Language of document : ECLI:EU:T:2017:694

Kawża T-175/15

Mohamed Marouen Ben Ali Ben Mohamed Mabrouk

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Miżuri diretti kontra persuni responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u kontra persuni u entitajiet assoċjati – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u organi li fir-rigward tagħhom japplika l-iffriżar ta’ fondi – Żamma tal-elenkar ta’ isem ir-rikorrent – Bażi fattwali insuffiċjenti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Żball ta’ liġi – Dritt għall-proprjetà – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni – Preżunzjoni ta’ innoċenza – Talba għal adattament – Att konfermattiv – Inammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-5 ta’ Ottubru 2017

1.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Persuna responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi – Kunċett – Interpretazzjoni wiesgħa

(Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72/PESK, Artikolu 1(1), u 2011/172/PESK, Artikolu 1(1))

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Natura ta’ dawn il-miżuri – Miżuri purament kawtelatorji – Assenza ta’ natura kriminali

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, premessi 1 u 2, Artikolu 1)

3.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu, għall-Kunsill, li jivverifika b’mod sistematiku l-provi prodotti mill-awtoritajiet ta’ pajjiż terz – Assenza

[Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72/PESK, Artikolu 1(1), u (PESK) 2015/157]

4.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-Kunsill jevalwa il-ħtieġa li jikseb il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi addizzjonali min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali – Portata – Osservanza tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem

[L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1) TUE, l-Artikolu 21(2)(b) u (3) TUE, u l-Artikolu 23 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72/PESK, Artikolu 1(1), u (PESK) 2015/157]

5.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Portata tal-istħarriġ – Evalwazzjoni tal-legalità skont informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni

[Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72/PESK u (PESK) 2015/157]

6.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Kamp ta’ applikazzjoni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Proċedura ġudizzjarja f’pajjiż terz li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Esklużjoni

[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1) u (2); Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/157]

7.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija – Iffriżar ta’ fondi tal-persuni implikati fil-miżapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi assoċjati magħhom – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 17; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/72/PESK u (PESK) 2015/157]

8.      Rikors għal annullament – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni purament konfermattiva ta’ deċiżjoni preċedenti – Inammissibbiltà – Kunċett ta’ deċiżjoni konfermattiva – Deċiżjoni tal-Kunsill li ma jneħħix isem persuna elenkat fl-anness ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi miżuri restrittivi, adottata wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tiegħu fuq il-bażi ta’ fatti ġodda u sostanzjali – Esklużjoni

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, Artikoli 2(3) u 5(6))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30 sa 32, 34 u 83)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 33 u 140)

3.      Fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, bħala prinċipju, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jeżamina u jevalwa huwa nnifsu r-rilevanza u l-eżattezza tal-elementi li fuqhom huma msejsa l-proċeduri ġudizzjarji li tagħhom huma s-suġġett il-persuni li isimhom ġie elenkat fl-anness ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, bl-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u tad-deċiżjonijiet sussegwenti, il-Kunsill ma jipprovax jissanzjona huwa nnifsu l-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi li qed jiġu investigati mill-awtoritajiet Tuneżini, iżda jipprova jippreżerva l-possibbiltà li dawn l-awtoritajiet jikkonstataw l-imsemmija misapproprjazzjonijiet u li jirkupraw il-prodott tagħhom. Għalhekk, huma l-awtoritajiet Tuneżini kompetenti li għandhom jivverifikaw l-imsemmija elementi u li jisiltu l-konsegwenzi xierqa minn dan. Għalhekk, bħala prinċipju l-Kunsill u l-Qorti Ġenerali ma humiex obbligati li jivverifikaw il-fondatezza ta’ tali proċeduri, iżda biss il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi fid-dawl tal-elementi ppreżentati mill-awtoritajiet Tuneżini Fil-każ kuntrarju, jistgħu jeżistu sitwazzjonijiet fejn il-Kunsill ikun obbligat li jasal għal konklużjonijiet prematuri fir-rigward tal-fondatezza tal-imsemmija investigazzjoni u li jistgħu jkunu differenti minn dawk li għalihom jaslu l-awtoritajiet Tuneżini nnifishom. Ir-riżultat paradossali ta’ tali sitwazzjoni jista’ jkun li, meta l-persuna kkonċernata tiġi ġġudikata u, jekk ikun il-każ, misjuba responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn dawn l-awtoritajiet, ma jkunx hemm iktar iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni Ewropea li jippermetti li jiġi rkuprat il-prodott tal-misapproprjazzjonijiet li huwa akkużat bihom. L-effettività tad-Deċiżjoni 2011/72 ma tkunx, evidentement, żgurata.

(ara l-punti 40 u 46)

4.      Fil-kuntest tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija, il-Kunsill ma jistax jendorsja, fiċ-ċirkustanzi kollha, il-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini li jidhru fid-dokumenti prodotti minn dawn tal-aħħar. Fil-fatt, huwa għandu jeżamina b’reqqa u imparzjalità l-provi prodotti quddiemu mill-awtoritajiet kompetenti fid-dawl, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi skaġunanti ppreżentati mir-rikorrent. Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jeħles mid-dmir tiegħu ta’ eżami bir-reqqa u imparzjali, il-Kunsill huwa obbligat li jevalwa jekk huwiex meħtieġ jew le li jikseb il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni jew ta’ provi addizzjonali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti abbażi tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent u tal-punti ta’ fatt ippreżentati minnu. B’mod partikolari, għalkemm il-Kunsill ma għandux jissostitwixxi ruħu għall-awtoritajiet ġudizzjarji Tuneżini fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti li tagħha r-rikorrenti huwa s-suġġett, ma jistax jiġi eskluż li din l-istituzzjoni tkun obbligata titlob kjarifiki fir-rigward tal-elementi li fuqhom hija bbażata din l-investigazzjoni. Peress li l-Kunsill ipproduċa provi tal-eżistenza ta’ investigazzjoni ġudizzjarja pendenti fil-konfront tar-rikorrent u peress li l-affidabbiltà tagħhom ma hijiex ikkontestata, huwa r-rikorrenti li għandu jindika l-elementi konkreti li huwa qed jinvoka sabiex jikkonfuta l-fondatezza ta’ din l-investigazzjoni.

F’dan ir-rigward, l-osservanza tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll tad-dinjità umana għandhom jiggwidaw kull azzjoni tal-Unjoni, inkluż fil-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(1), tal-Artikolu 21(2)(b) u (3) TUE u tal-Artikolu 23 TUE. B’mod partikolari, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 21(1) TUE jipprevedi li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja, b’mod partikolari, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tad-dritt internazzjonali. Issa, il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni huwa parti mid-dritt għal smigħ xieraq li huwa mħares mid-dispożizzjonijiet ta’ diversi strumenti tad-dritt internazzjonali ġuridikament vinkolanti. Konsegwentement, ma jistax jiġi eskluż li, meta jkun hemm elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u konkordanti li jistgħu jqanqlu mistoqsijiet leġittimi dwar ir-rispett tad-dritt tal-persuna kkonċernata għal terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni ġudizzjarja pendenti kontrih u li sservi bħala l-bażi għall-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Unjoni, il-Kunsill iwettaq il-verifiki neċessarji.

(ara l-punti 41, 42, 48, 64 u 65)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 61)

6.      Skont kliem l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi.

Issa, fid-dawl tal-Artikolu 51(1) u (2) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tagħha għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jirrigwardaw id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva biss fi proċeduri fejn inkwistjoni jkun hemm id-drittijiet u l-libertajiet iggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-Artikolu 47 tal-Karta jiggarantixxi li l-iffriżar ta’ assi kontenzjużi ser ikun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv mill-Qorti Ġenerali, li jimplika, b’mod partikolari, il-verifika ta’ jekk id-deċiżjoni ta’ adozzjoni ta’ dawn il-miżuri għandiex bażi fattwali suffiċjentement solida. Għaldaqstant, abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta, hija l-Qorti Ġenerali li għandha l-obbligu ta’ verifika u mhux il-Kunsill. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta ma humiex applikabbli għad-dritt tar-rikorrent għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja li tagħha huwa s-suġġett f’pajjiż terz. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent hija bbażata fuq din il-proċedura ġudizzjarja ma jistax ikollu l-effett li jiġġustifika stħarriġ tal-legalità tagħha fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Fil-fatt, minn naħa, din id-deċiżjoni toriġina minn istituzzjoni tal-Unjoni li ma hijiex awtorizzata mit-Trattati sabiex teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija deċiżjoni, adottata barra minn hekk fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, ma hijiex ta’ natura ġudizzjarja, sa fejn l-għan tagħha la huwa li tiddeċiedi rikors u lanqas li taqta’ kawża.

(ara l-punti 89 sa 92)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 150 u 151)

8.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 155 sa 157)