Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2017 mir-Repubblika tal-Polonja mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-13 ta’ Ġunju 2017 fil-Kawża T-137/16, Uniwersytet Wrocławski vs L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)

(Kawża C-561/17 P)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Uniwersytet Wrocławski, L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)

Talbiet

tannulla fit-totalità tiegħu d-digriet mogħti fit-13 ta’ Ġunju 2017 mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (It-Tmien Awla), fil-Kawża T-137/16 Uniwersytet Wrocławski vs L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA);

terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiġi eżaminata mill-ġdid;

tikkundanna lil kull waħda mill-partijiet għall-ispejjeż rispettivi tagħha;

tiddeċiedi l-kawża l-Awla Manja, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel nett, ir-Repubblika tal-Polonja tilmenta li d-digriet appellat kiser it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut, billi wettaq interpretazzjoni żbaljata tiegħu. Id-digriet appellat huwa bbażat fuq ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea li skontha r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-avukat, previst fl-Artikolu 19 tal-Istatut, huwa strettament marbut mal-assenza ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg bejn dan tal-aħħar u l-klijent tiegħu. Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li din il-linja ta’ ġurisprudenza hija fondamentalment żbaljata u għandha tiġi rriveduta.

Barra minn hekk id-digriet appellat, filwaqt li huwa bbażat fuq il-ġurisprudenza attwali tal-qrati tal-Unjoni Ewropea, jeċċedi l-limiti ffissati minn din il-ġurisprudenza. Fid-digriet appellat, ir-rekwiżit ta’ indipendenza fil-fatt ma ntrabatx biss mal-assenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg, iżda wkoll mal-assenza ta’ relazzjoni rregolata mid-dritt ċivili kif ukoll mal-assenza ta’ riskju li l-ambjent professjonali tal-avukat jinfluwenza l-opinjoni ġuridika tiegħu.

Dan l-approċċ għandu l-konsegwenza tal-limitazzjoni profonda tad-dritt li persuna tiddefendi lilha nnifisha quddiem il-qrati tal-Unjoni. Għalhekk din hija limitazzjoni bbażata fuq kriterji wisq ftit ċari u arbitrarji, li ma għandha ebda bażi espliċita fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li ma sservi ebda għan komprensibbli.

It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Polonja tilmenta li d-digriet appellat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Id-digriet appellat jintroduċi kundizzjoni ġdida u impreċiża ta’ indipendenza tar-rappreżentant, marbuta mal-assenza ta’ riskju ta’ influwenza mill-ambjent professjonali, filwaqt li ma jagħti ebda indikazzjoni fir-rigward tal-mod kif din għandha tiġi evalwata. Konsegwentement, l-appellanti ma tinsabx f’pożizzjoni li tiddetermina jekk ir-rappreżentant li hija għażlet jissodisfax il-kundizzjoni ta’ indipendenza u jekk ir-rikors tagħha huwiex ser jitqies li huwa ammissibbli.

It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Polonja tilmenta li d-digriet appellat fih insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tar-raġunijiet li jippermettu li jinftiehem għalfejn il-Qorti Ġenerali qieset li r-rappreżentant ma kienx jissodisfa r-rekwiżit ta’ indipendenza u ċaħdet ir-rikors li kien iffirma.

B’mod partikolari l-Qorti Ġenerali ma spjegatx għalfejn relazzjoni bħal dik li kienet torbot lir-rappreżentant mal-Università ta’ Wrocław kienet paragunabbli ma’ relazzjoni ta’ impjieg minkejja l-assenza ta’ subordinazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx għalfejn hija ħadet fuq kollox inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li ma kinux dawk relatati mal-provvista mir-rappreżentant ta’ servizz ta’ għajnuna legali. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma speċifikat kif, fil-każ ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili, jeħtieġ li jiġi interpretat il-kunċett ta’ ambjent professjonali u liema tip ta’ influwenza dan jeżerċita fuq ir-rappreżentant. Barra minn hekk, id-digriet appellat ma jindikax liema tip ta’ riskju huwa marbut ma’ dan it-tip ta’ kuntratt u fiex tikkonsisti l-limitazzjoni tal-indipendenza li minħabba fiha kien neċessarju li r-rappreżentant jiġi eskluż.

____________