Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fit-18 ta’ Settembru 2017 – DISA Gas SAU vs Administración del Estado, Redexis Gas S.L., u Repsol Butano S.A.

(Kawża C-546/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: DISA Gas SAU

Konvenuti: Administración del Estado, Redexis Gas S.L. u Repsol Butano S.A.

Domandi preliminari

L-istabbiliment ta’ prezz massimu għal ċilindru gass illikwidifikat u bbottiljat bħala miżura ta’ protezzjoni tal-utenti soċjalment vulnerabbli huwa konformi mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Federutility [sentenza tal-20 ta’ April 2010, C-265/08] u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jekk jimmaterjalizzaw, b’mod alternattiv jew b’mod konġunt, is-segwenti ċirkustanzi?

il-miżura tiġi adottata bħala miżura ġenerali għall-konsumaturi kollha u għal żmien indeterminat “meta l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni u ta’ kompetittività f’dan is-suq ma jitqisux suffiċjenti”,

il-miżura ilha fis-seħħ għal iktar minn [1]8-il sena,

il-miżura tista’ tikkontribwixxi sabiex tiġi ffriżata s-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni dgħajfa billi tostakola d-dħul ta’ operaturi ġodda.

L-impożizzjoni fuq l-operatur dominanti ta’ żona territorjali partikolari tal-obbligu li jwassal fid-djar il-gass illikwidifikat u bbottiljat għal raġunijiet ta’ protezzjoni tal-utenti soċjalment vulnerabbli jew li jgħixu f’żoni li huma diffiċilment aċċessibbli hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Federutility [sentenza tal-20 ta’ April 2010, C-265/08] u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità meta jimmaterjalizzaw, b’mod alternattiv jew b’mod konġunt, iċ-ċirkustanzi msemmija fid-domanda preċedenti?

____________