Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2017 – Il-Greċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-480/17)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: G. Kanellopoulos u Α. Vassilopoulou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni eżekuttiva kkontestata tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Ġunju 2017, fil-parti fejn spejjeż tar-Repubblika Ellenika li jammontaw għal total ta’ EUR 1 182 054.72 huma esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea, fil-kuntest tal-verifika ta’ konformità, bħala somma f’daqqa u bħala korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa minħabba nuqqasijiet ikkonstatati fil-metodu ta’ applikazzjoni tal-kundizzjonalità fil-kuntest tal-FAEGG u tal-FEŻR għas-snin ta’ applikazzjoni 2012, 2013 u 2014, skont kif ġie espost fir-rigward tal-fatti u tal-motivi tal-annullament, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li r-rettifika kkontestata ġiet imposta bi ksur tal-liġi abbażi ta’ żball ta’ fatt, b’motivazzjoni insuffiċjenti u żbaljata, u bi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ekwità, kif muri fid-dettall, b’mod partikolari, fl-ewwel parti ta’ tali motiv bin-nuqqas ikkonstatat f’xi punti tal-kontroll tal-CGO 1 u f’punti speċifiċi tal-kontroll tar-rekwiżiti minimi applikabbli għall-użu ta’ fertilizzanti u ta’ prodotti għas-saħħa tal-pjanti, u fit-tieni parti ta’ tali motiv bl-iżball ikkonstatat fl-analiżi tar-riskju.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fuq żball ta’ fatt u fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn tiċħad il-kalkolu eżatt tal-effett finanzjarju tan-nuqqasijiet ikkonstatati, jekk jitqies li kien hemm tali nuqqasijiet, maħdum mill-awtoritajiet Griegi, anki fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-korp ta’ konċiljazzjoni quddiem il-Kummissjoni.

____________