Language of document : ECLI:EU:C:2017:718

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Settembru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 132(1)(f) – Eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku – Eżenzjoni għall-provvista ta’ servizzi pprovduti lill-membri tagħhom minn gruppi indipendenti ta’ persuni – Applikabbiltà fil-qasam tal-assigurazzjoni”

Fil-Kawża C‑605/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Awwissu 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Novembru 2015, fil-proċedura

Minister Finansów

vs

Aviva Towarzystwo Ubezpieczeń na Życie S.A. w Warszawie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, C. Vajda (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑7 ta’ Diċembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Minister Finansów, minn T. Tratkiewicz, L. Pyszyński u B. Rogowska-Rajda, bħala aġenti,

–        għal Aviva Towarzystwo Ubezpieczeń na Życie S.A. w Warszawie, minn J. Martini, doradca podatkowy,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u B. Majerczyk-Graczykowska, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u M. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn D. Robertson u S. Simmons, bħala aġenti, assistiti minn O. Thomas, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat‑28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Minister Finansów (ministru tal-finanzi, il-Polonja) u Aviva Towarzystwo Ubezpieczeń na Życie S.A. w Warszawie (iktar ’il quddiem “Aviva”) dwar opinjoni individwali indirizzata lil din tal-aħħar u dwar l-interpretazzjoni tal-punt 21 tal-Artikolu 43(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (liġi dwar it-taxxa fuq il-beni u s-servizzi), tal‑11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. n° 54, pożizzjoni 535, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), li tittrasponi l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Is-Sitt Direttiva

3        Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas‑17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), tħassret u ġiet issostitwita, sa mill‑1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva 2006/112. L-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva kien jiddisponi:

“A.      Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku

1.      Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:

[…]

(f)      servizzi fornuti minn grupp ta’ persuni indipendenti [grupp indipendenti ta’ persuni] li l-attivitajiet tagħhom huma eżenti minn jew m’humiex soġġetti għat-taxxa tal-valur miżjud, għall-iskopijiet li jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi neċessarji direttament għall-eżerċizzju ta’ l-attività tagħhom, fejn dawn il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ħlas lura eżatt tas-sehem tagħhom ta’ l-ispejjeż konġunti, dejjem jekk t-tali eżenzjoni mhux probabbli li twassal għal tfixkil ta’ kompetizzjoni;

[…]”

 Ir-Regolament (KEE) Nru 2137/85

4        L-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 2137/85, tal‑25 ta’ Lulju 1985, dwar il-Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku (GEIE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 83), jipprevedi:

“Il-għan ta’ grupp għandu jkun li jiffaċilta jew jiżviluppa l-attivitajiet ekonomiċi tal-membri tiegħu u li jtejjeb jew iżid ir-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet; l-iskop tiegħu mhuwiex li jżid il-qligħ għalih innifsu.

L-attività tiegħu għandha jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajit ekonomiċi tal-membri tiegħu u ma għandhomx ikunu iktar milli anċillari għal dawn l-attivitajiet.”

 Id-Direttiva 2006/112

5        Id-Direttiva 2006/112 tinkludi Titolu IX, intitolat “Eżenzjonijiet”, li l-Kapitolu I tiegħu huwa intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali”.

6        L-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX tagħha, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(f)      il-provvista ta’ servizzi minn gruppi ta’ persuni indipendenti [gruppi indipendenti ta’ persuni], li qed iwettqu attività li hi eżenti mill-VAT jew għaliha mhumiex persuni taxxabbli, għall–finijiet li jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi meħtieġa direttament għall-eżerċizzju ta’ dik l-attività, fejn dawk il-gruppi kemm jitolbu mill-membri tagħhom ħlas lura eżatt tas-sehem tagħhom ta’ l-ispejjeż konġunti, sakemm tali eżenzjoni mhux probabbli li tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni;

[…]”

7        L-Artikolu 135(1) tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, tat-Titolu IX tagħha, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)      assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;

[…]”

 Id-dritt Pollakk

8        Il-punt 21 tal-Artikolu 43(1) tal-liġi dwar il-VAT jistipula:

“Huma eżenti mill-VAT: il-provvista ta’ servizzi pprovduti minn gruppi indipendenti ta’ persuni lill-membri tagħhom, li l-attività tagħhom hija eżenti mit-taxxa jew li fir-rigward tagħha ma humiex persuni taxxabbli, għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizzi lill-membri tagħhom li huma direttament neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività li hija eżenti mit-taxxa jew li ma hijiex suġġett għaliha, meta dawn il-gruppi jillimitaw ruħhom li jitolbu mingħand il-membri tagħhom ir-rimbors tal-ispejjeż li jikkorrispondu għas-sehem individwali ta’ kull wieħed minnhom fl-ispejjeż ġenerali sostnuti fl-interess komuni, sakemm din l-eżenzjoni ma tikkawżax effetti ħżiena fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Aviva tagħmel parti mill-grupp Aviva li huwa attiv fil-qasam tas-servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ protezzjoni tal-pensjonijiet fl-Ewropa. L-attivitajiet prinċipali ta’ dan il-grupp huma t-twaqqif ta’ pjanijiet għat-tfaddil fit-tul, il-ġestjoni ta’ fondi u l-assigurazzjoni.

10      Fil-kuntest ta’ proċess ta’ integrazzjoni, il-grupp Aviva qiegħed jikkunsidra t-twaqqif ta’ serje ta’ ċentri għal servizzi konġunti f’diversi Stati Membri. Huwa previst li dawn iċ-ċentri jkunu jipprovdu s-servizzi li huma direttament indispensabbli għall-eżerċizzju tal-attività ta’ assigurazzjoni mill-entitajiet ta’ dan il-grupp, b’mod partikolari servizzi fil-qasam tar-riżorsi umani, servizzi finanzjarji u ta’ kontabbiltà, servizzi tal-informatika, servizzi amministrattivi, servizzi tal-klijentela u servizzi fil-qasam tal-iżvilupp ta’ prodotti ġodda.

11      Aviva qiegħda tikkunsidra teżerċita din l-attività permezz tat-twaqqif ta’ grupp Ewropew b’interess ekonomiku (iktar ’il quddiem il-“GEIE”), li ma jagħmilx profitt mill-attività tiegħu, konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2137/85. Il-membri tal-GEIE ser ikunu esklużivament kumpanniji tal-grupp Aviva, li jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni, fosthom Aviva.

12      F’dan il-kuntest, Aviva talbet lill-ministru tal-finanzi dwar jekk l-attività tal-GEIE setgħetx tgawdi minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), abbażi tal-punt 21 tal-Artikolu 43(1) tal-liġi dwar il-VAT. Aviva qieset li dan kellu jkun il-każ u li, għaldaqstant, il-membri tal-GEIE stabbiliti fil-Polonja, li huma kumpanniji li jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni, kellhom jiġu eżentati mill-obbligu li jiffatturaw u li jiddikjaraw il-VAT dovuta fuq l-ispejjeż imposti fuq il-GEIE.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Marzu 2013, il-ministru tal-finanzi qies li l-pożizzjoni ta’ Aviva kienet żbaljata. Huwa qies li l-kundizzjoni li għaliha hija suġġetta l-eżenzjoni prevista fil-punt 21 tal-Artikolu 43(1) tal-liġi dwar il-VAT, dwar in-nuqqas ta’ effetti ħżiena fuq il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, ma kinitx issodisfatta. Skont il-ministru tal-finanzi, l-applikazzjoni ta’ eżenzjoni għal grupp indipendenti ta’ persuni (iktar ’il quddiem “GIP”) tpoġġih f’pożizzjoni pprivileġġata fis-suq, meta mqabbel mal-entitajiet l-oħrajn li jwettqu l-istess tranżazzjonijiet. Għaldaqstant, huwa qies li, meta entitajiet li ma jagħmlux parti minn GIP u li jeżerċitaw attività simili u ntaxxata joperaw fis-suq ikkonċernat, l-imsemmija eżenzjoni għandha tiġi miċħuda, għar-raġuni li din tista’ timmina r-regoli ta’ kompetizzjoni.

14      Aviva appellat quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (qorti amministrattiva tar-reġjun ta’ Varsavja, il-Polonja), fejn talbet, b’mod partikolari, għall-annullament ta’ dik id-deċiżjoni tal-ministru tal-finanzi. Hija argumentat li l-imsemmija deċiżjoni, li tipprovdi li s-servizzi akkwistati minn Aviva mill-GEIE ma setgħux igawdu mill-eżenzjoni mill-VAT inkwistjoni, kienet tikkostitwixxi ksur tal-punt 21 tal-Artikolu 43(1) tal-liġi dwar il-VAT.

15      Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Diċembru 2013, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (qorti amministrattiva tar-reġjun ta’ Varsavja) annullat id-deċiżjoni tal-ministru tal-finanzi tal‑14 ta’ Marzu 2013. Hija qieset li l-GEIE maħsuba kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fil-punt 21 tal-Artikolu 43(1) tal-liġi dwar il-VAT. Dik il-qorti qieset li distorsjoni tal-kompetizzjoni setgħet tiġi rrilevata biss jekk kienu jeżistu, fis-suq tas-servizzi awżiljarji, entitajiet oħrajn minbarra l-GIP ikkonċernat li jkunu lesti li joffru servizzi analogi għal dawk ipprovduti minnu u jekk, barra minn hekk, il-benefiċjarji attwali tas-servizzi, li huma membri ta’ dan il-GIP, kinux interessati fl-akkwist ta’ dawn is-servizzi minn entità esterna għall-imsemmi grupp. Skont dik il-qorti, huwa diffiċli li wieħed isib fis-suq entità ekonomika li tipprovdi, bħala ċentru ta’ servizzi konġunti, servizzi lil entitajiet stabbiliti fi tnax-il Stat Membru, mingħajr ma tagħmel profitt u li topera esklużivament fi ħdan l-istruttura tal-grupp inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

16      Il-ministru tal-finanzi appella fil-kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema, il-Polonja). Dik il-qorti qieset li l-interpretazzjoni eżatta li kellha tingħata lid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari tal-Artikolu 132(1)(f), ma kinitx deċiża b’mod ċar u li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx tneħħi d-dubji kollha f’dan ir-rigward.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dispożizzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-eżenzjoni mill-VAT ta’ [GIP] li ma tipprevedi ebda kundizzjoni jew proċedura dwar l-osservanza tal-kundizzjoni tal-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni hija konformi mal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva [2006/112], moqri flimkien mal-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll mal-prinċipju ta’ effettività, mal-prinċipju ta’ ċertezza legali u mal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi?

2)      Liema huma l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-assenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 li għandhom jiġu applikati?

3)      Il-fatt li s-servizzi huma pprovduti minn [GIP] lil membri li huma suġġetti għad-dritt ta’ diversi Stati Membri għandu effett fuq ir-risposta għad-domanda 2?”

 Fuq id-domandi preliminari

18      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-grupp Aviva qiegħed jikkunsidra t-twaqqif ta’ GIP li l-membri tiegħu jkunu kumpanniji tal-grupp Aviva li jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni u li s-servizzi tiegħu jkunu direttament neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività.

19      F’dan il-kuntest, id-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, li jipprevedi eżenzjoni għall-provvista ta’ servizzi magħmula minn gruppi indipendenti ta’ persuni li jeżerċitaw attività eżentata jew li għaliha huma ma għandhomx il-kwalità ta’ persuna taxxabbli, sabiex jagħtu lill-membri tagħhom is-servizzi direttament neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività.

20      Ir-risposta għal dawn id-domandi teħtieġ l-eżami, minn qabel, tal-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni tapplikax f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw servizzi mogħtija minn GIP li l-membri tiegħu jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni.

21      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għas-sentenza tal-kawża li tkun qiegħda tisma’, sew jekk il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment jew le meta għamlet id-domanda tagħha (sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-qorti tar-rinviju tingħata wkoll indikazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 huwiex applikabbli għas-servizzi mogħtija minn GIP li l-membri tiegħu jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni, li huma direttament neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività.

23      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li tirrigwarda attività eżentata tal-membri ta’ GIP, ma tippermettix li jiġi eskluż li din l-eżenzjoni tista’ tkun applikabbli għas-servizzi ta’ GIP li l-membri tiegħu jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni, sa fejn l-Artikolu 135(1)(a) ta’ din id-direttiva jeżenta l-assigurazzjoni.

24      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenzi tas‑26 ta’ April 2012, Able UK, C‑225/11, EU:C:2012:252, punt 22, u tal‑4 ta’ April 2017, Fahimian, C‑544/15, EU:C:2017:255, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi enfasizzat li din id-dispożizzjoni tinsab fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva. Dan it-titolu jindika li l-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni tkopri biss il-GIP li l-membri tiegħu jeżerċitaw attivitajiet fl-interess pubbliku.

26      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata wkoll mill-istruttura tat-Titolu IX tal-imsemmija direttiva, dwar l-“Eżenzjonijiet”. Fil-fatt, l-Artikolu 132(1)(f) fid-Direttiva 2006/112 jinsab mhux fil-Kapitolu 1, intitolat “Disposizzjonijiet ġenerali” ta’ dan it-titolu, iżda fil-Kapitolu 2 tiegħu. Barra minn hekk, fl-imsemmi titolu ssir distinzjoni bejn il-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku” u l-Kapitolu 3, intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”, liema distinzjoni tindika li r-regoli previsti f’dan il-Kapitolu 2 għal ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku ma japplikawx għall-attivitajiet l-oħrajn koperti b’dan il-Kapitolu 3.

27      Issa, fl-imsemmi Kapitolu 3 hemm, fl-Artikolu 135(1)(a), eżenzjoni għall-“assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni”. Għaldaqstant mill-istruttura tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 ma tapplikax għall-assigurazzjoni u tranżazzjonijiet ta’ riassigurazzjoni u, konsegwentement, li s-servizzi pprovduti minn GIP li l-membri tiegħu huma attivi fil-qasam tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni ma jaqgħux taħt din l-eżenzjoni.

28      F’dak li jirrigwarda l-għan tal-Artikolu 132(1)(f) fid-Direttiva 2006/112, għandha titfakkar il-finalità tad-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva, li hija li jeżenta mill-VAT ċerti attivitajiet fl-interess pubbliku, bil-għan li jiġu ffaċilitati l-aċċess għal ċerti prestazzjonijiet kif ukoll il-provvista ta’ ċerti beni billi jiġu evitati l-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-issuġġettar tagħhom għall-VAT (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C‑412/15, EU:C:2016:738, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Għaldaqstant, il-provvista ta’ servizzi magħmula minn GIP taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, meta din il-provvista ta’ servizzi tikkontribwixxi direttament għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fl-interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C‑412/15, EU:C:2016:738, punti 31 sa 33).

30      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li dawn jikkostitwixxu derogi għall-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-VAT hija imposta fuq kull provvista ta’ servizzi magħmula b’mod oneruż minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2016, TMD, C‑412/15, EU:C:2016:738, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Minn dan jirriżulta li provvista ta’ servizzi li tikkontribwixxi mhux direttament għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet fl-interess pubbliku msemmija f’dan l-Artikolu 132, iżda għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet eżentati oħrajn, b’mod partikolari fl-Artikolu 135 ta’ din id-direttiva, ma tistax taqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112.

32      Minn dan isegwi li l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkopri biss il-GIP li l-membri tiegħu jeżerċitaw attivitajiet fl-interess pubbliku msemmija f’dan l-artikolu. Għaldaqstant, is-servizzi mogħija minn GIP, li l-membri tiegħu jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni li ma tikkostitwixxix tali attività fl-interess pubbliku, ma jgawdux minn din l-eżenzjoni.

33      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li għamlet fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621), ma qisitx il-kwistjoni dwar jekk l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva [li jikkorrispondi mal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112] kinitx limitata għas-servizzi mogħtija minn GIP li l-membri tiegħu kienu jeżerċitaw attivitajiet fl-interess pubbliku.

34      Madankollu, mill-elementi tal-proċess li huma fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(f) tas-Sitt Direttiva li wettqet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen (C‑8/01, EU:C:2003:621), wasslet lil ċerti Stati Membri sabiex jeżentaw il-provvista ta’ servizzi magħmula minn GIP ikkostitwiti minn entitajiet bħal kumpanniji ta’ assigurazzjoni.

35      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi speċifikat li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jiftħu mill-ġdid perijodi fiskali definittivament magħluqa, abbażi tal-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, kif interpretat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Asturcom Telecomunicaciones, C‑40/08, EU:C:2009:615, punt 37, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 68).

36      Fir-rigward tal-perijodi fiskali li għadhom ma humiex definittivament magħluqa, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, direttiva ma tistax, minnha stess, toħloq obbligi fil-konfront ta’ individwu u ma tistax għalhekk tiġi invokata bħala tali kontra tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112, kif interpretat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, sabiex jirrifjutaw din l-eżenzjoni għall-GIP ikkostitwit minn kumpanniji ta’ assigurazzjoni u, għaldaqstant, sabiex jirrifjutaw li jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ servizzi magħmula minn dawn il-GIP.

37      Barra minn hekk, l-obbligu, għall-qorti nazzjonali, li tagħmel riferiment għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli rilevanti tad-dritt intern hija limitata mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari mill-prinċipji ta’ ċertezza legali kif ukoll ta’ nuqqas ta’ retroattività, u hija ma tistax isservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt intern (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 100).

38      Għaldaqstant, l-interpretazzjoni li l-qorti nazzjonali għandha tagħti lir-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali li jimplementaw l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 għandha tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domanda.

40      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tkun li l-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkopri biss l-GIP li l-membri tiegħu jeżerċitaw attività fl-interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva u li, għaldaqstant, is-servizzi mogħtija minn GIP, li l-membri tiegħu jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni li ma tikkostitwixxix tali a ttività fl-interess pubbliku, ma jgawdux minn din l-eżenzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 132(1)(f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tkopri biss il-gruppi indipendenti ta’ persuni li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività fl-interess pubbliku msemmija fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva u li, għaldaqstant, is-servizzi mogħtija minn gruppi indipendenti ta’ persuni, li l-membri tagħhom jeżerċitaw attività ekonomika fil-qasam tal-assigurazzjoni li ma tikkostitwixxix tali attività fl-interess pubbliku, ma jgawdux minn din l-eżenzjoni.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.