Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2017 minn Enercon GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-3 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-36/16, Enercon vs EUIPO

(Kawża C-433/17 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Enercon GmbH (rappreżentanti: R. Böhm, Rechtsanwalt, M. Silverleaf QC)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Gamesa Eólica, SL

Talbiet

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-36/16;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-245/12;

tibgħat il-każ lura quddiem l-EUIPO bil-ħsieb li dan jadotta d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell fil-Każ R 260/2011-1 u tiċħad l-applikazzjoni ta’ Gamesa għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni inkwistjoni;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż tal-proċedimenti fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata fil-Kawża T-36/16 tikser l-Artikolu 7(1)(b) u/jew 52(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 1 u li kien hemm ksur proċedurali quddiem il-Qorti Ġenerali għas-segwenti raġunijiet:

Il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li r-reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit inerenti ta’ karattru distintiv sabiex din tiġi rreġistrata u dan bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009. Permezz ta’ dan il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

Il-Qorti Ġenerali wettqet l-ewwel żball ta’ liġi meta qieset li d-deskrizzjoni tat-trade mark bħala trade mark bil-kulur fuq il-formula tal-applikazzjoni kienet tiddetermina n-natura legali tat-trade mark u konsegwentement kienet taffettwa l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tagħha. Il-Qorti Ġenerali kellha tqis li d-deskrizzjoni tat-trade mark bħala trade mark bil-kulur fuq il-formula tal-applikazzjoni kienet tingħata prinċipalment għall-konvenjenza amministrativa tal-EUIPO u ma tikkostitwixxix materja legali. Konsegwentment fid-determinazzjoni tan-natura tat-trade mark li saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħha, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tqis sempliċiment id-deskrizzjoni tat-trade mark fuq il-formola iżda l-kontenut sħiħ tal-formola tal-applikazzjoni, b’mod partikolari r-rappreżentazzjoni tat-trade mark ppreżentata flimkien mal-formola tal-applikazzjoni. Ir-rappreżentazzjoni tat-trade mark fuq l-applikazzjoni turi trade mark figurattiva li tinkludi l-karattersitiċi partikolari indikati fiha.

Il-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-forma tat-trade mark kif irreġistrata, u b’mod partikolari kif annotat fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-EUIPO fuq ir-reġistrazzjoni tat-trade mark. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni huwa d-dokument ta’ reġistrazzjoni li jindika l-forma tat-trade mark kif irreġistrata u kellu jitqies mill-Qorti Ġenerali bħala determinanti għall-istabbiliment tan-natura tat-trade mark irreġistrata. Meta jiġi interpretat korrettement, il-kontenut taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, jimmanifesta b’mod ċar il-fatt li t-trade mark hija rreġistrata bħala trade mark figurattiva fil-forma li tidher fir-rappreżentazzjoni ppreżentata flimkien mal-formola tal-applikazzjoni. Billi naqset milli twettaq dan kollu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

Il-Qorti Ġenerali wettqet it-tieni żball ta’ liġi u ksur proċedurali meta rrifjutat li tirċieivi l-informazzjoni neċessarja sabiex tifhem il-kontenut taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark inkwistjoni. Dan id-dokument huwa l-pubblikazzjoni ST.60 tal-Uffiċju Diniji għall-Proprjetà Intellettwali li jistabbilixxi t-tifsira tal-kodiċijiet INID li jintużaw b’mod universali fiċ-ċertifikati ta’ reġistrazzjoni maħruġa mill-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali inkluż mill-EUIPO sabiex tiġi identifikata n-natura u t-tifsira tal-entrati inlużi fihom. It-tifsira tal-kodiċijiet INID tista’ tiġi ddeterminata biss b’riferiment għall-pubblikazzjoni ST.60 jew sors ta’ riferiment ekwivalenti u l-kontenut taċ-ċertifikati tar-reġistrazzjoni jista’ jiġi ddeterminat biss b’riferiment għat-tifsira tal-kodiċijiet INID inklużi fihom. Il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat b’mod żbaljat is-sors ta’ tali informazzjoni bħala evidenza u konsegwentement irrifjutat b’mod żbaljat li tirċievi d-dokument jew l-informazzjoni inkluża fih meta din fil-fatt huwa test legali ekwivalenti għal dizzjunarju. Li kieku l-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni l-għodda interpretattivi ppreżentati quddiemha, kienet tifhem li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni huwa għal trade mark figurattiva li tinkludi r-rappreżentazzjoni inkluża fil-formola tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni. L-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO kien ikkonkluda li tali trade mark kienet tissodisfa r-rekwiżit ta’ karattru distintiv li jagħti lok għad-dritt li din tipi rreġistrata u l-Qorti Ġenerali kellha wkoll tiddeċiedi f’dan is-sens.

____________

1 Council Regulation (EC) No 207/2009 of 26 February 2009 on the Community trade mark (OJ 2009, L 78, p. 1).