Language of document : ECLI:EU:C:2017:738

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Ġurisdizzjoni – Artikolu 2(1) – Ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut – Artikolu 22(4) – Ġurisdizzjoni esklużiva fil-qasam tar-reġistrazzjoni jew tal-validità ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Proċeduri intiżi li jiddeterminaw jekk persuna ġietx irreġistrata b’mod ġust bħala l-proprjetarja ta’ trade mark”

Fil-Kawża C‑341/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Hanssen Beleggingen BV

vs

Tanja Prast-Knipping,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Prast-Knipping, minn P. Sohn, Rechtsanwalt,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 4, p. 42).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Hanssen Beleggingen BV (iktar ’il quddiem “Hanssen”), kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, u Tanja Prast‑Knipping, iddomiċiljata fil-Ġermanja, dwar ir-reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar bħala l-proprjetarja ta’ trade mark tal-Benelux.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Ir-Regolament Nru 44/2001 issostitwixxa, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”). Min-naħa tiegħu, huwa ġie ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Skont l-Artikolu 66(1) ta’ dan l-aħħar regolament, dan “għandu japplika biss għal proċedimenti legali istitwiti, għal strumenti awtentiċi imfassla jew irreġistrati formalment u għal tranżazzjonijiet ġudizzjarji approvati jew konklużi fid-data jew wara l-10 ta’ Jannar 2015”.

4        Peress li l-azzjoni ġudizzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali tressqet qabel l-10 ta’ Jannar 2015, din it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi eżaminata fid-dawl tar-Regolament Nru 44/2001.

5        L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament kien jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6        L-Artikolu 22 ta’ dan l-istess regolament, li kien jinsab fis-Sezzjoni 6 tal-Kapitolu II tiegħu, bit-titolu “Ġurisdizzjoni esklussiva”, kien jipprovdi:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklussiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

4.      fi proċedimenti li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti [privattivi], trade marks, disinnji, jew drittijiet oħra simili meħtieġa sabiex jiġu depożitati jew reġistrati, il-qrati ta’ l-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għad-depożitu jew ir-reġistrazzjoni, ikun seħħ jew ikunu taħt it-termini ta’ strument tal-Komunità jew ta’ konvenzjoni internazzjoni huwa meqjus li jkun seħħ.

[…]”

7        Din id-dispożizzjoni kienet tikkorrispondi għall-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell.

 Il-KBPI

8        Il-Konvenzjoni Benelux dwar il-proprjetà intellettwali (trade marks u disinni), tal-25 ta’ Frar 2005, iffirmata f’Den Haag mir-Renju tal-Belġju, mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu u mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem il-“KBPI”) daħlet fis-seħħ fil-1 ta’ Settembru 2006.

9        L-Artikolu 1.2 tal-KBPI jipprovdi:

“1.      Hija stabbilita Organizzazzjoni Benelux tal-Proprjetà Intellettwali (trade marks u disinni) […]

2.      Il-korpi tal-Organizzazzjoni huma:

[…]

c.      l-Uffiċċju Benelux tal-Proprjetà Intellettwali (trade marks u disinni) […].”

10      L-Artikolu 1.5(1) u (2) tal-KBPI jippreċiża:

“1.      L-Organizzazzjoni għandha s-sede tagħha f’Den Haag.

2.      L-Uffiċċju huwa stabbilit f’Den Haag.”

11      Skont l-Artikolu 4.6(1) tal-KBPI:

“[Il-ġurisdizzjoni territorjali] għandha tiġi ddeterminata, fil-qasam tat-trade marks jew ta’ disinni, permezz tad-domiċilju tal-konvenut jew permezz tal-post li fih l-obbligu kkontestat jitnissel, kien jew għandu jiġi eżegwit. Il-post tal-preżentazzjoni jew tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark jew ta’ disinn fl-ebda każ ma jista’ waħdu jiddetermina l-ġurisdizzjoni.”

 Id-dritt Ġermaniż

12      L-Artikolu 812 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (kodiċi ċivili) jinsab fit-Titolu 26 tiegħu, bit-titolu “Ungerechtfertigte Bereicherung” (arrikkiment indebitu) u jipprevedi fil-paragrafu (1) tiegħu li “persuna li tikseb xi ħaġa għad-detriment ta’ terz mingħajr bażi legali permezz ta’ provvista minn dan it-terz, jew b’kull mod ieħor, għandha l-obbligu ta’ restituzzjoni”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13      Fis-7 ta’ Settembru 1979, kumpannija rregolata bid-dritt Ġermaniż proprjetà ta’ Helmut Knipping u attiva fil-manufatturazzjoni ta’ elementi użati fil-kostruzzjoni, b’mod partikolari ta’ twieqi, ippreżentat applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux (trade marks u disinni) (iktar ’il quddiem l-“UPIB”) għar-reġistrazzjoni, bħala trade mark tal-Benelux, tas-sinjal verbali u figurattiv segwenti:

Image not found

14      L-UPIB irreġistra din it-trade mark, bl-iswed u bl-abjad, taħt in-Numru 361604 (iktar ’il quddiem it-“trade mark Nru 361604’).

15      Hanssen hija kumpannija rregolata bid-dritt Olandiż attiva fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ bibien u ta’ twieqi. Hija l-proprjetarja tat-trade mark verbali u figurattiva tal-Benelux bin-Nru 0684759. Din it-trade mark tikkonsisti fl-istess sinjal verbali u figurattiv bħal dak li huwa s-suġġett tat-trade mark 361604, iżda hija rreġistrata bil-kuluri blu u isfar.

16      Fid-9 ta’ Ottubru 1995, H. Knipping miet.

17      Fl-14 ta’ Novembru 2003, T. Prast‑Knipping, fuq preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jattesta li hija kienet l-unika eredi ta’ H. Knipping, talbet lill-UPIB jirreġistraha bħala l-proprjetarja tat-trade mark 361604.

18      L-UPIB wettaq din ir-reġistrazzjoni.

19      Hanssen tikkontesta din ir-reġistrazzjoni. Hija ssostni li t-trade mark Nru 361604 kienet, qabel il-mewt ta’ H. Knipping, ġiet ittrasferita diversi drabi u ma kinitx iktar tifforma parti mill-patrimonju tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu. Ir-reġistrazzjoni ta’ T. Prast‑Knipping bħala l-proprjetarja ta’ din it-trade mark ma hijiex għaldaqstant iġġustifikata.

20      Peress li t-tilwima ma setgħetx tiġi riżolta permezz ta’ ftehim bonarju, Hanssen, fit-8 ta’ Ġunju 2012, ressqet kawża kontra T. Prast‑Knipping quddiem il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li hija l-qorti tal-post tad-domiċilju tagħha. Hanssen invokat l-arrikkiment indebitu msemmi fl-Artikolu 812 tal-kodiċi ċivili u talbet li T. Prast‑Knipping tiġi ordnata tiddikjara mal-UPIB li din it-trade mark ma tagħtihiex drittijiet u li hija tirrinunzja għar-reġistrazzjoni ta’ isimha bħala l-proprjetarja.

21      Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, il-Landgericht Düsseldorf (qorti reġjonali ta’ Düsseldorf) ċaħdet din it-talba, peress li t-trade mark Nru 361604 kienet tifforma parti mill-patrimonju ta’ H. Knipping fid-data tal-mewt tiegħu u kienet ġiet ittrasferita lil T. Prast‑Knipping b’mod korrett permezz ta’ suċċessjoni.

22      Hanssen appellat minn dik is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

23      Dik il-qorti għandha dubji dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi sabiex jieħdu konjizzjoni tat-tilwima. Hija tqis li din il-ġurisdizzjoni tista’ ċertament tirriżulta mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 44/2001, iżda li huwa wkoll possibbli li l-qrati tal-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni fil-kawża prinċipali – f’dan il-każ il-Pajjiżi l-Baxxi minħabba s-sede tal-UPIB f’Den Haag – għandhom ġurisdizzjoni esklussiva taħt l-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament.

24      Peress li l-ġurisdizzjoni għandha tiġi eżaminata ex officio, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tixtieq li din il-kwistjoni tiġi ċċarata.

25      B’mod partikolari għandu jiġi ppreċiżat jekk azzjoni bħal dik imressqa minn Hanssen tirrigwardax proċeduri “li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ […] trade marks” fis-sens tal-Artikolu 22(4) ta’ dan ir-regolament. Is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee (288/82, EU:C:1983:326) tipprovdi indizji favur tweġiba fin-negattiv għal din il-mistoqsija, iżda, fid-dawl tal-evoluzzjoni tad-dritt tat-trade marks li seħħet wara din is-sentenza, ma huwiex ċert jekk din għadx għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

26      Fir-rigward ta’ din l-evoluzzjoni tad-dritt tat-trade marks, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) tiċċita, b’mod partikolari, l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU 2015, L 341, p. 21) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 207/2009”).

27      Din il-qorti ssemmi wkoll il-fatt li, fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, it-trade mark tal-Benelux hija kkaratterizzata b’ċertu speċifikazzjonijiet.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (qorti reġjonali superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ kwistjonijiet ‘li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ […] trade marks […]’ imsemmi fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament [Nru 44/2001] ikopri wkoll l-azzjoni intiża sabiex il-persuna formalment irreġistrata bħala proprjetarja ta’ trade mark tal-Benelux fir-reġistru tat-trade marks tal-Benelux tiddikjara mal-[UPIB] li hija ma għandhiex drittijiet fuq it-trade mark inkwistjoni u li hija tirrinunzja għar-reġistrazzjoni tagħha bħala proprjetarja tat-trade mark?”

 Fuq id-domanda preliminari

29      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq issir taf jekk l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li dan japplika għall-proċeduri intiżi li jiġi ddeterminat jekk persuna ġietx irreġistrata b’mod ġust bħala l-proprjetarja ta’ trade mark.

30      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li qabel kollox jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 jirrifletti l-istess struttura bħal dik tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u juża, barra minn hekk, kważi l-istess kliem, u għaldaqstant għandha tiġi żgurata l-kontinwità fl-interpretazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Solvay, C‑616/10, EU:C:2012:445, punt 43).

31      Sussegwentement, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ proċeduri “li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ [drittijiet ta’ proprjetà intellettwali]”, imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet, huwa “kunċett awtonomu” intiż li jiġi applikat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punt 19, u tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punt 14).

32      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li huwa neċessarju li d-dispożizzjonijiet li jimponu ġurisdizzjoni esklussiva, bħall-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, ma jiġux interpretati f’sens iktar wiesa’ minn dak mitlub mill-għan tagħhom, peress li dawn għandhom bħala effett li jċaħħdu lill-partijiet mill-għażla tal-qorti li altrimenti huma jkollhom u jistgħu, f’ċertu każijiet, iwasslu għal sitwazzjoni li fiha l-partijiet huma mħarrka quddiem qorti li ma hijiex il-qorti tad-domiċilju ta’ ebda waħda minnhom (sentenzi tal-10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler, C‑115/88, EU:C:1990:3, punt 9, kif ukoll tat-12 ta’ Mejju 2011, BVG, C‑144/10, EU:C:2011:300, punt 30).

33      L-għan tal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 huwa li jiġi żgurat li l-proċeduri li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni jew il-validità ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jiġu rriżervati għall-qrati li jkollhom konnessjoni materjali u ġuridika mar-reġistru, peress li dawn il-qrati jkunu l-iktar adatti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-każijiet li fihom il-validità tad-dritt, jew anki l-eżistenza stess tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni tiegħu, hija kkontestata (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tal-Artikolu 16(4) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punti 21 u 22).

34      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kawżi li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni fil-qasam tal-privattivi, li, meta l-proċeduri la jirrigwardaw il-validità tal-privattiva u lanqas jirrigwardaw l-eżistenza tad-depożitu jew tar-reġistrazzjoni tagħha, dawn ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ proċeduri “li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ patenti [privattivi]” u għaldaqstant ma jaqgħux taħt il-ġurisdizzjoni esklussiva tal-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-dritt ġie rreġistrat (sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punti 22 sa 25, kif ukoll tat-13 ta’ Lulju 2006, GAT, C‑4/03, EU:C:2006:457, punti 15 u 16).

35      Għaldaqstant proċeduri li jirrigwardaw biss il-kwistjoni ta’ min huwa l-proprjetarju tad-dritt għall-privattiva ma jaqgħux taħt din il-ġurisdizzjoni esklussiva (sentenza tal-15 ta’ Novembru 1983, Duijnstee, 288/82, EU:C:1983:326, punt 26).

36      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 26 sa 29 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni tista’ tiġi trasposta għal kawża dwar trade mark, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li la tirrigwarda l-validità u lanqas tirrigwarda r-reġistrazzjoni tat-trade mark, iżda tirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk persuna li isimha ġie rreġistrat bħala l-proprjetarja għandhiex tassew din il-kwalità.

37      Fil-fatt, proċeduri li ma jinvolvu ebda kontestazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark fiha nnifisha jew tal-validità tagħha ma humiex koperti la mill-kliem proċeduri “li għandhom x’jaqsmu mar-reġistrazzjoni jew validità ta’ […] trade marks” li jinsab fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 u lanqas mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li l-kwistjoni dwar taħt liema patrimonju personali jaqa’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, bħala regola ġenerali, ma għandhiex konnessjoni materjali jew ġuridika mal-post tar-reġistrazzjoni ta’ dan id-dritt.

38      Dan jidher li huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, hekk jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-proċeduri jirrigwardaw il-proprjetà tat-trade mark Nru 361604 sussegwentement għall-mewt ta’ H. Knipping, fatt li jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk din it-trade mark kinitx tifforma parti mill-patrimonju tiegħu fil-mument ta’ mewtu.

39      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li proċeduri, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwardaw biss il-kwistjoni dwar min għandu jitqies bħala l-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni ma jaqgħux taħt l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001.

40      Din l-interpretazzjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tinkludi ċertu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-proprjetarju ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali jitlob it-trasferiment favurih tar-reġistrazzjoni inizjalment imwettqa f’isem persuna oħra.

41      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi, b’mod partikolari, għal-leġiżlazzjoni dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea u tenfasizza li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 207/2009 jagħti b’mod partikolari lill-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar talba mill-proprjetarju ta’ trade mark sabiex tiġi ttrasferita favurih ir-reġistrazzjoni tat-trade mark imwettqa minn aġent jew minn rappreżentant. Madankollu, filwaqt li din id-dispożizzjoni speċifikament tirrigwarda r-relazzjonijiet eżistenti bejn aġent jew rappreżentant u l-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, ma jidhirx li l-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirrigwarda trade mark tal-Benelux, jirrigwarda tali relazzjonijiet.

42      Fir-rigward ukoll tal-fatt, imsemmi wkoll fid-deċiżjoni tar-rinviju, li, fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, it-trade mark tal-Benelux hija kkaratterizzata minn ċertu speċifikazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-kawża li wasslet għas-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2016, Brite Strike Technologies (C‑230/15, EU:C:2016:560), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ir-relazzjoni bejn ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4.6 tal-KBPI u dik prevista fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001, il-każ fil-kawża prinċipali la jirrigwarda r-reġistrazzjoni jew il-validità tat-trade mark tal-Benelux inkwistjoni u lanqas jirrigwarda ksur eventwali tagħha, u barra minn hekk it-talba ta’ Hanssen, skont l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja, ma hijiex ibbażata fuq xi dispożizzjoni sostantiva tal-KBPI. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ispeċifikazzjonijiet tal-KBPI dwar il-ġurisdizzjoni ma humiex rilevanti għall-każ fil-kawża prinċipali.

43      Fid-dawl ta’ dan kollu li jippreċedi, hemm lok li r-risposta għad-domanda preliminari tkun li l-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma japplikax għall-proċeduri intiżi li jiġi ddeterminat jekk persuna ġietx irreġistrata b’mod ġust bħala l-proprjetarja ta’ trade mark.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 22(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma japplikax għall-proċeduri intiżi li jiġi ddeterminat jekk persuna ġietx irreġistrata b’mod ġust bħala l-proprjetarja ta’ trade mark.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.