Language of document : ECLI:EU:C:2017:419

Kawża C-529/15

Proċedura mressqa minn Gert Folk

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Responsabbiltà ambjentali – Direttiva 2004/35/KE – Artikolu 17 – Applikabbiltà ratione temporis – Operazzjoni ta’ impjant idroelettriku li beda jopera qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Punt 1(b) tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘danni ambjentali’ – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi kull dannu kopert minn awtorizzazzjoni – Artikolu 12(1) – Aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tad-dritt ambjentali – Locus standi – Direttiva 2000/60/KE – Artikolu 4(7) – Effett dirett”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-1 ta’ Ġunju 2017

1.        Ambjent – Prevenzjoni u kumpens ta’ danni ambjentali – Responsabbiltà ambjentali – Direttiva 2004/35 – Applikazzjoni ratione temporis – Danni ambjentali prodotti wara d-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva iżda kkawżati mill-operazzjoni ta’ installazzjoni li bdiet topera qabel din id-data – Applikabbiltà tad-Direttiva

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, Artikolu 17)

2.        Ambjent – Prevenzjoni u kumpens ta’ danni ambjentali – Responsabbiltà ambjentali – Direttiva 2004/35 – Kunċett ta’ “danni ambjentali”- Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi mill-kunċett ta’ danni ambjentali kull dannu kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-ilma – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, Artikolu 2, punt 1(b))

3.        Ambjent – Politika Komunitarja fil-qasam tal-ilma – Direttiva 2000/60 – Għanijiet ambjentali – Obbligu li jiġu implementati l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-mases tal-ilma tal-wiċċ jew tal-ilma ta’ taħt l-art – Possibbiltà ta’ deroga għall-proġetti ta’ interess pubbliku superjuri – Kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva – Obbligu għal qorti nazzjonali li tistħarreġ l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu ambjentali, fis-sens tad-Direttiva 2004/35, fil-każ li tkun inħarġet awtorizzazzjoni mingħajr eżami tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet – Assenza

(Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/60, Artikolu 4(7)(a) sa (d), u 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, Artikolu 2, punt 1(b))

4.        Ambjent – Prevenzjoni u kumpens ta’ danni ambjentali – Responsabbiltà ambjentali –Direttiva 2004/35 – Proċeduri ta’ rikors – Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tippermettix lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd iressqu proċedura ta’ rikors dwar dannu ambjentali – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, Artikoli 12 u 13)

1.      L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali, kif emendata bid-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija direttiva tapplika ratione temporis għad-danni ambjentali li mmaterjalizzaw wara t-30 ta’ April 2007 iżda li jkunu ġew ikkawżati mill-operazzjoni ta’ installazzjoni awtorizzata konformement mal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u li bdiet topera qabel din id-data.

(ara l-punt 25 u d-dispożittiv 1)

2.      Id-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, u b’mod partikolari l-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali u awtomatiku, li dannu li jolqot b’mod gravi u negattiv l-istat ekoloġiku, kimiku jew kwantitattiv jew il-potenzjal ekoloġiku tal-ilmijiet ikkonċernati jiġi kklassifikat bħala “dannu ambjentali”, minħabba s-sempliċi fatt li dan id-dannu jkun kopert minn awtorizzazzjoni maħruġa skont dan id-dritt.

(ara l-punt 34 u d-dispożittiv 2)

3.      Fil-każ li awtorizzazzjoni tkun ingħatat skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali mingħajr eżami tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, qorti nazzjonali ma hijiex obbligata tivverifika hija stess jekk il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni humiex issodisfatti sabiex tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu ambjentali fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31.

Fil-fatt, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jawtorizzaw proġett li għandhom l-obbligu li jikkontrollaw li huma ssodisfatti l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) tad-Direttiva 2000/60 qabel ma jagħtu tali awtorizzazzjoni, bla ħsara għal eventwali stħarriġ ġudizzjarju. Għall-kuntrarju, id-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jobbliga lill-qrati nazzjonali jieħdu post l-awtorità kompetenti billi jeżaminaw huma stess l-imsemmija kundizzjonijiet meta din l-awtorità tkun tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma tkun wettqet l-imsemmi eżami.

(ara l-punti 39 u 40, u d-dispożittiv 3)

4.      L-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/31, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tippermettix lid-detenturi ta’ drittijiet ta’ sajd iressqu proċedura ta’ rikors dwar dannu ambjentali, fis-sens tal-punt 1(b) tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva.

(ara l-punt 50 u d-dispożittiv 4)