Language of document : ECLI:EU:C:2017:755

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

12 ta’ Ottubru 2017 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Suċċessjonijiet u Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Proprjetà immobbli li tinsab fi Stat Membru li ma jirrikonoxxix il-legat ‘b’invokazzjoni’ – Rifjut ta’ rikonoxximent tal-effetti reali ta’ tali legat”

Fil-Kawża C‑218/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (qorti reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ April 2016, fil-proċedura

Aleksandra Kubicka

fil-preżenza ta’:

Przemysława Bac, li qed taġixxi bħala nutar,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader (Relatur), A. Prechal, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Y. Bot,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Marzu 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Przemysława Bac, minn M. Margoński, zastępca notarialny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Nowak kif ukoll minn S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, J. Möller u M. Hellmann kif ukoll minn J. Mentgen, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn E. Tsaousi u A. Magrippi, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn V. Ester Casas u S. Jiménez García, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós kif ukoll minn M. Tátrai, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(k) u (l) u tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) tal-Parlament u tal-Kunsill Nru 650/2012, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri mibdija minn Aleksandra Kubicka kontra nutar stabbilit fi Slubice (il-Polonja), sabiex jiġi redatt testment awtentiku li jipprevedi legat “b’invokazzjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 7, 8, 15, 18, 19 u 37 tar-Regolament Nru 650/2012 huma fformulati kif ġej:

“(7)      Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

(8)      Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-infurzabbiltà u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u tranżazzjonijiet ġudizzjarji u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

[…]

(15)      Dan ir-Regolament għandu jippermetti l-ħolqien jew it-trasferiment permezz tas-suċċessjoni ta’ dritt fil-proprjetà immobbli jew mobbli kif previst fil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni. Madankollu dan ma għandux jaffettwa l-għadd limitat (“numerus clausus”) tad-drittijiet reali magħrufa fid-dritt nazzjonali ta’ xi Stati Membri. Stat Membru ma għandux jintalab jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma’ proprjetà li tinsab f’dak l-Istat Membru jekk id-dritt in rem ikkonċernat ma jkunx magħruf fil-liġi tiegħu.

[…]

(18)      Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni f’reġistru ta’ dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitaelex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni [ta’ dritt in rem] u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew in-nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita [redatta] tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. B’mod partikolari, l-awtoritajiet jistgħu jikkontrollaw li d-dritt ta’ konjuġi [decujus] għall-proprjetà msemmi fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni ikun dritt li jkun reġistrat bħala tali fir-reġistru jew li huwa muri mod ieħor skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru. Sabiex tkun evitata d-duplikazzjoni ta’ dokumenti, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw tali dokumenti, mfasslin fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija prevista minn dan ir-Regolament. B’mod partikolari, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrar ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni f’reġistru ta’ Stat Membru. Dan ma għandux jipprekludi l-awtoritajiet involuti fir-reġistrazzjoni milli jitolbu lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni biex tipprovdi tali informazzjoni addizzjonali jew tippreżenta tali dokumenti addizzjonali kif meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, bħala eżempju, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħlas ta’ dħul [taxxi]. L-awtorità kompetenti tista’ tindika lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni kif tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.

(19)      L-effetti tar-reġistrar ta’ dritt f’reġistru għandhom wkoll jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru li tiddetermina jekk fil-fatt ir-reġistrar huwiex, bħala eżempju, dikjaratorju jew kostituttiv. B’hekk, fejn bħala eżempju, l-akkwist ta’ dritt fi proprjetà immobbli jeħtieġ li jiġi rreġistrat f’reġistru skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru sabiex jiġi żgurat l-effett erga omnes tar-reġistri jew biex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet legali, il-mument ta’ tali akkwist għandu jiġi rregolat mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

[…]

(37)      Sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu, biċ-ċertezza legali kollha, mill-vantaġġi offruti mis-suq intern, dan ir-Regolament għandu jippermettilhom jkunu jafu minn qabel il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni tagħhom. Għandhom jiġu introdotti regoli armonizzati ta’ kunflitti ta’ liġijiet biex jiġu evitati riżultati kontradittorji. Ir-regola prinċipali għandha tiżgura li s-suċċessjoni tkun irregolata minn liġi prevedibbli li magħha tkun marbuta mill-qrib. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, dik il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà kollha li tifforma parti mill-partimonju, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz.

[…]”

4        Skont l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.

2.      Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

k)      in-natura tad-drittijiet in rem; [u]

l)      kwalunkwe reġistrar f’reġistru tad-drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti tar-reġistrar jew tan-nuqqas ta’ reġistrar ta’ tali drittijiet f’reġistru.”

5        L-Artikolu 3(1)(a) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi s-“suċċessjoni” bħala “is-suċċessjoni għall-patrimonju tad-deċedut u tkopri l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.

6        L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Għażla ta’ liġi”, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafi 1 tiegħu jipprevedi:

“Persuna tista’ tagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni tagħha fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li hija jkollha ċ-ċittadinanza tiegħu fil-mument li fiha tkun qiegħda tagħmel l-għażla [jew fil-ħin tal-mewt].”

7        L-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi applikabbli”, fil-paragrafi 1 u 2(b) u (e) tiegħu jipprevedi:

“1.      Il-liġi determinata skont l-Artikolu 21 jew l-Artikolu 22 għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha.

2.      Dik il-liġi tirregola, b’mod partikolari:

[…]

b)      id-determinazzjoni tal-benefiċjarji, tas-sehem rispettiv tagħhom u tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuqhom mid-deċedut, u d-determinazzjoni ta’ drittijiet oħra ta’ suċċessjoni, inklużi d-drittijiet ta’ suċċessjoni ta’ mart/żewġ jew tas-sieħba/sieħeb superstiti;

[…]

e)      it-trasferiment lill-eredi u, skont il-każ, lil-legatarji tal-assi, id-drittijiet u l-obbligi li jagħmlu parti mill-patrimonju, inklużi l-kondizzjonijiet u l-effetti tal-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni jew tal-legat.”

8        Skont l-Artikolu 31 tal-imsemmi regolament, intitolat “Adattament ta’ drittijiet in rem”:

“Meta persuna tinvoka dritt in rem li hija tkun intitolata għalih skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt huwa invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u safejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti skont il-liġi ta’ dak l-Istat waqt li jittieħed kont tal-għanijiet u tal-interessi li jfittex id-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.”

9        Il-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, huwa magħmul mill-Artikoli 62 sa 73 tiegħu. L-Artikolu 62 ta’ dan tal-aħħar jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn 'il quddiem “iċ-Ċertifikat”) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.      L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju.

3.      Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.”

10      L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Fini taċ-Ċertifikat”, fil-paragrafi 1 u 2(b) tiegħu jipprevedi:

“1.      Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta, legatarji li għandhom drittijiet diretti fis-suċċessjoni u […] li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta jew legatarji […]

2.      Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

a)      l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;

b)      l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;

[…]”

11      L-Artikolu 68 tal-istess regolament, li jirregola l-kontenut taċ-ċertifikat, jipprevedi:

“Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

[…]

m)      il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe legatarju partikolari;

[…]”

12      L-Artikolu 69 tal-istess regolament, intitolat “Kontenut taċ-Ċertifikat”, jistipula:

“1.      Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.      Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, il-legatarju, […] għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

[…]

5.      Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2).”

 Id-dritt Pollakk

 Ilkodiċi ċivili

13      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9811, tal-Kodeks Cywilny (kodiċi ċivili) jipprevedi:

“It-testatur jista’ jiddeċiedi, permezz ta’ testment notarili, li persuna partikolari takkwista l-oġġett ta’ legat mill-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni (legat “b’invokazzjoni”).

[…]”

14      Skont il-punt 2 tat-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 9811, l-oġġett ta’ tali legat jista’ b’mod partikolari jikkonsisti f’sehem ta’ proprjetà fuq immobbli, li jikkostitwixxi dritt patrimonjali trasferibbli.

15      L-Artikolu 968 tal-kodiċi ċivili jikkonċerna il-“legat b’eżekuzzjoni”, li permezz tiegħu t-testatur jista’ jagħżel kull forma testamentarja legali, inkluż it-testment olografiku. B’din id-dispożizzjoni, il-werriet huwa obbligat jittrasferixxi d-dritt fuq il-proprjetà lil-legatarju, li jagħti li dan tal-aħħar id-dritt li jitlob l-eżekuzzjoni tal-legat.

 Ilkodiċi notarili

16      Skont l-Artikolu 81 tal-Prawo o notariacie (liġi li tintroduċi kodiċi notarili), tal-14 ta’ Frar 1991 (Dz. U. Nru 22, pożizzjoni 91), kif emendata bil-liġi tat-13 ta’ Diċembru 2013, (Dz. U. tal-2014, pożizzjoni 164) (iktar 'il quddiem il-“kodiċi notarili”), in-nutar huwa obbligat li jirrifjuta li jeżegwixxi att notarili illeċitu.

17      Mill-Artikolu 83(2) tal-kodiċi notarili jirriżulta jipprevedi li l-persuna li tiġi rrifjutata, minn nutar, li jiġi redatt att notarili, tista’ tippreżenta rikors kontra dan ir-rifjut. Dan tal-aħħar qabel kollox ikun suġġett ta’ awtokontroll min-nutar stess, li, jekk jiddeċiedi li huwa fondat, jirrediġi l-att notarili mitlub. Għal-kuntrarju, meta n-nutar stess ma jilqax ir-rikors, dan jiġi eżaminat mis-Sąd Okręgowy (qorti reġjonali, il-Polonja) tal-post fejn huwa stabbilit in-nutar.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18      A. Kubicka, ċittadina Pollakka li tirrisjedi fi Frankfurt an der Oder (il-Ġermanja), hija miżżewġa lil ċittadin Ġermaniż u minn din l-unjoni twieldu żewġ ulied, li għadhom minorenni. Il-konjuġi huma koproprjetarji nofs kull wieħed ta’ art fi Frankfurt an der Oder li fuqha hija mibnija d-dar tal-familja tagħhom. Sabiex tagħmel it-testment tagħha, A. Kubicka marret għand nutar li jeżerċita fi Słubice.

19      A. Kubicka tixtieq idaħħal fit-testment tagħha legat “b’invokazzjoni”, permess mid-dritt Pollakk, favur żewġha, fuq is-sehem li hija proprjetarja tiegħu fl-immobbli komuni li jinsab fi Frankfurt an der Oder. Għall-kumplament tal-patrimonju tagħha, hija ppreferiet iżżomm l-ordni ta’ suċċessjoni legali, li permezz tagħha żewġha u uliedha jirtu f’ishma indaqs.

20      Hija espressament eskludiet l-użu tal-legat ordinarju (legat “b’eżekuzzjoni”), previst mill-Artikolu 968 tal-kodiċi ċivili, sa fejn dan jikkawża diffikultajiet marbuta mal-rappreżentazzjoni tal-ulied minuri tagħha, li għandhom dritt ta’ suċċessjoni, kif ukoll spejjeż supplimentari.

21      Fl-4 ta’ Novembru 2015, l-assistent tan-nutar irrifjuta li jirrediġi t- testment li fin il-legat “b’invokazzjoni” mixtieq minn A. Kubicka peress li r-redazzjoni ta’ testment li fih tali legat hija kontra l-leġiżlazzjoni u l-ġurisprudenza Ġermaniża dwar id-drittijiet in rem u r-reġistru tal-artijiet, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont l-Artikolu 1(2)(k) u (l), kif ukoll l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 u li tali att huwa, konsegwentement, illegali.

22      Huwa speċifika li, fil-Ġermanja, ir-reġistrazzjoni tal-legatarju fir-reġistru tal-artijiet ma tistax issir ħlief permezz ta’ att notarili li huwa kuntratt ta’ trasferiment tal-proprjetà fuq l-immobbli bejn il-werrieta u l-legatarju. Il-legati “b’invokazzjoni” barranin huma suġġetti, fil-Ġermanja, li jiġu adattati għal legati “b’eżekuzzjoni” skont l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012. Din l-interpretazzjoni tirriżulta mill-motivi tal-liġi Ġermaniża li tittrasponi r-Regolament Nru 650/2012 [Internationales Erbrechtsverfahrensgesetz (liġi dwar il-proċeduri dwar id-dritt tas-suċċessjoni internazzjonali) tad-29 ta’ Ġunju 2015, BGBl. I, p. 1042).

23      Fid-16 ta’ Novembru 2015, A. Kubicka ippreżenta, skont l-Artikolu 83 tal-kodiċi notarili, quddiem in-nutar tal-att, rikors kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta li jiġi redatt testment li fih l-imsemmi legat “b’invokazzjoni”. Hija sostniet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretat b’mod awtonomu u, essenzjalment, li ebda dispożizzjoni tagħha ma tiġġustifika restrizzjoni tal-istatus tas-suċċessjoni b’mod li tiġġustifika l-assenza ta’ rikonoxximent ta’ effetti reali tal-legat “b’invokazzjoni”.

24      Peress li r-rikors ippreżentat minn A. Kubicka quddiem l-assistent tan-nutar ma ntlaqgħax, hija ppreżentat rikors quddiem is-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (qorti reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja).

25      Il-qorti tar-rinviju tqis li, skont l-Artikolu 23(2)(b) u (e), kif ukoll l-Artikolu 68(m) tar-Regolament Nru 650/2012, il-legat “b’invokazzjoni” jaqa’ fil-kamp tal-istatus ta’ suċċessjoni, iżda tistaqsi sa fejn il-liġi applikabbli għall-post fejn ikun jinsab il-beni tista’ twassal għal limitazzjoni tal-effetti reali ta’ legat “b’invokazzjoni” previst mil-liġi tas-suċċessjoni magħżula.

26      Peress li, skont l-Artikolu 1(2)(k) tar-Regolament Nru 650/2012 regolament, in-“natura tad-drittijiet in rem” hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament, il-legat “b’invokazzjoni” previst mil-liġi tas-suċċessjoni ma jistax joħloq fuq beni drittijiet li ma humiex rikonoxxuti mil-lex rei sitae tal-proprjetà tal-legat. Madankollu, għandu jiġi stabbilit jekk din l-istess dispożizzjoni teskludix ukoll mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament il-bażijiet possibbli għall-akkwist ta’ drittijiet in rem. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni tal-kisba ta’ drittijiet in rem permezz ta’ legat “b’invokazzjoni” taqa’ esklużivament fl-istatus ta’ suċċessjoni. Id-duttrina Pollakka f’dan il-qasam għandha l-istess pożizzjoni, filwaqt li l-ispjegazzjoni tal-motivi tal-abbozz ta’ liġi tas-suċċessjoni internazzjonali u li temenda d-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikat ta’ wirt kif ukoll dispożizzjonijiet oħra [Gesetzesentwurf der Bundesregierung, BT-Drs. 17/5451 tal-4 ta’ Marzu 2015] tipprevedi li ma huwiex obbligatorju, fil-kuntest tar-Regolament Nru 650/2012, li d-dritt Ġermaniż jirrikonoxxi legat “b’invokazzjoni” abbażi ta’ testment redatt skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor.

27      Meta tirreferi għall-Artikolu 1(2) (l) tal-istess regolament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-liġi applikabbli għar-reġistri ta’ drittijiet fuq immobbli jew mobbli tistax taffettwa l-konsegwenzi tas-suċċessjoni tal-legat. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li jekk tiġi aċċettata klassifikazzjoni tas-suċċessjoni tal-effetti reali tal-legat, il-liġi tal-Istat Membru li fin jinżamm tali reġistru tirregola biss il-mod ta’ prova tal-effetti tal-akkwist tas-suċċessjoni u ma tistax taffettwa l-akkwist innifsu.

28      Din l-qorti tosserva wkoll li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 tiddependi wkoll fuq sa fejn l-Istat Membru li fih jinsab il-beni jistax jew le jikkontesta l-effett reali ta’ dan il-legat li jirriżulta mil-liġi tas-suċċessjoni li ntgħażlet.

29      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (qorti reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 1(2)(k) u (l) jew 31 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jippermettu r-rifjut tar rikonoxximent tal-effetti reali ta’ legat ‘b’invokazzjoni’ (legatum per vindicationem) previst mil-liġi tas-suċċessjoni, meta dan il-legat jirrigwarda d-dritt għall-proprjetà ta’ immobbli li jinsab fi Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikonoxxix l-istabbiliment tal-legat b’effett reali dirett?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

30      Il-Gvern Ġermaniż u dak Ungeriż jikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari għaliex hija ipotetika.

31      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li tagħti lil dawn l-aħħar ir-responsabbiltà li jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa għal deċiżjoni preliminari sabiex ikunu jistgħu jaqtgħu s-sentenza kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Weber, C-438/12, EU:C:2014:212, punt 34 u tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero, C-97/16, EU:C:2017:158, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      B’hekk, ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Weber, C-438/12, EU:C:2014:212, punt 35 u tat-2 ta’ Marzu 2017, Pérez Retamero, C-97/16, EU:C:2017:158, punti 21 u 22 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      Il-Gvern Ġermaniż iqis li ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni tal-tal-qorti tar-rinviju għaliex il-fatt li jiġi redatt testment notarili, li għalih intgħażel id-dritt Pollakk, li jipprevedi legat “b’invokazzjoni” fuq immobbli li jinsab fil-Ġermanja, ikun illegali.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif tesponi d-deċiżjoni tar-rinviju, l-Artikolu 81 tal-kodiċi notarili jipprevedi li n-nutar huwa legalment obbligat li jirrifjuta li jwettaq att notarili illegali. Barra minn hekk, kif tfakkar waqt is-seduta, il-qrati Pollakki kienu kkunsidraw bħala illegali dispożizzjonijiet ta’ legat “b’invokazzjoni” li, minħabba l-istruttura legali tagħhom, kienu ineffikaċi.

35      Issa, fil-kawża prinċipali, it-testatur, li għażel, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 650/2012, il-liġi tas-suċċessjoni Pollakka, irid jistitwixxi fit-testment tiegħu legat “b’invokazzjoni” fuq immobbli li jinsab fil-Ġermanja, Stat Membru li fih l-effetti reali tal-imsemmi legat ma humiex rikonoxxuti.

36      B’hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(k) u (l) kif ukoll tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 ma hijiex neċessarja għar-riżoluzzjoni tal-proċedura fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-fondatezza tar-rifjut tan-nutar li jirrediġi l-att notarili mitlub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, għar-raġuni li jkun kuntrarju għal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, fid-dawl ta’ dan ir-regolament.

37      Sabiex isostni min-naħa tiegħu, l-inammissibbiltà tad-domanda preliminari, il-Gvern Ungeriż isostni li l-kwistjoni hija relatata ma’ tilwima li għadha ma bdietx, peress li t-testatur ma kienx miet u l-awtorità Ġermaniża responsabbli sabiex iżżomm ir-reġistru tal-artijiet ma kinitx adita bis-suġġett tal-imsemmi immobbli.

38      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 650/2012, dan tal-aħħar jippermetti l-organizzazzjoni minn qabel taċ-ċittadini tas-suċċessjoni tagħhom. Is-sempliċi fatt li, fil-proċeduri fil-kawża prinċipali, is-suċċessjoni għadha ma hijiex miftuħa, ma jistax għaldaqstant jagħmel ipotetika d-domanda magħmula.

39      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li d-domanda preliminari magħmula hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

40      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1(2)(k) u (l) kif ukoll l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu r-rifjut tar-rikonoxximent, minn awtorità ta’ Stat Membru, tal-effetti reali ta’ legat “b’invokazzjoni”, rikonoxxut mid-dritt applikabbli għas-suċċessjoni, li bih testatur għażel skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan l-istess regolament, meta dan ir-rifjut huwa bbażat fuq ir-raġuni biss li dan il-legat jirrigwarda d-dritt għall-proprjetà ta’ immobbli li jinsab f’dan l-Istat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikonoxxix l-istituzzjoni tal-legat b’effett reali dirett fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni.

41      Għandu jitfakkar li, qabel kollox, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 650/2012, dan tal-aħħar japplika għas-suċċessjonijiet causa mortis. L-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament jispeċifika li dawn is-suċċessjonijiet ikopru “l-forom kollha ta’ trasferiment ta’ assi, drittijiet u obbligi minħabba mewt, kemm jekk dan ikun trasferiment volontarju skont trasferiment causa mortis, jew trasferiment permezz ta’ suċċessjoni ab intestato”.

42      Huwa kkonstatat li l-fatti fil-kawża prinċipali jikkonċernaw suċċessjoni testamentarja.

43      Mill-Artikolu 22(1) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li t-testatur jista’ jagħżel bħala l-liġi li tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha l-liġi tal-Istat li tiegħu għandu n-nazzjonalità. Għandu jkun speċifikat ukoll li r-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxi, fl-Artikolu 23(1) tiegħu, il-prinċipju tal-unità tal-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

44      Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk ippreċiża, kif jirriżulta wkoll mill-premessa 37 tal-imsemmi regolament li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suċċessjoni, din il-liġi għandha tirregola s-suċċessjoni fl-intier tagħha, jiġifieri l-proprjetà fl-intier tagħha li tifforma parti mill-patrimonju li tifforma s-suċċessjoni, irrispettivament min-natura tal-beni u minkejja jekk il-beni jkunux jinsabu fi Stat Membru ieħor jew fi Stat terz. B’hekk, din il-liġi tirregola, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 650/2012, b’mod partikolari t-trasferiment tal-beni li jiffurmaw is-suċċessjoni lill-eredi jew, skont il-każ, lill-legatarji.

45      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jelenka serje ta’ suġġetti esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament li fosthom jinsabu, fil-punt k) “in-natura tad-drittijiet in rem” u fil-punt l), “kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru”.

46      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 1(2)(k) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut tar-rikonoxximent, fil-Ġermanja, tal-effetti reali tal-legat “b’invokazzjoni” previst mid-dritt Pollakk, għandu jiġi osservat qabel kollox li din id-dispożizzjoni teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament “in-natura tad-drittijiet in rem”.

47      Din id-dispożizzjoni tkopri, kif jirriżulta mill-ispjegazzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kompetenza, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni [COM (2009) 154 finali, p. 5], il-klassifikazzjoni ta’ beni u drittijiet u d-determinazzjoni ta’ prerogattivi ta’ detenturi ta’ tali drittijiet.

48      Barra minn hekk, l-eżistenza u n-numru ta’ drittijiet in rem fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri (“numerus clausus”) taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, il-premessa 15 tar-Regolament Nru 650/2012 tispeċifika f’dan ir-rigward li dan ir-regolament ma jippreġudikax in-numru limitat (“numerus clausus”) ta’ drittijiet in rem li hemm fid-dritt nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri, u li Stat Membru ma għandux ikun obbligat li jirrikonoxxi dritt in rem relatat ma’ beni li jinsabu f’dan l-Istat Membru, jekk tali dritt in rem ikkonċernat ma jkunx rikonoxxut fid-dritt tiegħu.

49      F’dan il-każ, kemm il-legat “b’invokazzjoni”, previst mid-dritt Pollakk kif ukoll il-legat “b’eżekuzzjoni” previst mid-dritt Ġermaniż, jikkostitwixxu modalitajiet ta’ trasferiment tal-proprjetà ta’ beni, jiġifieri, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ dritt in rem, rikonoxxut fiż-żewġ sistemi legali kkonċernati. B’hekk, it-trasferiment dirett ta’ dritt ta’ proprjetà permezz ta’ legat “b’invokazzjoni” jikkonċerna biss il-modalitajiet tat-trasferiment ta’ dan id-dritt in rem waqt il-mewt tat-testatur, li r-Regolament Nru 650/2012 preċiżament, skont il-premessa 15 tiegħu, jippermetti, skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni.

50      Issa, tali modalitajiet ta’ trasferiment ma humiex koperti mill-Artikolu 1(2)(k) tar-Regolament Nru 650/2012.

51      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1(2)(k) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut tar-rikonoxximent fi Stat Membru, li s-sistema legali tiegħu ma tirrikonoxxix il-legat “b’invokazzjoni”, tal-effetti reali prodotti minn tali legat fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni, skont il-liġi tas-suċċessjoni magħżula mit-testatur.

52      Fit-tieni lok, fir-rigward dwar jekk l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut tar-rikonoxximent tal-effetti reali tal-legat “b’invokazzjoni”, għandu jiġi rrilevat li, skont din id-dispożizzjoni, kwalunkwe reġistrazzjoni f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrazzjoni, kif ukoll l-effetti tar-reġistrazzjoni jew in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

53      Il-premessa 18 tar-Regolament Nru 650/2012 tispeċifika f’dan ir-rigward li “għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitaelex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni [ta’ dritt in rem]”. Barra minn hekk, skont il-premessa 19 tal-istess regolament, meta “l-akkwist ta’ dritt fi proprjetà immobbli jeħtieġ li jiġi rreġistrat f’reġistru skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru sabiex jiġi żgurat l-effett erga omnes tar-reġistri jew sabiex jiġu protetti t-tranżazzjonijiet legali, il-mument ta’ tali akkwist għandu jiġi rregolat mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

54      Isegwi minn dan, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, li sa fejn l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament 650/2012 jkopri biss reġistrazzjoni f’reġistru ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrazzjoni jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru, il-kundizzjonijiet li fihom tali drittijiet jkunu akkwistati ma jinsabux fost il-materji esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont din id-dispożizzjoni.

55      Fil-fatt, din ir-riżerva għandha neċessarjament tingħaqad mal-prinċipju tal-unità tal-liġi tas-suċċessjoni, previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 650/2012, u b’mod partikolari il-paragrafu 2(e) li jipprevedi li din tirregola “it-trasferiment lill-eredi u skont il-każ lil-legatarji tal-assi, id-drittijiet u l-obbligi”.

56      Tali interpretazzjoni tissodisfa wkoll l-għan segwit mir-Regolament Nru 650/2012, imsemmi fil-premessa 7 tiegħu, li jfittex li jiffaċilita l-funzjonament xieraq tas-suq intern billi jneħħi x-xkiel għall-moviment ħieles ta’ persuni li jixtiequ li jsostnu d-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn suċċessjoni transkonfinali. Skont din l-istess premessa, fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu f’pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem.

57      F’dan il-kuntest, li jiġi ammess li l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 jippermetti esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament tal-akkwist ta’ proprjetà ta’ beni b’legat “b’invokazzjoni”, iwassal għal diviżjoni tas-suċċessjoni, inkompatibbli mal-formulazzjoni tal-Artikolu 23 tal-istess regolament u mal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

58      Għaldaqstant, l-Artikolu 1(2)(l) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut tar-rikonoxximent fi Stat Membru, li s-sistema legali tiegħu ma tirrikonoxxix il-legat “b’invokazzjoni”, tal-effetti reali prodotti minn tali legat fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni, skont il-liġi tas-suċċessjoni magħżula mit-testatur.

59      Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew ta’ suċċessjoni li għandu jippermetti lil kull werriet, legatarju jew benefiċjarju msemmi f’dan iċ-ċertifikat, li jipproduċi l-prova fi Stat Membru ieħor tal-kwalità tiegħu u tad-drittijiet tiegħu, b’mod partikolari l-attribuzzjoni ta’ beni partikolari lil-legatarju imsemmi f’dan iċ-ċertifikat.

60      Skont l-Artikolu 69(1) ta’ dan ir-regolament, iċ-ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtieġa ta’ xi proċedura speċjali. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-legatarju għandha titqies li għandha l-istatus u d-drittijiet imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kundizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawn id-drittijiet ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

61      Fit-tielet lok, fi-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012, għandu jitfakkar li, skont dan l-artikolu, “[m]eta persuna tinvoka dritt in rem li hija tkun intitolata għalih skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni, u l-liġi tal-Istat Membru fejn id-dritt huwa invokat ma jirrikonoxxix id-dritt in rem inkwistjoni, dak id-dritt għandu, jekk meħtieġ u safejn possibbli, jiġi adattat għall-eqreb dritt in rem ekwivalenti skont il-liġi ta’ dak l-Istat waqt li jittieħed kont tal-għanijiet u tal-interessi li jfittex id-dritt in rem speċifiku u l-effetti marbutin miegħu.”

62      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt in rem li A. Kubicka tixtieq tittrażmetti permezz ta’ legat “b’invokazzjoni” huwa d-dritt ta’ proprjetà fuq is-sehem tagħha fl-immobbli li jinsab fil-Ġermanja. Issa, huwa paċifiku li d-dritt tal-proprjetà li l-legatarju huwa hekk investit fid-dritt Pollakk huwa rikonoxxut ukoll fid-dritt Ġermaniż.

63      L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 ma jirrigwardax il-proċedura għat-trasferiment tad-drittijiet in rem, li tapplika b’mod partikolari għal legati “b’invokazzjoni” jew “b’eżekuzzjoni”, iżda biss fuq ir-rispett tal-kontenut tad-drittijiet in rem kif determinat mil-liġi applikabbli għas-suċċessjoni (lex causae), u r-riċeviment tagħhom fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih huma invokati (lex rei sitae).

64      Għaldaqstant, sa fejn id-dritt in rem trażmess mil-legat “b’invokazzjoni” huwa d-dritt ta’ proprjetà, li huwa rrikonoxxut fid-dritt Ġermaniż, ma hemmx lok li jsir l-aġġustament previst fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012.

65      Minn dan isegwi li l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi r-rifjut tar-rikonoxximent fi Stat Membru, li s-sistema legali tiegħu ma tirrikonoxxix il-legat “b’invokazzjoni”, tal-effetti reali prodotti minn tali legat fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni, skont il-liġi tas-suċċessjoni magħżula.

66      Fid-dawl tal-premessi preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikoli 1(2)(k) u (l) kif ukoll l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu r-rifjut tar-rikonoxximent, minn awtorità ta’ Stat Membru, tal-effetti reali ta’ legat “b’invokazzjoni”, rikonoxxut mid-dritt applikabbli għas-suċċessjoni, li bih testatur għażel skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan l-istess regolament, meta dan ir-rifjut huwa bbażat fuq ir-raġuni li dan il-legat jirrigwarda d-dritt ta’ proprjetà ta’ immobbli li jinsab f’dan l-Istat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikonoxxix l-istituzzjoni tal-legat b’effett reali dirett fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 1(2)(k) u (l) kif ukoll l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Lulju 2012, dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu r-rifjut tar-rikonoxximent, minn awtorità ta’ Stat Membru, tal-effetti reali ta’ legat “b’invokazzjoni”, rikonoxxut mid-dritt applikabbli għas-suċċessjoni, li bih testatur għażel skont l-Artikolu 22(1) ta’ dan l-istess regolament, meta dan ir-rifjut huwa bbażat fuq ir-raġuni biss li dan il-legat jirrigwarda d-dritt ta’ proprjetà ta’ immobbli li jinsab f’dan l-Istat Membru, li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma tirrikonoxxix l-istituzzjoni tal-legat b’effett reali dirett fid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni.


Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.