Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2017 minn Vincent Piessevaux mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fis-17 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-519/16, Vincent Piessevaux vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-454/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Vincent Piessevaux (rappreżentant: L. Ponteville, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza mill-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-519/16;

talloka lill-appellant il-benefiċċju tat-talbiet li ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju tal-appell huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tal-imsemmija regolamenti. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet l-eċċezzjoni tal-illegalità tal-Komunikazzjoni lill-Persunal 113/11 tal-Awtorità tal-Ħatra tal-Kunsill, li tistabbilixxi deroga għall-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, tal-11 ta’ Ottubru 2011, li tadotta d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni relatati mal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal relatati mat-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni (id-“DĠI 2011”) – deroga li skontha d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni adottati fid-29 ta’ April 2004 (id-“DĠI 2004”) ser ikomplu japplikaw biss fil-każ fejn l-Awtorità tal-Ħatra nnotifikat proposta ta’ akkreditazzjoni lill-persuna kkonċernata u fejn din tat il-kunsens tagħha qabel id-dħul fis-seħħ tad-DĠI 2011. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ din iċ-ċaħda, li tidher fil-punti 68 sa 71 tas-sentenza kkontestata, tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fl-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tal-imsemmija regolamenti.

It-tieni aggravju tal-appell huwa bbażat fuq l-iżnaturament tal-ewwel parti tat-tielet motiv ta’ annullament invokat mir-rikorrent, fuq il-ksur tal-fidi dovuta għal atti, tan-nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji tal-liġi:

fil-punti 73, 74, 80 u 81 tas-sentenza kkontestata, billi żnaturat l-ewwel parti tat-tielet motiv ta’ annullament u billi kisret il-fidi dovuta għall-atti tar-rikorrent, billi ddikjarat bi żball li r-rikorrent kien invoka l-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi;

fil-punti 73 sa 100 tas-sentenza kkontestata, billi astjeniet milli tirrispondi, bi ksur tal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel parti tat-tielet motiv ta’ annullament li hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mhux fuq dak tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi;

fil-punti 82 sa 100 tas-sentenza kkontestata – fil-każ fejn, madankollu, għandu jitqies li l-punti 82 sa 100, jew parti minnhom jew ċerti elementi minnhom, jikkostitwixxu risposta għall-ewwel parti mit-tielet motiv ta’ annullament – billi ċaħdet l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-aħħar sentenza tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tad-DĠI 2011, invokata mir-rikorrent u bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

____________