Language of document : ECLI:EU:C:2017:456

Kawża C610/15

Stichting Brein

vs

Ziggo BV
u
XS4ALL Internet BV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali u industrijali – Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett – Pjattaforma ta’ qsim online – Qsim ta’ fajls protetti, mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2017

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29 – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Avviż lill-pubbliku – Kunċett – Tqegħid għad-dispożizzjoni u ġestjoni, fuq l-internet, ta’ pjattaforma ta’ qsim fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer ta’ fajls protetti mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29, Artikolu 3(1))

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni, fuq l-internet, ta’ pjattaforma ta’ qsim li, permezz tal-indiċjar ta’ metadata dwar xogħlijiet protetti u tal-provvista ta’ mutur ta’ riċerka, tippermetti lill-utenti ta’ din il-pjattaforma jsibu dawn ix-xogħlijiet u jaqsmuhom bejniethom fil-kuntest ta’ netwerk peer-to-peer.

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni u l-ġestjoni ta’ pjattaforma ta’ qsim online, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li d-dritt tal-awtur li jikkomunika lill-pubbliku, previst fl-imsemmi Artikolu 3(1), ikopri kull trażmissjoni jew trażmissjoni mill-ġdid ta’ xogħol lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni, bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir.

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) tad-Direttiva Nru 2001/29, sabiex ikun hemm “att ta’ komunikazzjoni”, huwa suffiċjenti, b’mod partikolari, li xogħol jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pubbliku b’mod li l-persuni li jifformaw dan il-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih, minn post u f’ħin magħżul minnhom individwalment, mingħajr ma jkun determinanti jekk jużawx din il-possibbiltà jew le (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li l-fatt li jiġu pprovduti, fuq sit internet, links li wieħed jista’ jikklikkja fuqhom lejn xogħlijiet protetti ppubblikati mingħajr ebda restrizzjoni ta’ aċċess fuq sit ieħor joffri lill-utenti tal-ewwel sit aċċess dirett għall-imsemmija xogħlijiet (sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 18; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, EU:C:2014:2315, punt 15 kif ukoll is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 43).

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li dan huwa wkoll il-każ tal-bejgħ ta’ mediaplayer li fuqu ġew installati minn qabel add ons, disponibbli fuq l-internet, li jinkludu hypertext links li jwasslu għal siti internet liberament aċċessibbli għall-pubbliku li fuqhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punti 38 u 53).

Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li, bħala prinċipju, kull att li permezz tiegħu utent jagħti, b’għarfien sħiħ tal-fatti, aċċess lill-klijenti tiegħu għal xogħlijiet protetti jista’ jikkostitwixxi “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li, bħala prinċipju, kull att li permezz tiegħu utent jagħti, b’għarfien sħiħ tal-fatti, aċċess lill-klijenti tiegħu għal xogħlijiet protetti jista’ jikkostitwixxi “att ta’ komunikazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29.

Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ ukoll li x-xogħlijiet protetti jiġu effettivament ikkomunikati lil pubbliku (sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li l-kunċett ta’ “pubbliku” jinvolvi ċertu limitu de minimis, li jeskludi minn dan il-kunċett numru ta’ persuni kkonċernati żgħir wisq, jew saħansitra insinjifikanti. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti kumulattivi li jirriżultaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tax-xogħlijiet lil destinatarji potenzjali.F’dan ir-rigward, ma huwiex rilevanti biss li jsir magħruf kemm persuni għandhom aċċess għall-istess xogħol b’mod parallel, iżda wkoll kemm minnhom kellhom suċċessivament aċċess għalih. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Stichting Brein, C‑527/15, EU:C:2017:300, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

(ara l-punti 30-34, 40, 41, 48, u dispożittiv)