Language of document : ECLI:EU:T:2017:694

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Miżuri diretti kontra persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kontra persuni u entitajiet assoċjati – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u organi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi – Żamma tal-elenkar ta’ isem ir-rikorrent – Bażi fattwali insuffiċjenti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Żball ta’ liġi – Dritt għall-proprjetà – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Talba għal adattament – Att konfermattiv – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T-175/15,

Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk, residenti f’Tuneż (it-Tuneżija), irrappreżentat minn J.-R. Farthouat, J.-P. Mignard, N. Boulay, avukati, u S. Crosby, solicitor,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Elera-San Miguel Hurtado u G. Étienne, sussegwentement minn A. de Elera-San Miguel Hurtado, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/157, tat-30 ta’ Jannar 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2015, L 26, p. 29), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2015 li tiċħad it-talba tar-rikorrent tad-29 ta’ Mejju 2015 sabiex ismu jiġi rtirat mil-lista annessa mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, tal-31 ta’ Jannar 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011, L 28, p. 62), u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/119, tat-28 ta’ Jannar 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72 (ĠU 2016, L 23, p. 65), sa fejn tikkonċerna lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, I. Labucka u I. Ulloa Rubio, Imħallfin,

Reġistratur: L. Grzegorczyk, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest fattwali

1        Fil-31 ta’ Jannar 2011, wara l-avvenimenti politiċi li seħħew fit-Tuneżija matul ix-xhur ta’ Diċembru 2010 u Jannar 2011, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2011/72/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija (ĠU 2011, L 28, p. 62).

2        Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2011/72 jindikaw:

“(1)      Fil-31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill afferma mill-ġdid is-solidarjetà ma’ u l-appoġġ għat-Tuneżija u l-poplu tagħha fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu demokrazija stabbli, l-istat tad-dritt, pluraliżmu demokratiku u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

(2)      Barra minn hekk, il-Kunsill iddeċieda li jadotta miżuri restrittivi kontra persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Tuneżin u li b’hekk qed icaħħdu l-poplu Tuneżin mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jxekklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.”

3        L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2011/72 jipprevedi:

“1.      Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Tuneżin, u persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.      L-ebda fond jew riżors ekonomiku m’għandu jsiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’ persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi elenkati fl-Anness.”

4        L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2011/72 jipprevedi:

“1.      Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista li tinsab fl-Anness.

2.      Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u b’hekk tali persuna jew entità jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.      Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità skont il-każ.”

5        L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 jipprevedi:

“L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar ta’ persuni u entitajiet.”

6        L-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/72, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perijodu ta’ 12-il xahar. Għandha tinżamm taħt reviżjoni kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.”

7        Fil-lista inizjalment annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, kienu jidhru biss isem s-Sur Zine el Abidine Ben Hamda Ben Ali, ex President tar-Repubblika tat-Tuneżija, u dak ta’ martu, is-Sinjura Leïla Bent Mohammed Trabelsi.

8        Fl-4 ta’ Frar 2011, abbażi tal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 u tal-Artikolu 31(2) TUE, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/79/PESK, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/72/PESK (ĠU 2011, L 31, p. 40). L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni kien jipprevedi li l-Anness tad-Deċiżjoni 2011/72 kellu jiġi ssostitwit bit-test li kien jidher fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implementazzjoni. Dan l-anness kien isemmi isem 48 persuna fiżika li fosthom kien hemm, b’mod partikolari, fl-ewwel u fit-tieni linja, isem iż-żewġ persuni msemmija fil-punt 7 iktar ’il fuq u, fit-tmienja u għoxrin linja, isem ir-rikorrent, is-Sur Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk. Dejjem fil-linja tmienja u għoxrin ta’ dan l-anness, kien indikat, fil-kolonna intitolata “Informazzjoni identifikattiva”: “Tuneżin, twieled Tuneż, fil-11 ta’ Marzu 1972, iben Jaouida El BEJI, miżżewweġ lil Sirine BEN ALI, CEO ta’ kumpannija, jirresjedi 8 rue du Commandant Béjaoui - Carthage - Tuneż, detentur ta’ CNI Nru 04766495” u, fil-kolonna intitolata “Raġunijiet”: “Il-persuna hija soġġetta għal investigazzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini fir-rigward tal-kisba ta’ proprjetà immobbli u mobbli, il-ftuħ ta’ kontijiet bankarji u ż-żamma ta’ assi f’diversi pajjiżi bħala parti minn operazzjonijiet ta’ ħasil tal-flus”.

9        L-elenkar inizjali ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendat bid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/79, ġie suċċessivament imġedded bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/50/PESK, tas-27 ta’ Jannar 2012 (ĠU 2012, L 27, p. 11), bid-Deċiżjoni 2013/72/PESK tal-Kunsill, tal-31 ta’ Jannar 2013 (ĠU 2013, L 32, p. 20), u bid-Deċiżjoni 2014/49/PESK tal-Kunsill, tat-30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 28, p. 38).

10      Wara s-sentenzi tat-28 ta’ Mejju 2013, Trabelsi et vs Il-Kunsill (T‑187/11, EU:T:2013:273), tat-28 ta’ Mejju 2013, Chiboub vs Il-Kunsill (T‑188/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:274), u tat-28 ta’ Mejju 2013, Al Matri vs Il-Kunsill (T‑200/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:275), il-Kunsill biddel ir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem il-persuni msemmija fil-lista li tidher fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/79. F’dak li jirrigwarda r-rikorrent, ir-raġunijiet għall-elenkar ta’ ismu ġew emendati bid-Deċiżjoni 2014/49 kif ġej: “Persuna li hija soġġetta għal investigazzjonijiet ġudizzjarji mill-awtoritajiet Tuneżini għal kompliċità f’misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika, kompliċità fl-abbuż mill-kariga minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jagħti vantaġġ mhux ġustifikat lil persuna terza u jikkawża ħsara lill-amministrazzjoni, u kompliċità fl-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq detentur ta’ pożizzjoni pubblika bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra.”

11      Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill informa lir-rikorrent li kien beħsiebu jerġa jġedded il-miżuri restrittivi diretti kontrih. Ma din l-ittra huwa annetta dikjarazzjoni tad-19 ta’ Diċembru 2014, ipprovduta mill-awtoritajiet Tuneżini u li kienet tirrigwarda proċedura ġudizzjarja pendenti fit-Tuneżija fil-konfront tar-rikorrent. Permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u talab lill-Kunsill ineħħi ismu mil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/49, għar-raġunijiet esposti fl-imsemmija ittra.

12      Fit-30 ta’ Jannar 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/157, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72 (ĠU 2015, L 26, p. 29). L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li t-test tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2011/72 għandu jiġi ssostitwit bit-test li ġej: “Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Jannar 2016. Hija għandha tinżamm taħt kontroll regolari. Tista’ tiġġedded jew tiġi emendata, skont il-każ, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu”. Isem ir-rikorrent kif ukoll ir-raġunijiet għall-elenkar rilevanti nżammu fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/49.

13      Il-Kunsill irrisponda għall-osservazzjonijiet tar-rikorrent tal-15 ta’ Jannar 2015 permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Frar 2015. Essenzjalment, huwa qies li, għar-raġunijiet imsemmija f’dik l-ittra, il-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tar-rikorrent kellhom jibqgħu fis-seħħ u mal-imsemmija ittra annetta kopja tad-Deċiżjoni 2015/157. Madankollu, huwa indika li, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent fir-rigward tal-istat tal-investigazzjoni ġudizzjarja li kienet pendenti u li tagħha huwa kien is-suġġett fit-Tuneżija, huwa kien ser iwettaq eżami ġdid ta’ dawn il-miżuri restrittivi qabel il-31 ta’ Lulju 2015.

14      Ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet fit-18 ta’ Frar, fid-29 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Settembru 2015. Il-Kunsill irrisponda għall dawn l-osservazzjonijiet permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Novembru 2015. Fl-ewwel lok, il-Kunsill ċaħad it-talba ta’ aċċess għall-fajl li jirrigwarda r-rikorrent, mressqa minn dan tal-aħħar fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Frar 2015, billi indika li d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 11 iktar ’il fuq kienet tikkostitwixxi l-bażi li fuqha huwa kien iddeċieda li jġedded il-miżuri diretti kontra r-rikorrent u li huwa ma kellux dokumenti oħra. Fit-tieni lok, il-Kunsill indika li mal-ittra tiegħu huwa kien qed jannetti siltiet minn żewġ dokumenti bid-data tal-11 ta’ Mejju 2015, provenjenti mill-awtoritajiet Tuneżini u li kienu jirrigwardaw il-proċeduri ġudizzjarji diretti kontra r-rikorrent. Fit-tielet lok, wara li rrisponda l-argumenti li dan tal-aħħar għamel fl-osservazzjonijiet tiegħu tad-29 ta’ Mejju 2015 u wara li ċaħad it-talba għas-smigħ tiegħu, il-Kunsill indika li l-miżuri restrittivi adottati kontrih kellhom jinżammu.

15      Fit-30 ta’ Novembru 2015, ir-rikorrent reġa ppreżenta osservazzjonijiet li ngħataw risposta mill-Kunsill permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Diċembru 2015. Il-Kunsill indika, fl-għeluq ta’ din l-ittra, li kien beħsiebu jġedded il-miżuri restrittivi diretti kontra r-rikorrent u li jemenda r-raġunijiet għall-elenkar ta’ ismu kif ġej: “Persuna li hija soġġetta għal investigazzjonijiet ġudizzjarji mill-awtoritajiet Tuneżini għal kompliċità f’misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika, kompliċità fl-abbuż mill-kariga minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jagħti vantaġġ mhux ġustifikat lil persuna terza u jikkawża ħsara lill-amministrazzjoni, u fl-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq detentur ta’ pożizzjoni pubblika bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra.” Fil-5 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent ippreżenta osservazzjonijiet ġodda b’risposta għall-din l-ittra.

16      Fit-28 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/119, li temenda d-Deċiżjoni 2011/72 (ĠU 2016, L 23, p. 65), li ġġedded, abbażi tal-Artikolu 1(1) tagħha, id-Deċiżjoni 2011/72 sal-31 ta’ Jannar 2017. Abbażi tal-Artikolu 1(2) tagħha, l-anness ta’ din id-deċiżjoni jissostitwixxi l-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni 2011/72. Isem ir-rikorrent jidher fit-tmienja u għoxrin linja ta’ dan l-anness il-ġdid. Il-kliem tar-raġunijiet għall-elenkar korrispondenti huwa identiku għal dak li l-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti fl-ittra tiegħu tat-18 ta’ Diċembru 2015. Kif il-Kunsill indika lir-rikorrent fl-ittra tiegħu tad-29 ta’ Jannar 2016, din il-formulazzjoni l-ġdida hija bbażata fuq dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tal-20 ta’ Ottubru 2015, annessa mal-imsemmija ittra.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ April 2015, ir-rikorrent ressaq dan ir-rikors.

18      Fit-2 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill ippreżenta r-risposta.

19      Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati rispettivament fl-14 ta’ Settembru 2015 u fit-8 ta’ Jannar 2016.

20      Fil-25 ta’ Jannar 2016, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ippreżenta l-ewwel nota ta’ adattament intiża sabiex it-talbiet tar-rikors jiġu estiżi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba tar-rikorrent tad-29 ta’ Mejju 2015 sabiex ismu jitneħħa mil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72. Fl-4 ta’ April 2016, ir-rikorrent ippreżenta t-tieni nota ta’ adattament, fejn huwa jitlob li t-talbiet tar-rikors jiġu estiżi għad-Deċiżjoni 2016/119.

21      Fit-30 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill ippreżenta osservazzjonijiet dwar l-ewwel nota ta’ adattament u, fl-4 ta’ Mejju 2016, osservazzjonijiet dwar it-tieni nota ta’ adattament.

22      Wara bdil fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ottubru 2016, din il-kawża ġiet attribwita mill-ġdid lill-Ħames Awla.

23      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

24      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016.

25      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni 2015/157, sa fejn tirrigwardah, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba tar-rikorrent tad-29 ta’ Mejju 2015 sabiex ismu jitneħħa mil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, u d-Deċiżjoni 2016/119, sa fejn tirrigwardah;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

26      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 F’dak li jirrigwarda l-konklużjonijiet tar-rikors, intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni 2015/157

27      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent iqajjem formalment sitt motivi. Permezz tal-ewwel motiv ibbażat, essenzjalment, fuq żball ta’ liġi, ir-rikorrent isostni li l-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha huwa s-suġġett fit-Tuneżija ma tipprovdix bażi fattwali suffiċjenti għaż-żamma tal-elenkar ta’ ismu fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72. Dan l-ewwel motiv huwa kompost minn żewġ partijiet ibbażati, waħda, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-iżviluppi favorevoli tad-diversi proċeduri ġudizzjarji li jirrigwardaw lir-rikorrent fit-Tuneżija u, l-oħra, fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni minn din l-istituzzjoni tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja msemmija iktar ’il fuq. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), minħabba l-ksur, mill-Kunsill innifsu, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni. Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrent isostni li d-Deċiżjoni 2015/157 hija bla skop. L-ewwel parti ta’ dan il-motiv hija bbażata fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp tal-proċess demokratiku fit-Tuneżija u fir-rigward tan-neċessità ta’ miżuri restrittivi diretti kontra ċittadini ta’ dan il-pajjiż terz responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Sussidjarjament, ir-rikorrent jinvoka nuqqas ta’ motivazzjoni. It-tieni parti ta’ dan il-motiv hija bbażata fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kunsill qies li l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Tuneżini jistabbilixxu l-eżistenza ta’ azzjonijiet kontra r-rikorrent. Ir-raba’ motiv huwa kompost minn żewġ partijiet, ibbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-Artikolu 41(1) tiegħu. Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza minħabba stqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011. Permezz tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jinvoka ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari tad-dritt għal trattament imparzjali. Sussidjarjament, fil-każ fejn il-motivi msemmija iktar ’il fuq jiġu miċħuda, ir-rikorrent iqajjem il-ħames motiv, ibbażat fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni” fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti mill-Kunsill tal-“elementi [tad-]dritt kriminali” tad-Deċiżjoni 2015/157. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-Artikolu 17 tal-Karta.

28      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li t-tieni parti tat-tielet motiv, li tirrigwarda żball tal-Kunsill fl-evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti tal-provi prodotti mill-awtoritajiet Tuneżini, hija, fir-realtà, marbuta mal-ewwel motiv. Din għandha għalhekk titqies bħala li tifforma t-tielet parti ta’ dan tal-aħħar. Bl-istess mod, ir-raba’ motiv kollu kemm hu huwa marbut, fir-realtà, mat-tieni motiv sa fejn dan jirrigwarda diversi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li vvizzjaw il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157. Għalhekk, għandu jitqies li t-tieni motiv huwa kompost minn tliet partijiet, ibbażati fuq ksur mill-Kunsill rispettivament tal-Artikoli 47, 48 u 41(1) tal-Karta. Fl-aħħar nett, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-ħames u s-sitt motivi għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu rispettivament ir-raba’ u l-ħames motivi.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kunsill qies żbaljatament li l-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha r-rikorrenti huwa s-suġġett fit-Tuneżija kienet tikkostitwixxi bażi fattwali suffiċjenti

29      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157, l-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha huwa s-suġġett fit-Tuneżija ma setgħetx isservi iktar ta’ bażi għaż-żamma tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fir-rigward tiegħu. Fl-opinjoni tiegħu, din l-istituzzjoni wettqet żball ta’ liġi billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi li huwa kien għarrafha bihom f’dan ir-rigward. Hekk kif huwa jesponi fil-parti introduttiva ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jammetti li, abbażi tal-punti 77 u 84 tas-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), il-Kunsill għandu bażi sabiex jadotta miżuri restrittivi fil-qasam ta’ politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) minħabba l-fatt li teżisti proċedura ġudizzjarja pendenti għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Madankollu, huwa jqis li l-iżvilupp ta’ din il-proċedura ġudizzjarja u n-natura irregolari tiegħu huma rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità taż-żamma tal-miżuri inkwistjoni.

30      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill (T‑256/11, EU:T:2014:93), ikkonfermata fl-appell b’sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill (C‑220/14 P, EU:C:2015:147), adottat interpretazzjoni wiesa’ tal-kriterji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/172/PESK, tal-21 ta’ Marzu 2011, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu (ĠU 2011, L 76, p. 63) (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T‑256/11, EU:T:2014:93, punt 67, ikkonfermata fl-appell b’sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C‑220/14 P, EU:C:2015:147, punti 72, 77, 82 u 84).

31      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, f’diversi sentenzi relatati ma kawżi li bħala suġġett għandhom l-annullament tal-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, il-Qorti Ġenerali applikat l-istess prinċipju ta’ interpretazzjoni wiesa’ għall-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, li huwa fformulat b’mod kważi identiku għall-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/172 (sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T‑200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 114; tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T‑224/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:375, punt 91; tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 85, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill T-516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377, punt 71).

32      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, l-għan tagħha huwa l-iffriżar tal-assi ta’ persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin u ta’ persuni assoċjati magħhom, li isimhom jidher fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, dawn il-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi, billi jostakolaw il-funzjonament tal-istituzzjonijiet pubbliċi Tuneżin u tal-organi li jiddependu fuqhom, “iċaħħdu”, skont it-termini tal-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni, “l-poplu Tuneżin mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jxekklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż”.

33      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 2 tagħha, jirriżulta li l-iffriżar ta’ assi previst b’din id-deċiżjoni ma huwiex intiż li jissanzjona aġiri kundannabbli li allegatament twettqu mill-persuni kkonċernati, u lanqas sabiex jiddiswadihom, bil-kontra ta’ dan, milli jwettqu tali aġiri. L-uniku skop ta’ dan l-iffriżar ta’ assi huwa l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Tuneżini, tal-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li tiġi ppreżervata l-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-misapproprjazzjonijiet. Dan huwa, għal din ir-raġuni, ta’ natura purament kawtelatorja u ma għandu l-ebda konnotazzjoni kriminali (sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punti 81 u 82, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 62 u 64; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punti 77, 78 u 206).

34      B’mod partikolari, fid-dawl tal-għanijiet tad-Deċiżjoni 2011/72, il-kunċett ta’ persuni responsabbli għal misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tagħha għandu jinkludi mhux biss il-persuni li diġà ġew iġġudikati responsabbli għal tali fatti, iżda wkoll dawk li huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji pendenti intiżi li jistabbilixxu din ir-responsabbiltà (sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 124; tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T-224/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:375, punt 100; tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 86, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill T-516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377, punt 80).

35      Għalhekk, huwa abbażi ta’ din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, li barra minn hekk ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti (ara l-punt 29 iktar ’il fuq), li għandhom jiġu eżaminati d-diversi partijiet tal-ewwel motiv. Għandu wkoll jiġi enfasizzat li, minkejja ċerti varjazzjonijiet tat-terminoloġija fir-rikors, dan il-motiv għandu jitqies li jikkonċerna żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika tal-elementi li jiffurmaw il-bażi fattwali tal-miżuri restrittivi kontenzjużi u mhux in-nuqqas ta’ bażi legali ta’ dawn il-miżuri.

–       F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-iżviluppi favorevoli tad-diversi proċeduri ġudizzjarji fil-konfront tar-rikorrent fit-Tuneżija

36      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-iżviluppi ġudizzjarji favurih jagħmlu improbabbli l-fatt li huwa jiġi kkundannat matul proċess. Huwa jsostni dawn l-argumenti billi jinvoka tliet elementi. Fl-ewwel lok, huwa jibbaża ruħu fuq sentenza tal-qorti tal-kassazzjoni Tuneżina tal-1 ta’ Lulju 2014 li fiha ġie deċiż li l-assi li huwa wiret mingħand missieru, fis-sens tad-Digriet-Liġi Tuneżin Nru 2011-47, tal-31 ta’ Mejju 2011, jinkludu d-dħul li jirriżulta minn dawn l-assi kif ukoll l-investiment mill-ġdid tagħhom. Fl-opinjoni tiegħu, din is-sentenza tistabbilixxi l-legalità tal-assi Tuneżin tiegħu. Fit-tieni lok, huwa jinvoka tliet sentenzi tal-qrati Tuneżin, rispettivament tat-28 ta’ Mejju 2013, tal-21 ta’ Awwissu 2014 u tas-17 ta’ Diċembru 2014, li kienu neħħew il-projbizzjoni li joħroġ mit-Tuneżija li kienet imposta fuqu. Fit-tielet lok, huwa jsostni li huwa ma huwiex akkużat biż-żamma ta’ assi illeċiti barra mit-Tuneżija. Fir-replika, huwa jżid jgħid li l-Kunsill kellu l-obbligu li jiżgura ruħu li kienet teżisti probabbiltà raġonevoli ta’ proċess u, fin-nuqqas ta’ dan, li jirtira l-miżuri restrittivi kontenzjużi, u fin-nuqqas ta’ dan huwa jkun qed jipparteċipa fl-aġir abbużiv tal-awtoritajiet Tuneżini li jikkonsisti, fl-opinjoni tiegħu, fit-titwil indefinit tal-proċeduri ġudizzjarji fil-konfront tiegħu.

37      Fir-risposta, il-Kunsill jirrispondi, qabel kollox, li s-sentenza tal-Qorti tal-kassazzjoni Tuneżina tal-1 ta’ Lulju 2014 ma tistabbilixxix, bil-kontra ta’ dak li jallega r-rikorrent, li l-assi kollha tiegħu fit-Tuneżija huma legali. Wara dan, il-Kunsill jiddikjara li l-argumenti tar-rikorrent dwar, minn naħa, it-tneħħija tal-projbizzjonijiet ta’ vjaġġar barra mill-pajjiż li kienu imposti fuqu u, min-naħa l-oħra, dwar l-assenza ta’ rabta bejn l-akkużi li tagħhom huwa s-suġġett u l-assi li huwa għandu barra mit-Tuneżija huma irrilevanti. Għalhekk, skont il-Kunsill, ir-rikorrent jassimila, żbaljatament, il-miżuri restrittivi kontenzjużi għal miżuri ta’ għajnuna legali.

38      F’dan ir-rigward, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 33 u 34 iktar ’il fuq, l-argumenti tar-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-parti jistgħu biss jiġu miċħuda.

39      Fil-fatt, f’dan il-każ il-Kunsill huwa obbligat li jivverifika biss, minn naħa, li l-provi li huwa għandu jippermettu li jiġi stabbilit li r-rikorrent huwa s-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja jew ta’ diversi proċeduri ġudizzjarji pendenti għal fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li din jew dawn il-proċeduri jippermettu li r-rikorrent jiġi kkwalifikat bħala persuna responsabbli għal tali misapproprjazzjoni jew bħala persuna assoċjata ma tali responsabbli, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 156, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 65).

40      Għalhekk, fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/72, bħala prinċipju, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jeżamina u jevalwa huwa nnifsu r-rilevanza u l-eżattezza tal-elementi li fuqhom huma msejsa l-proċeduri ġudizzjarji li tagħhom huma s-suġġett il-persuni li isimhom ġie elenkat fl-anness ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 33 iktar ’il fuq, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u ta’ deċiżjonijiet sussegwenti, il-Kunsill ma jipprovax jissanzjona huwa nnifsu l-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi li qed jiġu investigati mill-awtoritajiet Tuneżini, iżda jipprova jippreżerva l-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet jikkonstataw l-imsemmija misapproprjazzjonijiet u li jirkupraw il-prodott. Għalhekk, huma l-awtoritajiet Tuneżini kompetenti li għandhom jivverifikaw l-imsemmija elementi u li jisiltu l-konsegwenzi xierqa minn dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill,T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 158, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 66). Għalhekk, bħala prinċipju l-Kunsill u l-Qorti Ġenerali ma humiex obbligati li jivverifikaw il-fondatezza ta’ tali proċeduri, iżda biss il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Tuneżini (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015, Ezz et vs Il-Kunsill, C-220/14 P, EU:C:2015:147, punt 77).

41      Ċertament, il-Kunsill ma jistax jendorsja, fiċ-ċirkustanzi kollha, il-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini li jidhru fid-dokumenti prodotti minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, mil-ġurisprudenza jirriżulta li huwa għandu jeżamina b’reqqa u imparzjalità l-provi prodotti quddiemu mill-awtoritajiet kompetenti, f’dan il-każ l-awtoritajiet Tuneżini, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi skaġunanti ppreżentati mir-rikorrent. Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punti 99 u 114; tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punti 158 u 159, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 58 u 67).

42      Madankollu, minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jeħles mid-dmir tiegħu ta’ eżami bir-reqqa u imparzjali, il-Kunsill huwa obbligat li jevalwa jekk huwiex meħtieġ jew le li jikseb il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi addizzjonali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent u tal-punti ta’ fatt ippreżentati minnu. B’mod partikolari, għalkemm il-kunsill ma għandux jissostitwixxi ruħu għall-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha r-rikorrenti huwa s-suġġett, ma jistax jiġi eskluż li din l-istituzzjoni tkun obbligata titlob kjarifiki fir-rigward tal-elementi li fuqhom hija bbażata din l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 115, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 68).

43      F’dan il-każ, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 11 iktar ’il fuq, il-Kunsill, sabiex iġedded l-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, ibbaża ruħu fuq dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini, tad-19 ta’ Diċembru 2014, dwar l-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti fir-rigward tar-rikorrent. Din id-dikjarazzjoni, li hija annessa mar-rikors, toriġina mill-qorti tal-Prim’Istanza ta’ Tuneż u hija ffirmata mir-Reġistratur tal-ewwel maġistrat li qed imexxi l-kompilazzjoni (uffiċċju Nru 1). Fiha hemm iddikjarat li “l-proċedura ta’ kompilazzjoni bir-Referenza Nru 19592/1, fil-konfront ta’ Zine El Abidine Ben Haj Hamda Ben Haj Hassen Ben Ali u l-konjuġi tiegħu, hija fil-fażi ta’ kompilazzjoni u tikkonċerna l-imsemmi Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk, investigat b’mod partikolari għal [k]ompliċità fil-misapproprjazzjoni minn uffiċjal pubbliku ta’ oġġetti pubbliċi, [k]ompliċità fl-abbuż mill-kariga minn uffiċjal pubbliku biex jagħti vantaġġ mhux ġustifikat lil persuna terza u jikkawża ħsara lill-amministrazzjoni [u k]ompliċità fl-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq uffiċjal pubbliku bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra”.

44      Ir-rikorrent ma jikkontestax li din id-dikjarazzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li hu huwa s-suġġett, fit-Tuneżija, ta’ investigazzjoni ġudizzjarja pendenti intiża sabiex jiġi ddeterminat l-involviment tiegħu f’fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, l-elementi skaġunanti prodotti mir-rikorrent huma intiżi biss, kif indika huwa nnifsu, li jistabbilixxu li fir-rigward tiegħu ma teżistix probabbiltà raġonevoli ta’ proċess wara din l-investigazzjoni. Fi kliem ieħor, ir-rikorrent donnu jqis li din tal-aħħar tixhed favur dgħjufija tal-elementi inkriminanti prodotti kontrih, jekk mhux saħansitra li din ixxejjinhom kompletament. Min-naħa l-oħra, huwa bl-ebda mod ma jsostni li għandu elementi li jipprovaw li l-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini għalqu l-imsemmija investigazzjoni minħabba li ma kienx hemm lok li jitressqu azzjonijiet kontrih għall-fatti li kienu s-suġġett tal-investigazzjoni.

45      Issa, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, ladarba din l-investigazzjoni ġudizzjarja ma ngħalqitx, l-eżistenza ta’ żviluppi ġudizzjarji li jindikaw dgħjufija tal-elementi inkriminanti kontrih, anki jekk titqies li hija stabbilita, ma tistax tobbliga lill-Kunsill, hekk kif isir jaf b’dawn l-elementi, jirtira ismu mil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72.

46      Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 40 iktar ’il fuq, huma l-awtoritajiet Tuneżini kompetenti, u mhux il-Kunsill, li għandhom jivverifikaw l-elementi li fuqhom hija bbażata l-imsemmija investigazzjoni ġudizzjarja u li minn dan jisiltu l-konsegwenzi meħtieġa f’dak li jirrigwarda s-segwitu li għandu jingħata. Fil-każ kuntrarju, jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet fejn il-Kunsill ikun obbligat li jasal għal konklużjonijiet prematuri fir-rigward tal-fondatezza tal-imsemmija investigazzjoni u li jistgħu jkunu differenti minn dawk li għalihom jaslu l-awtoritajiet Tuneżini nnifishom. Ir-riżultat paradossali ta’ tali sitwazzjoni jista’ jkun li, meta l-persuna kkonċernata tiġi ġġudikata u, jekk ikun il-każ, misjuba responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn dawn l-awtoritajiet, ma jkunx hemm iktar iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni Ewropea li jippermetti li jiġi rkuprat il-prodott tal-misapproprjazzjonijiet li huwa akkużat bihom. L-effettività tad-Deċiżjoni 2011/72 ma tkunx, evidentement, żgurata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punt 124, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 86).

47      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, għalkemm hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, f’każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tar-raġunijiet invokati kontra l-persuna kkonċernata, u mhux għal din tal-aħħar li tipproduċi l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija raġunijiet, għandu, sabiex tiġi evalwata n-natura, il-mod u l-intensità tal-prova li tista’ tintalab mingħand il-Kunsill, tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata speċifika tal-miżuri restrittivi kif ukoll tal-għan tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121; tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punti 74 sa 85, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 50 u 74).

48      F’dan il-każ, peress li l-Kunsill ipproduċa provi tal-eżistenza ta’ investigazzjoni ġudizzjarja pendenti fil-konfront tar-rikorrent u peress li l-affidabbiltà tagħhom ma hijiex ikkontestata, huwa r-rikorrenti li għandu jindika l-elementi konkreti li huwa qed jinvoka sabiex jikkonfuta l-fondatezza ta’ din l-investigazzjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 74). Ċertament, kif indika r-rikorrent fir-replika, l-obbligu tal-Kunsill li jwettaq verifiki jista’ jkun iġġustifikat min-neċessità, għall-Kunsill, li jevita li jikkollabora f’eventwali aġiri abbużivi min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini li jikkonsistu f’li jħallu l-imsemmija investigazzjoni miftuħa b’mod indefinit fl-assenza ta’ kull element inkriminanti kontrih. Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ fl-assenza ta’ elementi konkreti li jistgħu jqanqlu, fi ħdan il-Kunsill, mistoqsijiet leġittimi dwar ir-raġunijiet għall-assenza ta’ għeluq ta’ din l-investigazzjoni.

49      Issa, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, l-elementi skaġunanti li huwa jipproduċi ma humiex ta’ natura li jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar il-possibbiltà ta’ ġudizzju wara l-investigazzjoni ġudizzjarja li tagħha huwa s-suġġett jew dwar ir-raġunijiet għall-assenza ta’ għeluq ta’ din l-investigazzjoni.

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrent ma pproduċa l-ebda element li jippermetti li wieħed jifhem b’liema mod is-sentenza tal-Qorti tal-kassazzjoni Tuneżina tal-1 ta’ Lulju 2014 jista’ jkollha xi effett fuq l-evalwazzjoni tal-involviment tiegħu fir-reati kriminali li huma s-suġġett tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti fir-rigward tiegħu.

51      F’dan ir-rigward, skont l-indikazzjonijiet tal-avukat tar-rikorrent fit-Tuneżija li jinsabu fl-ittra tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2014, annessa mar-rikors, il-qorti tal-kassazzjoni Tuneżina, fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Lulju 2014, qieset li l-assi li joriġinaw mis-suċċessjoni u li ġew esklużi, għal din ir-raġuni, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-konfiska tal-assi prevista mid-Digriet-Liġi Nru 2011-47 fil-31 ta’ Mejju 2011 jinkludu mhux biss l-assi li ġew ittrasferiti permezz tas-suċċessjoni, iżda wkoll id-dħul minn dawn l-assi u l-profitt miksub mill-investiment mill-ġdid tagħhom fil-forom kollha tiegħu. Fl-ittra msemmija iktar il-fuq, l-avukat tar-rikorrent fit-Tuneżija jiddeduċi, minn din is-sentenza, li “l-applikazzjoni [tagħha] għandha twassal sabiex l-assi kollha [tar-rikorrent] jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-digriet-liġi ta konfiska, peress li dawn l-assi joriġinaw jew direttament mis-suċċessjoni ta’ missieru, [jew] mill-investiment mill-ġdid tal-assi li joriġinaw mis-suċċessjoni u d-dħul minnhom”.

52      Issa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tas-sentenza tal-qorti tal-kassazzjoni Tuneżina tal-1 ta’ Lulju 2014 bl-ebda mod ma jippermettu, waħedhom, li jiġi eskluż li fl-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti, li tagħha r-rikorrent huwa s-suġġett, jiġi deċiż li huwa responsabbli f’fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin.

53      Fil-fatt, minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jista’ jiġi dedott biss li d-dħul tal-assi tar-rikorrent li ġew ittrasferiti lilu permezz ta’ suċċessjoni u l-prodott tal-investiment mill-ġdid tagħhom ma jistgħux ikunu s-suġġett tal-konfiska prevista fid-Digriet-Liġi Nru 2011-47 tal-31 ta’ Mejju 2011. Min-naħa l-oħra, minnhom ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni fir-rigward tar-riżultat tal-investigazzjoni ġudizzjarja inkwistjoni. Għalhekk, anki jekk titqies stabbilita, l-allegazzjoni tar-rikorrent li tgħid li huwa jista’ jamministra liberament l-assi tiegħu fit-Tuneżija wara l-imsemmija sentenza bl-ebda mod ma taffettwa l-eżitu ta’ din l-investigazzjoni, li, fid-dawl tal-fatti li jikkostitwixxu s-suġġett tagħha, tista’ tikkonfuta l-legalità tal-pussess mir-rikorrent ta’ wħud mill-assi tiegħu.

54      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma kienx f’pożizzjoni li jiċċara r-relazzjoni bejn, minn naħa, l-imsemmi digriet u l-proċedura ċivili li fil-kuntest tagħha ngħatat is-sentenza tal-qorti tal-kassazzjoni Tuneżina tal-1 ta’ Lulju 2014 u, min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni ġudizzjarja inkwistjoni. Għalhekk, mistoqsi f’dan ir-rigward matul is-seduta, huwa llimita ruħu li jikkonferma li d-Digriet-Liġi Nru 2011-47 tal-31 ta’ Mejju 2011 kien japplika, minbarra fil-konfront tiegħu, għal ċertu numru ta’ persuni kkonċernati minn investigazzjonijiet ġudizzjarji analogi u li kien possibbli li l-kawża li fiha kienet ingħatat dik is-sentenza, li kienet tirrigwardah, kienet tirrigwarda wkoll uħud minn dawn il-persuni. Issa, il-fatt li, b’mod parallel għall-investigazzjonijiet ġudizzjarji li tagħhom huma s-suġġett ir-rikorrent u persuni oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri amministrattivi ta’ konfiska ta’ assi meħuda kontrihom mill-awtoritajiet Tuneżini kien ġie limitat permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti tal-kassazzjoni Tuneżina ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar il-fondatezza ta’ dawn l-investigazzjonijiet ġudizzjarji.

55      Fit-tieni lok, it-tneħħija tal-projbizzjonijiet ta’ ħruġ mit-Tuneżija li għalihom kien suġġett ir-rikorrent, wara tliet sentenzi tal-qrati Tuneżini tat-28 ta’ Mejju 2013, tal-21 ta’ Awwissu 2014 u tas-17 ta’ Diċembru 2014, lanqas ma jidher li hija ta’ natura li tqanqal tali mistoqsijiet. Fil-fatt, kemm mid-dikjarazzjonijiet tar-rikorrent kif ukoll mill-atti tal-proċess jirriżulta li s-sentenzi inkwistjoni ngħataw fil-kuntest ta’ kawżi separati mill-proċedura kriminali li tat lok għal din l-investigazzjoni, li, fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157, kienet għadha pendenti. Ir-rikorrent, barra minn hekk, bl-ebda mod ma jsostni li dawn is-sentenzi ngħataw f’kawżi li għandhom xi rabta kwalsiasi ma din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li, wara l-imsemmija sentenzi, ir-rikorrent huwa allegatament ħieles li joħroġ mit-Tuneżija hija, anki jekk titqies stabbilita, effettivament irrilevanti.

56      Huwa minnu li t-tneħħija tal-projbizzjoni ta’ ħruġ mit-territorju Tuneżin, mogħtija fl-ewwel waħda mis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, hija r-riżultat, hekk kif jirriżulta mill-atti tal-proċess, tal-liberazzjoni tar-rikorrent mogħtija f’dik l-istess deċiżjoni, f’kawża fejn ir-rikorrent kien tressaq quddiem il-qorti inkwistjoni għal fatti ta’ natura paragunabbli għal dawk li huma s-suġġett tal-investigazzjoni ġudizzjarja inkwistjoni. Madankollu, la huwa stabbilit u lanqas biss ma huwa allegat li l-liberazzjoni tar-rikorrent f’dik il-kawża għandha l-effett li twassal għal-liberazzjoni fil-kawża li hija s-suġġett tal-investigazzjoni inkwistjoni jew li tikkostitwixxi element skaġunanti fil-kawża msemmija l-aħħar.

57      Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrent li jgħid li huwa ma huwiex “akkużat” biż-żamma ta’ assi illeċiti barra mit-Tuneżija, għandu jitfakkar li l-fatt li l-investigazzjoni ġudizzjarja inkwistjoni tirrigwarda fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jikkostitwixxi bażi fattwali suffiċjenti sabiex ikun iġġustifikat l-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 33 iktar ’il fuq, l-uniku skop ta’ din il-miżura huwa li tiffaċilita l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Tuneżini, tal-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li tiġi ppreżervata l-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-misapproprjazzjonijiet. Għalhekk, l-iskop tagħha ma huwiex li tippermetti l-konstatazzjoni ta’ reat ta’ żamma ta’ assi illeċiti barra mit-Tuneżija, u b’mod iktar speċifiku fl-Unjoni. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-fatti kkonċernati minn din l-investigazzjoni, b’mod partikolari l-fatti ta’ kompliċità fil-misapproprjazzjoni minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika ta’ fondi pubbliċi, għandhom rabta diretta u evidenti mal-kunċett ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72. Konsegwentement, hija irrilevanti ċ-ċirkustanza li d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tad-19 ta’ Diċembru 2014, li fuqha jibbaża ruħu l-Kunsill, u, konsegwentement, ir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent ma jikkonċernawx fatti ta’ żamma ta’ assi illeċiti barra mit-Tuneżija, u b’mod partikolari fl-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 116).

58      Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tista’ biss tiġi miċħuda.

–       F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontra r-rikorrent

59      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li l-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha huwa s-suġġett fit-Tuneżija ma tosservax il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni. Huwa jenfasizza, f’dan ir-rigward, li dan il-prinċipju huwa sanċit fl-Artikolu 7(1)(d) tal-Karta Afrikana tad-drittijiet tal-bniedem u tal-popli, adottata fis-27 ta’ Ġunju 1981, f’Najrobi (il-Kenja) (iktar ’il quddiem il-“Karta Afrikana”), li ġiet irratifikata mir-Repubblika tat-Tuneżija. Sussegwentement, huwa jsostni li, f’dan il-każ, din l-investigazzjoni ilha għaddejja għal iktar minn erba’ snin mingħajr l-ebda ħjiel fir-rigward tar-riżultat tagħha. Huwa jkompli jesponi li dan id-dewmien huwa imputabbli biss għall-awtoritajiet Tuneżini. Fl-aħħar nett, huwa jgħalaq billi jindika li, fid-dawl tat-tul ta’ din l-investigazzjoni u tal-iżviluppi li seħħew favurih, ma hemmx ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ għeluq tagħha. Dawn l-argumenti huma kkonfermati bis-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta’ Mejju 2012, Masar vs Is-Slovakkja (CE:ECHR:2012:0503JUD006688209). Fir-replika, ir-rikorrent jispeċifika, essenzjalment, li l-kontroll li, fl-opinjoni tiegħu, il-Kunsill għandu jeżerċita fuq ir-regolarità tal-proċedura ġudizzjarja fit-Tuneżija għandu jwassal għat-tneħħija ta’ ismu mil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72 minħabba t-titwil ta’ din il-proċedura lil hinn minn terminu raġonevoli.

60      Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jargumenta li huwa ma huwiex obbligat li jevalwa l-aġir tal-Istati terzi, iżda biss li jevalwa n-natura rilevanti u suffiċjenti tal-provi prodotti mill-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati. Fl-opinjoni tiegħu, huwa abbażi ta’ dawn il-prinċipji, li ġew indikati lir-rikorrent fl-ittra li huwa bgħatlu fl-4 ta’ Frar 2015, li huwa kien qed jieħu nota tal-argumenti tiegħu u li kien ser jerġa jeżamina s-sitwazzjoni tiegħu qabel ix-xahar ta’ Lulju 2015. Fil-kontroreplika, il-Kunsill ikompli jesponi li huwa għandu elementi li juru li l-proċedura ġudizzjarja fit-Tuneżija li tagħha r-rikorrent huwa s-suġġett hija pendenti u li t-termini ta’ din il-proċedura huma raġonevoli fid-dawl tal-kumplessità tal-kawżi kollha kkonċernati. Mal-kontroreplika huwa jannetti d-dokumenti fejn hemm esposti dawn l-elementi.

61      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita l-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, C-398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il-Kunsill, T-577/12, mhux ippubblikata, EU:T:2015:596, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, l-ilmenti li r-rikorrent jagħmel fil-kuntest ta’ din il-parti ma jistgħux jiġu eżaminati fid-dawl ta’ elementi sussegwenti għad-Deċiżjoni 2015/157. Issa, dan huwa l-każ fir-rigward tal-ittra tal-4 ta’ Frar 2015 mibgħuta mill-Kunsill lir-rikorrent kif ukoll, iktar u iktar, fir-rigward tal-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent li l-Kunsill, f’din l-ittra, impenja ruħu li jwettaq iktar ’il quddiem. Bl-istess mod, id-dokumenti annessi mal-kontroreplika li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu biex juri li t-tul tal-proċedura ġudizzjarja li tagħha r-rikorrent huwa s-suġġett fit-Tuneżija huwa raġonevoli ġew stabbiliti mill-awtoritajiet Tuneżini fil-11 ta’ Mejju 2015. Konsegwentement, dawn id-dokumenti ma kinux magħrufa mill-Kunsill fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157 u ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali.

62      Fuq il-mertu, fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li, sa fejn il-proċedura ġudizzjarja li tagħha huwa s-suġġett ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni u hija, għal din ir-raġuni, illegali, il-Kunsill ma setgħax iżomm l-elenkar ta’ ismu fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72 abbażi ta’ din il-proċedura. Konsegwentement, fil-kuntest ta’ din il-parti, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-ivverifikar ta’ jekk il-Kunsill qiesx, ġustament, li t-tul ta’ din il-proċedura ġudizzjarja ma kienx jikkostitwixxi raġuni għat-temma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent.

63      F’dan ir-rigward, għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fil-punt 46 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li huma l-qrati Tuneżini li għandhom jiddeċiedu fuq eventwali ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li tagħha r-rikorrent huwa s-suġġett. B’mod partikolari, kif ir-rikorrent innifsu jindika, ir-Repubblika tat-Tuneżija hija parti għall-Karta Afrikana u l-Artikolu 7(1)(d) ta’ din il-konvenzjoni internazzjonali jistipula d-dritt li persuna tiġi ġġudikata f’terminu raġonevoli minn qorti imparzjali. Konsegwentement, huma l-qrati Tuneżini, li jkunu eventwalment aditi b’rikors tar-rikorrent, li għandhom jiddeterminaw jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ġewx osservati fil-kuntest tal-imsemmija proċedura ġudizzjarja. Mill-kumplament, la l-Unjoni u lanqas l-Istati Membri ma huma parti għall-Karta Afrikana, b’tali mod li l-Kunsill u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux jinterpretaw din il-konvenzjoni internazzjonali jew japplikawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Air Transport Association of America et, C-366/10, EU:C:2011:864, punti 52 u 62).

64      Huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza, l-osservanza tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tad-dinjità umana għandhom jiggwidaw kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-PESK, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), tal-Artikolu 21(2)(b) u(3) TUE u tal-Artikolu 23 TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2016, Il-Parlement vs Il-Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, punt 47). B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 21(1) TUE jipprevedi li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja, b’mod partikolari, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tad-dritt internazzjonali. Issa, il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni huwa parti mid-dritt għal smigħ xieraq li huwa mħares mid-dispożizzjonijiet ta’ diversi strumenti tad-dritt internazzjonali ġuridikament vinkolanti, b’mod partikolari bl-Artikolu 14(3)(ċ) tal-Ftehim Internazzjonali fuq id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-16 ta’ Diċembru 1966, li għalih huma parti l-Istati Membri kollha u r-Repubblika tat-Tuneżija. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tad-Deċiżjoni 2011/72, din id-deċiżjoni u d-deċiżjonijiet sussegwenti ġew adottati fil-kuntest ta’ politika ta’ sostenn tat-Tuneżija bbażata, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet ta’ promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt imsemmija fl-Artikolu 21(2)(b) TUE.

65      Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li, meta jkun hemm elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti li jistgħu jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett tad-dritt tar-rikorrent għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontrih u li sservi bħala l-bażi għall-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni, il-Kunsill iwettaq il-verifiki neċessarji.

66      Madankollu, din il-parti tal-ewwel motiv hija msejsa fuq il-postulat li, fid-dawl tat-tul eċċessiv tal-imsemmija investigazzjoni ġudizzjarja, li kellha, skont ir-rikorrent, diġà tiġi magħluqa, u għalhekk fid-dawl tan-natura illegali ta’ din l-investigazzjoni, il-Kunsill kien obbligat li jtemm immedjatament l-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni. Issa, dan il-postulat ma jistax jiġi milqugħ.

67      Fil-fatt, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li la huwa stabbilit u lanqas biss ma huwa allegat li, abbażi tad-dritt Tuneżin, il-konsegwenza tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest ta’ proċedura kriminali għandha tkun l-għeluq jew l-annullament ta’ din il-proċedura.

68      Barra minn hekk, ir-rikorrent jagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-applikazzjoni fi proċeduri kriminali tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni sanċit fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Ċertament, din il-ġurisprudenza tikkostitwixxi element ta’ paragun rilevanti f’dan il-każ, peress li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB jipproteġi l-imsemmi prinċipju b’mod analogu għall-Artikolu 14(3)(ċ) tal-Ftehim Internazzjonali fuq id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u għall-Artikolu 7(1)(d) tal-Karta Afrikana. Madankollu, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li, fil-kuntest ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem minn dan il-prinċipju ma ddeduċietx li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom l-obbligu li jtemmu proċedura kriminali li tkun ta’ tul eċċessiv (ara, f’dan is-sens, Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 28 ta’ Ġunju 2016, O’Neill u Lauchlan vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2016:0628JUD004151610, punt 87).

69      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, anki fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-KEDB, li jissuġġetta ż-żamma taħt arrest provviżorju jew preventiv ta’ persuna għall-kundizzjoni li jkun hemm sentenza f’terminu raġonevoli, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma tqisx li l-ksur ta’ dan ir-rekwiżit għandu jagħti lok għall-għeluq tal-investigazzjoni ġudizzjarja inkwistjoni. Ċertament, hija tqis li t-trattament tal-kawża tal-persuna inkwistjoni għandha tkun, f’dak il-każ, is-suġġett ta’ ħeffa partikolari. Madankollu, hija tqis ukoll li l-ħeffa partikolari li għaliha għandu dritt akkużat detenut fl-eżaminazzjoni tal-każ tiegħu ma għandiex tkun ta’ ħsara għall-isforzi tal-qrati biex jaqdu l-funzjoni tagħhom bir-reqqa mixtieqa (Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 11 ta’ Diċembru 2007, Pecheur vs Il-Lussemburgu, CE:ECHR:2007:1211JUD001630802, punt 62, u tal-5 ta’ Novembru 2009, Shabani vs l-Isvizzera, CE:ECHR:2009:1105JUD002904406, punt 65).

70      Konsegwentement, xejn ma jippermetti li jitqies li l-eventwali ksur tad-dritt tar-rikorrent għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja kontrih fit-Tuneżija għandu jwassal għall-għeluq jew għall-annullament ta’ din il-proċedura.

71      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rispett tad-dritt għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, kif sanċit fid-dritt internazzjonali, għandu jiġi eżaminat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li jeħtieġu evalwazzjoni globali, abbażi b’mod partikolari tal-kriterji relatati mal-kumplessità tal-kawża, mal-aġir tar-rikorrent u mal-aġir tal-awtoritajiet kompetenti (ara Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, 28 ta’ Ġunju 2016, O’Neill u Lauchlan vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:2016:0628JUD004151610, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata). Prinċipji analogi jiggwidaw l-eżami, fil-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni, tar-rispett tad-dritt għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, kif sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni, C-58/12 P, EU:C:2013:770, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72      Issa, anki jekk jitqies li huwa jista’ jwettaq tali evalwazzjoni globali fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Kunsill ikollu neċessarjament, biex jagħmel dan, jitlob informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni mingħand l-awtoritajiet Tuneżini. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 43 sa 45 iktar ’il fuq, biex iżomm l-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172, il-Kunsill huwa obbligat biss, f’dan il-każ, li jiġbor provi tal-eżistenza ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti kontra r-rikorrent għal fatti kwalifikabbli bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Issa, fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 71 iktar ’il fuq, tali provi ma jistgħux, evidentement, ikunu suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ eventwali ksur, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tad-dritt tar-rikorrent għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-elementi prodotti mir-rikorrent kienu ta’ natura li jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett ta’ dan id-dritt, dawn ma setgħux, f’kull każ, ikunu suffiċjenti għall-Kunsill sabiex jikkonkludi li kien jeżisti ksur tal-imsemmi dritt.

73      Għalhekk, il-Kunsill ma setgħax ikun obbligat li jtemm l-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72 mingħajr ma jwettaq verifiki xierqa mal-awtoritajiet Tuneżini.

74      B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li kien fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2015 li r-rikorrent ipproduċa quddiem il-Kunsill l-elementi li huwa jinvoka, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, biex isostni li d-dritt tiegħu għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ġie miksur mill-awtoritajiet Tuneżini. Issa, abbażi tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/49, it-tiġdid tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent u li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni kien jiskadi fil-31 ta’ Jannar 2015. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2015/157 daħlet fis-seħħ fl-istess ġurnata. Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-imsemmija elementi kienu ta’ natura li jiġġustifikaw, min-naħa tal-Kunsill, verifiki mal-awtoritajiet Tuneżini, din l-istituzzjoni ma setgħetx tkun mistennija li twettaq dawn il-verifiki u tislet il-konsegwenzi minnhom fit-terminu li hija kellha qabel l-iskadenza tal-effetti tad-Deċiżjoni 2014/49 fir-rigward tar-rikorrent u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida analoga, li kien biss ta’ ġimagħtejn.

75      Għalhekk, minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent ma huwiex iġġustifikat li jsostni li l-Kunsill kien obbligat, abbażi biss ta’ dawn l-elementi, li jtemm l-elenkar ta’ ismu fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/172.

76      F’kull każ, dawn l-elementi ma kinux ta’ natura li jqanqlu mistoqsijiet leġittimi, min-naħa tal-Kunsill, li jiġġustifikaw li huwa jwettaq verifiki addizzjonali mal-awtoritajiet Tuneżini.

77      Fil-fatt, it-tul tal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni, li huwa, skont ir-rikorrent, ta’ erba’ snin, ma huwiex, prima facie, ta’ natura manifestament eċċessiva, peress li inkwistjoni hemm, f’dan il-każ, kif jirriżulta mid-dokumenti annessi mar-rikors, investigazzjoni li tirrigwarda fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, li hija relatata ma proċeduri ġudizzjarji relatati oħra li jinvolvu diversi persuni oħra u jeħtieġu investigazzjonijiet barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, l-eżempju ċċitat mir-rikorrent insostenn tal-argument tiegħu, dwar it-trattament, mill-awtoritajiet Tuneżini, tat-talba tiegħu intiża sabiex il-kawża tiegħu tiġi sseparata minn dik li tirrigwarda persuni oħra, ma jistax jikkostitwixxi, waħdu, indizju sinjifikattiv tat-tul eċċessiv tal-proċedura ta’ investigazzjoni ġudizzjarja fl-intier tagħha. Għandu jingħad ukoll li, fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2015, ir-rikorrent jindika li l-kwalifikazzjoni tal-fatti li fuqhom kienu qed jinvestigaw l-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini fir-rigward tiegħu ġiet mibdula matul il-proċedura ta’ investigazzjoni. Tali ċirkustanza tista’ tikkostitwixxi element kuntestwali addizzjonali ta’ natura li jispjega t-tul ta’ din il-proċedura. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, ma jidhirx li d-diversi żviluppi ġudizzjarji favurih, li huwa jinvoka fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, jistgħu jiġġustifikaw, għar-raġunijiet indikati fil-punti 49 sa 58 iktar ’il fuq, l-għeluq ta’ din il-proċedura.

78      Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-3 ta’ Mejju 2012, Masar vs Is-Slovakkja (CE:ECHR:2012:0503JUD006688209), li għaliha jagħmel riferiment ir-rikorrent insostenn ta’ din il-parti, ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq. Fil-fatt, din il-kawża tirrigwarda proċedura kriminali fir-rigward ta’ fatti li ma għandhom ebda analoġija ma dawk ikkonċernati mill-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontra r-rikorrent fit-Tuneżija. Għalhekk ma huwiex sinjifikattiv il-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset, f’dik is-sentenza, li t-tul tal-proċedura kriminali inkwistjoni, li kien paragunabbli għal dak tal-imsemmija investigazzjoni, ma kienx konformi mal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni sanċit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB. L-istess raġunament huwa applikabbli għas-sentenzi ta’ din l-istess qorti ċċitati mir-rikorrent matul is-seduta.

79      Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel motiv tista’ biss tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi tal-Kunsill sa fejn dan tal-aħħar qies żbaljatament l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Tuneżini li kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ azzjonijiet diretti kontra r-rikorrent

80      Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill qies, żbaljatament, li d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tad-19 ta’ Diċembru 2014 kienet tistabbilixxi l-eżistenza ta’ azzjonijiet fit-Tuneżija kontrih, filwaqt li din id-dikjarazzjoni ssemmi biss investigazzjoni pendenti. Għalhekk, din id-dikjarazzjoni ma tipprovdix bażi fattwali suffiċjenti għad-Deċiżjoni 2015/157.

81      Dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud.

82      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-argumenti tar-rikorrent jirrigwarda l-ittra tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2015, li fiha dan tal-aħħar jindika li d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tad-19 ta’ Diċembru 2014 tikkonferma li r-rikorrent huwa investigat għal kompliċità f’misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin abbażi tal-Artikoli 32, 87, 96 u 99 tal-kodiċi kriminali Tuneżin. Issa, minn naħa, dan huwa dokument sussegwenti għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157. Min-naħa l-oħra, ir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni 2014/49 u mġedda bid-Deċiżjoni 2015/157, ma jsemmux l-eżistenza ta’ azzjonijiet diretti kontra r-rikorrent, iżda biss l-eżistenza ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji kontrih. Iż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2015/157 għalhekk ma hijiex imsejsa fuq il-fatt li r-rikorrent huwa investigat għall-fatti indikati fl-imsemmija raġunijiet għall-elenkar.

83      Fit-tieni lok, kif ġie mfakkar fil-punt 34 iktar ’il fuq u kif ir-rikorrent innifsu jammetti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, l-eżistenza ta’ proċeduri ġudizzjarji pendenti għal fatti ta’ misapproprjazzjoni pubblika, li fuqhom huma msejsa l-imsemmija raġunijiet ta’ elenkar, kienet tikkostitwixxi, bħala prinċipju, bażi suffiċjenti għall-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki fil-każ fejn il-Kunsill qies żbaljatament li d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tad-19 ta’ Diċembru 2014 kienet tippermetti li jiġi stabbilit li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ azzjonijiet ġudizzjarji, dan l-żball ma għandu jipproduċi l-ebda effett.

84      F’kull każ, għandu jiġi osservat li l-imsemmija dikjarazzjoni, li r-rikorrent innifsu annetta mar-rikors, issemmi l-eżistenza ta’ azzjonijiet diretti kontra r-rikorrent. Fil-fatt, it-test ta’ din id-dikjarazzjoni, miktuba bil-Franċiż, jidika li “l-proċedura ta’ kompilazzjoni bir-Referenza Nru 19592/1 […] hija fil-fażi ta’ kompilazzjoni u tikkonċerna l-imsemmi Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk, investigat b’mod partikolari għal [k]ompliċità fil-misapproprjazzjoni minn uffiċjal pubbliku ta’ oġġetti pubbliċi, [k]ompliċità fl-abbuż mill-kariga minn uffiċjal pubbliku biex jagħti vantaġġ mhux ġustifikat lil persuna terza u jikkawża ħsara lill-amministrazzjoni [u k]ompliċità fl-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq uffiċjal pubbliku bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra”. Konsegwentement, il-premessa fattwali li fuqha din il-parti tal-ewwel motiv hija msejsa hija żbaljata.

85      Għalhekk, it-tielet parti tal-ewwel motiv kif ukoll, konsegwentement, l-ewwel motiv kollu kemm hu jistgħu biss jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq diversi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li bihom hija vvizzjata l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba nuqqas ta’ osservanza, mill-Kunsill innifsu, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni

86      Insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli f’dan il-każ minħabba li l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill kontrih ġew adottati b’rabta ma proċedura ġudizzjarja. Sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, huwa jagħmel riferiment għall-argument tiegħu espost fil-kuntest tal-ewwel motiv. L-obbligu tal-Kunsill li josserva l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta, huwa kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fir-replika, ir-rikorrent jirribatti, b’risposta għall-argumenti tal-Kunsill, li f’dan il-każ huwa irrilevanti li l-Kunsill ma aġixxiex fil-kuntest ta’ kompetenzi ġudizzjarji. Lanqas ma huwa rilevanti, barra minn hekk, li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid tal-Kunsill kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, peress li l-Kunsill ma huwiex qorti imparzjali u indipendenti.

87      Min-naħa tiegħu, il-Kunsill isostni, fir-risposta, li, f’dan il-każ, huwa ma aġixxiex fil-kuntest tal-eżistenza ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, sa fejn dawn il-funzjonijiet huma rriżervati, fil-kuntest tas-sistema istituzzjonali tal-Unjoni, għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li miżuri bħall-miżuri restrittivi kontenzjużi ma kinux ta’ natura ġudizzjarja. Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li, anki jekk jitqies li l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli fil-konfront tiegħu, it-tul tal-proċedura quddiem din l-istituzzjoni ma kisirx ir-rekwiżit ta’ terminu raġonevoli, sa fejn dan kien ippreċedut, kull sena, minn eżami mill-ġdid tal-kwistjoni ta’ jekk kienx hemm lok li isem ir-rikorrent jinżamm fuq il-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72.

88      Għandu, qabel kollox, jiġi osservat li l-argumenti tar-rikorrent fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jistgħux jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta.

89      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont kliem l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Barra minn hekk, għandu jitfakkar ukoll li, abbażi tal-Artikolu 51(1) tagħha l-Karta tindirizza l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni kif ukoll lill-Istati Membri biss meta dawn tal-aħħar jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-kompetenzi tal-Unjoni u ma tistabbilixxi ebda setgħa jew kompitu ġdid għall-Unjoni, u ma timmodifikax il-kompetenzi u l-kompiti definiti fit-Trattati.

90      Issa, fid-dawl tal-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jirrigwardaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva biss fi proċeduri fejn inkwistjoni jkun hemm id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C-182/15, EU:C:2016:630, punt 52).

91      Għalhekk, f’dan il-każ, l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli fis-sens li jiggarantixxi lir-rikorrent li l-iffriżar ta’ assi kontenzjużi ser ikun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-Qorti Ġenerali, li jimplika, b’mod partikolari, il-verifika ta’ jekk id-deċiżjoni ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri għandiex bażi fattwali suffiċjentement solida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119). Għaldaqstant, abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija l-Qorti Ġenerali li għandha l-obbligu ta’ verifika u mhux il-Kunsill.

92      Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta ma humiex applikabbli għad-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li tagħha huwa s-suġġett fit-Tuneżija, li huwa pajjiż terz. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent hija bbażata fuq din il-proċedura ġudizzjarja ma jistax ikollu l-effett li jiġġustifika stħarriġ tal-legalità tagħha fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, din id-deċiżjoni toriġina minn istituzzjoni tal-Unjoni li ma hijiex awtorizzata mit-Trattati sabiex teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni, adottata barra minn hekk fil-kuntest tal-PESK, ma hijiex ta’ natura ġudizzjarja, sa fejn l-għan tagħha la huwa li tiddeċiedi rikors u lanqas li taqta’ kawża (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-24 ta’ Marzu 2011, Bengtsson, C-344/09, EU:C:2011:174, punti 22 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-punti 178 sa 184 u 188 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-385/07 P, EU:C:2009:456), iċċitata mir-rikorrent insostenn ta’ din il-parti. Fil-fatt, minn dawn il-punti, b’mod partikolari mill-punt 188, jirriżulta b’mod ċar li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tapplika l-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni, previst fl-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għat-trattament ta’ rikors ġudizzjarju mill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-proċedura segwita quddiem dik il-qorti, u ma estendietx din l-applikazzjoni għal istituzzjonijiet tal-Unjoni li ma għandhomx kompetenzi ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Der Grüne Punkt – Duales System Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-385/07 P, EU:C:2009:456, punti 178 sa 184 u 188 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Ċertament, għandu jiġi osservat li l-Kunsill huwa obbligat li jittratta l-kwistjonijiet tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi li huwa adotta f’terminu raġonevoli, abbażi tal-Artikolu 41(1) tal-Karta, li jissanċixxi d-dritt ta’ kull persuna għal amministrazzjoni tajba.

95      Madankollu, anki jekk jitqies, minkejja l-argumenti tar-rikorrent, li din il-parti tista’ tiġi interpretata bħala li tirrigwarda l-ksur mill-Kunsill tal-Artikolu 41(1) tal-Karta, mill-elementi esposti fil-punti 62 sa 78 iktar ’il fuq jirriżulta li din għandha tiġi, f’kull każ, miċħuda għaliex infondata.

96      Fil-fatt, minn naħa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 66 sa 75 iktar ’il fuq, anki fil-każ fejn dawn l-elementi kellhom jitqiesu li jiġġustifikaw li l-Kunsill iwettaq verifiki mal-awtoritajiet Tuneżini fir-rigward tal-istat tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontra r-rikorrent, l-imsemmija elementi ma setgħax ikollhom il-konsegwenza li jobbligawh itemm l-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punti 76 sa 78 iktar ’il fuq, l-elementi prodotti mir-rikorrent qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157 ma kinux ta’ natura li jqanqlu mistoqsijiet leġittimi fir-rigward tar-rispett tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet Tuneżini. Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, għall-istess raġunijiet, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat talli, bil-kontra ta’ dak li jallega r-rikorrent, ma informax lill-awtoritajiet Tuneżini dwar il-limiti għat-tul tal-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni u bil-ħtieġa ta’ investigazzjoni ġudizzjarja mħaffa.

97      Issa, hekk kif jirriżulta mill-istess kliem tar-rikors u tar-replika, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill biss talli kiser id-dritt tiegħu għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni billi ma adottax il-miżuri li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu biex jevita li t-tul tal-proċedura ġudizzjarja kontrih fit-Tuneżija ma jeċċedix tul raġonevoli.

98      Għalhekk, sa fejn mill-elementi prodotti mir-rikorrent quddiem il-Kunsill ma jirriżultax li t-tul ta’ din il-proċedura ġudizzjarja huwa vvizzjat b’tali irregolarità, din tal-aħħar lanqas ma tista’ tivvizzja t-tul tal-iffriżar tal-assi tar-rikorrent fl-Unjoni.

99      Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jallegax li pproduċa quddiem il-Kunsill, qabel l-ittra tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2015, elementi li kienu jiġġustifikaw li din l-istituzzjoni tibda’ proċeduri mal-awtoritajiet Tuneżini sabiex tiżgura ruħha mir-rispett tad-dritt tiegħu għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontrih. Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jikkritika lill-Kunsill talli wera, f’dan ir-rigward, nuqqas ta’ diliġenza fir-rigward tal-perijodu ta’ qabel l-ittra tal-15 ta’ Jannar 2015.

100    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li l-ewwel parti tat-tieni motiv tista’ biss tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, minħabba stqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011

101    Insostenn tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011 tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza sa fejn din tħeġġeġ lill-pubbliku jemmen li l-persuni li f’din l-stqarrija għall-istampa huma indikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi huma ħatja. Fil-punt 126 tar-rikors, huwa jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha “tiddikjara li din id-dikjarazzjoni tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 48 tal-Karta”. Fir-replika, bi tweġiba għall-argumenti li l-Kunsill għamel fir-risposta, huwa jesponi li l-fatt li din l-istqarrija għall-istampa tikkostitwixxi dokument separat mid-Deċiżjoni 2015/157 ma jikkonfutax l-eżistenza ta’ ksur, “anki jekk il-konstatazzjoni ġudizzjarja titwettaq separatament”. Bl-istess mod, l-assenza ta’ rikors għal annullament kontra l-imsemmija stqarrija għall-istampa ma jbiddilx l-effett ta’ din tal-aħħar. Fl-aħħar nett, huwa irrilevanti l-fatt li l-istqarrija għall-istampa inkwistjoni ħarġet erba’ snin qabel l-imsemmija deċiżjoni, sa fejn din tal-aħħar tipprevedi ż-żamma tal-miżuri restrittivi adottati fl-istess ġurnata tal-ħruġ tal-istqarrija għall-istampa inkwistjoni. Ir-rikorrent ikompli jesponi li l-imsemmi ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza jista’ jikkomprometti ż-żamma ta’ smigħ xieraq fit-Tuneżija, sa fejn dan jista’ jinfluwenza l-aġir tal-awtoritajiet Tuneżini fir-rigward tiegħu.

102    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill isostni, fir-risposta, li, billi adotta d-Deċiżjoni 2015/157, huwa ma ddikjarax huwa nnifsu li r-rikorrent huwa ħati ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u ma ppreġudikax l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti fit-Tuneżija. Huwa jkompli jgħid li l-istqarrija għall-istampa li hija s-suġġett tal-ilment tar-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-parti hija separata mill-imsemmija deċiżjoni u ma hijiex is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huwa jkompli jesponi li, f’kull każ, in-natura ġuridika tal-imsemmi stqarrija għall-istampa hija differenti minn dik tal-imsemmija deċiżjoni u li l-legalità tagħhom għandha tiġi eżaminata separatament. Fil-kontroreplika, huwa jsostni, essenzjalment, li, meta eżaminata fil-kuntest globali ta’ din l-istqarrija għall-istampa, is-sentenza ċċitata mir-rikorrent insostenn ta’ dan l-ilment ma tistax titqies bħala li tikser il-preżunzjoni tal-innoċenza.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dokument li fuqu hija bbażata din il-parti tat-tieni motiv, li huwa anness mar-rikors, huwa stqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011 (5881/1/2011 REV 1), fejn il-Kunsill għamel disponibbli għall-pubbliku l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-istess ġurnata. L-ewwel paġna ta’ dan id-dokument tinkludi kaxxa li t-tieni paragrafu tagħha fih id-dikjarazzjoni li ġejja:

“Il-Kunsill iddiskuta wkoll l-avvenimenti fit-Tuneżija u adotta konklużjonijiet li jiddikjaraw li l-UE tinsab lesta li tappoġġa t-transizzjoni demokratika, b’mod partikolari t-tħejjija tal-elezzjonijiet. Huwa adotta wkoll miżuri restrittivi li jiffriżaw l-assi ta’ persuni li jkunu serqu fondi pubbliċi Tuneżini.”

104    Barra minn hekk, fil-punt 6 tal-paġna 8 tal-istqarrija għall-istampa msemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq, il-Kunsill jindika li, “[huwa] adotta, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet Tuneżini, miżuri restrittivi kontra persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.”

105    Huma dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet li r-rikorrenti jqis li huma vvizzjati bi ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet, ir-rikorrent iqis li din hija redatta b’tali mod li tagħti l-impressjoni li l-persuni inkwistjoni diġà ġew ikkundannati għal misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi. F’dak li jirrigwarda t-tieni waħda, ir-rikorrent, filwaqt li ammetta li l-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li tali dikjarazzjonijiet ma jippreġudikawx l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punt 83), jikkritika, essenzjalment, lill-Kunsill talli ta lill-espressjoni “persuni responsabbli għal misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi” karattru “assolut”, meta ma speċifikax li kien qed jibbaża ruħu fuq proċeduri fejn ir-responsabbiltà kriminali ta’ dawn il-persuni kienet għadha ma ġietx ikkonstatata.

106    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, ir-rikorrent speċifika li t-talba mressqa fil-punt 126 tar-rikors, kienet intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ż-żewġ dikjarazzjonijiet inkwistjoni kienu kisru l-preżunzjoni tal-innoċenza, ma kinitx tikkostitwixxi talba separata minn dik intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2015/157, iżda kellha tiġi interpretata bħala mressqa insostenn ta’ din it-talba tal-aħħar. Minn dan għandu neċessarjament jiġi dedott li r-rikorrent iqis li l-allegat ksur tad-dritt tiegħu għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza, minħabba l-effett ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, huwa ta’ natura li jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni 2015/157.

107    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif essenzjalment isostni l-Kunsill, l-istqarrija għall-istampa kontenzjuża tikkostitwixxi att separat mid-Deċiżjoni 2011/72 u mid-Deċiżjoni 2015/157 u li l-għan tagħha huwa biss li tinforma lill-pubbliku fuq il-kontenut tal-ewwel waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet. Barra minn hekk, dan ma huwiex att imwettaq fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni ta’ waħda jew oħra minn dawn id-deċiżjonijiet. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma jikkontestax li dawn id-deċiżjonijiet ma jiksrux, minnhom infushom, il-preżunzjoni tal-innoċenza fir-rigward tiegħu. Konsegwentement, huwa ma jistax utilment jinvoka allegat ksur ta’ din il-preżunzjoni tal-innoċenza minħabba d-dikjarazzjonijiet li jidhru fl-istqarrija għall-istampa kontenzjuża biex jikkontesta l-legalità tad-Deċiżjoni 2015/157 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, EU:T:2006:103, punti 413 u 423). Għaldaqstant din il-parti tat-tieni motiv hija ineffettiva.

108    F’kull każ, din il-parti tat-tieni motiv hija msejsa fuq qari letterali taż-żewġ dikjarazzjonijiet iċċitati fil-punti 103 u 104 iktar ’il fuq li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-kuntest li jiffurmaw parti minnu.

109    Fil-fatt, il-qari tal-kontenut tal-istqarrija għall-istampa inkwistjoni jikkonferma li, kif indikat fit-titolu tagħha, l-uniku għan tagħha huwa li tinforma lill-pubbliku bil-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-31 ta’ Jannar 2011, b’mod partikolari bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/72.

110    Konsegwentement, iż-żewġ dikjarazzjonijiet inkwistjoni għandhom jiġu interpretati b’riferiment għall-kontenut tad-Deċiżjoni 2011/72. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li huma ffriżati l-assi tal-persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin u tal-persuni jew entitajiet fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati magħhom. Madankollu, kif ġie espost fil-punt 34 iktar ’il fuq, il-kunċett ta’ “persuni responsabbli għal misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, ma għandux jinkludi biss il-persuni diġà misjuba responsabbli għal tali fatti, iżda wkoll dawk li huma s-suġġett ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji pendenti intiżi li jistabbilixxu r-responsabbiltà tagħhom.

111    Barra minn hekk, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ukoll jiġu interpretati b’riferiment għar-raġunijiet ta’ elenkar ta’ isem il-persuni li jinsab fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72. Issa, f’dak li jirrigwarda r-rikorrent, dawn ir-raġunijiet jsemmu espliċitament, sa mill-ewwel elenkar ta’ ismu fl-imsemmija lista, li huwa s-suġġett ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji relatati ma fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

112    Għalhekk, ir-rikorrent kien żbaljat meta ddikjara li dawn id-dikjarazzjonijiet iħeġġu li wieħed jemmen fil-ħtija tal-persuni li isimhom jidher fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, peress li l-kontenut tagħhom jagħmel riferiment għal dak tal-imsemmija deċiżjoni u peress li din tal-aħħar, hekk kif għadu kif ġie osservat, ma tikkonċernax lir-rikorrent inkwantu persuna diġà misjuba responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin, iżda inkwantu persuna li hija s-suġġett ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji relatati ma tali misapproprjazzjonijiet. Għall-istess raġunijiet, dawn id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux jitqiesu li huma ta’ natura li jinfluwenzaw lill-awtoritajiet Tuneżini kompetenti, u lanqas ta’ natura li jippreġudikaw l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti kompetenti. Għalhekk, dawn ma jistgħux, f’kull każ, jitqiesu bħala li jikkostitwixxu ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza.

113    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari għal trattament imparzjali f’dak kollu li jirrigwardah, abbażi tal-Artikolu 41(1) tal-Karta

114    Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq sensiela ta’ ċirkustanzi li juru, fl-opinjoni tiegħu, li huwa ma kienx is-suġġett ta’ trattament imparzjali min-naħa tal-Kunsill. Fl-ewwel lok, fil-kuntest tad-“dikjarazzjoni pubblika inizjali” tiegħu, il-Kunsill kien iddikjara li l-persuni kollha li isimhom kien ġie elenkat fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72 kienu ħatja ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi “mingħajr ebda karattarizzazzjoni ta’ kwalunkwe tip”. Fit-tieni lok, ir-raġunijiet attwali għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent f’din il-lista ma jinvolvux iktar “dimensjoni fuq skala tal-Unjoni”, u dan kellu jwassal għall-irtirar tal-iffriżar tal-assi inkwistjoni. Fit-tielet lok, il-Kunsill, b’risposta għall-elementi skaġunanti prodotti mir-rikorrent, irrifjuta żbaljatament li jivverifika l-materjalità tal-fatti allegati. Ir-raba’ nett, id-Deċiżjoni 2015/157 ġiet adottata minkejja n-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini li wassal għal erba’ snin ta’ proċedura. Fil-ħames lok, il-Kunsill adotta din id-deċiżjoni billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi li jistabbilixxu treġġiegħ lura għad-demokrazija fit-Tuneżija. Fl-aħħar nett, fis-sitt u l-aħħar lok, il-Kunsill adotta din id-deċiżjoni mingħajr ma vverifika, b’mod partikolari, l-oġġezzjoni li tgħid li dan l-att jikser id-dritt tar-rikorrent għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni.

115    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jikkontesta kull wieħed minn dawn l-argumenti u jindika, b’mod ġenerali, li n-nuqqas ta’ qbil tal-Kunsill mar-rikorrent fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li dan tal-aħħar invoka bħala elementi skaġunanti ma jistax jiġi meqjus bħala nuqqas ta’ imparzjalità min-naħa tiegħu.

116    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill għandu l-obbligu li josserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta, li miegħu huwa marbut, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti għandha li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li, insostenn ta’ din il-parti tat-tieni motiv, ir-rikorrent jirriproduċi, essenzjalment, id-diversi lmenti li huwa espona fil-kuntest tal-ewwel u tat-tielet motiv kif ukoll f’partijiet oħra tat-tieni motiv. Issa, għar-raġunijiet esposti fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn il-motivi u ta’ dawn il-partijiet, dawn l-ilmenti jistgħu biss jiġu miċħuda.

118    Fl-ewwel lok, anki jekk jitqies li, bl-espressjoni “dikjarazzjoni pubblika inizjali”, ir-rikorrent għandu f’moħħu l-istqarrija għall-istampa li tagħha huwa qed jikkontesta l-legalità fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, mill-punti 107 sa 112 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrent dwar l-allegat ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza minħabba din l-istqarrija għall-istampa jistgħu biss jiġu miċħuda.

119    Fit-tieni lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 39 u 57 iktar ’il fuq, il-fatt li r-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72 ma jagħmlux riferiment għal fatti li seħħew fl-Unjoni huwa irrilevanti, peress li dawn ir-raġunijiet jagħmlu riferiment għal-investigazzjoni ġudizzjarja dwar fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

120    Fit-tielet lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 49 sa 57 iktar ’il fuq, l-elementi skaġunanti prodotti mir-rikorrent u intiżi, b’mod partikolari, li jistabbilixxu l-assenza ta’ possibbiltà ta’ proċess fir-rigward tiegħu ma jobbligawx lill-Kunsill iwettaq verifiki addizzjonali fuq l-istat tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tagħha huwa s-suġġett fit-Tuneżija.

121    Fir-raba’ lok, għar-raġunijiet invokati fil-punti 63 sa 78 iktar ’il fuq, l-elementi prodotti mir-rikorrent bil-għan li jistabbilixxi l-ksur tad-dritt tiegħu għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet Tuneżini ma setgħux jiġġustifikaw it-temma tal-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni.

122    Fil-ħames lok, għar-raġunijiet esposti fil-punti 127 sa 134 iktar ’il quddiem, fil-kuntest tat-tielet motiv, il-Kunsill ma wettaq ebda żball meta żamm fis-seħħ il-miżuri restrittivi kontenzjużi minkejja l-iżviluppi tal-proċess demokratiku fit-Tuneżija. Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet esposti fil-punti 88 sa 96 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv, is-sitt argument ibbażat fuq in-nuqqas ta’ osservanza mill-Kunsill innifsu tad-dritt tar-rikorrent għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni jista’ biss jiġi miċħud.

123    Konsegwentement, minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ imparzjalità. Għalhekk, din il-parti u, konsegwentement, it-tieni motiv kollu kemm hu għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ għan tad-Deċiżjoni 2015/157, fid-dawl tal-iżviluppi tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni fit-Tuneżija

124    Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrent isemmi li l-Kunsill wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-iżvilupp tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni fit-Tuneżija u n-neċessità ta’ miżuri restrittivi diretti kontra ċittadini tal-Istat Tuneżin responsabbli għal misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin. Minn naħa, fl-opinjoni tiegħu, sa mill-31 ta’ Jannar 2011, ċertu numru ta’ avvenimenti ta’ natura ġudizzjarja, kostituzzjonali u elettorali jixhdu favur l-ilħuq tal-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija. Issa, billi żamm fis-seħħ il-miżuri restrittivi kontenzjużi fid-dawl tas-“sitwazzjoni fit-Tuneżija”, skont it-termini tad-Deċiżjoni 2011/72, il-Kunsill ma evalwax b’mod korrett in-natura ta’ dawn l-iżviluppi jew, minn tal-inqas, naqas milli jeħodhom inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent iqis li, jekk jitqies li l-Kunsill kien qies li t-tranżizzjoni lejn id-demokrazija kienet twettqet fit-Tuneżija, dan ma jkunx iktar jista’ jibbaża ruħu fuq għan ta’ protezzjoni tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni biex jiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi inkwistjoni. Sussidjarjament, huwa jsostni li, billi ma esponiex ir-raġunijiet li għalihom, minkejja l-iżviluppi fil-proċess demokratiku fit-Tuneżija, il-miżuri restrittivi kontenzjużi kienu ġew miżmuma, il-Kunsill ivvizzja d-Deċiżjoni 2015/157 b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

125    Fir-risposta, il-Kunsill jirribatti li l-argumenti tar-rikorrent huma msejsa fuq il-postulat żbaljat li jgħid li l-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija ntlaħaq. Issa, huwa josserva li, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2015, huwa qies li dan il-proċess kien għadu qed jiżvolġi fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157.

126    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-rikorrent ma jinvokax b’mod espliċitu l-Artikolu 277 TFUE, dan il-motiv għandu jiġi interpretat bħala li huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, kif estiża bid-Deċiżjoni 2015/157. Fil-fatt, l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-kuntest ta’ dan il-motiv ma jirrigwardawx iż-żamma tal-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, bħala tali, iżda ż-żamma, b’mod ġenerali, tal-iffriżar tal-assi tal-persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin u kontra persuni assoċjati, deċiż fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punt 31). Għalhekk, hawnhekk ir-rikorrent qed jikkontesta l-possibbiltà li l-Kunsill jkompli jżomm, fl-intier tagħhom, il-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/72 fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni u tal-iżvilupp fil-proċess demokratiku fit-Tuneżija.

127    F’dan ir-rigward, għandu, qabel kollox, jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 1 tagħha, id-Deċiżjoni 2011/72, li hija bbażata fuq l-Artikolu 29 TUE, hija intiża li ssostni “l-isforzi [tal-poplu Tuneżin] biex jistabbilixxu demokrazija stabbli, l-istat tad-dritt, pluraliżmu demokratiku u rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali”. Din hija intiża, b’mod partikolari, skont il-premessa 2 tagħha, li tgħin lill-awtoritajiet Tuneżini fil-ġlieda kontra l-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, billi tiffriża l-assi ta’ persuni “responsabbli” għall-misapproprjazzjoni ta’ tali fondi, li jċaħħdu, minħabba dan, lill-poplu Tuneżin mill-benefiċċji tal-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija u s-soċjetà tagħhom u jxekklu l-iżvilupp tad-demokrazija fil-pajjiż.

128    Konsegwentement, kif diġà ġie deċiż, id-Deċiżjoni 2011/72 tifforma parti mill-kuntest iktar ġenerali ta’ politika tal-Unjoni ta’ sostenn għall-awtoritajiet Tuneżini intiża li tiffavorixxi l-istabbilizzazzjoni kemm politika kif ukoll ekonomika tar-Repubblika tat-Tuneżija u għalhekk tosserva l-għanijiet tal-PESK li huma definiti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE, li abbażi tagħha l-Unjoni timplementa kooperazzjoni internazzjonali sabiex, minn naħa, tikkonsolida u ssostni d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji ta’ dritt internazzjonali u, min-naħa l-oħra, sabiex issostni l-iżvilupp fit-tul, b’mod partikolari ekonomiku, tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw (ara s-sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T-516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

129    Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-qasam tal-PESK, il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, fir-rigward ta’ qasam li jinvolvu, għal Kunsill, għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u fejn huwa msejjaħ li jwettaq evalwazzjonijiet kumplessi, b’tali mod li hija biss in-natura manifestament mhux xieraq ta’ miżura adottata f’dawn l-oqsma, meta mqabbel mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

130    F’dan il-każ, hekk kif isostni l-Kunsill billi jirreferi għall-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Jannar 2015, huwa ma qiesx, b’kuntrast mar-rikorrent, li l-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija kien intlaħaq fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157. Issa, id-diversi żviluppi ta’ natura ġudizzjarja, kostituzzjonali u elettorali invokati mir-rikorrent ma jurux li l-Kunsill wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni li huwa għamel dwar dan il-proċess. Fil-fatt, għalkemm dawn l-iżviluppi jixhdu li kien hemm progress, dawn ma jippermettux li jiġi konkluż, b’mod evidenti, li dan il-proċess intlaħaq, peress li dan tal-aħħar huwa b’mod partikolari suġġett, kif jindika l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu msemmija iktar ’il fuq, għall-konsolidazzjoni tal-istat tad-dritt u tal-kisbiet demokratiċi tal-kostituzzjoni l-ġdida Tuneżina.

131    F’kull każ, dan il-motiv huwa msejjes, impliċitament iżda neċessarjament, fuq il-premessa żbaljata li l-ilħuq tat-tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija għandu jwassal sabiex il-Kunsill itemm il-miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni 2011/72. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, l-uniku skop tal-iffriżar ta’ assi previst mill-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72, moqri fid-dawl tal-premessi 1 u 2 tagħha, huwa li tiġi ffaċilitata l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Tuneżini, tal-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li tiġi ppreżervata l-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet jirkupraw il-prodott ta’ dawn il-misapproprjazzjonijiet. Konsegwentement, l-eventwali tħassir ta’ dawn il-miżuri restrittivi jista’ jiddependi biss fuq l-għeluq tal-proċeduri ġudizzjarji li fuqhom dawn huma msejsa, u mhux fuq l-ilħuq tal-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija, sa fejn is-sostenn għal dan il-proċess jirrappreżenta biss għan final tal-politika li taħtha jaqa’ l-imsemmi ffriżar ta’ assi u mhux rekwiżit addizzjonali għaż-żamma tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punt 143).

132    Għandu jingħad ukoll li, anki jekk jitqies li dan il-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika ntlaħaq, dan l-iffriżar ta’ assi ma jirrappreżentax, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, indħil tas-“setgħa leġiżlattiva” fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ġudizzjarja.

133    Fil-fatt, irrispettivament mill-fatt li, abbażi tal-Artikolu 24 TUE, il-Kunsill ma jadottax atti leġiżlattivi fil-kuntest tal-PESK, l-effett tal-ilħuq tal-proċess ta’ tranżizzjoni demokratika fit-Tuneżija, kif ġie indikat fil-punt 131 iktar ’il fuq, ma jistax ikun li jobbliga lill-Kunsill jirtira l-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/72. Fil-fatt, l-irtirar ta’ dawn il-miżuri qabel l-għeluq tal-investigazzjonijiet ġudizzjarji pendenti, sa fejn dan ikun ta’ natura li jostakola l-konstatazzjoni mill-awtoritajiet Tuneżini tal-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u għall-irkupru tal-prodott ta’ dawn il-misapproprjazzjonijiet, ikun ta’ natura li jikkomprometti l-għan ta’ konsolidazzjoni u ta’ sostenn tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fit-Tuneżija, previst f’din id-deċiżjoni. Għalhekk, iż-żamma ta’ dawn il-miżuri, li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 33 iktar ’il fuq, huma ta’ natura kawtelatorja u ma għandhom l-ebda konnotazzjoni kriminali, tibqa’ tkun iġġustifikata fid-dawl tal-għanijiet tal-PESK. Konsegwentement, jekk l-argument tar-rikorrent għandu jiġi interpretat bħala li jikkonċerna ndħil min-naħa ta’ awtorità politika, bħalma huwa l-Kunsill, f’kawżi li jaqgħu biss taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li ż-żamma ta’ dawn il-miżuri ma tikkostitwixxix tali ndħil.

134    Għalhekk, il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-iżviluppi tas-sitwazzjoni politika fit-Tuneżija jista’ biss jiġi miċħud.

135    F’dak li jirrigwarda l-motiv ibbażat, sussidjarjament, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li mill-punti 127 sa 133 iktar ’il fuq jirriżulta li l-iżviluppi tas-sitwazzjoni politika fit-Tuneżija sussegwentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2011/72 ma kinux jiġġustifikaw motivazzjoni speċifika għaż-żamma, bid-Deċiżjoni 2015/157, tal-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/72 fid-dawl tal-imsemmija żviluppi. Għalhekk, anki dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

136    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li t-tielet motiv jista’ biss jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti mill-Kunsill tal-“element [ta’] dritt kriminali” tad-Deċiżjoni 2015/157

137    Insostenn tar-raba’ motiv, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma wettaqx evalwazzjoni oġġettiva tal-argumenti li huwa ppreżenta “minn perspettiva kriminali” fl-ittra tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2015. F’dan ir-rigward, huwa jsostni li l-Kunsill warrab l-ispjegazzjonijiet tiegħu dwar id-dgħjufija tal-provi kontrih fit-Tuneżija billi bbaża ruħu fuq kunsiderazzjonijiet spekulattivi u bbażati biss fuq l-għanijiet tal-PESK. Il-Kunsill għalhekk eskluda l-eżami tad-drittijiet tiegħu inkwantu persuna suġġetta għal investigazzjoni ġudizzjarja, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Fir-replika, huwa jsostni li d-Deċiżjoni 2015/157 għandha dimensjoni kriminali jew, minn tal-inqas, tipproduċi effetti li jaqgħu taħt id-dritt kriminali jew li għandha għanijiet irregolati mid-dritt kriminali, sa fejn din għandha l-istess effett bħal miżura ta’ għajnuna legali ordnata minn qorti kriminali abbażi tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-korruzzjoni, adottata mill-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti fil-31 ta’ Ottubru 2003.

138    Fir-risposta, il-Kunsill jirribatti li d-Deċiżjoni 2015/157 ġiet adottata fuq l-unika bażi legali possibbli, li hija l-Artikolu 29 TUE, u li din ma għandha l-ebda dimensjoni kriminali.

139    Għandu jitqies li, permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent qed jinvoka, essenzjalment, żball ta’ liġi sa fejn il-Kunsill eżamina mill-ġdid iż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157, biss fid-dawl tal-għanijiet tal-PESK u, konsegwentement, mingħajr ma applika r-rekwiżiti u l-garanziji li għandhom jiġu applikati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali. Madankollu, dan il-motiv huwa, evidentement, infondat.

140    Minn naħa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 127 u 128 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2011/72 u, konsegwentement, id-Deċiżjoni 2015/157, li testendiha, huma konformi mal-għanijiet stabbiliti, fil-kuntest tal-PESK, fl-Artikolu 21(2)(b) u (d) TUE. Min-naħa l-oħra, kif ġie espost fil-punt 33 iktar ’il fuq, l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent fl-Unjoni, li ma huwiex intiż li jissanzjona l-aġiri tiegħu fit-Tuneżija, ma għandu l-ebda konnotazzjoni kriminali. Għalhekk il-Kunsill kien iġġustifikat meta, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157, ivverifika biss jekk l-elementi li huwa kellu kinux jikkostitwixxu, fid-dawl tal-għanijiet tad-Deċiżjoni 2011/72, li jaqgħu taħt il-PESK, bażi suffiċjenti għaż-żamma tal-imsemmi ffriżar ta’ assi. Għalhekk, huwa ma kienx obbligat li jeżamina din iż-żamma fid-dawl tar-rekwiżiti tad-dritt kriminali u billi jagħti lir-rikorrent garanziji speċifiċi analogi għal dawk previsti fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali.

141    L-argumenti tar-rikorrent esposti fir-replika intiżi sabiex tintwera n-natura kriminali tal-iffriżar ta’ assi kontenzjużi ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

142    Fl-ewwel lok, in-natura kawtelatorja tal-iffriżar ta’ assi kontenzjużi u l-fatt li ż-żamma tiegħu tiddependi fuq l-eżitu tal-proċeduri kriminali fit-Tuneżija ma jistgħux jagħtuh, bl-istess mod, natura kriminali.

143    Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punti 33, 127 u 128 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ politika ta’ sostenn għall-awtoritajiet Tuneżini intiża li tiffavorixxi l-istabbilizzazzjoni tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt ibbażata fuq l-Artikolu 29 TUE, il-Kunsill għandu l-possibbiltà li jadotta miżuri li jikkontribwixxu għall-għeluq effettiv tal-proċeduri kriminali miftuħa fit-Tuneżija għal fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Għalhekk, kif isostni ġustament il-Kunsill, il-proċeduri kriminali fit-Tuneżija ma jikkostitwixxux il-bażi legali tal-iffriżar ta’ assi kontenzjużi, iżda l-bażi fattwali li fuqha dan huwa msejjes. Barra minn hekk, kif jirriżulta mir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, li jirrigwardaw l-investigazzjonijiet ġudizzjarji pendenti kontra r-rikorrent, il-Kunsill ma adottax id-Deċiżjoni 2015/157 billi bbaża ruħu fuq il-fatt li huwa kien konvint li r-rikorrent wettaq misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

144    Fit-tieni lok, il-paragun li r-rikorrent jistabbilixxi bejn l-effetti tal-iffriżar tal-fondi tiegħu u l-effetti ta’ miżura ta’ għajnuna legali fil-kuntest tal-kooperazzjoni kriminali internazzjonali ma hijiex konvinċenti.

145    Fil-fatt, ċertament, ir-riżultat tal-iffriżar tal-fondi tar-rikorrent deċiż mill-Kunsill, li huwa li dawn il-fondi ma jistgħux jiġu mċaqilqa fl-Unjoni, huwa paragunabbli għal dak li jista’ jirriżulta minn iffriżar ta’ dawn il-fondi deċiż minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali fil-kuntest tal-kooperazzjoni kriminali internazzjonali. Madankollu, xorta jibqa l-fatt li n-natura ta’ dawn iż-żewġ miżuri hija differenti.

146    Minn naħa, l-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrent, li ġie adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE, jikkostitwixxi miżura awtonoma intiża għall-ilħuq tal-għanijiet tal-PESK u mhux miżura intiża li tissodisfa talba għal għajnuna legali tal-awtoritajiet Tuneżini (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill, T-290/14, EU:T:2015:806, punt 45).

147    Min-naħa l-oħra, il-kompetenzi tal-Kunsill f’dan il-każ, abbażi tal-Artikolu 21(2)(b) u (d), u tal-Artikolu 29 TUE, huma limitati għall-adozzjoni ta’ ffriżar tal-assi tal-persuni kkonċernati, b’mod kawtelatorju u huma, per definizzjoni, ta’ natura temporanja u riversibbli. Min-naħa l-oħra, il-kompetenzi tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fil-kuntest tal-kooperazzjoni kriminali internazzjonali ma humiex neċessarjament limitati għall-adozzjoni ta’ tali miżuri.

148    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ motiv jista’ biss jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-Artikolu 17 tal-Karta

149    Insostenn tal-ħames motiv, ir-rikorrent isostni li, sa fejn id-Deċiżjoni 2015/157 ma hijiex iġġustifikata u hija illegali, lanqas il-limitazzjonijiet tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent ma huma ġġustifikati u jiksru l-Artikolu 17 tal-Karta. Il-Kunsill jikkontesta dawn l-argumenti.

150    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, sabiex tkun konformi mad dritt tal-Unjoni, limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt għal proprjetà għandha tissodisfa tliet rekwiżiti. L-ewwel nett, il-limitazzjoni għandha tkun “prevista mil-liġi”. Fi kliem ieħor, il-miżura inkwistjoni għandha jkollha bażi legali. It-tieni nett, il-limitazzjoni għandha jkollha għan ta’ interess ġenerali, rikonoxxut bħala tali mill-Unjoni. It-tielet nett, il-limitazzjoni ma tistax tkun eċċessiva. Minn naħa, hija għandha tkun neċessarja u proporzjonali għall-għan li għandu jintlaħaq. Min-naħa l-oħra, is-sustanza tad-dritt jew tal-libertà inkwistjoni ma tistax tiġi ppreġudikata (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2014, Ezz et vs Il-Kunsill, T-256/11, EU:T:2014:93, punti 197 sa 200 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T-516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377, punti 165 sa 168 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jillimita ruħu li jsostni li, sa fejn huwa wera, fil-kuntest tal-motivi preċedenti, in-natura illegali u mhux iġġustifikata tal-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni, lanqas din il-limitazzjoni tad-dritt tiegħu għall-proprjetà ma hija, konsegwentement, ġustifikata. Konsegwentement, huwa jikkontesta biss il-fatt li din il-limitazzjoni ma tosservax l-ewwel żewġ rekwiżiti msemmija fil-punt 150 iktar ’il fuq. Issa, mill-punti 36 sa 148 iktar ’il fuq jirriżulta li, fil-kuntest tal-motivi preċedenti, ir-rikorrent la rnexxielu jistabbilixxi n-natura illegali tal-imsemmi ffriżar ta’ assi u lanqas in-natura mhux iġġustifikata tiegħu. Konsegwentement, huwa lanqas ma jistabbilixxi li l-limitazzjonijiet imposti fuq id-dritt tiegħu għall-proprjetà minħabba dan l-iffriżar ta’ assi ma għandhomx bażi legali jew ma humiex iġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet tad-Deċiżjoni 2011/72 u tal-PESK. Dan il-motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

152    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li, peress li l-ebda wieħed mill-motivi tar-rikors ma huwa fondat, it-talbiet għal annullament tad-Deċiżjoni 2015/157 jistgħu biss jiġu miċħuda.

 F’dak li jirrigwarda t-talbiet tal-ewwel nota ta’ adattament, intiża għall-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba tar-rikorrent tad-29 ta’ Mejju 2015 sabiex ismu jitneħħa mil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72

153    Abbażi tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-att ikkontestat inizjalment jiġi, fil-mori tal-kawża, ssostitwit jew emendat minn att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel mal-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. Abbażi tal-Artikolu 86(2) tal-imsemmija regoli, tali adattament għandu jsir permezz ta’ att separat u fit-terminu, previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li fih jista’ jintalab l-annullament tal-att li jiġġustifika l-adattament tar-rikors.

154    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-adattament tar-rikors għandu jiġi ppreżentat kontra att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri att li jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent u li tbiddel b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Alchaar vs Il-Kunsill, T-203/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:602, punti 58 u 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, att purament konfermattiv ta’ att preċedenti, jiġifieri att li ma jinvolvi l-ebda element ġdid meta mqabbel ma att preċedenti u li ma kienx ippreċedut minn eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata ma jikkostitwixxix tali att (ara d-digrieti tas-7 ta’ Diċembru 2004, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑521/03 P, mhux ippubblikat, EU:C:2004:778, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-29 ta’ Ġunju 2009, Cofra vs Il-Kummissjoni, C-295/08 P, mhux ippubblikat, EU:C:2009:407, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    B’mod partikolari, skont il-ġurisprudenza, att adottat wara eżami mill-ġdid tal-att preċedenti, li sar neċessarju minħabba l-eżistenza ta’ fatti ġodda u sostanzjali, ma jikkostitwixxix att purament konfermattiv. Fatt għandu jiġi kklassifikat, minn naħa, bħala ġdid meta dan ma kienx jeżisti fil-mument tal-adozzjoni tal-att jew meta ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-adozzjoni u, min-naħa l-oħra, bħala sostanzjali meta dan ibiddel b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrent meta mqabbla mas-sitwazzjoni li kienet teżisti meta ġie adottat l-att preċedenti, bħal fatt ta’ natura li jqanqal dubji fuq il-fondatezza tal-imsemmi att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, T-481/11, EU:T:2014:945, punti 34 sa 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

156    Fil-qasam ta’ miżuri restrittivi, minn naħa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li rikorrent huwa awtorizzat, bħala prinċipju, jadatta t-talbiet u l-motivi ta’ rikors imressqa kontra deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi adottata kontrih fid-dawl tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sussegwenti li testendi l-imsemmi ffriżar ta’ fondi. Fil-fatt, f’dan il-każ, din id-deċiżjoni sussegwenti ma tillimitax ruħha li tikkonferma d-deċiżjoni preċedenti, peress li testendi l-iffriżar ta’ fondi fir-rigward tal-persuna kkonċernata għal perijodu ġdid lil hinn mit-tul tal-imsemmija deċiżjoni preċedenti wara l-eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-15 ta’ Frar 2005, PKK u KNK vs Il-Kunsill, T-229/02, EU:T:2005:48, punt 44, ikkonfermat fl-appell b’sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il-Kunsill, C-229/05 P, EU:C:2007:32, punt 103).

157    Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(3) u mill-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 2011/72, il-Kunsill jista’ jkun obbligat, f’kull mument, li jeżamina mill-ġdid l-elenkar ta’ isem persuna fl-anness ta’ din id-deċiżjoni fid-dawl tal-provi sostanzjali jew tal-osservazzjonijiet li jiġu ppreżentati quddiemu, b’tali mod li dan l-elenkar huwa s-suġġett ta’ analiżi kostanti. Dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jiggarantixxu li l-persuni li ma jkunux iktar jissodisfaw il-kriterji sabiex isimhom jidher fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni jitneħħew minnu mhux biss wara l-eżami mill-ġdid perjodiku mwettaq kull sena, iżda, jekk ikun il-każ, b’mod immedjat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C-539/10 P u C-550/10 P, EU:C:2012:711, punt 129). Konsegwentement, deċiżjoni tal-Kunsill li ma jneħħix isem persuna elenkat fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72 adottata wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu fuq il-bażi ta’ fatti ġodda u sostanzjali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 155 iktar ’il fuq, ma tikkostitwixxix att purament konfermattiv, anki jekk din id-deċiżjoni ma testendix l-imsemmi elenkar, iżda żżomm biss l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni preċedenti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja, T-481/11, EU:T:2014:945, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi osservat li d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2015, li hija kkontestata fl-ewwel nota ta’ adattament, la emendat u lanqas ma ssostitwiet id-Deċiżjoni 2015/157, li hija s-suġġett tar-rikors. Fil-fatt, fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill illimita ruħu li jiċħad it-talba tar-rikorrent intiża, essenzjalment, sabiex id-Deċiżjoni 2015/157 tiġi mħassra, sa fejn din tirrigwardah. Għalhekk din ma fiha ebda element ġdid fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 154 iktar ’il fuq.

159    Min-naħa l-oħra, dan ir-rifjut ma seħħx wara eżami mill-ġdid iġġustifikat minn fatti li fl-istess ħin għandhom natura ġdida u sostanzjali, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 155 iktar ’il fuq.

160    Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-osservazzjonijiet tar-rikorrent ippreżentati fid-29 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Settembru 2015 jirreferu, essenzjalment, għal fatti li seħħew qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157 kif ukoll għal kwistjonijiet li kienu diġà tqajjmu fl-osservazzjonijiet tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2015, u għalhekk għal elementi li ma humiex ta’ natura ġdida.

161    Barra minn hekk, l-uniċi fatti li seħħew wara d-Deċiżjoni 2015/157 invokati f’dawn l-osservazzjonijiet, jiġifieri s-sentenza tal-qorti tal-appell ta’ Tuneż, tal-25 ta’ Frar 2015, kif ukoll tliet deċiżjonijiet tal-qorti amministrattiva Tuneżina, li kienet qed tiddeċidi fil-kuntest ta’ proċeduri għal miżuri provviżorji, tat-30 ta’ Marzu 2015, ma jikkostitwixxux fatti sostanzjali, jiġifieri fatti li jistgħu jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tar-rikorrent fir-rigward tal-miżuri restrittivi estiżi kontrih bid-Deċiżjoni 2015/157.

162    F’dan ir-rigward, kif diġà ġie mfakkar diversi drabi, dawn il-miżuri restrittivi huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ investigazzjoni ġudizzjarja pendenti fil-konfront tar-rikorrent għal fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi. Issa, minn naħa, għalkemm min-nota tal-avukat tar-rikorrent fit-Tuneżija tal-24 ta’ April 2015 jirriżulta li s-sentenza tal-qorti tal-appell ta’ Tuneż, tal-25 ta’ Frar 2015, laqgħet it-talba tar-rikorrent intiża għall-firda tal-proċedura ta’ investigazzjoni kriminali fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, dan l-iżvilupp tal-proċedura ma jidhirx li huwa, fih innifsu, ta’ natura li jpoġġi f’dubju l-iżvolġiment tal-imsemmija investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, min-nota tal-avukat tar-rikorrent fit-Tuneżija, annessa mal-osservazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar tad-29 ta’ Mejju 2015, jirriżulta li t-tliet deċiżjonijiet ġudizzjarji tat-30 ta’ Marzu 2015 ordnaw is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ tliet deċiżjonijiet amministrattivi ta’ konfiska ta’ ċerti assi tar-rikorrent li r-rabta’ tagħhom mal-investigazzjoni ġudizzjarja li fuqha kien ibbażat l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent fl-Unjoni ma kinitx ċara.

163    Fit-tieni lok, mill-atti tal-proċess jirriżulta li d-dokumenti provenjenti mill-awtoritajiet Tuneżini tal-11 ta’ Mejju 2015 li fuqhom jibbaża ruħu l-Kunsill fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2015 sempliċement jikkonfermaw li l-investigazzjoni ġudizzjarja kontra r-rikorrent fit-Tuneżija hija pendenti u li dawn ġew prodotti mill-Kunsill biss sabiex jirrispondi għall-argumenti tar-rikorrent intiżi li jikkontestaw il-bażi ta’ din l-investigazzjoni. Konsegwentement, dawn id-dokumenti, li jikkostitwixxu, ċertament, elementi ġodda, ma jistgħux madankollu jiġu kklassifikati bħala sostanzjali. Fil-fatt, dawn ma juru ebda bidla sostanzjali fis-sitwazzjoni tar-rikorrent meta mqabbla ma’ dik li kien fiha fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157.

164    Din l-analiżi ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li dawn id-dokumenti ġew prodotti mill-Kunsill wara l-verifiki li dan tal-aħħar kien indika, fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Frar 2015, li kien beħsiebu jwettaq b’konsegwenza tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent.

165    Fil-fatt, l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 2011/72 jagħtu lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiv biex jiddeċiedi jekk huwiex opportun li jwettaq verifiki tal-elementi li ġew ippreżentati quddiemu mill-awtoritajiet Tuneżini jew mir-rikorrent, b’mod partikolari biex jinforma ruħu dwar l-istat tal-proċedura ġudizzjarja li tagħha huwa s-suġġett dan tal-aħħar. Konsegwentement, kull element ġdid miksub wara l-verifiki mwettqa ex officio mill-Kunsill jew fuq talba tar-rikorrent ma jikkostitwixxix neċessarjament fatt sostanzjali ta’ natura li jiġġustifika eżami mill-ġdid tal-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni u li jwassal, fil-każ ta’ rifjut ta’ bdil ta’ dan l-elenkar, għal deċiżjoni li tikkawża preġudizzju.

166    F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, fl-ittra tiegħu tal-4 ta’ Frar 2015, il-Kunsill indika, essenzjalment, li, filwaqt li jqis li huwa iġġustifikat li isem ir-rikorrent jinżamm elenkat fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, huwa kien qed jieħu nota tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent dwar l-istat tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha dan kien is-suġġett fit-Tuneżija u li huwa kien ser iwettaq eżami ġdid tal-miżuri restrittivi kontrih qabel il-31 ta’ Lulju 2015. Jirriżulta li, wara din l-ittra, il-Kunsill ħa ukoll inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent fit-18 ta’ Frar, fid-29 ta’ Mejju u fis-7 ta’ Settembru 2015 u ta’ risposta lir-rikorrent fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2015 billi aġġornah bir-riżultati tal-verifiki li huwa kien sadanittant wettaq mal-awtoritajiet Tuneżini, u, b’mod partikolari, billi kkomunikalu d-dokumenti msemmija fil-punt 163 iktar ’il fuq. Billi għamel dan, peress li qies li kien utli li jwettaq dawn il-verifiki, il-Kunsill illimita ruħu li juża l-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilu mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 157 u 165 iktar ’il fuq, u ma wettaqx eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent meħtieġ mis-sejba ta’ fatti ta’ natura li jibdlu b’mod sostanzjali din is-sitwazzjoni.

167    Għalhekk, meta indika, fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2015, li l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent kellhom jinżammu fir-rigward tiegħu, il-Kunsill ma adottax deċiżjoni ġdida separata mid-Deċiżjoni 2015/157, iżda sempliċement ikkonferma din tal-aħħar. Din l-ittra, sa fejn tiċħad it-talba tar-rikorrent sabiex ismu jiġi rtirat mill-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, tikkostitwixxi għalhekk att purament konfermattiv li ma jikkawżax preġudizzju lir-rikorrent. Għalhekk, it-talbiet tal-ewwel nota ta’ adattament intiżi għall-annullament ta’ dan l-att għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli.

168    L-argumenti tar-rikorrent intiżi li juru l-ammissibbiltà tan-nota tiegħu ta’ adattament ma jistgħux jikkonfutaw din il-konklużjoni.

169    Fl-ewwel lok, ir-raġunament tar-rikorrent li jgħid li d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2015 emendat id-Deċiżjoni 2015/157, sa fejn din bidlet din l-aħħar deċiżjoni, li sa dak iż-żmien kienet “deċiżjoni kundizzjonali”, f’“deċiżjoni mingħajr kundizzjonijiet”, huwa infondat. Fil-fatt, minn naħa, kif il-Kunsill indika essenzjalment fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq din in-nota ta’ adattament, dan l-argument huwa msejjes fuq il-premessa żbaljata li l-ittra tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2015, li fiha din l-istituzzjoni kienet indikat li kienet ser teżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni tar-rikorrent qabel il-31 ta’ Lulju 2015, kienet tat natura kundizzjonali lid-Deċiżjoni 2015/157. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li l-Kunsill għandu li jeżamina mill-ġdid il-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/72, abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni msemmija fil-punt 157 iktar ’il fuq, sabiex, jekk ikun il-każ, iħassarhom jew jemendahom, bl-ebda mod ma għandha l-effett li tagħti lill-miżuri natura “kundizzjonali”. Konsegwentement, il-fatt li, fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2015, il-Kunsill indika li l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent kellhom jinżammu fir-rigward tiegħu bl-ebda mod ma għandu l-effett li jittrasforma d-Deċiżjoni 2015/157 f’att mingħajr kundizzjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-każ ta’ eventwali fatti ġodda u sostanzjali miġjuba għall-attenzjoni tiegħu, il-Kunsill kien f’pożizzjoni li jħassar jew jemenda l-imsemmija miżuri sussegwentement għal din l-ittra tas-16 ta’ Novembru 2015.

170    Fit-tieni lok, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, l-ammissibbiltà ta’ din in-nota ta’ adattament ma tistax tkun iġġustifikata min-neċessità li jingħata, konformement għal prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, il-possibbiltà li jikkummenta dwar l-elementi prodotti mill-Kunsill fil-kontroreplika.

171    Fil-fatt, minn naħa, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ma jistax ikollu, f’dan il-każ, l-effett li jerġa jiftaħ it-termini għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni 2015/157. Barra minn hekk, in-natura konfutabbli ta’ att għandha tiġi ddeterminata biss fid-dawl ta’ evalwazzjoni oġġettiva tas-sustanza tiegħu u mhux fid-dawl tar-rispett tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2012, Franza vs Il-Kummissjoni, T-154/10, EU:T:2012:452, punti 37 sa 40).

172    Min-naħa l-oħra u f’kull każ, ir-rikorrent kellu l-possibbiltà, matul is-seduta tal-14 ta’ Diċembru 2016, li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu f’dak li jirrigwarda l-elementi prodotti mill-Kunsill fil-kontroreplika. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 61 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali qieset li dawn l-elementi, li kienu sussegwenti għad-Deċiżjoni 2015/157, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, iċ-ċaħda tal-konklużjonijiet tal-ewwel nota ta’ adattament għaliex inammissibbli ma tistax tippreġudika l-opportunitajiet ugwali għall-partijiet.

173    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li dawn it-talbiet għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli.

 F’dak li jirrigwarda t-talbiet tat-tieni nota ta’ adattament, intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/119

174    Fil-kuntest tat-tieni nota ta’ adattament, li tirrigwarda d-Deċiżjoni 2016/119, ir-rikorrent iqajjem, essenzjalment, ħames motivi. L-ewwel wieħed minn dawn il-motivi huwa bbażat fuq il-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, it-tieni, fuq l-assenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida tal-miżuri kontenzjużi, it-tielet, li l-imsemmija deċiżjoni tilfet l-iskop tagħha, ir-raba’, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli u, il-ħames, fuq l-indħil manifestament sproporzjonat tal-Kunsill fid-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent.

175    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif ġie indikat fil-punt 16 iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni 2016/119 estendiet l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2011/72 sal-31 ta’ Jannar 2017 u emendat ir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fil-lista annessa ma din id-deċiżjoni billi bbażat ruħha fuq id-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tal-20 ta’ Ottubru 2015, imsemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq. Din il-modifika kienet tikkonsisti fis-sostituzzjoni tad-daħla dwar reat ta’ kompliċità fl-eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq detentur ta’ pożizzjoni pubblika bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra bid-daħla dwar ir-reat ta’ eżerċitar ta’ influwenza ħażina fuq detentur ta’ pożizzjoni pubblika bil-ħsieb li jinkiseb vantaġġ direttament jew indirettament għal persuna oħra.

176    Barra minn hekk, konformement għall-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 156 iktar ’il fuq, għandu jiġi osservat li t-talbiet tat-tieni nota ta’ adattament, intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/119, li ġġedded id-Deċiżjoni 2011/72 għal perijodu ġdid lil hinn mit-tul previst bid-Deċiżjoni 2015/157, huma ammissibbli.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

177    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrent jirrepeti, essenzjalment, l-argumenti li huwa elabora fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikors, fir-rigward ta’ allegat ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Huwa jinvoka, insostenn ta’ dawn l-argumenti, minn naħa, stqarrija għall-istampa tal-25 ta’ Jannar 2016 li toriġina mill-organizzazzjoni mhux governattiva Transparency International, li fiha hemm indikat li ffriżar ta’ assi kien ġie impost fuq tmienja u erbgħin persuna fit-Tuneżija “abbażi ta’ provi li jistabbilixxu li huma wettqu misapproprjazzjoni tal-fondi pubbliċi u abbuż tal-kariga tagħhom. Min-naħa l-oħra, huwa jinvoka wkoll in-nota tal-awtoritajiet Tuneżini tal-15 ta’ Jannar 2016, li tirrispondi għat-talbiet ta’ kjarifiki tal-Kunsill fir-rigward tas-sitwazzjoni tar-rikorrent u li tipprova, fl-opinjoni tiegħu, li “huwa ma kienx ser jirbaħ fuq il-mertu” fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tagħha huwa s-suġġett fit-Tuneżija.

178    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jikkontesta, essenzjalment, ir-rilevanza ta’ dawn il-provi l-ġodda.

179    Għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li r-raġunament adottat fil-punti 107 sa 112 u 118 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikors huwa applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa, l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill, tal-31 ta’ Jannar 2011, imsemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi att separat mid-Deċiżjoni 2011/72 u mid-Deċiżjoni 2016/119 u li ma twettaqx fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet. Ir-rikorrent, li ma jikkontestax li dawn iż-żewġ deċiżjonijiet ma jiksrux, minnhom innifishom, il-preżunzjoni tal-innoċenza, għaldaqstant ma jistax jinvoka utilment tali ksur li jivvizzja, fl-opinjoni tiegħu, l-imsemmija stqarrija għall-istampa sabiex jikkonfuta l-legalità tagħhom. Min-naħa l-oħra, f’kull każ, dan l-ilment huwa msejjes fuq qari letterali tal-istess stqarrija għall-istampa, filwaqt li din tal-aħħar għandha tiġi interpretata b’riferiment għall-kontenut tad-Deċiżjoni 2011/72, li tagħha din tal-aħħar kienet, b’mod partikolari, intiża li tħabbar l-adozzjoni. Issa, peress li l-kontenut tal-anness tad-deċiżjoni msemmija l-aħħar ma jirrigwardax ir-rikorrent inkwantu persuna kkundannata bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tal-Istat Tuneżin, iżda bħala persuna li hija s-suġġett ta’ investigations ġudizzjarji għal tali fatti, il-kontenut tal-imsemmija stqarrija għall-istampa, li jagħmel riferiment għaliha, ma jistax jikser id-dritt tar-rikorrent għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza.

180    Konsegwentement, anki jekk jitqies li d-dikjarazzjonijiet li jinsabu fl-istqarrija għall-istampa ta’ Transparency International msemmija fil-punt 177 iktar ’il fuq kienu kisru d-dritt tar-rikorrent għall-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza, dan il-ksur la jista’ jiġi imputat għall-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011 imsemmija iktar il fuq u lanqas, f’kull każ, ma jista’ jaffettwa l-legalità tad-Deċiżjoni 2016/119.

181    Fir-rigward tan-nota tal-15 ta’ Jannar 2016 tal-awtoritajiet Tuneżini, għandu jiġi osservat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrent f’dan ir-rigward huma, f’kull każ, purament spekulattivi. Fil-fatt, din in-nota tillimita ruħha li tesponi r-raġunijiet ta’ natura proċedurali li għalihom il-qorti inkarigata mill-investigazzjoni tal-fajl ma sseparax il-kawża tar-rikorrent mill-kawżi li jirrigwardaw il-persuni l-oħra involuti. Konsegwentement, ma hemm xejn li jindika, f’din in-nota, liema ser ikunu l-konklużjonijiet li l-awtoritajiet Tuneżini ser jisiltu mill-investigazzjoni ġudizzjarja fir-rigward tar-rikorrent, u lanqas li teżisti rabta’ plawżibbli bejn il-kunsiderazzjonijiet li hemm fiha u l-istqarrija għall-istampa inkwistjoni tal-Kunsill.

182    Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida tal-miżuri kontenzjużi

183    It-tieni motiv huwa kompost, essenzjalment, minn erba’ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq in-natura vaga wisq tal-allegazzjonijiet li fuqhom hija msejsa ż-żamma tal-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, it-tieni waħda, fuq l-assenza ta’ eżami separat tal-fajl tiegħu mill-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini, li toħloq, fl-opinjoni tiegħu, l-illużjoni ta’ bażi fattwali solida, it-tielet, fuq l-assenza ta’ attività sinjifikattiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja fit-Tuneżija, f’dak li jirrigwardah, u, ir-raba’ fuq il-livell insuffiċjenti ta’ preċiżjoni tal-allegazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq f’dak li jirrigwarda l-fatti allegati kontrih u r-responsabbiltà individwali tiegħu.

184    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jikkontesta r-rilevanza tal-elementi invokati mir-rikorrent billi jibbaża ruħu fuq is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill (T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216)

–       Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-natura vaga wisq tal-allegazzjonijiet li fuqhom hija msejsa ż-żamma tal-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72

185    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-ewwel parti tat-tieni motiv hija bbażata fuq ilment ġdid li ma ġiex ippreżentat fil-kuntest tar-rikors, b’mod partikolari fl-ewwel motiv tiegħu. Barra minn hekk, dan l-ilment ma jistax jitqies li huwa elaborazzjoni ta’ wieħed mill-ilmenti diġà esposti fil-kuntest tal-imsemmi motiv (ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2006, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑226/04, EU:T:2006:85, punti 64 u 65 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ir-rikorrent għandu d-dritt li jressaq dan l-ilment għall-ewwel darba, fil-kuntest tal-adattament tal-imsemmi l-ewwel motiv, fid-dawl tar-raġunijiet il-ġodda ta’ elenkar ta’ ismu introdotti bid-Deċiżjoni 2016/119 kif ukoll f’dak tad-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tal-20 ta’ Ottubru 2015, li jikkostitwixxu elementi ġodda (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T-563/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:429, punt 52).

186    Madankollu, għar-raġunijiet esposti fil-punti 187 sa 195 iktar ’il quddiem, dan l-ilment ma huwiex fondat.

187    Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni, minn naħa, li hemm nuqqas ta’ qbil bejn id-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tal-20 ta’ Ottubru 2015 u r-raġunijiet għall-elenkar ta’ ismu fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni 2016/119, fir-rigward tan-natura tar-reati msemmija u, min-naħa l-oħra, tan-natura insuffiċjenti tal-ispeċifikazzjonijiet relatati ma dawn ir-reati u tal-elementi konkreti li jippermettu li dawn jiġu stabbiliti.

188    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm ir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, emendata bid-Deċiżjoni 2016/119, li ġew magħżula mill-Kunsill isemmu r-reati li huma s-suġġett tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontra r-rikorrent fit-Tuneżija b’mod iktar konċiż mid-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini inkwistjoni, madankollu ma hemm ebda differenza sinjifikattiva bejn dawn ir-raġunijiet u din id-dikjarazzjoni. Barra minn hekk, il-Kunsill ma għandux ikun obbligat li jirriproduċi, fir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent, il-provi li fuqhom dawn ir-raġunijiet huma bbażati, peress li, barra minn hekk, huwa kkomunika l-imsemmija provi lir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 132 u 133).

189    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, għalkemm id-dikjarazzjoni inkwistjoni ma ssemmix iċ-ċirkustanzi konkreti li huma relatati mar-reati inkwistjoni, din issemmi, b’mod suffiċjentement speċifiku, l-imsemmija reati u l-grad ta’ involviment preżunt tar-rikorrent f’dawn ir-reati, kemm jekk bħala awtur tar-reat, kemm jekk bħala kompliċi, b’tali mod li jippermetti lill-Kunsill jiddetermina jekk ir-rikorrent jissodisfax il-kriterji ġenerali ddefiniti fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punt 123).

190    Barra minn hekk, kif juri b’mod partikolari r-riferiment li r-rikorrent jagħmel għall-kunċett ta’ actus reus, l-argumenti tiegħu huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-provi li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu għandhom ikollhom l-istess preċiżjoni bħal dik meħtieġa sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tiegħu għar-reati msemmija iktar ’il fuq. Issa, ir-rikorrent ma jikkontestax, barra minn hekk, li l-Kunsill għandu l-possibbiltà li jibbaża ruħu fuq investigazzjonijiet ġudizzjarji pendenti fir-rigward ta’ dawn ir-reati, jiġifieri fl-istadju tal-proċedura kriminali fejn, per definizzjoni, għadhom qed jiġu ddeterminati l-elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ din ir-responsabbiltà jew, bil-kontra ta’ dan, li din l-eżistenza tiġi eskluża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Al Matri vs Il-Kunsill, T-545/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:376, punti 83 sa 90).

191    Għall-istess raġunijiet, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-identità tal-persuni l-oħra minbarra r-rikorrent li huma preżunti involuti fl-imsemmija reati jew li għalihom jirreferu r-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent u d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tal-20 ta’ Ottubru 2015, hija irrilevanti. Fil-fatt, kif ġie indikat fil-punt 189 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li din id-dikjarazzjoni ssemmi, b’mod suffiċjentement speċifiku, l-imsemmija reati u l-livell ta’ involviment preżunt tar-rikorrent f’dawn ir-reati. Dan jgħodd ukoll għall-assenza, f’din id-dikjarazzjoni, ta’ indikazzjoni taż-żmien jew tal-post fir-rigward tar-reati inkwistjoni.

192    Hija wkoll irrilevanti l-klassifikazzjoni allegatament żbaljata tal-ex President tar-Repubblika tat-Tuneżija bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li la d-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 16 iktar ’il fuq u lanqas ir-raġunijiet għall-elenkar ta’ isem ir-rikorrent esposti fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni 2016/119, ma jagħmlu riferiment għal din il-persuna. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, peress li l-funzjonijiet li din il-persuna kienet taqdi fl-imsemmija kariga setgħu jinvolvu l-ġestjoni ta’ fondi pubbliċi, dawn jistgħu, f’kull każ, jiġu assimilati għal funzjonijiet eżerċitati minn detentur ta’ pożizzjoni pubblika, għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ reat klassifikabbli bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2011/72 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Ben Ali vs Il-Kunsill, T-200/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:216, punti 120 u 178).

193    Fit-tielet lok, ir-rikorrent iqis li, minkejja l-elementi l-ġodda prodotti mill-Kunsill qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/119, b’mod partikolari d-dokument tat-18 ta’ Jannar 2016 bir-Referenza MD 7/16 EXT 1 RELEX, annessa mal-ittra tal-Kunsill tad-29 ta’ Jannar 2016, din l-istituzzjoni ma għandiex u qatt ma kellha provi li jistgħu jsostnu l-allegazzjonijiet fir-rigward tiegħu. F’dak li jirrigwarda d-dokument imsemmi iktar ’il fuq, ir-rikorrent jindika, b’mod partikolari, li l-indikazzjoni ta’ kummissjonijiet rogatorji internazzjonali, li tinsab f’dan id-dokument, ma tinkludi l-ebda waħda mill-ispeċifikazzjonijiet neċessarji li jippermettu li jiġi ddeterminat is-suġġett ta’ dawn il-kummissjonijiet rogatorji, il-persuni l-oħra kkonċernati minnhom kif ukoll id-destinatarji tagħhom.

194    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li r-rikorrent ma jistax utilment jallega fil-konfront tad-Deċiżjoni 2016/119 li, sal-produzzjoni tad-Dokument MD 7/16 EXT 1 RELEX tat-18 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill ma kellu l-ebda prova dwar l-involviment tiegħu fir-reati li huma s-suġġett tal-investigazzjonijiet ġudizzjarji kontrih fit-Tuneżija. Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 61 iktar ’il fuq, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data ta’ meta jkun ġie adottat l-att. Konsegwentement, il-legalità tad-Deċiżjoni 2016/119 għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-provi li l-Kunsill kellu meta din id-deċiżjoni ġiet adottata, jiġifieri fid-data tat-28 ta’ Jannar 2016.

195    Barra minn hekk, ir-rikorrent ma jipproduċi l-ebda element li jista’ jikkonfuta l-eżattezza materjali tal-elementi ppreżentati fid-Dokument MD 7/16 EXT 1 RELEX u, b’mod partikolari, fil-punt 3 tiegħu, l-indikazzjoni ta’ ħames kummissjonijiet rogatorji internazzjonali fl-konfront tiegħu, tad-19 ta’ Jannar 2011, tal-21 ta’ Jannar 2011, tal-10 ta’ Jannar 2012, tat-22 ta’ Ottubru 2013 u tal-5 ta’ Mejju 2015. F’kull każ, peress li d-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Tuneżini tal-20 ta’ Ottubru 2015 tistabbilixxi l-eżistenza ta’ investigazzjonijiet ġudizzjarji kontra r-rikorrent għal fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi, din tikkostitwixxi, abbażi ta’ dan, prova suffiċjenti li fuqha l-Kunsill seta’ jibbaża ruħu sabiex iżomm l-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72. Konsegwentement, anki jekk jitqies li l-imsemmija indikazzjoni tal-kummissjonijiet rogatorji internazzjonali ma hijiex speċifikata biżżejjed, din iċ-ċirkustanza ma hijiex determinanti.

196    L-ewwel parti tat-tieni motiv għandha għalhekk tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ eżami separat tal-fajl tar-rikorrent mill-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini

197    Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrent isostni li l-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini għandhom jittrattaw l-investigazzjoni tal-fajl tiegħu b’mod separat mill-investigazzjoni tal-fajls tal-persuni l-oħra u jikkontesta d-deċiżjoni tal-maġistrat li qed imexxi l-kompilazzjoni li, kif jesponu l-awtoritajiet Tuneżini fin-nota tagħhom tal-15 ta’ Jannar 2016, qies li ma kienx neċessarju li jkun hemm tali firda, minkejja s-sentenza tal-qorti tal-Appell ta’ Tuneż tal-25 ta’ Frar 2015.

198    Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma humiex ta’ natura li jaffettwaw il-legalità tad-Deċiżjoni 2016/119. Fil-fatt, dawn iqajmu kwistjonijiet irregolati mid-dritt proċedurali Tuneżin li għandhom jiġu deċiżi biss mill-qrati Tuneżini, jekk ikun il-każ fil-kuntest ta’ rikors ġdid min-naħa tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tal-maġistrat li qed imexxi l-kompilazzjoni. Barra minn hekk, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Tuneżini fin-nota msemmija iktar ’il fuq, b’risposta għat-talbiet għal kjarifika tal-Kunsill, jikkonfermaw li t-trattament minn dawn l-awtoritajiet tal-kwistjoni tal-firda tal-fajl tar-rikorrent kien imsejjes fuq kunsiderazzjonijiet purament ġuridiċi u li f’dan il-kuntest ma kienx hemm element ta’ natura li jqanqal mistoqsijiet leġittimi dwar eventwali abbuż ta’ poter minn naħa ta’ dawn l-awtoritajiet li jpoġġi f’dubju ż-żamma tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent.

199    Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent ma għandux, personalment, rabtiet familjari mal-konjuġi tal-ex President tar-Repubblika tat-Tuneżija hija irrilevanti f’dan il-każ. Fil-fatt, isem ir-rikorrent huwa elenkat fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72, kif emendata bid-Deċiżjoni 2016/119, mhux minħabba dawn ir-rabtiet familjari, iżda minħabba investigazzjoni ġudizzjarja min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini dwar l-involviment personali tiegħu f’fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi.

200    Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrent jipprova juri li, b’kuntrast għall-persuni l-oħra kkonċernati minn investigazzjonijiet ġudizzjarji konnessi, il-qrati Tuneżini kienu progressivament ħelsuh mill-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja fil-konfront tiegħu, l-elementi li huwa jinvoka insostenn ta’ din it-turija ma humiex sinjifikattivi. Fil-fatt, hekk kif ġie osservat, essenzjalment, fil-punti 49 sa 56 iktar ’il fuq, id-diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ tneħħija tal-projbizzjonijiet ta’ ħruġ mit-territorju Tuneżin u ta’ annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ konfiska ta’ assi tar-rikorrent ma jistgħux jippreġudikaw il-pożizzjoni finali tal-qrati Tuneżini fir-rigward tar-riżultat tal-proċeduri kriminali li fuqhom il-Kunsill jibbaża ruħu. Barra minn hekk, ir-rikorrent fl-ebda mument ma jispjega b’mod espliċitu, ir-rabta’ li teżisti bejn dawn id-diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji u l-proċeduri kriminali inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma wettaqx żball fl-evalwazzjoni tal-elementi prodotti mill-awtoritajiet Tuneżini u ma assoċjax ruħu f’“attività illegali” ta’ dawn tal-aħħar billi qies li l-imsemmija elementi jippermettu t-tiġdid tal-miżuri restrittivi diretti kontra r-rikorrent.

201    Għalhekk, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ attività sinjifikattiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja fit-Tuneżija, f’dak li jirrigwarda r-rikorrent

202    Ir-rikorrent isostni li d-dokument tal-10 ta’ Diċembru 2015 bir-Referenza MD 745/15 ADD 1 EXT 1, li jinkludi folja stabbilita mill-awtoritajiet Tuneżini li telenka l-elementi prinċipali tal-kawża Nru 19592/1 li fiha huwa involut ir-rikorrent, jikxef assenza ta’ attività tal-awtoritajiet ġudizzjarji f’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni ta’ din il-kawża.

203    Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati.

204    Fil-fatt, minn naħa, il-folja inkwistjoni tindika li, fil-kuntest tal-kawża Nru 19592/1, fl-14 ta’ Mejju 2014 ir-rikorrent kien is-suġġett ta’ interrogatorju min-naħa tal-qorti li qed tmexxi l-investigazzjoni, fatt li r-rikorrent ma jikkontestax. Barra minn hekk, kif jirriżulta min-nota tal-avukat tar-rikorrent fit-Tuneżija tal-4 ta’ Frar 2016, annessa mat-tieni nota ta’ adattament, ir-rikorrent kien ukoll is-suġġett, preċedentement, ta’ żewġ interrogatorji fil-15 ta’ Frar 2012 u fil-21 ta’ Frar 2012, fil-kuntest tal-istess kawża.

205    Min-naħa l-oħra, mill-folja inkwistjoni jirriżulta b’mod ċar li l-Kawża Nru 19592/1 ma tirrigwardax biss lir-rikorrent, iżda wkoll lill-persuni kollha kkonċernati minn ilment li s-suġġett tiegħu huwa l-użu tar-rabta’ ta’ parentela jew ta’ lealtà mal-ex President tar-Repubblika sabiex jiġu konklużi kuntratti fittizji u kuntratti pubbliċi illegali. Minn din il-folja jirriżulta wkoll li, bejn l-14 ta’ Mejju 2014 u l-4 ta’ Marzu 2015, ittieħed numru kbir ta’ atti ta’ investigazzjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża mill-maġistrat jew mill-maġistrati kompetenti. Barra minn hekk, ma hemm xejn f’din il-folja li jindika li lil hinn minn dan il-perijodu ma kien ittieħed l-ebda att ta’ investigazzjoni.

206    Konsegwentement, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-fatt li, fil-kuntest tal-imsemmija kawża, l-aħħar att ta’ investigazzjoni li jirrigwarda lir-rikorrent u msemmi fil-folja inkwistjoni seħħ fl-14 ta’ Mejju 2014 ma huwiex ta’ natura, waħdu, li jindika trattament dilatorju ta’ din il-kawża u nuqqas ta’ diliġenza min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini. F’kull każ, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, għar-raġunijiet invokati fil-punti 67 sa 75 iktar ’il fuq, il-Kunsill ma jistax ikun obbligat, biss għal din ir-raġuni, li jtemm l-iffriżar ta’ assi kontra r-rikorrent. Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza f’dak li jirrigwarda l-fatti allegati kontra r-rikorrent u r-responsabbiltà individwali tiegħu

207    Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrent jibbaża ruħu fuq il-punt 44 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill (T-290/14, EU:T:2015:806), kif ukoll fuq il-punti 44 u 48 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), sabiex isostni li l-Kunsill ma għandux biss l-obbligu li jindika r-reati preċiżi li l-persuna li isimha huwa elenkat fil-lista inkwistjoni hija ssuspettata li wettqet, iżda wkoll li jagħti dettalji fir-rigward tar-responsabbiltà individwali tal-imsemmija persuna fl-atti kkonċernati. Dawn il-kriterji ma humiex issodisfatti f’dan il-każ. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, il-Kunsill ma jistax jillimita ruħu li jqis li huwa jista’ jiffriża l-assi fl-Unjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, biss għar-raġuni li huwa s-suġġett ta’ azzjonijiet fil-pajjiż terz inkwistjoni. Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrent, fl-assenza ta’ progress fil-proċedura kriminali kontrih, huwa ma jistax jitqies li huwa s-suġġett ta’ azzjonijiet kriminali.

208    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill (T-290/14, EU:T:2015:806), u tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), jirrigwardaw rikorsi kontra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK, tal-5 ta’ Marzu 2014, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26).

209    Fil-punt 44 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill (T-290/14, EU:T:2015:806), u fil-punt 44 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-unika prova li fuqha kienu msejsa l-miżuri restrittivi kontenzjużi, għalkemm kienet toriġina minn istanza ġudizzjarja għolja ta’ pajjiż terz, jiġifieri l-prosekutur pubbliku ġenerali tal-Ukraina, kienet tinvolvi biss dikjarazzjoni ġenerali u ġenerika li torbot isem ir-rikorrenti, fost dawk ta’ ex uffiċjali għolja oħra, ma’ investigazzjoni li, essenzjalment, kienet intiża li tivverifika l-eżistenza nnifisha ta’ fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Barra minn hekk, dejjem f’dawn l-istess punti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, għalkemm l-ittra kienet tindika r-reat li r-rikorrenti kienu ssuspettati li wettqu skont il-kodiċi kriminali Ukrain, jiġifieri approprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Ukrain ipprojbita mill-Artikolu 191 tal-imsemmi kodiċi, din l-ittra ma kienet tipprovdi l-ebda preċiżazzjoni la fuq l-istabbiliment tal-fatti li l-investigazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Ukraini kienet fil-proċess li tivverifika u, lanqas, fuq ir-responsabbiltà individwali, anki jekk sempliċement preżunta, tar-rikorrent fir-rigward tagħhom.

210    Barra minn hekk, fil-punt 48 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), il-Qorti Ġenerali qieset li, irrispettivament mill-istadju li fih kienet tinsab il-proċedura li tagħha r-rikorrent kien meqjus bħala s-suġġett, il-Kunsill ma setax jadotta miżuri restrittivi fir-rigward tiegħu mingħajr ma jkun jaf dwar il-fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi li kienu qed jiġu speċifikament allegati kontrih mill-awtoritajiet Ukraini, għaliex kien biss f’għarfien sħiħ tal-fatti li l-Kunsill kien ikun f’pożizzjoni li jistabbilixxi li dawn setgħu, minn naħa, jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, jipperikolaw l-istat tad-dritt fl-Ukraina, li t-tisħiħ jew is-sostenn tiegħu kien jikkostitwixxi l-għan imfittex bl-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45, punt 48).

211    Irrispettivament mill-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2014/119 humiex paragunabbli f’kull aspett għal dawk adottati fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2011/72, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 44 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill (T-290/14, EU:T:2015:806), u tal-punti 44 u 48 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), il-kuntest fattwali tal-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi huwa differenti b’mod sinjifikattiv minn dak ta’ din il-kawża.

212    Fil-fatt, minn naħa, il-kuntest ta’ din il-kawża huwa kkaratterizzat mill-eżistenza ta’ investigazzjoni ġudizzjarja fil-fażi tal-kompilazzjoni fil-konfront tar-rikorrent, li hija stabbilita permezz ta’ dikjarazzjonijiet min-naħa tal-qorti li fi ħdanha jitmexxew dawn l-investigazzjonijiet u li jispeċifikaw fid-dettall ir-riferimenti tal-kawża inkwistjoni kif ukoll in-natura eżatta tar-reati li huma s-suġġett ta’ din l-investigazzjoni u l-livell ta’ involviment preżunt tar-rikorrent f’dawn ir-reati. Konsegwentement, bil-kontra ta’ dak li jsostni r-rikorrent, il-miżuri restrittivi adottati kontrih huma msejsa fuq punti ta’ fatt konkreti li huma relatati mar-reati li huwa ssuspettat li wettaq u mar-responsabbiltà individwali preżunta tiegħu f’dawn ir-reati. Barra minn hekk, mill-atti tal-proċess jirriżulta li, minbarra dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kunsill kellu wkoll, meta adotta d-Deċiżjoni 2016/119, dokumenti li joriġinaw mill-awtoritajiet Tuneżini u li kien fihom preċiżazzjonijiet addizzjonali f’dak li jirrigwarda n-natura tal-fatti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni fir-rigward tar-rikorrent kif ukoll l-istat ta’ din l-investigazzjoni (ara d-dokumenti msemmija fil-punti 193 u 202 iktar ’il fuq).

213    Min-naħa l-oħra, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 44 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill (T-290/14, EU:T:2015:806), u fil-punt 44 tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), il-miżuri restrittivi inkwistjoni f’dawn is-sentenzi huma msejsa biss fuq ittra tal-prosekutur pubbliku ġenerali tal-Ukraina, li fiha biss dikjarazzjoni ġenerali u ġenerika li torbot isem ir-rikorrenti, fost dawk ta’ ex uffiċjali għolja oħra, ma’ investigazzjoni li, essenzjalment, kienet intiża li tivverifika l-eżistenza nnifisha ta’ fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u li ma tinkludi ebda preċiżazzjoni addizzjonali.

214    Għalhekk, ir-rikorrent ma jistax isostni li, fil-kuntest tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/119, il-Kunsill ma kienx osserva r-rekwiżiti ddefiniti fis-sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 2015, Portnov vs Il-Kunsill (T-290/14, EU:T:2015:806), u tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T‑486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45).

215    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li jgħid li ma setgħax jitqies bħala investigat mill-awtoritajiet Tuneżini, dan huwa, għar-raġunijiet esposti fil-punti 82 u 84 iktar ’il fuq, infondat.

216    Minn dak kollu li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-raba’ parti tat-tieni motiv u, konsegwentement, dan il-motiv kollu kemm hu jistgħu biss jiġu miċħuda.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni 2016/119 hija bla skop

217    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jillimita ruħu li jadatta għall-kuntest tad-Deċiżjoni 2016/119 l-argumenti li huwa espona fil-kuntest tat-tielet motiv tar-rikors u li huma essenzjalment imsejsa fuq it-teżi li l-iżviluppi fil-proċess demokratiku fit-Tuneżija jċaħħdu lil din id-deċiżjoni minn bażi legali. Issa, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 127 sa 133 iktar ’il fuq, dawn l-argumenti jistgħu biss jiġu miċħuda.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni

218    Fil-kuntest ta’ dan ir-raba’ motiv, ir-rikorrent jadatta l-argumenti dwar it-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni li huwa espona, fil-kuntest tar-rikors, insostenn tat-tieni parti tal-ewwel motiv u tal-ewwel parti tat-tieni motiv. Fl-opinjoni tiegħu, l-argumenti tal-Kunsill, fil-kuntest tal-kontroreplika, li jgħidu li t-tul tal-investigazzjoni ġudizzjarja tal-awtoritajiet Tuneżini huwa ġġustifikat minħabba n-natura tar-reati li huma s-suġġett tagħha u minħabba l-eżistenza ta’ proċeduri ta’ għajnuna legali, ma huwa msejjes fuq ebda punt ta’ fatt f’dak li jirrigwarda lilu. Barra minn hekk, iż-żamma tal-miżuri restrittivi hija msejsa fuq “vizzju ta’ ċirkularità”. Fil-fatt, l-awtoritajiet Tuneżini għandhom interess li ma jħaffux il-proċedura kriminali li tikkonċerna lir-rikorrent b’tali mod li jagħtu “effett punittiv massimu” għall-iffriżar tal-assi tar-rikorrent fl-Unjoni, filwaqt li l-Kunsill jista’ jiġġustifika t-tul ta’ dan l-iffriżar ta’ assi billi jinvoka t-tul tal-proċedura kriminali fit-Tuneżija.

219    Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq it-tieni nota ta’ adattament, il-Kunsill jirribatti li huwa jaġixxi b’mod indipendenti mill-awtoritajiet Tuneżini u li ma huwiex obbligat li jibbaża l-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fuq deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini, iżda biss li huwa għandu din il-possibbiltà. Minn dan huwa jikkonkludi li f’dan il-każ ma hemmx “vizzju ta’ ċirkularità” u li s-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2010, Al-Aqsa vs Il-Kunsill (T-348/07, EU:T:2010:373), li hija invokata mir-rikorrent, ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward.

220    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest taċ-ċaħda tat-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors, ġie espost, minn naħa, fil-punti 61 sa 75 iktar ’il fuq, li, anki fil-każ fejn l-elementi prodotti mir-rikorrent preċedentement għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157 kellhom jiġġustifikaw verifiki mill-Kunsill dwar l-istat tal-investigazzjonijiet ġudizzjarji li tagħhom huwa kien is-suġġett, dawn l-elementi ma setgħux jobbligaw lill-Kunsill itemm l-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-punti 77 u 78 iktar ’il fuq ġie espost li dawn l-elementi ma kinux ta’ natura li jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar eventwali ksur tad-dritt tiegħu għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet Tuneżini. Fil-punt 96 iktar ’il fuq, b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-istess raġunament sabiex tiċħad l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors.

221    Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, hekk kif sostna l-Kunsill fil-kontroreplika, huwa jqis li għandu elementi li juru li l-proċedura ġudizzjarja fit-Tuneżija ma hijiex affettwata minn dewmien indebitu u li din il-proċedura tifforma parti mill-kuntest ta’ kawża partikolarment kumplessa fejn hemm implikati diversi persuni ssuspettati. Huwa jibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq id-dokumenti bir-Referenza MD 2015/552 EXT 2 u MD 2015/553 EXT 2, li fihom rispettivament rapport tal-awtoritajiet Tuneżini fuq l-istat tal-progress tal-investigazzjonijiet ġudizzjarji tal-11 ta’ Mejju 2015 u folja dwar il-Kawża Nru 19592/1, tal-istess ġurnata, li joriġinaw mill-ewwel uffiċċju ta’ investigazzjoni tal-qorti distrettwali tal-ewwel istanza ta’ Tuneż.

222    Issa, għandu jiġi kkonstatat li d-dokumenti msemmija fil-punt 221 iktar ’il fuq donnhom jenfasizzaw l-eżistenza ta’ attività proċedurali effettiva fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-kawża li fiha huwa involut ir-rikorrent kif ukoll il-kumplessità ta’ din il-kawża minħabba n-numru ta’ persuni kkonċernati u l-miżuri ta’ investigazzjoni meħtieġa, b’mod partikolari mill-kummissjonijiet rogatorji internazzjonali.

223    Għalkemm huwa minnu li dawn id-dokumenti ma jagħmlux wisq riferiment għas-sitwazzjoni personali tar-rikorrent, dan tal-aħħar ma jistax, madankollu, jsostni li l-argumenti tal-Kunsill f’dan ir-rigward ma huma msejsa fuq ebda punt ta’ fatt fir-rigward tiegħu. Fil-fatt, sa fejn l-investigazzjoni dwar ir-reati li huwa ssuspettat li wettaq jifformaw parti mill-kuntest ta’ investigazzjoni iktar wiesgħa li tinvolvi diversi persuni oħra u li għandha portata internazzjonali, il-kumplessità ta’ din l-investigazzjoni jista’ jkollha effett fuq it-tul tal-proċedura b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rikorrent. Din l-analiżi hija kkonfermata bid-dokument tal-10 ta’ Diċembru 2015 bir-Referenza MD 745/15 ADD 1 EXT 1, imsemmi fil-punt 202 iktar ’il fuq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li l-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-rispett tat-terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni mill-awtoritajiet Tuneżini.

224    F’kull każ, minn dawn id-dokumenti kollha jirriżulta li l-Kunsill, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, wettaq, qabel ma adotta d-Deċiżjoni 2016/119, verifika fil-fond tal-istat tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda lir-rikorrent u li, konsegwentement, huwa ma jistax jiġi kkritikat li ma ħax inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tat-tul tal-proċeduri kriminali fit-Tuneżija. Barra minn hekk, għar-raġunijiet invokati fil-punti 61 sa 75 iktar ’il fuq, anki jekk jitqies li dawn il-proċeduri huma vvizzjati minn dewmien mhux iġġustifikat fir-rigward tat-trattament tal-każ tar-rikorrent, dan id-dewmien ma jobbligax neċessarjament lill-Kunsill itemm l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent fl-Unjoni.

225    L-argument tar-rikorrent ibbażat fuq allegat vizzju ta’ ċirkularità li jirriżulta mir-relazzjoni bejn il-proċeduri ġudizzjarji fit-Tuneżija u l-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jikkonfuta dawn il-konklużjonijiet.

226    Fil-fatt, dan l-argument huwa msejjes fuq il-premessa li l-awtoritajiet Tuneżini qed jadottaw, intenzjonalment, aġir dilatorju fit-trattament tal-investigazzjoni ġudizzjarja li tirrigwarda lir-rikorrent biex iżommu l-estensjoni tal-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni b’għan punittiv u li l-Kunsill qed jikkontribwixxi intenzjonalment għall dan l-abbuż. Issa, minn naħa, għandu jiġi osservat li f’dan ir-rigward ir-rikorrent ma jipproduċi ebda element li jista’ jindika l-eżistenza ta’ tali intenzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Tuneżini jew ta’ kunsens għal tali abbuż min-naħa tal-Kunsill. Min-naħa l-oħra, l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent fl-Unjoni ma jistax ikollu natura punittiva, peress li dan ma għandu l-ebda konnotazzjoni kriminali u huwa suġġett għal ċerti limiti. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, minbarra n-natura temporanja u riversibbli tiegħu, dan l-iffriżar ta’ assi, li huwa s-suġġett ta’ diversi derogi skont l-Artikolu 1(3) u (4) tad-Deċiżjoni 2011/72 u abbażi tal-Artikolu 1(5) ta’ din id-deċiżjoni, ma jċaħħadx lir-rikorrent mid-dħul li jirriżulta mir-remunerazzjoni tal-kontijiet tiegħu jew mill-ħlas ta’ kuntratti, ftehimiet jew obbligi konklużi qabel ma seħħ l-imsemmi ffriżar ta’ assi. L-effetti ta’ dan l-iffriżar ta’ assi fuq ir-rikorrent għalhekk ma humiex ekwivalenti għal dawk ta’ sanzjoni kriminali. Għaldaqstant, l-argument huwa ta’ natura purament spekulattiva.

227    Għalhekk, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà

228    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrent jadatta l-ħames motiv tar-rikors u jsostni li, sa fejn ma teżistix bażi fattwali li tiġġustifika l-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni u sa fejn dan tal-aħħar dam għal iktar minn terminu raġonevoli, dan jikkostitwixxi ndħil manifestament sproporzjonat fid-dritt tiegħu għall-proprjetà.

229    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill jikkontesta dan l-argument.

230    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, kif ġie kkonstatat fil-punt 151 iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-ħames motiv tar-rikors, ir-rikorrent ikkontesta biss il-fatt li l-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni ma kienx jissodisfa l-ewwel żewġ rekwiżiti għal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà ddefiniti fil-ġurisprudenza, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li din il-limitazzjoni tkun imsejsa fuq bażi legali u, min-naħa l-oħra, il-fatt li din tkun tissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrent jikkontesta wkoll il-fatt li t-tielet wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri n-natura neċessarja u proporzjonali għall-għan imfittex mill-imsemmija limitazzjoni, huwa ssodisfat. Issa, il-preżentazzjoni ta’ dan l-aħħar ilment, li ma jistax jitqies li huwa elaborazzjoni tal-ilmenti esposti fil-kuntest tal-ħames motiv tar-rikors u li għalhekk huwa ġdid, ma huwiex iġġustifikat mill-elementi l-ġodda li seħħew qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2016/119 (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2013, Anbouba vs Il-Kunsill, T-563/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:429, punti 52 u 53). Barra minn dan, dan l-ilment huwa, f’kull każ, infondat.

231    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-iffriżar tal-assi ta’ persuni kkonċernati minn deċiżjoni adottata abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-PESK ma għandux jikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika l-essenza stess tad-dritt għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Manufacturing Support & Procurement Kala Naft, C-348/12 P, EU:C:2013:776, punti 121 u 122 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li restrizzjonijiet għall-użu tad-dritt għall-proprjetà tal-persuni kkonċernati minn miżura restrittiva bħal ma huwa l-iffriżar ta’ fondi inkwistjoni f’din il-kawża jirriżultaw mhux biss mill-portata ġenerali tal-miżura inkwistjoni, iżda, skont il-każ, ukoll mit-tul effettiv tal-applikazzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, it-tul tal-perijodu li matulu miżura bħal dik kontenzjuża tkun applikata jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li l-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tal-proporzjonalità tal-imsemmija miżura (sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, CW vs Il-Kunsill, T-516/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:377, punt 172).

232    F’dan il-każ, peress li r-rikorrent jibbaża dan il-motiv biss fuq l-allegat nuqqas ta’ bażi fattwali tal-iffriżar ta’ assi kontenzjuż u fuq it-tul eċċessiv tiegħu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti, minn naħa, fil-punti 186 sa 216 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tat-tieni motiv u, min-naħa l-oħra, fil-punti 220 sa 226 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ motiv, l-iffriżar tal-assi tar-rikorrent huwa msejjes fuq bażi fattwali suffiċjenti u ma ġiex applikat matul perijodu eċċessiv. Konsegwentement, il-proporzjonalità ta’ din il-miżura ma hijiex affettwata minn dan.

233    Għalhekk, il-ħames motiv jista’ biss jiġi miċħud. Peress li ebda wieħed mill-motivi mqajma fit-tieni nota ta’ adattament ma huwa fondat, it-talbiet tar-rikorrent għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/119 u, konsegwentement, ir-rikors kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

234    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

235    Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      M. Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk huwa kkundannat, minbarra għal ispejjeż tiegħu, għal dawk sostnuti mill-Kunsill.

Gratsias

Labucka

Ulloa Rubio

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-5 ta’ Ottubru 2017.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-kuntest fattwali

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

F’dak li jirrigwarda l-konklużjonijiet tar-rikors, intiżi għall-annullament tad-Deċiżjoni 2015/157

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Kunsill qies żbaljatament li l-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha r-rikorrenti huwa s-suġġett fit-Tuneżija kienet tikkostitwixxi bażi fattwali suffiċjenti

– F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-iżviluppi favorevoli tad-diversi proċeduri ġudizzjarji fil-konfront tar-rikorrent fit-Tuneżija

– F’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kunsill tal-ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontra r-rikorrent

– Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq żball ta’ liġi tal-Kunsill sa fejn dan tal-aħħar qies żbaljatament l-elementi prodotti mill-awtoritajiet Tuneżini li kienu jistabbilixxu l-eżistenza ta’ azzjonijiet diretti kontra r-rikorrent

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq diversi ksur tad-drittijiet fundamentali tar-rikorrent li bihom hija vvizzjata l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2015/157

– Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta minħabba nuqqas ta’ osservanza, mill-Kunsill innifsu, tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni

– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, minħabba stqarrija għall-istampa tal-Kunsill tal-31 ta’ Jannar 2011

– Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari għal trattament imparzjali f’dak kollu li jirrigwardah, abbażi tal-Artikolu 41(1) tal-Karta

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ għan tad-Deċiżjoni 2015/157, fid-dawl tal-iżviluppi tal-proċess ta’ demokratizzazzjoni fit-Tuneżija

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat, sussidjarjament, fuq “żball manifest ta’ evalwazzjoni”, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti mill-Kunsill tal-“element [ta’] dritt kriminali” tad-Deċiżjoni 2015/157

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u tal-Artikolu 17 tal-Karta

F’dak li jirrigwarda t-talbiet tal-ewwel nota ta’ adattament, intiża għall-annullament tad-“deċiżjoni” tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha dan tal-aħħar ċaħad it-talba tar-rikorrent tad-29 ta’ Mejju 2015 sabiex ismu jitneħħa mil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2011/72

F’dak li jirrigwarda t-talbiet tat-tieni nota ta’ adattament, intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/119

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ bażi fattwali suffiċjentement solida tal-miżuri kontenzjużi

– Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-natura vaga wisq tal-allegazzjonijiet li fuqhom hija msejsa ż-żamma tal-elenkar ta’ isem ir-rikorrent fl-anness tad-Deċiżjoni 2011/72

– Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ eżami separat tal-fajl tar-rikorrent mill-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini

– Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-assenza ta’ attività sinjifikattiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja fit-Tuneżija, f’dak li jirrigwarda r-rikorrent

– Fuq ir-raba’ parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni meħtieġa mill-ġurisprudenza f’dak li jirrigwarda l-fatti allegati kontra r-rikorrent u r-responsabbiltà individwali tiegħu

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni 2016/119 hija bla skop

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà

Fuq l-ispejjeż


*Lingwi tal-kawża: l-Ingliż u l-Franċiż.