‑Artikolu 263 TFUE.

148. Fil-fatt, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat, “huma l-qrati nazzjonali li għandhom jinterpretaw ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà u l-modalitajiet proċedurali applikabbli għar-rimedji li minnhom huma aditi, bħar‑rekwiżit ta’ locus standi, fil-miżuri kollha possibbli b’mod li dawn il-modalitajiet jistgħu jiġu applikati b’mod li jikkontribwixxi għall‑implementazzjoni tal-għan, imfakkar fl-Artikolu 47 tal-Karta tad‑drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom mid-dritt tal‑Unjoni” (56).

149. Barra minn hekk, jekk tali interpretazzjoni ma kinitx possibbli, allura għandu jiġi kkonstatat li “mill-istruttura tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni jirriżulta li ma hemm ebda rimedju li jippermetti, anki jekk b’mod inċidentali, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l‑individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni” (57). F’dawn iċ‑ċirkustanzi, huwa għalhekk l-Istat Membru kkonċernat li għandu joħloq rimedji ġodda tad-dritt quddiem il-qrati nazzjonali (58).

150. Ċertament, is-soluzzjonijiet imsemmija fiż-żewġ punti preċedenti jippreżentaw ċertu paradoss mar-rigorożità li biha l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tar-rikors għal annullament (59). Madankollu, huma konformi mal-loġika tal-Artikolu 19 TUE u waħedhom jiżguraw l-assenza ta’ lakuna fil-protezzjoni ġudizzjarja taċ‑ċittadini tal-Unjoni.

151. Bħala konklużjoni, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li t-tieni aggravju invokat mir-rikorrenti insostenn tal-appell tagħha għandu jiġi miċħud bħala infondat.

VII. Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti u r-riferiment għall-Qorti Ġenerali

152. Fi tmiem l-analiżi tiegħi tal-aggravji mqajma mir-rikorrenti insostenn tal-appell tagħha, nikkunsidra li l-ewwel aggravju għandu jintlaqa’. Għalhekk id-digriet ikkontestat għandu jiġi annullat inkwantu l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal‑Artikolu 263 TFUE.

153. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tista’, f’każ ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tiddeċiedi hi stess il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha.

154. F’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-istadju tal-eżami tal-ammissibbiltà, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi hi stess dwar il-mertu tar-rikors. Min-naħa l-oħra, hija għandha elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċedura tal-ewwel istanza. Fil-fatt, kemm l-EUCuTF kif ukoll il-Kummissjoni esprimew ruħhom dwar l-effett dirett tal-ewwel waħda bir-regolament ikkontestat. Issa, peress li n-natura leġiżlattiva tar-regolament ikkontestat ġiet stabbilita u mhux ikkontestata, baqa’ biss l-aħħar rekwiżit mitlub fl-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li għadu ma ġiex eżaminat.

155. Ir-rikorrenti ssostni li hija u l-membri tagħha huma direttament ikkonċernati bir-regolament ikkontestat. B’mod partikolari, hija tfakkar, minn naħa waħda, li r-regolament ikkontestat jikklassifika s-sustanza attiva “komposti tar-ram” bħala sustanza attiva kandidat għas‑sostituzzjoni, u jagħmilha suġġetta b’mod dirett għad‑dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament Nru 1107/2009. B’dan il-mod, il-komposti tar-ram huma suġġetti għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk applikabbli għas-sustanzi attivi kandidati għas‑sostituzzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-konsegwenza tirriżulta direttament mir‑regolament ikkontestat u ma tagħti lill-Kummissjoni, waqt proċeduri futuri ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-komposti tar-ram jew lill-awtoritajiet nazzjonali, waqt proċeduri ta’ tiġdid ta’ awtorizzazzjonijiet nazzjonali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom komposti tar-ram jew ta’ talbiet ta’ rikonoxximent reċiproku, l‑ebda marġni diskrezzjonali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala sustanza kandidata għas-sostituzzjoni.

156. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-regolament ikkontestat ma jistax jaffettwa b’mod dirett lir-rikorrenti jew lill-membri tagħha għaliex il-konsegwenzi invokati mill-EUCuTF ma jirriżultawx direttament mill-inklużjoni tal-komposti tar-ram fil-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni, iżda minn eventwali deċiżjonijiet ulterjuri tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri li l-adozzjoni tagħhom timplika setgħa diskrezzjonali wiesgħa. B’dan il-mod, ir-regolament ikkontestat ma jissodisfax il-kundizzjonijiet relatati mal-effett dirett.

157. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja invokata mill-Kummissjoni, persuna fiżika jew ġuridika hija kkonċernata direttament b’att tal-Unjoni jekk joħloq “direttament effetti fuq is‑sitwazzjoni legali ta’ l-individwu u ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni [tal-Unjoni], mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra” (60).

158. Madankollu, f’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li ssostni l‑Kummissjoni, nikkunsidra li r-regolament ikkontestat joħloq effett dirett fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti, mingħajr il-ħtieġa li istituzzjoni tal-Unjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali jintervjenu. Fil-fatt, sempliċement minħabba l-inklużjoni tal-komposti tar-ram fuq il-lista ta’ sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni bir-regolament ikkontestat, is‑sistema ġuridika ta’ din is-sustanza nbidlet.

159. Jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tat-talbiet għal tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva jew ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti u fl-istudju komparattiv previst mill‑Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1107/2009, huma ma għandhom l‑ebda setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-komposti tar-ram bħala “sustanzi kandidati għas-sostituzzjoni” u lanqas, konsegwentement, fuq is-sistema applikabbli. Il-marġni diskrezzjonali tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri hija applikabbli biss fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009. Issa, dan ir-regolament ma huwiex dak li r-rikorrenti qed tfittex li tannulla.

160. Konsegwentement, nikkunsidra li r-rikorrenti għandha locusstandi f’kawża għal annullament kontra r-regolament ikkontestat abbażi tal-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li huwa att regolatorju li jikkonċernaha direttament u ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

VIII. Konklużjonijiet

161. Jidher li ma huwiex ikkontestat li parti f’kawża bħall-EUCuTF (jew wieħed mill-membri tagħha) ma għandhiex locus standi f’kawża kontra r-Regolament Nru 1107/2009. Fil-fatt, tnejn mit-tliet rekwiżiti tal‑aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma humiex issodisfatti. Minn naħa waħda, minkejja n-natura leġiżlattiva tiegħu fis‑sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, dan ir-regolament jinvolvi neċessarjament miżuri ta’ implementazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma jibdilx is-sitwazzjoni ġuridika ta’ persuni kkonċernati mingħajr mal‑Kummissjoni jew l-Istati Membri jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali.

162. Għalhekk jidhirli li r-rikorrenti ssodisfat perfettament id-dijalettika tar-rimedji ġudizzjarji stabbiliti mit-Trattat u mfakkra b’mod stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija titlob l-annullament ta’ regolament li jirriżulta, fil-konfront tagħha fl-applikazzjoni ta’ sistema li tikkawżalha preġudizzju u, tinvoka, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors dirett, l-illegalità ta’ regolament li jistabbilixxi din is-sistema ta’ deroga abbażi tal‑Artikolu 277 TFUE. Din id-dinamika kontenzjuża tiżgura, minn naħa waħda, protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti iżda wkoll, min-naħa l-oħra, iċ-ċertezza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-fatt, hija toffri soluzzjoni uniformi għal problema ta’ legalità permezz ta’ proċedura waħda, iktar mgħaġġla u inqas oneruża minn ħafna talbiet għal deċiżjoni preliminari ipotetiċi u futuri.

163. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi bil-mod segwenti:

Prinċiparjament:

1)      Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2016, European Union Copper Task Forcevs Il-Kummissjoni (T-310/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:265) huwa annullat.

2)      Ir-rikors għal annullament tal-European Union Copper Task Force kontra r-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/408, tal-11 ta’ Marzu 2015, dwar l-implimentazzjoni tal‑Artikolu 80(7) tar‑Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti u li jistabbilixxi lista ta’ kandidati għas‑sostituzzjoni huwa ammissibbli.

3)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

B’mod sussidjarju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-ewwel aggravju infondat:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Il-European Union Copper Task Force għandha tbati l-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2015, L 67, p. 18.


3      Ara wkoll, l-appell ippreżentat kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2016, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni(T-296/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:79) (Kawża C-244/16 P, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni) u l-Konklużjonijiet tiegħi mogħtija fl-istess jum f’din il-kawża.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332.


5      ĠU 2009, L 104, p. 23.


6      ĠU 2009, L 309, p. 1.


7      ĠU 2011, L 153, p. 1.


8      ĠU 2015, L 39, p. 7.


9      Dawn it-tliet regoli huma s-segwenti: it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva, il-ksib jew it-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq għall-prodotti għall‑protezzjoni tal-pjanti li fihom tali sustanzi u l-bidu tar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq bejn l-Istati Membri.


10      Ara l-punt 36 tal-appell.


11      Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Enfasi miżjud minni.


12      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 57).


13      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 60; enfasi miżjud minni). Kif diġà kelli l-okkażjoni nindika, din l-interpretazzjoni twassal għall-paradoss li l-kawża li wasslet għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il‑Kunsill (C-50/00 P, EU:C:2002:462) tagħlaq mill-ġdid permezz ta’ konstatazzjoni ta’ inammissibbiltà, filwaqt li wasslet għall-emenda tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE [ara l-punt 58 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C-132/12 P, EU:C:2013:335)].


14      Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 28).


15      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 29).


16      Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 30).


17      Sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 31).


18      Punt 42. Ara wkoll, is-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 2015, Canon Europa vs Il‑Kummissjoni (C-552/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:804, punt 47) u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Kyocera Mita Europe vs Il-Kummissjoni (C-553/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:805, punt 46).


19      Digriet tal-14 ta’ Lulju 2015, Forgital Italy vs Il-Kunsill (C-84/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:517, punt 43).


20      Ara, f’dan is-sens, Mastroianni, R. u Pezza, A., “Striking the Right Balance: Limits on the Right to Bring an Action under Article 263(4) of the Treaty on the Functioning of the European Union”, American University International Law Review, 2015, (30:4), p. 443 sa 795, speċjalment p. 793. Dawn l-awturi saħansitra jiktbu li l-interpretazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kunċett ta’ “miżuri ta’ implementazzjoni” skont l-aħħar frażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 tagħmel “prattikament impossibbli” l-aċċess tal-individwu għall-qrati tal-Unjoni (“makes it pratically impossible for private applicants […] to bring a case before EU Courts”).


21      Sentenza tat-28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C-72/15, EU:C:2017:236, punt 73). Enfasi miżjud minni.


22      Huwa b’dan il-mod li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “d-dispożizzjonijiet tal‑Ftehim qafas (dwar xogħol għal terminu fiss [żmien determinat], konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss [żmien determinat], konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP), moqrija flimkien malprinċipju ta’ effettività, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli proċedurali nazzjonali li jobbligaw lill-ħaddiem għal żmien determinat li jressaq azzjoni ġdida għad-determinazzjoni tas-sanzjoni xierqa meta jkun ġie kkonstatat użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien determinat suċċessivi, sa fejn jirriżulta minnu għal dan il-ħaddiem inkonvenjenti proċedurali, f’termini, b’mod partikolari, tal-ispejjeż, tat-tul u tar-regoli ta’ rappreżentanza, tali li jrendu eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lilu mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni(sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, Martínez Andrés u Castrejana López (C-184/15 u C-197/15, EU:C:2016:680, punt 64; enfasi miżjud minni). Jekk il-Qorti tal‑Ġustizzja teżamina l-problema fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività, hija tfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza li r-rekwiżiti ta’ ekwivalenza u ta’ effettività “jesprimu l-obbligu ġenerali li l-Istati Membri għandhom li jiżguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni”.(Enfasi miżjud minni)


23      Ara Dixel Dictionnaire – Le Robert, edizzjoni 2011.


24      Ara, f’dan is-sens, (fir-rigward tal-Artikolu III-365(4) tat-Trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa, identiku għar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, Coutron, L., La contestation incidente des actes de l’Union européenne, Bruylant, 2007, p. 488. Ara, ukoll, Blumann, Cl., “L’amélioration de la protection juridictionnelle effective des personnes physiques et morales résultant du traité de Lisbonne”, L’homme et le droit. En hommage au professeur Jean-François Flauss, Éditions Pedone, 2014, p. 77 sa 100, speċjalment p. 98. Verżjonijiet oħra tat-trattat jittraduċu din l-idea aħjar. Huwa għalhekk li l-verżjoni bil-lingwa Ingliża tuża l‑kelma “entail”, li hija sinonimu tal-verbi “necessitate” (nécessiter), “make necessary” (rendre nécessaire), “require” (requérir), “need” (avoir besoin), jew “demand” (exiger) (ara Oxford Thesaurus of English, it-2 edizzjoni., Oxford University Press, 2004). Ara wkoll, fil-lingwa Pollakka “nie wymagają środków wykonawczych” jew inkella il-verżjoni fil-lingwa Portugiża “que não necessitam de medidas de execução” (Enfasi miżjud minni).


25      Ara, f’dan is-sens, Rhimes, M., “The EU Courts Stand Their Ground: Why Are the Standing Rules for Direct Actions Still So Restrictive?”, European Journal of Legal Studies, 2016, vol. 9, n 1, p. 103 sa 172, speċjalment p. 124.


26      Mis-sentenza tat-13 ta’ Lulju 1966, L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (32/65, EU:C:1966:42) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regola ta’ portata ġenerali li l‑illegalità tagħha hija mqajma abbażi tal-Artikolu 277 TFUE għandha tkun applikabbli “direttament jew indirettament għall-kawża li hija s-suġġett tar-rikors” (Ġabra. p. 594; enfasi miżjud minni). Din ir-regola tkompli tiġi applikata mill-Qorti Ġenerali [ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2015, Plantavis u NEM vs Il‑Kummissjoni u EFSA (T-334/12, EU:T:2015:376, punt 51)].


27      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, A et (C-158/14, EU:C:2017:202, punt 68).


28      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 1979, Simmenthal vs Il-Kummissjoni (92/78, EU:C:1979:53, punt 39).


29      Sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, A et (C-158/14, EU:C:2017:202, punt 69).


30      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni(C-274/12 P, EU:C:2013:852, punti 30 u 31).


31      Punt 30 tar-risposta tal-Kummissjoni.


32      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 92). Din id-dikjarazzjoni dehret l‑ewwel darba fil-punt 23 tas-sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il‑Parlament (294/83, EU:C:1986:166). Minn dakinhar, ġiet ripetuta diversi drabi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulu 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, EU:C:2002:462, punt 40); tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 57; tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45), jew tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2017, Rosneft (C‑72/15, EU:C:2017:236, punt 66).


33      Sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 23). Enfasi miżjud minni.


34      Ara, f’dan is-sens, Berrod, Fr., La systématique des voies de droit communautaires, Dalloz, Paris, 2003, n 294 għat-talba għal deċiżjoni preliminari u n 834 għall-eċċezzjoni ta’ illegalità, u Coutron, L., La contestation incidente des actes de l’Union européenne, Bruylant, Bruxelles, 2007, p. 129 u 213.


35      Punt 25; enfasi miżjud minni.


36      ĠU 2011, L 81, p. 8.


37      ĠU 2011, L 104, p. 39.


38      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 18).


39      Ara l-punt 62 tal-appell: “The EUCuTF considers that the GCEU did not take into account the particular circumstances of the task force [..]” (Enfasi miżjud minni).


40      Ara l-punt 11 tal-appell tal-EUCuTF.


41      Ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ rikors għal annullament imressaq minn assoċjazzjoni kontra deċiżjoni finali tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03, EU:C:2006:416, punt 56).


42      Ara l-punt 22 tad-digriet ikkontestat.


43      Ara l-punt 31 tad-digriet ikkontestat.


44      Ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Frar 2009, Galileo Lebensmittel vs Il-Kummissjoni (C-483/07 P, EU:C:2009:95, punt 53).


45      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, EU:C:2002:462, punt 36).


46      Ara, għal applikazzjoni reċenti, is-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2016, Ackermann Saatzucht et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-408/15 P u C-409/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:893, punt 39).


47      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni(C-362/06 P, EU:C:2009:243, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852).


48      Ara l-premessa 6 tar-regolament ikkontestat.


49      Il-fatt li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Sony Computer Entertainment Europe vs Il-Kummissjoni (T-243/01, EU:T:2003:251), kienet ikkunsidrat li l-fatt li r-rikorrenti kienet l-unika importatriċi awtorizzata tal-console PlayStation®2 fl-Unjoni kienet element rilevanti fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi li jikkonċernaw individwalment lir-rikorrenti ma jidhirlix li jista’ jibdel din il‑konklużjoni. Ir-rikorrenti bl-ebda mod ma wriet ir-rilevanza ta’ din is-sentenza fil‑każ inkwistjoni. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tikkonferma, fil-preżenza ta’ importatur “esklużiv”, li dan il-fatt ma kienx jista’ jibdel il-portata ġenerali ta’ att “tant li huwa stabbilit li l-applikazzjoni [tiegħu] issir skont sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita bl-att, skont l-għan ta’ dan tal-aħħar” (sentenza tal-14 ta’ Lulju 1983, Spijker Kwasten vs Il-Kummissjoni, 231/82, EU:C:1983:220, punt 10).


50      Ara, f’dan is-sens, il-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet u l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32. Fost id-diversi kummentarji, ara, b’mod partikolari, Meij, A., “Standing in direct actions in the EU courts after Lisbon” in De Rome à Lisbonne: les juridictions de l’Union européenne à la croisée des chemins – Mélanges en l’honneur de Paolo Mengozzi, Brussell, Bruylant, 2013, p. 301 sa 312; Turmo, A., “Nouveau refus d’élargir l’accès des particuliers au recours en annulation contre les actes de l’Union européenne”, R.A.E, 2013, p. 825 sa 835; Waelbroeck, D. u Bombois, Th., “Des requérants “privilégiés” et des autres... À propos de l’arrêt Inuit et de l’exigence de protection juridictionnelle effective des particuliers en droit européen”, Cahier de droit européen, 2014/1, p. 21 sa 76; Van Malleghem, P.-A. u Baeten, N., “Before the law stands a gatekeeper -Or, what is a “regulatory act” in Article 263(4) TFEU? Inuit Tapiriit Kanatami”, Common Market Law Review, 2014, vol. 51, p. 1187 sa 1216.


51      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 28) u tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284, punt 30).


52      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 93). Ara, ukoll, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il-Kummissjoni (C-274/12 P, EU:C:2013:852, punt 29), u tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C-456/13 P, EU:C:2015:284, punt 31).


53      Għal eżempju fejn il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li teżamina eċċezzjoni ta’ illegalità kontra att li ma kinitx il-bażi ġuridika tal-att ikkontestat, ara s-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C‑202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408).


54      Ara, f’dan is-sens, Barav, A., “The Exception of Illegality in Community Law: a Critical Analysis”, Common Market Law Review, 1974, p. 366 sa 386, speċjalment p. 374.


55      Ara, b’mod partikolari f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010, E u F (C‑550/09, EU:C:2010:382, punt 44).


56      Digriet tal-14 ta’ Lulju 2015, Forgital Italy vs Il-Kunsill (C-84/14 P, mhux ippubblikat, EU:C:2015:517, punt 66).


57      Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il‑Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 104).


58      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 103 moqri flimkien mal-punt 104).


59      Ara, f’dan is-sens Arnull, A., “Arrêt ‘Inuit’: la recevabilité des recours en annulation introduits par des particuliers contre des actes réglementaires”, Journal de droit européen, 2014, p. 14 sa 16, speċjalment p. 15. L-awtur jitkellem dwar “paradoss” peress li “il-Qorti tal-Ġustizzja timponi fuq il-qrati nazzjonali rekwiżiti li ma hijiex lesta li tassumi hija stess”.


60      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2008, Il-Kummissjoni vs Infront WM (C-125/06 P, EU:C:2008:159, punt 47). Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat din l-interpretazzjoni fir-rigward tat-tieni sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma narax ir-raġunijiet li jiġġustifikaw li ma tapplikax ukoll għat-tielet frażi. Ara, f’dan ir‑rigward, il-punt 66 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 21 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil‑Kawża Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C-132/12 P, EU:C:2013:335).