Language of document : ECLI:EU:C:2018:4

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fil-11 ta’ Jannar 2018 (1)

Kawża C626/16

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Slovakka

“Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Artikolu 260 TFUE – Nuqqas ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, EU:C:2013:271) – Suġġett tal-kawża – Proċedura prekontenzjuża – Intimazzjoni – Direttiva 99/31/KE – Landfill tal-iskart – Landfill tal-iskart Žilina – Považský Chlmec”






I.      Introduzzjoni

1.        Kif magħruf, il-proċedura prekontenzjuża prevista fl-Artikolu 258 TFUE għandha sinjifikat importanti għad-delimitazzjoni tas-suġġett tal-kawża fil-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tibda proċedura legali fil-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tal-aħħar tikkonstata ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru, din għandha l-ewwel nett tgħarrfu dwar l-allegazzjoni tagħha kontrih billi tibgħatlu hekk imsejħa ittra ta’ intimazzjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni għandha tispeċifika l-allegat ksur f’opinjoni motivata u tistabbilixxi terminu finali sabiex l-Istat Membru jtemm il-ksur. Huwa biss wara dan li l-Kummissjoni tista’ tippreżenta r-rikors, u f’tali proċeduri tista’ biss tinvoka ksur li kien diġà suġġett ta’ ittra ta’ intimazzjoni u ta’ opinjoni motivata.

2.        F’din il-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha, mill-ġdid (2), il-kwistjoni dwar sa liema estent ir-rekwiżiti stabbiliti għall-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE għandhom jiġu ttrasferiti għall-proċedura għal infurzar tas-sentenzi skont l-Artikolu 260(2) TFUE. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi mill-Artikolu 228(2) KE, li kien japplika preċedentement u li, bħall-Artikolu 258 TFUE, kien jipprevedi ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata, kuntrarjament għall-Artikolu 260(2) TFUE, li ma għadux jeżiġi opinjoni motivata.

3.        Barra minn hekk, titqajjem id-domanda dwar is-sinjifikat tas-suġġett tat-tilwima abbażi tas-sentenza li għandha tiġi infurzata.

4.        Dawn id-domandi jqumu b’rabta ma’ landfill li ilha teżisti fis-Slovakkja u li sa issa la ġiet approvata skont id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (3) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-Landfills”) u lanqas ma ngħalqet konformement mal-imsemmija direttiva. Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, EU:C:2013:271), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan kien jammonta għal ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva. Li huwa ta’ interess partikolari f’dan ir-rigward hija l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni finali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandhiex tkun definittiva, jiġifieri, ma tkunx iktar tista’ tiġi kkontestata ġuridikament.

II.    Il-kuntest ġuridiku

5.        L-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-għeluq ta’ siti tal-landfills:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex, bi qbil, fejn xieraq, mall-permess:

(a)      terraferma [landfill] jew parti minnha trid tibda proċedura ta’ l-għeluq:

(i)      meta l-kundizzjonijiet rilevanti imsemmija fil-permess jintlaħqu; jew

(ii)      skond l-awtorizzazzjoni ta’ l-awtoritá kompetenti, wara talba ta’ l-operatur; jew

(iii)      b’deċiżjoni raġjonata ta’ l-awtoritá kompetenti;

(b)      terraferma jew parti minnha tista’ tiġi biss kunsiderata bħala magħluqa definittivament wara li l-awtoritá kompetenti tkun għamlet l-aħħar spezzjoni fuq is-sit, u tkun assessjat ir-rapporti kollha mogħtija mill-operatur u tkun ikkomunikat lill-operatur l-approvazzjoni tagħha għall-għeluq. Dan ma jnaqqas bl-ebda mod ir-responsabilitá tal-operatur skond il-kundizzjonijiet tal-permess;

(ċ)      wara li terraferma tkun definittivament magħluqa, l-operatur għandu ikun responsabbli għall-manutenzjoni, fażi ta’ sorveljar u kontroll u tal-kura ta’ wara tagħha sakemm ikun meħtieġ mill-awtoritá kompetenti, bil-kunsiderazzjoni taż-żmien li matulu it-terraferma tista tkun ta’ periklu.

L-operatur irid jinnotifika lill-awtoritá kompetenti b’kull effett ħażin sinifikanti għall-ambjent li ġie skopert mill-proċeduri ta’ kontroll u skond id-deċiżjoni ta’ l-awtoritá kompetenti fuq in-natura u termini ta’ żmien tal-miżuri korrettivi li jridu jittieħdu;

(d)      sakemm l-awtoritá kompetenti tikkonsidra li t-terraferma x’aktarx tista tikkawża periklu għall-ambjent u mingħajr preġudizzju għall-leġilazzjoni Komunitarja u nazzjonali skond ir-responsabbilità tad-detentur ta’ l-iskart, l-operatur tas-sit irid ikun responsabbli għas-sorveljar u analizzar ta’ gass u lissija tat-terraferma mis-sit u r-reġim ta’ l-ilma tal-qiegħ fil-viċinanza tas-sit bi qbil ma l-Anness III.”

6.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills jirregola l-passi li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ landfills eżistenti:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma [landfills] li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:

(a)      f’perijodu ta’ sena min wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-operatur ta’ terraferma irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

(b)      skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definita fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi ta’ l-imsemmi pjan ta’ kundizzjonalment u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

(ċ)      fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtortá kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1);

(d)      […]”

III. Il-proċedura prekontenzjuża u t-talbiet tal-partijiet

7.        Fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑331/11, EU:C:2013:271), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi awtorizzat l-operat tas-sit tal-iskart Žilina – Považský Chlmec mingħajr pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni finali dwar l-operat kontinwu abbażi ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit approvat, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-Landfills. Din id-deċiżjoni ttieħdet abbażi tal-fatt li ma kien ġie ppreżentat ebda pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit tal-landfill inkwistjoni.

8.        Fuq talba mill-Kummissjoni, is-Slovakkja kkomunikat, fis-7 ta’ Ġunju 2013, li kellha l-intenzjoni tagħlaq il-landfill. Sussegwentement, fil-21 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni talbet formalment lir-Repubblika Slovakka, konformement mal-Artikolu 260(2) TFUE, tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza, filwaqt li tat lil dan l-Istat Membru żmien xahrejn sabiex jagħmel dan, li ntemm fil-21 ta’ Jannar 2014.

9.        Bħala tweġiba għal din l-intimazzjoni, kif ukoll, sussegwentement, f’komunikazzjonijiet addizzjonali, ir-Repubblika Slovakka spjegat liema miżuri kienet ħadet għall-għeluq tal-landfill tal-iskart Žilina – Považský Chlmec.

10.      Minn dawn il-komunikazzjonijiet jirriżulta, l-ewwel nett, li mill-inqas b’effett mit-8 ta’ Jannar 2014, ma jistax jintrema iktar skart fil-landfill.

11.      Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti kienu inizjalment iddeċidew, fl-2013, li jagħlqu s-sezzjonijiet 2a u 2b tal-landfill, iżda din id-deċiżjoni reġgħet ġiet irrevokata fl-10 ta’ April 2014 wara li kien skada t-terminu msemmi hawn fuq, bil-għan li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Kien biss fil-15 ta’ Awwissu 2016 li dawn iddeċidew mill-ġdid li jagħlqu dawn is-sezzjonijiet. Il-korp amministrattiv superjuri kkonferma din id-deċiżjoni fid-9 ta’ Novembru 2016.

12.      Min-naħa l-oħra, il-proċess deċiżjonali tas-sezzjoni li fadal, jiġifieri s-sezzjoni 2c, ġie sospiż minħabba tilwima relatata mas-sjieda tal-imsemmija artijiet.

13.      Madankollu, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li r-Repubblika Slovakka kienet għadha ma infurzatx is-sentenza fl-intier tagħha. Għalhekk, hija ddeċidiet li tippreżenta rikors skont l-Artikolu 260 TFUE.

14.      Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tiddikjara li, billi naqset milli tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li r-Repubblika Slovakka kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-Landfills, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE,

2)      tordna lir-Repubblika Slovakka tħallas lill-Kummissjoni Ewropea, fil-kont “riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea”:

a)      pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 6 793.80 għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, dekorribbli mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja;

b)      somma f’daqqa ta’ EUR 743.60 kuljum, b’ammont totali minimu ta’ EUR 939 000, għal kull jum ta’ dewmien fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, pagabbli mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza fil-25 ta’ April 2013:

–        sad-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, jew

–        sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex ir-Repubblika Slovakka tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-331/11, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja, jekk din id-data tippreċedi d-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża, u

3)      tikkundanna lir-Repubblika Slovakka għall-ispejjeż.

15.      Ir-Repubblika Slovakka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)      tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

2)      sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat jew bħala infondat fl-intier tiegħu;

3)      b’mod iktar sussidjarju, tnaqqas l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji proposti mir-rikorrenti;

4)      tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

16.      Il-partijiet ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fl-14 ta’ Novembru 2017, wara l-għeluq tal-proċedura bil-miktub, ir-Repubblika Slovakka pprovdiet informazzjoni addizzjonali lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riorganizzazzjoni tal-landfill inkwistjoni u dwar proċedura leġiżlattiva pendenti. Madankollu, din l-informazzjoni ma hijiex rilevanti għad-deċiżjoni li qiegħed nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-konklużjonijiet.

IV.    L-analiżi legali

17.      Għalhekk qabelxejn, jeħtieġ li ssir analiżi tal-ammissibbiltà tar-rikors, u sussegwentement, tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) u finalment tal-kwistjoni tas-sanzjonijiet pekunjarji.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

18.      Is-Slovakkja ssostni li r-rikors huwa inammissibbli. Insostenn tal-argument tagħha, hija targumenta li fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni takkużaha li l-landfill inkwistjoni għadha ma ngħalqitx kompletament fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Landfills. Madankollu, l-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni ma kinitx is-suġġett tal-ewwel sentenza u l-Kummissjoni lanqas ma rreferiet għall-ksur tagħha fl-ittra tagħha bi stedina għall-osservazzjonijiet skont l-Artikolu 260 TFUE.

1.      Fuq is-suġġett tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271)

19.      Huwa minnu li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) ma tindirizzax l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Landfills. Għall-kuntrarju, din hija ristretta għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 14(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva tal-Landfills. Dan il-ksur jirriżulta mill-fatt li s-Slovakkja awtorizzat l-operat tal-landfill mingħajr pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni definittiva dwar l-operat kontinwu abbażi ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit approvat.

20.      Fil-kliem stricto sensu tagħha, din il-konstatazzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset biss l-awtorizzazzjoni tal-operat tal-landfill bħala ksur tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Landfills.

21.      Madankollu, tali dikjarazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jridu jiġu interpretati fid-dawl tal-leġiżlazzjoni li kienet suġġetta għal ksur. Huwa minnu li l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill jipprojbixxi l-operat kontinwu ta’ landfills eżistenti jekk il-prerekwiżiti stipulati ma jiġux issodisfatti.

22.      Madankollu, kif tikkonċedi s-Slovakkja, innifisha, l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill jipprovdi żewġ għażliet lill-Istati Membri sabiex jikkonformaw ruħhom mal-obbligi tagħhom fir-rigward ta’ dawn il-landfills eżistenti. Dawn jistgħu japprovaw it-tkomplija tal-operat filwaqt li josservaw id-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill jew inkella jistgħu jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, konformement mal-Artikolu 7(g) u mal-Artikolu 13, landfills li ma ngħatawx awtorizzazzjoni sabiex ikomplu joperaw (4).

23.      Fir-rigward tal-għażla tat-tkomplija tal-operat, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li l-obbligi tal-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Landfills ma humiex limitati għall-approvazzjoni definittiva tiegħu abbażi ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit. Għall-kuntrarju, għandhom jiġu infurzati wkoll il-miżuri previsti sabiex il-landfill tiġi operata konformement mad-direttiva (5).

24.      Bl-istess mod, lanqas ma huwa biżżejjed li, fil-każ li ma jkunx permess li l-landfill tkompli tintuża, jintemm biss id-depożitu tal-iskart fiha. Għall-kuntrarju, iridu jittieħdu l-miżuri neċessarji għall-għeluq tal-landfill (6). Dan għaliex anki mingħajr skart addizzjonali, dawn il-landfills xorta waħda jirrappreżentaw riskji sostanzjali għall-ambjent. Huwa biss għeluq finali b’teħid inkunsiderazzjoni tad-Direttiva dwar ir-rimi ta’ skart f’landfill li dawn ir-riskji jonqsu għal livell aċċettabbli.

25.      Konsegwentement, Stat Membru għandu wkoll jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills jekk jikkonforma ruħu mal-Artikolu 14 mhux bl-approvazzjoni tat-tkomplija tal-operat iżda bl-għeluq tal-landfill.

26.      Dan huwa neċessarjament il-każ ukoll meta l-Istat Membru jimplementa l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ikkonstatat il-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni.

27.      Għalhekk, il-konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills taqa’, impliċitament iżda neċessarjament, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) u tista’ tiġi infurzata skont l-Artikolu 260 TFUE.

2.      Fuq is-suġġett tal-fażi prekontenzjuża

a)      Fuq l-intimazzjoni

28.      Madankollu, is-Slovakkja hija wkoll tal-fehma li r-rikors jestendi s-suġġett tal-proċedura meta mqabbel mal-intimazzjoni oriġinali tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 li talbet lis-Slovakkja tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-imputazzjoni li s-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) ma kinitx ġiet implementata kompletament. Tali estensjoni hija inammissibbli.

29.      Qabel ma l-Kummissjoni indirizzat din it-talba lis-Slovakkja, dan l-Istat Membru kien diġà infurmaha li għandu l-intenzjoni jagħlaq il-landfill.

30.      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kkomunikati ma kinux suffiċjenti, u speċifikament, qajmet żewġ oġġezzjonijiet.

31.      L-ewwel nett, l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills jeżiġi li l-operatur tal-landfill jippreżenta pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit. Madankollu, ebda pjan ma twettaq jew ġie kkomunikat. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti kienu għadhom ma ħadux deċiżjoni finali abbażi ta’ pjan bħal dan.

32.      It-tieni nett, ma għandhomx japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis (7) applikabbli għal-landfill, iżda d-dispożizzjonijiet iktar speċifiċi dwar il-landfills tal-iskart, jiġifieri d-dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni fid-dritt Slovakk tad-Direttiva dwar il-Landfills. B’dan il-mod, il-Kummissjoni rreferiet għall-konstatazzjonijiet fil-punti 32 sa 36 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271), li jipprovdu li fl-approvazzjoni ta’ landfill għandhom jiġu osservati r-regoli dwar il-landfills tal-iskart.

33.      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tallega, fir-rikors, li għalkemm l-awtoritajiet Slovakki kienu ddeċidew li jagħlqu partijiet mil-landfill (sezzjonijiet 2a u 2b), dan għadu ma ġiex implementat kompletament skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills u li, barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar l-għeluq għadha ma hijiex definittiva. Ir-rikorrenti tallega wkoll li għal parti oħra mil-landfill (sezzjoni 2c) għadha lanqas biss ittieħdet deċiżjoni dwar l-għeluq.

34.      Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja timponi rekwiżiti stretti għall-konformità bejn l-ittra ta’ intimazzjoni u r-rikors, l-uniku suġġett ammissibbli ta’ din il-proċedura jkun dak tal-ilment tan-nuqqas ta’ deċiżjoni finali jew definittiva dwar l-għeluq tal-landfill. Dan għaliex in-nuqqas ta’ deċiżjoni finali ssemma’ fl-istedina tal-21 ta’ Novembru 2013.

35.      Min-naħa l-oħra, ksur eventwali tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills la huwa inkluż espressament u lanqas impliċitament fl-ittra ta’ intimazzjoni. Għalhekk, minn perspettiva stretta, dan l-ilment ikun inammissibbli fil-fażi ġudizzjarja.

36.      Madankollu, huwa dubjuż kemm tali livell ta’ konsistenza bejn is-suġġett tal-ittra ta’ intimazzjoni u dak tar-rikors jista’ jintalab.

37.      Dan huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 228(2) KE applikabbli preċedentement (preżentement l-Artikolu 260(2) TFUE). Is-suġġett ammissibbli ta’ rikors ippreżentat skont din id-dispożizzjoni huwa limitat b’tali mod mill-fażi prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni, fis-sens li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, ma tistax testendi s-suġġett tal-kawża billi tinvoka lmenti ġodda li ma kinux inklużi fl-opinjoni motivata (8).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-Kummissjoni hija marbuta, fl-opinjoni motivata maħruġa skont l-Artikolu 228(2) KE, tispeċifika l-punti li dwarhom l-Istat Membru kkonċernat ma kkonformax ruħu mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Għaldaqstant, is-suġġett tal-kawża ma jistax jiġi estiż għal obbligi mhux previsti fl-opinjoni motivata, taħt piena li jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jiggarantixxu r-regolarità tal-proċedura (9).

39.      Madankollu, minħabba l-emendi introdotti mit-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 260(2) TFUE ma għadux jeżiġi li l-Kummissjoni tagħti opinjoni motivata.

40.      Mill-eliminazzjoni tal-opinjoni motivata qiegħed jiġi konkluż li issa l-identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża permezz tal-ittra ta’ intimazzjoni għandha tissodisfa rekwiżiti partikolarment stretti. Fil-każ ta’ din l-interpretazzjoni, l-intimazzjoni jkollha tiddefinixxi b’mod preċiż is-suġġett tal-kawża. Dan għaliex hija l-unika dikjarazzjoni formali tal-Kummissjoni li tista’ tispeċifika s-suġġett tal-kawża fil-proċedura skont l-Artikolu 260(2) TFUE (10).

41.      Madankollu, dan huwa kontradett mill-fatt li t-Trattat ta’ Lisbona ma eliminax l-ittra ta’ intimazzjoni iżda l-opinjoni motivata, għalkemm l-ittra ta’ intimazzjoni setgħet tiġi abolita, u dan ġie diskuss ukoll fil-Konvenzjoni Ewropea (11). Madankollu, ikun kontradittorju li tiġi eliminata l-fażi suġġetta għal rekwiżiti iktar stretti sabiex sussegwentement jiġu imposti rekwiżiti iktar stretti fil-fażi rimanenti.

42.      Barra minn hekk, l-għan li tiġi ssemplifikata l-fażi prekontenzjuża kien li, fil-każ ta’ nonkonformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-leġiżlazzjoni tkun iktar effiċjenti u sempliċi fir-rigward tas-sanzjonijiet (12). Ma jkunx jikkorrispondi ma’ dan l-għan jekk jiġu imposti għanijiet iktar stretti marbuta mal-ittra ta’ intimazzjoni.

43.      Għall-kuntrarju, mill-perspettiva tad-drittijiet tad-difiża u taċ-ċertezza legali, huwa normalment suffiċjenti li l-Istati Membri jiġu infurmati li l-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra tapplika l-Artikolu 260 TFUE, u li dawn jingħataw il-possibbiltà jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta (13). Min-naħa l-oħra, permezz tal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tal-proċedura skont l-Artikolu 260(2) TFUE diġà huwa ddelimitat suffiċjentement. L-Istati Membri kellhom ukoll għarfien sħiħ kemm tal-obbligi tagħhom li jadottaw il-miżuri neċessari għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Istat kif ukoll tal-konsegwenzi li l-ksur ta’ dan l-obbligu jista’ jimplika għalihom (14).

44.      Barra minn hekk, ma jistax jiġi mistenni mill-Kummissjoni li, fl-ewwel u l-unika komunikazzjoni formali tagħha, issemmi diġà n-nuqqasijiet kollha possibbli fl-eżekuzzjoni tas-sentenza. B’mod partikolari, dawn ir-rekwiżiti ma jwasslux għal proċedura iktar effiċjenti u sempliċi.

45.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni fil-prinċipju ma hijiex obbligata li, fl-intimazzjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE, tippreċiża r-raġunijiet konċepibbli kollha li jistgħu jiġġustifikaw dubji dwar l-eżekuzzjoni suffiċjenti tal-ewwel sentenza.

46.      Madankollu, l-għan ta’ eżekuzzjoni iktar effiċjenti u sempliċi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja jrid jiggwida wkoll l-applikazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE. Minn dan jirriżulta, b’mod partikolari, li ittra ta’ intimazzjoni ma tistax tiżgwida lill-Istat Membru iżda trid tinkludi gwida kemm jista’ jkun utli għall-eżekuzzjoni tal-ewwel sentenza. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni trid partikolarment tagħmel sforz sabiex tieħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq l-informazzjoni li għandha dwar l-intenzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru. Barra minn hekk, dan biss jikkorrispondi wkoll mad-dmir reċiproku ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri skont l-Artikolu 4(3) TUE (15).

47.      L-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Novembru 2013 ma tissodisfax dan l-istandard. Għalkemm il-Kummissjoni kienet taf bl-intenzjoni tas-Slovakkja tal-għeluq tal-landfill, hija ma semmietx ir-rekwiżiti għall-għeluq tal-landfills eżistenti. Għall-kuntrarju, hija indirizzat kwistjonijiet ġenerali proċedurali skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills u dettalji tad-dritt Slovakk. Min-naħa l-oħra, ir-rikors jirreferi għal dawn l-ilmenti parzjalment biss.

48.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha biżżejjed opportunità sabiex tikkjarifika l-ilmenti tagħha permezz ta’ ittra ta’ intimazzjoni supplimentari qabel il-preżentata ta’ rikors, u partikolarment is-sinjifikat tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills. Bejn ir-riċeviment tar-risposta Slovakka għall-ittra ta’ intimazzjoni fl-14 ta’ Jannar 2014 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2016 (16) dwar il-preżentata ta’ rikors għaddew iktar minn sentejn. Mill-ewwel sentenza tal-25 ta’ April 2013 kienu saħansitra għaddew iktar minn tliet snin.

49.      Is-Slovakkja ċertament kienet taf bl-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Landfills, u għalhekk ma setgħetx tistenna li dawn l-obbligi jkunu suġġetti għal rikors tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 260(2) TFUE.

50.      Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn jallega ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Landfills.

b)      Fuq l-oġġezzjoni tal-Kummissjoni

51.      Għandu jiġi osservat ukoll li l-Kummissjoni tallega, fir-risposta tagħha, li d-deċiżjonijiet tal-għeluq tas-sena 2016 ma jirreferux għal pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit. Dan huwa motiv ġdid li ma kienx inkluż fir-rikors li, skont l-Artikolu 127(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ikun ammissibbli biss jekk ikun ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li jiġu emessi matul il-proċedura. Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk għaliex tal-inqas id-deċiżjoni tal-15 ta’ Awwissu 2016 kienet magħrufa lill-Kummissjoni fl-intier tagħha meta ppreżentat ir-rikors (17). Għaldaqstant, dan l-argument huwa wkoll inammissibbli.

3.      Konklużjoni intermedjarja

52.      Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli u għandu jiġi eżaminat fir-rigward tal-mertu tiegħu sa fejn jallega l-assenza ta’ deċiżjoni finali fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-ilment tal-ksur tal-Artikolu 13 huwa ammissibbli, fl-eżami sussegwenti tal-fondatezza tar-rikors u tas-sanzjonijiet pekunjarji ser nindirizza dan il-motiv sussidjarjament u fil-qosor (taqsimiet IV. B. 3. u IV. C. 3.). Min-naħa l-oħra, miniex ser nindirizza iktar l-ilment tan-nuqqas ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit li huwa wkoll inammissibbli.

B.      Fuq il-fondatezza tar-rikors

53.      Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi awtorizzat l-operat tal-landfill tal-iskart Žilina-Považský Chlmec mingħajr pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni finali dwar l-operat kontinwu abbażi ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit approvat, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(a), (b) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-Landfills.

54.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk din is-sentenza ġietx eżegwita, id-data ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(2) TFUE għandha titqies li hija dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-intimazzjoni mibgħuta skont din id-dispożizzjoni (18). Għalhekk, fil-kawża preżenti għandha tiġi investigata s-sitwazzjoni fil-21 ta’ Jannar 2014.

55.      Sabiex tiġi eżaminata l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa u/jew pagamenti ta’ penalità skont l-Artikolu 260(2) TFUE hija barra minn hekk deċiżiva s-sitwazzjoni fil-mument li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni f’din il-proċedura. B’mod partikolari, pagament ta’ penalità huwa ġġustifikat biss sa fejn in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li jirriżulta min-nuqqas ta’ implementazzjoni tas-sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, għadu jissokta sal-lum (19).

56.      Għalhekk, ser neżamina iktar ’l isfel, l-eżekuzzjoni tal-ewwel sentenza tal-21 ta’ Jannar 2014 u sussegwentement is-sitwazzjoni preżenti.

1.      Fuq l-eżekuzzjoni meta skada t-terminu

57.      Kif diġà semmejt iktar ’il fuq, l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) tirrikjedi approvazzjoni tal-operat kontinwu tal-landfill abbażi ta’ pjan ta’ riorganizzazzjoni tas-sit li jissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Landfills, jew inkella deċiżjoni finali dwar l-għeluq, konformement mal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills. Is-Slovakkja għażlet li tagħlaq il-landfill, iżda l-Kummissjoni tqis li l-miżuri li ttieħdu sa issa huma insuffiċjenti.

58.      Abbażi tal-argumenti mhux ikkontestati tas-Slovakkja, l-użu tal-landfill ġie pprojbit fis-7 ta’ Jannar 2014, jiġifieri ma għadux iktar jiġi ddepożitat skart hemmhekk.

59.      Madankollu, kif targumenta korrettament il-Kummissjoni, dan ma huwiex biżżejjed. Għall-kuntrarju, l-awtoritajiet kompetenti jridu jieħdu deċiżjoni finali, skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva dwar il-Landfills, dwar l-operat kontinwu tal-landfill. Konsegwentement, trid tingħata approvazzjoni ġdida jew inkella trid tittieħed deċiżjoni dwar l-għeluq tal-landfill.

60.      Huwa minnu li l-korpi kompetenti kienu diġà ddeċidew fil-21 ta’ Ottubru 2013 li jingħalqu partijiet mil-landfill, jiġifieri s-sezzjonijiet 2a u 2b, iżda din id-deċiżjoni ġiet irrevokata fl-10 ta’ April 2014 sabiex, l-ewwel nett, issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. Min-naħa l-oħra, il-proċess tal-għeluq fir-rigward tas-sezzjoni rimanenti, jiġifieri s-sezzjoni 2c, ġie sospiż, peress li kienet (u għadha) ikkontestata s-sjieda tal-artijiet inkwistjoni.

a)      Fuq is-sezzjonijiet 2a u 2b

61.      L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk id-deċiżjoni dwar l-għeluq tas-sezzjonijiet 2a u 2b, li kienet fis-seħħ meta skada t-terminu previst, għandhiex tiġi rrikonoxxuta bħala deċiżjoni finali fis-sens tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva dwar il-Landfills.

62.      Dan huwa kkorroborat mill-fatt li, skont l-informazzjoni ppreżentata, l-awtoritajiet kompetenti diġà kellhom l-intenzjoni jagħlqu b’mod finali s-sezzjonijiet inkwistjoni b’din id-deċiżjoni.

63.      Huwa minnu li din id-deċiżjoni kienet għadha tista’ tiġi kkontestata quddiem qorti, jiġifieri ma kinitx definittiva. Madankollu, l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva dwar il-Landfills jeżiġi biss deċiżjoni finali mill-awtoritajiet kompetenti. In-natura definittiva ma tistax tkun prerekwiżit.

64.      Fil-fatt, f’Unjoni rregolata mill-istat tad-dritt li tħares il-protezzjoni legali effettiva – partikolarment waqt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (20) – deċiżjoni ta’ awtorità ma tistax tkun finali fis-sens li jiġi eskluż stħarriġ ġudizzjarju qabel l-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ appell. L-awtoritajiet kompetenti lanqas ma għandhom il-poter jipprevjenu kontestazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn id-deċiżjonijiet li jiġu ppreżentati fit-terminu previst. U minkejja t-terminu twil ta’ tmien snin, previst fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills, għal deċiżjoni finali, ma jkunx jista’ jiġi ggarantit li fl-iskadenza tat-terminu jkunu ntemmu l-proċeduri ġudizzjarji kollha fir-rigward tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu sussegwentement. Barra minn hekk, għandu jiġi preżunt li dan it-terminu ma ġiex stabbilit għal finijiet ta’ rimedji ġudizzjarji, iżda minħabba d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu waqt ir-riorganizzazzjoni jew l-għeluq ta’ landfills tal-iskart.

65.      Għalhekk, normalment għandu jkun suffiċjenti li deċiżjoni awtorevoli, bħad-deċiżjoni tal-21 ta’ Ottubru 2013, tkun intiża bħala arranġament finali tal-każ partikolari.

66.      Madankollu, fl-10 ta’ April 2014, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu previst fl-ittra ta’ intimazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti reġgħu rrevokaw din id-deċiżjoni. L-ewwel nett, din ir-revoka tikkostitwixxi ksur ġdid kontra l-obbligu tal-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) li ma kienx jeżisti fid-data rilevanti, jiġifieri meta skada t-terminu. Madankollu, it-tieni nett, din fl-istess waqt twassal ukoll sabiex id-deċiżjoni tal-għeluq, eżistenti inizjalment, titħassar retroattivament u għalhekk inkluż fid-data tal-iskadenza tat-terminu.

67.      Konsegwentement, is-Slovakkja ma eżegwietx fiż-żmien previst is-sentenza inkwistjoni fir-rigward tas-sezzjonijiet 2a u 2b.

68.      Madankollu, is-Slovakkja hija tal-fehma li, fl-għeluq tal-imsemmija sezzjonijiet kien impossibbli li jsir progress kbir peress li l-proċeduri amministrattivi neċessarji kienu jieħdu l-ħin.

69.      Fil-prinċipju, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew sitwazzjonijiet tal-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet argumenti simili fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi li jikkonċernaw il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart (21) jew l-implementazzjoni tad-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (22), li ħafna drabi jirrkjedu impjanti tat-trattament tal-ilma mormi u sistemi ta’ ġbir tal-ilma mormi (23).

70.      Madankollu, is-Slovakkja tenfasizza partikolarment li skont id-Direttiva EEA (24) kien neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrikonoxxut li d-deċiżjoni dwar l-għeluq ta’ landfill tal-iskart tassew tirrikjedi evalwazzjoni bħal din jekk l-għeluq, permezz ta’ xogħlijiet jew interventi li jinvolvu modifiki fl-aspett fiżiku, ikun jikkonċerna l-bidla tas-sit tal-landfill u jista’ jkollu effetti (negattivi) (25) sinjifikattivi fuq l-ambjent (26).

71.      Fl-istess waqt, lanqas in-neċessità ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni, ma tista’ tiġġustifika d-dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza kontenzjuża. Dan għaliex is-Slovakkja suppost li kienet ilha taf bl-obbligi tad-Direttiva dwar il-Landfills u l-isforz neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti. Għaldaqstant, din kellha biżżejjed żmien sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva dwar il-Landfills fir-rigward tal-landfill inkwistjoni. Fil-każ ta’ diffikultajiet insurmontabbli, is-Slovakkja messha ftiehmet dwar estensjoni tat-termini fl-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl-2004.

72.      Għaldaqstant, fir-rigward tas-sezzjonijiet 2a u 2b, is-Slovakkja ma eżegwietx is-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) fit-terminu previst fl-intimazzjoni.

b)      Fuq is-sezzjoni 2c

73.      Fir-rigward tas-sezzjoni 2c tal-landfill, qatt ma ttieħdet deċiżjoni dwar l-għeluq tal-landfill.

74.      Kif sostniet is-Slovakkja, dan id-dewmien huwa dovut għal tilwim legali dwar is-sjieda tal-artijiet inkwistjoni. Madankollu, dan it-tilwim legali ilu jissokkta mill-inqas mill-2009 u s-Slovakkja ma spjegatx għalfejn kien għadu ma ntemmx meta skada t-terminu. Fi kwalunkwe każ, tali tilwim legali ma jistax jiġġustifika li jiġu aċċettati r-riskji ambjentali marbuta ma’ landfill tal-iskart li ma ngħalqitx debitament.

75.      Għalhekk, anki fir-rigward tas-sezzjoni 2c, is-Slovakkja ma eżegwietx is-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) fit-terminu previst fl-intimazzjoni.

c)      Konklużjoni intermedjarja

76.      Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li sal-21 ta’ Jannar 2014 kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni finali dwar l-għeluq tal-landfill tal-iskart Žilina – Považský Chlmec, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE u skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271).

2.      Fuq is-sitwazzjoni preżenti

77.      Meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu, is-sitwazzjoni preżenti tiddistingwi ruħha permezz tad-deċiżjoni tal-korpi kompetenti tal-15 ta’ Awwissu 2016, hekk li s-sezzjonijiet 2a u 2b tal-landfill ma għadhomx jintużaw, iżda huma magħluqa u qegħdin jiġu rrenovati. L-awtorità regolatorja kompetenti kkonfermat din id-deċiżjoni fid-9 ta’ Novembru 2016 wara oġġezzjoni. Għalkemm sadanittant ġie ppreżentat rimedju ġudizzjarju, dan ma jipprekludix eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

78.      Minkejja li l-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li din hija deċiżjoni definittiva peress li ma hijiex finali, kif diġà ġie rrilevat, in-natura definittiva ma hijiex prerekwiżit għal deċiżjoni finali.

79.      Konsegwentement, l-argument tal-Kummissjoni li d-deċiżjonijiet dwar is-sezzjonijiet 2a u 2b tal-landfill ma humiex finali għandu jiġi miċħud.

80.      Min-naħa l-oħra, għadha ma ttiħditx deċiżjoni dwar l-għeluq u r-restorazzjoni tas-sezzjoni 2c.

81.      Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament tikkontesta n-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar is-sezzjoni 2c.

82.      Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li għadha ma ħaditx deċiżjoni finali dwar l-għeluq tas-sezzjoni 2c tal-landfill tal-iskart Žilina – Považský Chlmec, ir-Repubblika Slovakka qiegħda preżentament tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE u skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271).

3.      Sussidjarjament: fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills

83.      Madankollu, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tqis ir-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli wkoll sa fejn din tallega ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills, ikollu wkoll jiġi kkonstatat nuqqas ieħor fl-eżekuzzjoni. Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-landfill ma ngħalaqx fis-sens tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills, la meta skada t-terminu u lanqas sa issa.

C.      Fuq is-sanzjonijiet pekunjarji

84.      Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża mressqa quddiemha, kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li jkun meħtieġ, tistabbilixxi s-sanzjonijiet pekunjarji li jkunu xierqa sabiex jiżguraw l-eżekuzzjoni mill-iktar fis possibbli tas-sentenza li preċedentement ikkonstatat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u sabiex tipprevjeni li jerġa’ jirrepeti ruħu ksur simili tad-dritt tal-Unjoni (27).

85.      Għalhekk, il-proposti tal-Kummissjoni ma jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda huma biss bażi ta’ riferiment utli. Bl-istess mod, il-linji gwida bħal dawk li jinsabu fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jikkontribwixxu sabiex jiżguraw it-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni (28).

1.      Fuq il-pagamenti ta’ penalità

86.      Għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ammont ta’ pagamenti ta’ penalità, il-kriterji bażiċi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi żgurata n-natura koerċittiva ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl ta’ applikazzjoni uniformi u effettiva tad-dritt tal-Unjoni, huma, fil-prinċipju, il-gravità tal-ksur, it-tul tiegħu (b’effett mill-ewwel kundanna) u l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni. Għall-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fuq l-interessi privati u pubbliċi, kif ukoll l-urġenza li teżisti li l-Istat Membru kkonċernat jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu (29).

87.      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, abbażi tar-rikors tagħha li jirrigwarda kemm l-assenza ta’ deċiżjoni finali għal-landfill sħiħa kif ukoll l-assenza ta’ miżuri ta’ għeluq skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills, tassenja l-fattur ta’ gravità tnejn minn massimu ta’ għoxrin lil dan il-ksur.

88.      Madankollu, skont l-argumentazzjoni preċedenti tiegħi, ir-rikors huwa inammissibbli fir-rigward tar-rekwiżiti tal-Artikolu 13 u ma għadux iktar fondat fir-rigward tad-deċiżjoni dwar is-sezzjonijiet 2a u 2b. Għad hemm bżonn biss deċiżjoni finali għas-sezzjoni 2c, li tkopri madwar nofs is-superfiċje tal-landfill.

89.      Dan jissuġġerixxi fattur ta’ gravità sostanzjalment iktar baxx minn dak propost mill-Kummissjoni.

90.      Fl-istess waqt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li ksur kontra l-leġiżlazzjoni tal-iskart normalment jingħata kunsiderazzjoni partikolarment kbira, il-fatt li, kuntrarjament għall-argumenti tal-partijiet, l-effetti ambjentali ma humiex neċessarjament ta’ natura purament lokali, u l-fatt li l-problema ilha teżisti għal żmien relattivament twil, u wkoll li s-Slovakkja sa issa għadha ma nstabitx ħatja ta’ ksur kontra l-leġiżlazzjoni tal-iskart.

91.      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu li l-iskart jintrema mingħajr ma joħloq perikolu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma joħloq dannu għall-ambjent jagħmel parti mill-għanijiet stess tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, kif jirriżulta mill-Artikolu 191 TFUE (30). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, rispettivament, li l-ksur inkwistjoni kontra l-leġiżlazzjoni tal-iskart kien partikolarment gravi.

92.      Dan fil-prinċipju japplika wkoll għal ksur kontra l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills fir-rigward ta’ landfill individwali. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 34 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271), sabiex il-landfill inkwistjoni tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Landfills huwa neċessarju li din id-dispożizzjoni tiġi osservata. Għalhekk, ma hemmx inkwistjoni sempliċement ksur formali (31).

93.      Barra minn hekk, is-Slovakkja waqfet l-operat tal-landfill fis-7 ta’ Jannar 2014. Huwa minnu li għaldaqstant huma esklużi riskji ġodda għas-saħħa tal-bniedem u/jew għall-ambjent, iżda din iċ-ċirkustanza tqajjem dubji dwar kemm il-landfill jista’, fuq kollox, jiġi operata konformement mad-Direttiva dwar il-Landfills mingħajr diffikultajiet kbar. Fil-fatt, huwa probabbli li anki l-operat tal-landfill fil-passat kien diġà jinvolvi riskji sostanzjali ta’ dan it-tip. Sabiex dawn ir-riskji jiġu kkontrollati, il-landfill trid għall-inqas tingħalaq korretament. Dan ma huwiex possibbli mingħajr deċiżjoni finali dwar l-għeluq tal-landfill.

94.      Fir-rigward tal-argumenti taż-żewġ partijiet dwar l-impatti dannużi possibbli għan-natura lokali, għandu jingħad li l-landfill inkwistjoni jinsab max-xatt tax-xmara Váh li tista’ tiġi affettwata mill-possibbiltà ta’ tniġġis u tista’ tkompli xxerrdu’l isfel.

95.      Għandu jingħad ukoll li l-ksur tad-dritt tal-Unjoni issa ilu jissokta mis-16 ta’ Lulju 2009, li skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar il-Landfills kienet l-iktar data tardiva li fiha kellha tittieħed deċiżjoni finali dwar it-tkomplija tal-operat jew l-għeluq tal-landfill, jiġifieri għal iktar minn tmien snin. Fil-prinċipju, is-Slovakkja kellha biżżejjed ħin sabiex tieħu tali deċiżjoni mill-adeżjoni tagħha fl-Unjoni fl-2004, anki jekk tassew kienet neċessarja evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent.

96.      Min-naħa l-oħra, is-Slovakkja ssostni korrettament li sa issa għadha qatt ma nstabet ħatja mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ttrattat dan il-qasam ta’ politika anki fir-rigward tas-Slovakkja (32).

97.      Għalhekk, kollox ma’ kollox, inqis li huwa xieraq fattur ta’ gravità ta’ 0.5 biss.

98.      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-tul ta’ żmien tal-ksur b’effett mill-għoti tas-sentenza inizjali dwar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti fil-kuntest ta’ din il-proċedura (33). F’dan il-każ, it-tul ta’ żmien tal-ksur li għandu jiġi evalwat huwa kunsiderevoli, peress li f’każ ta’ kundanna fl-aħħar ta’ April tas-sena d-dieħla jkunu għaddew ħames snin minn meta ngħatat is-sentenza inizjali fil-25 ta’ April 2013, għalkemm kellha tittieħed biss deċiżjoni finali dwar l-għeluq tal-landfill sabiex jiġi rrimedjat l-ilment li jallega assenza ta’ deċiżjoni. Għalhekk, abbażi tal-istandards tal-Kummissjoni, li tuża fattur ta’ 0.1 għal kull xahar, għandu jiġi kkalkolat fattur ta’ tul ta’ żmien ta’ 6.

99.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kapaċità ta’ ħlas tas-Slovakkja (34), minn dan kollu jirriżulta pagament ta’ penalità ta’ EUR 3 345.6 għal kull jum. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tarrotondi dan l-ammont għal EUR 3 300 u għandu jiġi impost bħala pagament ta’ penalità li għandu jitħallas kuljum sa ma tittieħed deċiżjoni finali dwar is-sezzjoni 2c tal-landfill.

2.      Fuq is-somma f’daqqa

100. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija awtorizzata, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali mogħtija lilha fil-qasam inkwistjoni, timponi, b’mod kumulattiv, pagamenti ta’ penalità u somma f’daqqa. Il-prinċipju tal-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa huwa essenzjalment ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat għall-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jissokta għal żmien twil wara l-għoti tas-sentenza li tkun inizjalment ikkonstatat tali nuqqas. Din il-kundanna għandha, f’kull każ partikolari, tibqa’ tiddependi fuq il-fatturi rilevanti kollha li jikkonċernaw kemm il-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat kif ukoll l-aġir stess tal-Istat Membru kkonċernat li huwa involut fil-proċedura mibdija skont l-Artikolu 260 TFUE. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk hemmx lok li timponi tali sanzjoni (35).

101. Fir-rigward tas-somma f’daqqa, il-Kummissjoni tipproponi li din tiġi kkalkolata abbażi ta’ ammont ta’ rata fissa ġornaliera ta’ EUR 230, l-istess fattur “n” għall-kapaċità (1.64), l-istess fattur ta’ gravità (f’dan il-każ 0.5) b’multiplikazzjoni bin-numru ta’ jiem bejn is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271) u l-għoti tas-sentenza f’din il-proċedura. L-ammont li għandu jiġi stabbilit għal kull jum huwa ta’ EUR 188.60.

102. Fil-każ li jiġi preżunt li din is-sentenza tal-aħħar tinqata’ eżatt ħames snin wara, fil-25 ta’ April 2018, is-somma f’daqqa tkun ta’ madwar EUR 344 195.

103. Madankollu, waqt id-determinazzjoni tas-somma f’daqqa għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li d-deċiżjoni finali għall-għeluq tas-sezzjonijiet 2a u 2b ittieħdet biss fl-2016 (36). Qabel din id-data, il-ksur kellu piż kważi doppju, peress li għal ebda parti tal-landfill ma kienet għadha ttieħdet id-deċiżjoni finali neċessarja. Għaldaqstant, għandu jerġa’ jiżdied l-ammont bażiku ta’ EUR 188.60 għal 1 575 jum. Dan iwassal għal EUR 297 045 addizzjonali.

104. Arrotondata, is-somma f’daqqa hija ta’ EUR 600 000. Huwa minnu li din is-somma hija iktar baxxa mis-somma f’daqqa minima ta’ EUR 939 000 prevista għas-Slovakkja mill-Kummissjoni iżda xorta waħda nqis li hija xierqa. B’mod partikolari, ma hijiex somma purament simbolika, li l-Kummissjoni tixtieq tevita billi tistabbilixxi ammont minimu (37).

3.      Sussidjarjament: ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills

105. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-ksur tal-Artikolu 13 tad-Direttiva dwar il-Landfills huwa wkoll is-suġġett ta’ din il-proċedura, din għandha tikkwadruppla l-ammont tal-pagament ta’ penalità u tittrippla s-somma f’daqqa. Din il-proposta hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, għalkemm id-deċiżjoni finali skont l-Artikolu 14(b) hija prerekwiżit għall-għeluq ta’ landfill, il-miżuri l-oħra ta’ għeluq skont l-Artikolu 13 huma ta’ sinjifikat prattiku sostanzjalment ikbar.

V.      Fuq l-ispejjeż

106. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha jekk iż-żewġ partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom.

107. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tqisx id-diverġenza mit-talbiet tal-Kummissjoni dwar il-pagament ta’ penalità u s-somma f’daqqa bħala li l-Kummissjoni hija parzjalment telliefa (38), f’dan il-każ ir-rikors tal-Kummissjoni huwa, barra minn hekk, parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

108. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni u s-Slovakkja tilfu l-kawża parzjalment. Għalhekk, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

VI.    Konklużjoni

109. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)      Fid-dawl tal-fatt li sal-21 ta’ Jannar 2014 kienet għadha ma ħaditx deċiżjoni finali dwar l-għeluq tal-landfill tal-iskart Žilina – Považský Chlmec, ir-Repubblika Slovakka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 260(1) TFUE u skont is-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271).

2)      Fil-każ li, fid-data tal-għoti tas-sentenza, ir-Repubblika Slovakka tkun għadha ma ħaditx deċiżjoni finali skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31/KE dwar landfills tal-iskart, fir-rigward tas-sezzjoni 2c tal-landfill tal-iskart Žilina – Považský Chlmec, liema deċiżjoni hija meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-25 ta’ April 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271), ir-Repubblika Slovakka hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea pagament ta’ penalità ta’ EUR 3 300 għal kull jum tardiv fl-adozzjoni tad-deċiżjoni, dovut b’effett mid-data tal-għoti tas-sentenza f’din il-kawża sa meta tittieħed l-imsemmija deċiżjoni.

3)      Ir-Repubblika Slovakka hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somma f’daqqa ta’ EUR 600 000.

4)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

5)      Il-Kummissjoni Ewropea u r-Repubblika Slovakka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.


1      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑457/07, EU:C:2009:531, punti 52 et seq.).


3      Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’ terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228).


4      Sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C‑145/14, EU:C:2015:502, punt 30), u tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑454/14, EU:C:2016:117, punt 59).


5      Sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑454/14, EU:C:2016:117, punti 42 et seq.).


6      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑454/14, EU:C:2016:117, punt 61).


7      Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (EU:C:2013:271, punti 32 sa 36), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għad-Direttiva tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 1996, dwar il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġis (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 80). Dawn id-dispożizzjonijiet issa huma parti mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU 2010, L 334, p. 17).


8      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑457/07, EU:C:2009:531, punt 56).


9      Sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑457/07, EU:C:2009:531, punti 58 u 60).


10      Hekk pereżempju Hatje, A., “Artikel 260 AEUV (ex-Artikel 228 EGV) [Wirkung und Durchsetzung von Urteilen; Zwangsgeld]”, fi von der Groeben/Schwarze/Hatje Europäisches Unionsrecht, Nomos, Baden-Baden, 2015, p. 18.


11      Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport finali tal-Grupp ta’ diskussjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja (dokument CONV 636/03 tal-25 ta’ Marzu 2003, punt 28(a)).


12      Segretarjat tal-Konvenzjoni Ewropea, Rapport finali tal‑Grupp ta’ diskussjoni dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Ġustizzja (dokument CONV 636/03 tal-25 ta’ Marzu 2003, punt 28).


13      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 52).


14      Sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 50).


15      Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ottubru 2003, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni (C‑339/00, EU:C:2003:545, punt 71), tal-4 ta’ Marzu 2004, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑344/01, EU:C:2004:121, punt 79), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri (C‑220/13, EU:C:2014:2057, punt 51).


16      Stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/16/2099.


17      Punt 17 u Anness A.15 tar-rikors.


18      Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 67), u tal-25 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka (C‑241/11, EU:C:2013:423, punt 23).


19      Sentenzi tad-9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 27), tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 59), tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 42), tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 96) u tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑576/11, EU:C:2013:773, punt 43).


20      Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, partikolarment il-punt 50).


21      Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 29), u tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 53).


22      Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26) kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/15/KE, tas-27 ta’ Frar 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 27).


23      Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑167/14, EU:C:2015:684, punti 28 et seq.), u tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 41).


24      Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012 L 26, p. 1).


25      F’dan is-sens, ara wkoll il-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, EU:C:2008:254). Madankollu, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2008, Ecologistas en Acción-CODA (C‑142/07, EU:C:2008:445, punt 41) teżiġi li ssir evalwazzjoni anki fil-każ li jkunu possibbli effetti sostanzjalment iktar favorevoli.


26      Sentenza tad-19 ta’ April 2012, Pro-Braine et (C‑121/11, EU:C:2012:225, punt 33).


27      Sentenza tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 36).


28      Sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑70/06, EU:C:2008:3, punt 34), tas-7 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑369/07, EU:C:2009:428, punt 112), tas-17 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑496/09, EU:C:2011:740, punt 37) u tas-17 ta’ Ottubru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C‑533/11, EU:C:2013:659, punt 64).


29      Sentenzi tal-15 ta’ Ottubru 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑167/14, EU:C:2015:684, punt 54), u tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punt 70).


30      Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 98), u tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 77).


31      Ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑454/14, EU:C:2016:117, punt 63).


32      Fid-digriet tat-28 ta’ Jannar 2013, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑305/12, EU:C:2013:38, punt 4), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonstata li kien biss waqt il-proċedura ġudizzjarja li s-Slovakkja kkonformat ruħha mal-obbligi tagħha tal-implementazzjoni tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-19 ta’ Novembru 2008, dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008 L 312, p. 3), jiġifieri b’dewmien ta’ madwar sentejn. Fid-digriet tad-19 ta’ Mejju 2011, Il-Kummissjoni vs Is-Slovakkja (C‑253/10, EU:C:2011:325, punt 4), il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja għamel konstatazzjoni simili fir-rigward tal-implementazzjoni tad-Direttiva dwar il-Landfills, fejn id-dewmien kien ħafna ikbar. Min-naħa l-oħra, kienet talba għal deċiżjoni preliminari li tat lok għas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8) u għalhekk ma saru l-ebda konstatazzjonijiet dwar jekk seħħx ksur tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-landfill tal-iskart inkwistjoni f’dak il-każ.


33      Sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 57), u tas-7 ta’ Settembru 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑584/14, EU:C:2016:636, punt 80).


34      Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5091 final, tad-9 ta’ Awwissu 2016, għal dan il-għan għandu jiġi applikat ammont tar-rata fissa ta’ EUR 680, immultiplikat bil-fattur 1.64. Fir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tirreferi għall-Komunikazzjoni C(2015) 5511 tal-5 ta’ Awwissu 2015, li kienet valida fis-16 ta’ Ġunju 2016 meta ddeċidiet li tippreżenta rikors.


35      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punti 71 sa 73).


36      Ara s-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑378/13, EU:C:2014:2405, punt 78).


37      Komunikazzjoni tat-13 ta’ Diċembru 2005 dwar l-“Implimentazzjoni tal-Artikolu 228 tat-Trattat KE” (SEG[2005] 1658, punt 20).


38      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2016, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑557/14, EU:C:2016:471, punti 43 u 44, 62 u 63 kif ukoll 102), u l-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (EU:C:2016:119, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).