Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-12 ta’ Ġunju 2017 – Mobit Soc.cons.arl vs Regione Toscana

(Kawża C-350/17)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Mobit Soc.cons.arl

Appellata: Regione Toscana

Domandi preliminari

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 1 (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni – prevista fis-subparagrafi “b” u “d” ta’ dan l-artikolu – li operatur intern jipparteċipa f’sejħiet għal offerti extra moenia), għandu jiġi applikat anki għall-kuntratti mogħtija fi żmien preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-istess regolament?

Il-kwalifika ta’ “operatur intern” – fis-sens tal-istess regolament u b’analoġija eventwali tar-ratio tagħha mal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-fornituri “in house” – tista’ b’mod astratt titqies li tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li ngħatat direttament, mill-awtorità Statali, kuntratt għall-provvista tas-servizz ta’ trasport lokali, fil-każ fejn, mill-aspett organizzattiv u ta’ kontroll, din tal-ewwel hija direttament marbuta mat-tieni waħda u fejn il-kapital azzjonarju tagħha huwa miżmum mill-Istat innifsu (integralment jew pro quota, f’dak il-każ, ma’ korpi pubbliċi oħra)?

Fil-kaz ta’ għoti dirett ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, il-fatt li, wara l-għoti, l-awtorità Statali inkwistjoni toħloq korp pubbliku amministrattiv li għandu setgħat organizzattivi fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni (fejn barra minn hekk l-Istat iżomm id-dritt esklużiv li jagħti konċessjonijiet) – korp li ma jeżerċità l-ebda “kontroll simili” fuq il-persuna li ngħatat direttament il-kuntratt għall-provvista tas-servizzi – huwa ċirkustanza li tista’ teskludi l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolement?

Il-fatt li d-data oriġinali ta’ skadenza ta’ għoti dirett ta’ kuntratt tmur lil hinn mit-terminu ta’ tletin sena li jgħalaq fit-3 ta’ Diċembru 2039 (terminu li beda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007) għandu jitqies li xorta waħda jimplika li l-għoti ma huwiex konformi mal-prinċipji previsti fid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 5 u 8(3) tal-istess regolament, jew inkella li din l-irregolarità għandha titqies li tiġi awtomatikament sanata, għall-finijiet kollha tal-liġi, billi l-imsemmija skadenza titnaqqas impliċitament “ex lege” għal tali terminu ta’ tletin sena?

____________

1 Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L315, p. 1).