Language of document : ECLI:EU:C:2017:457

Kawża C‑75/16

Livio MeniniuMaria Antonia Rampanelli

vs

Banco Popolare Società Cooperativa

(talba għal deċiżjoni preliminari,imressqa mit-Tribunale Ordinario di Verona)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) – Direttiva 2008/52/KE – Direttiva 2013/11/UE – Artikolu 3(2) – Oppożizzjoni magħmula minn konsumaturi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas ippreżentata minn stabbiliment ta’ kreditu – Dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu obbligatorju ta’ proċedura ta’ medjazzjoni – Obbligu ta’ assistenza minn avukat – Rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal‑14 ta’ Ġunju 2017

Protezzjoni tal-konsumaturi – Drittijiet tal-konsumaturi – Proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) – Direttiva 2013/11 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu obbligatorju ta’ proċedura ta’ medjazzjoni bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjonijiet ġudizzjarji – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, l-obbligu għall-konsumaturi li jkunu assistiti minn avukat u l-possibbiltà li jirtiraw mill-proċedura biss jekk juru l-eżistenza ta’ raġuni valida insostenn ta’ din id-deċiżjoni – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/11, Artikolu 2(1))

Id-Direttiva 2013/11/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-użu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, fit-tilwim imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja dwar dan l-istess tilwim, sa fejn tali rekwiżit ma jipprekludix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.

Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-kuntest ta’ tali medjazzjoni, il-konsumaturi għandhom ikunu assistiti minn avukat u li huma jistgħu jirtiraw minn proċedura ta’ medjazzjoni biss jekk juru l-eżistenza ta’ raġuni valida insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

(ara l-punt 71 u d-dispożittiv)